Language of document : ECLI:EU:C:2014:108

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Frar 2014 (*)

“Taxxi indiretti — Dazji tas-sisa — Direttiva 92/12/KEE — Artikolu 3(2) — Żjut minerali — Taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut — Kunċett ta’ ‘għan speċifiku’ — Trasferiment ta’ kompetenzi lill-Komunitajiet Awtonomi — Finanzjament — Assenjazzjoni predeterminata — Infiq għal kura tas-saħħa u ambjentali”

Fil-Kawża C‑82/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

Transportes Jordi Besora SL

vs

Generalitat de Catalunya,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Transportes Jordi Besora SL, minn C. Jover Ribalta u I. Mallol Bosch, avukati,

–        għall-Generalitat de Catalunya, minn M. Nieto García u N. París Doménech, avukati tal-Generalitat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Papagianni, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.‑S. Pilczer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn A. Cunha kif ukoll minn L. Inez Fernandes u R. Collaço, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u J. Baquero Cruz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 179).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Transportes Jordi Besora SL (iktar ’il quddiem “TJB”) u l-Generalitat de Catalunya dwar deċiżjoni tal-Oficina Gestora de Impuestos Especiales de Tarragona (Uffiċċju tal-immaniġġjar tad-dazji tas-sisa ta’ Tarragona, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-immaniġġjar tad-dazji tas-sisa”) li tirrifjuta li tagħtiha rimbors tat-taxxa fuq il-bejgħ ta’ ċerti żjut minerali (Impuesto sobre las Ventas Minoristas de Determinados Hidrocarburos, iktar ’il quddiem l’“IVMDH”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 92/12:

“1.      Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

–        żjut minerali,

[…]

2.      Il-prodotti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tal-VAT għal dak li għandu x’jaqsam ma’ d-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.”

 Id-dritt Spanjol

4        Permezz tal-Artikolu 9 tal-Liġi 24/2001, fuq il-miżuri ta’ natura fiskali, amministrattiva jew soċjali (Ley 24/2001 de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social), tas-27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2001, p. 50493), kif emendata bl-Artikolu 7 tal-Liġi 53/2002, fuq il-miżuri ta’ natura fiskali, amministrattiva jew soċjali (Ley 53/2002 de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social), tat-30 ta’ Diċembru 2002 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2002, p. 46086, iktar ’il quddiem il-“Liġi 24/2001”), il-leġiżlatur Spanjol stabbilixxa l-IVMDH, u din it-taxxa daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.

5        Il-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 9(1) tal-Liġi 24/2001 huma fformulati kif ġej:

“1.      [L-IVMDH] hija taxxa indiretta fuq il-konsum ta’ [ċerti żjut minerali] li titħallas f’fażi waħda fuq bejgħ bl-imnut tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.

2.      It-trasferiment tat-taxxa lill-Komunitajiet Awtonomi ser tkun irregolata mid-disposizzjonijiet li jinsabu fir-regoli li jirregolaw it-trasferiment ta’ taxxi tal-Istat lejn il-Komunitajiet Awtonomi u l-portata u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni f’,dak li jirrigwarda kull Komunità jinsabu fil-liġi ta’ trasferiment rispettivi tagħhom.

3.      Id-dħul minn din it-taxxa għandu jiġi allokat kollu kemm huwa sabiex tiġi ffinanzjata l-ispiża fis-settur tas-saħħa, skont kriterji oġġettivi stabbiliti fuq livell nazzjonali. Minkejja dan, dik il-parti mid-dħul li tkun ġejja mir-rati ta’ taxxa [tal-Komunitajiet] Awtonomi tista’ tiġi allokata sabiex jiġu ffinanzjati miżuri ambjentali, li jkunu suġġetti wkoll għall-istess kriterji oġġettivi.”

6        Skont l-Artikolu 9(3) tal-istess liġi, iż-żjut minerali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-IVMDH huma b’mod partikolari l-petrol, id-dijżil, iż-żejt karburant u l-pitrolju li ma jintużax bħala karburant għat-tisħin.

7        Il-punt 1 tal-Artikolu 9(4) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-bejgħ bl-imnut bħala li huma t-tranżazzjonijiet li ġejjin:

“a)      il-bejgħ jew il-kunsinni ta’ prodotti inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae intiżi għall-konsum dirett tax-xerrejja. F’kull każ, huma kkunsidrati bħala ‘bejgħ bl-imnut’ il-bejgħ imwettqa f’stabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut lill-pubbliku msemmi fil-punt 2(a) iktar ’l isfel, irrispettivament mid-destinazzjoni mogħtija mix-xerrejja għall-prodotti mixtrija;

b)      l-importazzjonijiet u x-xiri intra-Komunitarji ta’ prodotti inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae meta huma direttament intiżi għall-konsum mill-importatur jew mix-xerrej f’stabbiliment għal konsum partikolari.”

8        L-Artikolu 9(8) tal-Liġi 24/2001 jiddetermina l-eżiġibbiltà tal-IVMDH kif ġej:

“1.      It-taxxa ssir eżiġibbli meta l-prodotti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-akkwirenti jew, skont il-każ, fil-mument tal-konsum personali, u dan jekk l-arranġamenti ta’ sospensjoni imsemmija fl-Artikolu 4(20) tal-Liġi 38/1992, tat-28 ta’ Diċembru 1992, fuq id-dazji tas-sisa jkunu waqfu.

2.      Għall-importazzjonijiet imsemmija fil-punt 1(b) tal-paragrafu 4, it-taxxa hija eżiġibbli meta l-prodotti inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae huma disponibbli għall-importaturi, sakemm l-importazzjoni għall-konsum ta’ dawn il-prodotti u s-sistema ta’ sospensjoni msemmija fl-Artikolu 4(20) tal-Liġi 38/1992 kienu twaqqfu.”

9        L-Artikolu 9(9) tal-Liġi 24/2001 b’mod partikolari jiddisponi li l-bażi taxxabbli hija stabbilita mill-volum tal-prodotti suġġetti għat-taxxa.

10      L-Artikolu 9(10) tal-istess liġi jiddefinixxi r-rata ta’ taxxa kif ġej:

“1.      Ir-rata ta’ taxxa applikabbli għal kull prodott taxxabbli għandha tirriżulta mis-somma tar-rati ta’ taxxa tal-Istat [u tal-Komunitajiet Awtonomi korrispondenti].

2.      Ir-rata ta’ taxxa tal-Istat hija kif ġej:

[…]

3.      Ir-rata ta’ taxxa tal-Komunità Awtonoma għandha tkun dik li tiġi approvata mill-Komunità Awtonoma kkonċernata, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Liġi [21/2001] li tirregola l-miżuri fiskali u amministrattivi għas-sistema l-ġdida ta’ finanzjament tal-Komunitajiet u Bliet Awtonomi [Ley 21/2001, por la que se regulan las medidas fiscales y administrativas del nuevo sistema de financiación de las Comunidades Autónomas de Régimen Común y Ciudades con Estatuto de Autonomía, tas-27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2001, p. 50383)]. Jekk Komunità Awtonoma ma tkunx approvat lanqas rata waħda, għandha tkun applikabbli biss dik ir-rata li tkun stabbilita mill-Istat.

[…]”

11      L-Artikolu 9(11) tal-Liġi 24/2001 jipprovdi li l-persuni taxxabbli għandhom jgħaddu l-ammonti tat-taxxa dovuta fuq ix-xerrejja tal-prodotti, b’dawn ikollom l-obbligu li jbatuhom, ħlief f’każijiet fejn il-persuna taxxabbli hija l-konsumatur finali ta’ dawn il-prodotti.

12      L-IVMDH ġiet ittrasferita lill-Komunitajiet Awtonomi bis-saħħa tal-Liġi 21/2001.

13      Ir-rata ta’ taxxa awtonoma tal-IVMDH applikabbli fil-Komunità Awtonoma tal-Katalonja mill-1 ta’ Awwissu 2004 hija ffissata mil-Liġi 7/2004 fuq il-miżuri fiskali u amministrattivi (Ley 7/2004 de medidas fiscales y administrativas), tas-16 ta’ Lulju 2004 (BOE Nru 235, tad-29 ta’ Settembru 2004, p. 32391).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      TJB, kumpannija tat-trasport tal-merkanzija stabbilita fit-territorju tal-Komunità Awtonoma tal-Katalonja, ħallset, bħala l-konsumatur finali, ammont ta’ EUR 45 632.38 skont l-IVMDH dovut għas-snin 2005 sa 2008.

15      Fit-30 ta’ Novembru 2009, TJB ressqet talba quddiem l-Uffiċċju tal-immaniġġjar tad-dazji tas-sisa sabiex tikseb rimbors ta’ dan l-ammont, peress li din il-kumpannija qieset li l-IVMDH tmur kontra l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, peress li din it-taxxa għandha għan purament baġitarju u ma hija konformi la mas-sistema ġenerali tal-Unjoni tal-VAT u lanqas ma’ dik tad-dazju tas-sisa f’dak li jirrigwarda l-eżiġibbiltà tagħha.

16      Permezz tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009, din it-talba ġiet miċħuda mill-Uffiċċju tal-immaniġġjar tad-dazji tas-sisa.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2010, it-Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (il-Qorti Reġjonali Ekonomika Amministrattiva tal-Katalonja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn TJB kontra din id-deċiżjoni.

18      Insegwitu għall-appell ippreżentat kontra din id-deċiżjoni, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri tal-Katalonja) għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-IVMDH mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk din it-taxxa tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din hija intiża sabiex tiffinanzja – minn barra, fejn xieraq, l-ispejjeż ambjentali – il-kompetenzi l-ġodda trasferiti lill-Komunitajiet Awtonomi fil-qasam tas-saħħa, filwaqt li s-sisa stabbilita minn din id-direttiva għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa u l-ambjent. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra wkoll li r-regoli ta’ eżiġibbiltà tal-IVMDH ma jirrispettaw la r-regoli dwar id-dazji tas-sisa, peress li din it-taxxa hija eżiġibbli fuq il-bejgħ lill-konsumatur finali, u lanqas ir-regoli dwar il-VAT, peress li din it-taxxa ma tinġabarx f’kull stadju tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [tad-dazju tas-sisa], u b’mod partikolari r-rekwiżit li taxxa partikolari jkollha ‘għan speċifiku’

a)      għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-għan imfittex ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ taxxa armonizzata oħra?

b)      għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tiegħu huwa purament baġitarju meta tiġi stabbilita taxxa partikolari fl-istess waqt li jsir it-trasferiment ta’ ċerti kompetenzi lil Komunitajiet Awtonomi [li] lilhom, imbagħad, jiġi ttrasferit id-dħul li jirriżulta mill-irkupru tat-taxxa bl-iskop li jkopri, parzjalment, l-ispejjeż ikkawżati mill-kompetenzi ttrasferiti, peress li r-rati ta’ taxxa jistgħu jvarjaw minn Komunità Awtonoma għall-oħra?

c)      f’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, il-kunċett ta’ ‘għan speċifiku’ għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tiegħu għandu jkun uniku jew inkella, kuntrarjament, jista’ jkollu diversi għanijiet differenti, li l-għan tagħhom huwa purament baġitarju sabiex jiġu ffinanzjati ċerti kompetenzi?

d)      jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fis-sens li l-pluralità tal-għanijiet hija permessa, liema grad ta’ rilevanza għandu jkollu għan partikolari, għall-finijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, sabiex il-kundizzjoni, għat-taxxa, li jkollha ‘għan speċifiku’ fis-sens aċċettat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi sodisfatta, u liema huma l-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-għan prinċipali u l-għan sussidjarju?

2)      L-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva 92/12] u b’mod partikolari l-kundizzjoni tal-osservanza tar-regoli ta’ tassazzjoni applikabbli għall-bżonnijiet tas-sisa jew [tal-VAT] sabiex tiġi ddeterminata l-eżiġibbiltà

a)      jipprekludi taxxa indiretta mhux armonizzata (bħall-IVMDH), li ssir eżiġibbli fil-mument tal-bejgħ bl-imnut tal-karburant lill-konsumatur finali, b’differenza għat-taxxa armonizzata ([“Impuesto sobre Hidrocarburos”] taxxa fuq iż-żjut minerali, li hija eżiġibbli meta l-prodotti joħorġu mill-aħħar maħżen fiskali) jew mit-taxxa fuq il-valur miżjud (li, minkejja li hija wkoll eżiġibbli fil-mument tal-bejgħ bl-imnut finali, hija eżiġibbli f’kull fażi tal-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni), minħabba li ma josservax – skont is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co, (C‑437/97, Ġabra p. I‑1157, punt 47) – l-istruttura ġenerali ta’ waħda jew l-oħra minn dawn it-tekniki ta’ tassazzjoni kif huma organizzati mil-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni Ewropea]?

b)      F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, l-interpretazzjoni [ta’ din id-dispożizzjoni] għandha tkun [fis-sens] li din il-kundizzjoni ta’ osservanza hija sodisfatta mingħajr ma hija neċessarja l-eżistenza ta’ koinċidenzi fir-rigward tal-eżiġibbiltà, għas-sempliċi raġuni li t-taxxa indiretta mhux armonizzata (f’dan il-każ l-IVMDH) ma hijiex ta’ ostakolu – fis-sens li la tfixkel u lanqas tikkomplika – mal-funzjonament normali tal-eżiġibbiltà tas-sisa jew [tal-VAT]?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ żjut minerali, bħall-IVMDH inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, iż-żjut minerali jistgħu jkunu s-suġġett ta’ taxxa indiretta oħra differenti mid-dazju tas-sisa stabbilit minn din id-direttiva jekk, minn naħa, din it-taxxa għandha għan speċifiku wieħed jew iktar u jekk, min-naħa l-oħra, tikkonforma mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa jew għall-VAT għad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu, l-eżiġibbiltà u l-immonitorjar tat-taxxa (ara s-sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

22      Għalhekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma maħsuba sabiex jipprevjenu taxxi indiretti supplimentari milli indebitament jostakolaw il-kummerċ (sentenzi tal-24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, Ġabra p. I‑1129, punt 26, kif ukoll EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46), hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom natura kumulattiva.

23      Fir-rigward tal-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għan speċifiku fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 huwa għan differenti minn dak purament baġitarju (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2005, Hermann, C‑491/03, Ġabra p. I‑2025, punt 16).

24      F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-dħul mill-IVMDH ġie assenjat lill-Komunitajiet Awtonomi sabiex jiffinanzjaw l-eżerċizzju minnhom ta’ wħud mill-kompetenzi tagħhom. Hekk kif jirriżulta mill-evidenza disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-impożizzjoni ta’ din ir-rata ta’ taxxa tirriżulta miż-żieda tar-rata tat-taxxa stabbilita fuq livell nazzjonali mar-rata tat-taxxa stabbilita mill-Komunità Awtonoma kkonċernata.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-tisħiħ tal-awtonomija ta’ komunità lokali permezz tal-għoti ta’ setgħa biex jiġi ġġenerat id-dħul mit-taxxa jikkostitwixxi għan purament baġitarju b’mod li tali għan ma jistax jikkostitwixxi għan speċifiku fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 (sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

26      Il-Generalitat de Catalunya u l-Gvern Spanjol, sostnuti mill-Gvern Grieg u Franċiż, madankollu jenfasizzaw li l-IVMDH hija assenjata lill-Komunitajiet Awtonomi mhux b’mod ġenerali għal għanijiet purament baġitarji sabiex isaħħu l-kapaċità finanzjarja tagħhom, iżda sabiex jikkumpensaw għall-piż li jinvolvi l-eżerċizzju tal-kompetenzi ttrasferiti lilhom fl-oqsma tas-saħħa u tal-ambjent. Fil-fatt, bis-saħħa tal-punt 3 tal-Artikolu 9(1) tal-Liġi 24/2001, id-dħul minn din it-taxxa tirriżulta minn rata ta’ taxxa stabbilita fil-livell nazzjonali u ta’ rata ta’ taxxa stabbilita mill-Komunità Awtonoma kkonċernata li għandhom jiġu assenjati sabiex ikopru l-ispejjeż tas-saħħa, filwaqt li għall-parti li tirriżulta minn din l-aħħar rata, dawn jistgħu, fejn meħtieġ, jiġu assenjati għal infiq ambjentali. B’differenza tad-dazju tas-sisa, li speċifikament tfittex li tiġbor id-dħul ta’ natura purament baġitarja, l-IVMDH tikkontribwixxi, permezz tal-ħolqien u tal-impatt tagħha, għall-għan speċifiku li jitnaqqsu l-ispejjeż soċjali dovuti minħabba l-konsum ta’ żjut minerali.

27      F’dan ir-rigward, mill-ewwel għandu jiġi kkonstatat li peress li kull taxxa bilfors għandha għan baġitarju, is-sempliċi fatt li taxxa bħall-IVMDH għandha għan baġitarju ma jistax, bħala tali, ħlief sabiex iċaħħad lill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 minn kull sustanza, ikun suffiċjenti biex teskludi li din it-taxxa tista’ tkun ikkunsidrata bħala li għandha wkoll għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

28      Barra minn hekk, hekk kif essenzjalment indikat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 26 u 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assenjazzjoni predeterminata tar-rikavat minn taxxa bħall-IVMDH għall-finanzjament mill-awtoritajiet reġjonali, bħall-Komunitajiet Awtonomi, ta’ kompetenzi lilhom ittrasferiti mill-Istat fl-oqsma tas-saħħa u tal-ambjent jista’ jkun fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ għan speċifiku fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

29      Madankollu, tali assenjazzjoni, li tirriżulta minn sempliċi metodu ta’ organizzazzjoni interna tal-baġit ta’ Stat Membru, ma tistax bħala tali tikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward, peress li kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jimponi, ikun x’ikun l-għan imfittex, l-assenjazzjoni tar-rikavat minn taxxa għall-finanzjament ta’ infiq speċifiċi. F’każ kuntrarju, kull għan jista’ jiġi kkunsidrat bħala speċifiku fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, li jċaħħad id-dazju tas-sisa armonizzat stabbilit minn din id-direttiva minn kull effettività u jmur kontra l-prinċipju li jgħid li dispożizzjoni derogatorja bħal dan l-Artikolu 3(2) għandu jiġi interpretat b’mod strett.

30      Sabiex titqies bħala li għandha għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa madankollu importanti li taxxa bħall-IVMDH hija minnha nnifisha maħsuba sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent. Dan ikun b’mod partikolari l-każ, hekk kif ġie essenzjalment innotat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 28 u 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk ir-rikavat ta’ din it-taxxa kien meħtieġ li jintuża biex jitnaqqsu l-ispejjeż soċjali u ambjentali marbuta b’mod speċifiku għall-konsum taż-żjut minerali mtaqqla minn din it-taxxa, b’tali mod li kien hemm rabta diretta bejn l-użu mid-dħul u mill-għan tat-taxxa inkwistjoni.

31      Madankollu, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li d-dħul mill-IVMDH għandu jiġi assenjat mill-Komunitajiet Awtonomi għall-infiq tas-saħħa b’ ġenerali u mhux għal dak speċifikament relatat mal-konsum taż-żjut minerali intaxxati. Madankollu, dan l-infiq ġenerali jista’ jiġi ffinanzjat minn dħul minn taxxi ta’ kwalunkwe tip.

32      Barra minn hekk, jidher mill-provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprovdi l-ebda mekkaniżmu ta’ assenjazzjoni predeterminata għal għanijiet ambjentali mid-dħul mill-IVMDH. Madankollu, fl-assenza ta’ tali assenjazzjoni predeterminata, taxxa bħall-IVMDH, hekk kif essenzjalment indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 25 u 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha biss titqies li tiżgura l-protezzjoni tal-ambjent u għalhekk bħala li għandha għan speċifiku fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jekk din it-taxxa kienet maħsuba, f’dak li jirrigwarda l-istruttura tagħha, b’mod partikolari l-bażi taxxabbli jew ir-rata ta’ taxxa, b’tali mod li tiskoraġġixxi persuni taxxabbli milli jużaw żjut minerali jew li tinkoraġġixxi l-użu ta’ prodotti oħra li huma inqas ta’ ħsara għall-ambjent.

33      Madankollu, ma jirriżultax mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali u, barra minn hekk, ma kien bl-ebda mod sostnut fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem din tal-aħħar li tali kienu ser ikunu l-karatteristiċi tal-IVMDH.

34      Minn dan jirriżulta li taxxa bħall-IVMDH inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li mill-provi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sa issa hija integrata fir-rata tad-dazju tas-sisa armonizzata, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha għan speċifiku fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12.

35      Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk it-tieni kundizzjoni stabbilita mill-Artikolu 3(2), dwar il-konformità mar-regoli ta’ taxxa applikabbli fil-qasam tad-dazji tas-sisa jew tal-VAT, tkun issodisfatta, jekk din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li taxxa bħall-IVMDH, tista’ titqies bħala konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.

36      Huwa għalhekk meħtieġ li tingħata bħala risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 3(2), tad-Direttiva 92/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ żjut minerali, bħall-IVMDH inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tali taxxa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din it-taxxa, intiża sabiex tiffinanzja l-eżerċizzju mill-komunitajiet lokali kkonċernati tal-kompetenzi tagħhom fl-oqsma tas-saħħa u tal-ambjent, ma hijiex minnha nnifisha maħsuba sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.

 Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis tas-sentenza

37      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Generalitat de Catalunya u l-Gvern Spanjol talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza fil-każ li tikkonstata li l-Artikolu 3(2), tad-Direttiva 92/12 jipprekludi l-istabbiliment ta’ taxxa bħall-IVMDH inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      Insostenn tat-talba tagħhom, il-Generalitat de Catalunya u l-Gvern Spanjol, minn naħa, jiġbdu l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-konsegwenzi finanzjarji serji ta’ sentenza f’dan is-sens. L-IVMDH tabilħaqq tat lok għal numru ta’ sitwazzjonijiet ta’ kontenzjuż. L-obbligu li tirrimborsa din it-taxxa, li r-rikavat minnha laħaq għal madwar EUR 13-il biljun bejn l-2002 u l-2011, jipperikola l-finanzjament tas-saħħa pubblika fil-Komunitajiet Awtonomi.

39      Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, minħabba l-aġir tal-Kummissjoni Ewropea, huma in bona fide kienu konvinti li din it-taxxa kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, id-dipartimenti tal-Kummissjoni li ġew ikkonsultati mill-awtoritajiet Spanjoli qabel l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa ma kinux ikkontestaw, fl-opinjoni li taw lil dawn tal-aħħar fl-14 ta’ Ġunju 2001, il-possibbiltà li tinħoloq taxxa fuq iż-żjut minerali bil-għan finali li tiffinanzja l-kompetenzi ttrasferiti lill-Komunitajiet Awtonomi fil-qasam tas-saħħa u tal-ambjent, iżda huma limitaw ruħhom li jiffissaw kundizzjonijiet li jagħmlu l-IVMDH kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qrati Spanjoli qatt ma ddubitaw dwar il-konformità ta’ din it-taxxa mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni fil-2002 kienet sospiża għal diversi snin. Fl-aħħar nett, wara li l-Kummissjoni kienet bdiet din il-proċedura, l-awtoritajiet Spanjoli kienu, permezz tal-Liġi Bażika 2/2012 dwar l-istabbiltà fiskali u l-vijabbiltà finanzjarja (Ley Organica 2/2012, de Estabilidad Presupuestaria y Sostenibilidad Financiera), tas-27 ta’ April 2012, (BOE Nru 103 tat-30 ta’ April 2012, p. 32653), integraw l-IVMDH mad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti lil dispożizzjoni legali tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal rapporti ġuridiċi mfassla u kkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar talba għal interpretazzjoni, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li tiġi mressqa kontroversja dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C‑453/02 u C‑462/02, Ġabra p. I‑1131, punt 41; tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C‑292/04, Ġabra p. I‑1835, punt 34, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, punt 58).

41      Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jkunu ssodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C‑402/03, Ġabra p. I‑199, punt 51; tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev, C‑2/09, Ġabra p. I‑4939, punt 50, kif ukoll Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

42      B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi, b’mod partikolari meta kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għal numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw imġiba li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u importanti fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha possibbilment ikkontribwixxiet l-imġiba stess adottata minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, Ġabra p. I‑3585, punt 42; Kalinchev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, kif ukoll Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

43      F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju dwar il-bona fide, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li fis-sentenza EKW u Wein & Co, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija matul is-sena 2000, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet fuq taxxa li għandha aspetti simili għal dawk tal-IVMDH fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, u lanqas ma jirriżulta xejn mill-provi prodotti mill-Generalitat de Catalunya u l-Gvern Spanjol, li kuntrarjament għal dak li dawn sostnew, il-Kummissjoni fi kwalunkwe mument indikat lil dawn l-awtoritajiet li l-IVMDH kienet konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-opinjoni mogħtija mid-dipartimenti tal-Kummissjoni li qed jirreferu għaliha l-Generalitat de Catalunya u l-Gvern Spanjol b’mod ċar ikkonkludiet li l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq iż-żjut minerali, li l-ammont tagħha jvarja skont il-Komunitajiet Awtonomi, kif proposta mill-awtoritajiet Spanjoli, kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, dawn id-dipartimenti enfasizzaw li tali taxxa tista’ biss tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12 jekk hemm rabta koerenti bejn l-ammont ta’ din it-taxxa u l-problemi ta’ saħħa jew ta’ protezzjoni ambjentali, li hija kienet maħsuba li tirrimedja għalihom u l-kundizzjoni li hija ma hijiex eżiġibbli fil-mument tar-rilaxx għall-konsum taż-żjut minerali. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li mill-2003, jiġifieri mis-sena wara d-dħul fis-seħħ tal-IVMDH, il-Kummissjoni fetħet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja f’dak li jirrigwarda din it-taxxa.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi preżunt li l-Generalitat de Catalunya u l-Gvern Spanjol aġixxew in bona fide meta żammew l-IVMDH fis-seħħ għal perijodu ta’ iktar minn għaxar snin. Il-fatt li dawn kienu konvinti li din it-taxxa kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni ma jistax jagħti lok għall-kontestazzjoni ta’ tali konstatazzjoni.

46      F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Spanjol, huwa irrilevanti l-fatt li meta l-Kummissjoni ppermettiet lil Stat Membru ieħor, fl-2004, li jawtorizza lill-awtoritajiet reġjonali ta’ dak l-Istat li jżid id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, aċċettaw miżura fiskali simili għal dik li l-awtoritajiet Spanjoli kienu ppreżentaw lid-dipartimenti tal-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-IVMDH.

47      Peress illi l-ewwel kriterju msemmi fil-punt 41 ta’ din is-sentenza ma kienx issodisfatt, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk huwiex issodisfatt it-tieni kriterju msemmi f’dan il-punt, li jirrigwarda r-riskju ta’ diffikultajiet serji.

48      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fihom infushom ma jiġġustifikawx li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 52; tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 68; Kalinchev, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, kif ukoll Santander Asset Management SGIIC et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

49      Kieku kien mod ieħor, il-ksur l-iktar serji jkunu ttrattati b’mod iktar favorevoli, sal-punt li huwa huma li x’aktarx li jkollhom l-iktar implikazzjonijiet finanzjarji importanti għall-Istati Membri. Barra minn hekk, li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ sentenza ibbażat biss fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassal sabiex jitnaqqas b’mod sinjifikattiv il-protezzjoni legali tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jgawdu mil-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni (sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et, C‑367/93 sa C‑377/93, Ġabra p. I‑2229, punt 48).

50      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa fuq il-bejgħ bl-imnut ta’ żjut minerali, bħat-taxxa fuq il-bejgħ ta’ ċerti żjut minerali (Impuesto sobre las Ventas Minoristas de Determinados Hidrocarburos) inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi tali taxxa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha għan speċifiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din it-taxxa, intiża sabiex tiffinanzja l-eżerċizzju mill-komunitajiet lokali kkonċernati tal-kompetenzi tagħhom fl-oqsma tas-saħħa u tal-ambjent, ma hijiex minnha nnifisha maħsuba sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.