Language of document : ECLI:EU:C:2007:115

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

27 ta’ Frar 2007 (*)

"Appell - Unjoni Ewropea – Kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni – Pożizzjonijiet Komuni 2001/931/PESK [PBSK], 2002/340/PESK [PBSK] u 2002/462/PESK [PBSK] – Miżuri dwar persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Rikors għal kumpens għal danni – Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja"

Fil-kawża C-354/04 P

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-17 ta’ Awwissu 2004,

Gestoras Pro Amnistía, stabbilita f’Hernani (Spanja),

Juan Mari Olano Olano, residenti f’Madrid (Spanja),

Julen Zelarain Errasti, residenti f’Madrid (Spanja),

irrappreżentati minn D. Rouget, avocat,

partijiet rikorrenti

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan u M. Bauer, bħala aġenti

parti konvenuta

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat mill-Abogacía del Estado,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq,

partijiet intervenjenti fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u R. Schintgen, Presidenti ta’ Awla, A. Tizzano, J.N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen, P. Lindh, J.-C. Bonichot (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ l-appell tagħhom, Gestoras Pro Aministía kif ukoll J. M. Olano Olano u J. Zelarain Errasti, qed jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta’ Ġunju 2004, Gestoras Pro Amnistía et vs Il-Kunsill (T-333/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ‘il quddiem id-"digriet ikkontestat"), li permezz tiegħu din il-Qorti ċaħdet ir-rikors tagħhom għal kumpens għad-danni li allegatament sofrew b’riżultat tat-tniżżil ta’ Gestoras Pro Amnistia fuq il-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet skond l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK [PBSK] tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, p. 93), l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/340/PESK [PBSK] tat-2 ta’ Mejju 2002, dwar l-aġġornament tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU L 116, p. 75), kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/462/PESK [PBSK] tas-17 ta’ Ġunju 2002, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/340 (ĠU L 160, p. 32).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew spjegati fil-punti 1 sa 11 tad-digriet ikkontestat hekk kif ġej:

"1      Jirriżulta mill-inkartament li Gestoras Pro Amnistía hija organizzazzjoni li għandha bħala għan id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż Bask u, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-ħabsin u ta’ l-eżiljati politiċi. Skond ir-rikorrenti, din l-organizzazzjoni twaqqfet fl-1976 u hija stabbilita f’Hernani (Spanja). Hija nnominat lil J. M. Olano Olano u J. Zelarain Errasti bħala kelliema tagħha. L-ebda dokument uffiċjali ma tressaq f’dan ir-rigward.

2      Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), li permezz tagħha huwa, b’mod partikolari, iddeċieda li l-Istati kollha għandhom jagħtu lil xulxin assistenza bl-iktar mod komplet fir-rigward ta’ investigazzjonijiet kriminali u proċeduri oħra relatati ma’ l-iffinanzjar ta’ jew l-appoġġ lil atti terroristiċi, inkluża l-assistenza fil-ġbir ta’ evidenza li tkun fil-pussess tagħhom u li hija neċessarja għall-proċeduri.

3      B’digrieti tat-2 u tad-19 ta’ Novembru 2001, l-imħallef ċentrali inkwirenti Nru 5 ta’ l-Audiencia Nacional f’Madrid, rispettivament, ordna l-arrest ta’ l-allegati diriġenti ta’ Gestoras Pro Amnistía, jiġifieri ż-żewġ kelliema tagħha, u ddikjara illegali l-attivitajiet ta’ Gestoras Pro Amnistía, għar-raġuni li din l-organizzazzjoni tagħmel parti integrali mill-organizzazzjoni indipendentista Baska ETA. Gestoras Pro Amnistía appellat minn din id-deċiżjoni.

4      Fis-27 ta’ Diċembru 2001, peress li qies li kienet meħtieġa azzjoni min-naħa tal-Komunità [u ta’ l-Istati Membri] sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill ta’ [l-Unjoni Ewropea] adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 […]. Din il-Pożizzjoni Komuni kienet ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 15 UE, li jaqa’ taħt it-titolu V tat-Trattat UE bit-titolu ‘Dispożizzjonijiet dwar politika barranija u ta’ sigurtà komuni’ (PESK [PBSK]), u ta’ l-Artikolu 34 UE, li jaqa’ taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE bit-titolu ‘Disposizzjonijiet dwar kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni’ […].

5      L-Artikoli 1 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jiddisponu li:

‘Artikolu 1

1.      Din il-Pożizzjoni Komuni taħdem flimkien mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin lill-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness.

[…]

6.      Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.’

‘Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom, permezz tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fil-qasam tat-Titolu sitta tat-Trattat [UE], jagħtu lil xulxin l-aktar assistenza possibbli fil-ġlieda kontra l-atti terroristiċi u li ma jħalluhomx iseħħu. Għal dan l-iskop, huma għandhom b’rispett lejn il-ħtiġijiet u x-xogħol immexxi mill-awtoritajiet tagħhom b’rispett tal-persuni, gruppi u entitajiet illistjati fl-Anness, jużaw fuq talba, il-poteri eżistenti tagħhom bi qbil ma’ l-atti ta’ l-Unjoni Ewropea u ftehim internazzjonali oħrajn u konvenzjonijiet li huma vinkolanti magħhom.’

6      L-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jindika fit-2 punt tiegħu dwar ‘gruppi u entitajiet’:

‘* – Euskadi Ta Askatasuna/Tierra Vasca y Libertad/Pays basque et liberté (ETA)

(L-organizzazzjonijiet li ġejjin jagħmlu parti mill-grupp terroristiku E.T.A.: K.a.s., Xaki; Ekin, Jarrai-Haika-Segi, Gestoras pro amnista.)’

7      In-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ dan l-Anness tindika li ‘[i]l-[p]ersuni mmarkati għandhom jkunu s-suġġett ta’ l-Artikolu 4 biss’.

8      Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta wkoll il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/930/PESK [PBSK] dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, p. 90), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiki diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 70) u d-Deciżjoni tal-Kunsill 2001/927/KE, li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU L 344, p. 83). Ir-rikorrenti ma jirreferu għall-ebda test minn dawn.

9      Skond id-dikjarazzjoni tal-Kunsill [tat-18 ta’ Diċembru 2001] annessa mal-proċess verbali matul l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ‘il quddiem id-"dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar id-dritt għal kumpens"):

"Fir-rigward ta’ l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni [2001/931], il-Kunsill ifakkar li kull żball dwar il-persuni, gruppi jew entitajiet imsemmija jagħti dritt lill-parti aggravata li titlob rimedji ġudizzjarji."

10      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2002, il-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-ħmistax-il Stat Membru, dwar il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, minħabba li s-sitwazzjoni ddenunzjata ma tagħtihomx il-kwalità ta’ vittmi ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali [, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, iktar ’il quddiem ‘il-KEDB’] [Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2002-V].

11      Fit-2 ta’ Mejju u fis-17 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill adotta, skond l-Artikoli 15 UE u 34 UE, il-Pożizzjonijiet Komuni 2002/340/PESK [PBSK] u 2002/462/PESK [PBSK] dwar l-aġġornament tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU L 116, p. 75, u ĠU L 160, p. 32). L-Annessi ta’ dawn iż-żewġ pożizzjonijiet komuni fihom l-isem ta’ Gestoras Pro Amnistía, imniżżel bl-istess mod bħal kif jirriżulta mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931."

3        Flimkien ma’ l-ispjegazzjoni tal-fatti tal-kawża, għandu jingħad li, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931:

" Il-lista [annessa ta’ persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi] f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ [dawn in-]nies, gruppi u entitajiet […], irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. […]"

4        Gestoras Pro Amnistía talbet lill-Kunsill l-aċċess għad-dokumenti li fuqhom huwa bbaża ruħu biex iniżżilha fil-lista annessa għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931. B’ittra tas-27 ta’ Marzu 2002, is-segretarju ġenerali tal-Kunsill ikkomunika lil Gestoras Pro Amnistía sensiela ta’ dokumenti dwar din il-Pożizzjoni Komuni. Billi qiset li dawn ta’ l-aħħar ma kinux jikkonċernawha la speċifikament u lanqas personalment, l-assoċjazzjoni indirizzat talba ġdida lill-Kunsill li hija, b’ittra tal-21 ta’ Mejju 2002, ċaħdet, minħabba li l-informazzjoni neċessarja biex tiġi stabbilita din il-lista kienet intbagħtet lura lid-delegazzjonijiet nazzjonali kkonċernati wara li kienu ġew eżaminati u li kienet ittieħdet deċiżjoni.

 Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet ikkontestat

5        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti talbu:

–        li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallas, minn naħa, lil Gestoras Pro Amnistía, is-somma ta’ 1,000,000 EUR u, min-naħa l-oħra, lil J. M. Olano Olano kif ukoll lil J. Zelarain Errasti, is-somma ta’ 100,000 EUR kull wieħed, bħala kumpens għad-dannu li allegatament sofrew bit-tniżżil ta’ Gestoras Pro Amnistía fil-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet skond l-Artikolu 1, ripsettivament, tal-Pożizzjonijiet Komuni 2001/931, 2002/340 u 2002/462;

–        li dawn is-somom jipproduċu interessi moratorji bir-rata annwali ta’ 4.5% mid-data tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sal-ħlas effettiv, u

–        li l-Kunsill jiġi ordnat ibati l-ispejjeż.

6        Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Frar 2003, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li bih talab li r-rikors jiġi ddikjarat manifestament inammissibbli u li "r-rikorrenti" jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż.

7        B’digriet tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ l-interventi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq in sostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Ir-Renju ta’ Spanja biss ippreżenta osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

8        Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti talbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tilqa’ l-ammissibbiltà tar-rikors għal kumpens ta’ danni;

–        sussidjarjament, tikkonstata l-ksur, mill-Kunsill, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u,

–        f’kull każ, tordna l-Kunsill ibati l-ispejjeż.

9        Bid-digriet ikkontestat, skond l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma fetħet il-proċedura orali, ċaħdet dan ir-rikors.

10      L-ewwel nett, hija qieset li hija manifestament inkompetenti, fis-sistema legali ta’ l-Unjoni Ewropea, sabiex tieħu konjiżżjoni ta’ azzjoni għal responsabbiltà tar-rikorrenti.

11      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li r-rikorrenti kienu biss koperti mill-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom jagħtu lil xulxin l-ikbar assistenza possibbli fil-kuntest tal-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni previst fit-Titolu VI tat-Trattat UE, u, konsegwentement, li l-atti allegatament fl-oriġini ta’ l-allegat dannu kellhom bħala l-unika bażi legali rilevanti l-Artikolu 34 UE. Hija kkonstatat li l-uniċi rimedji previsti fl-Artikolu 35(1)(6) u (7) UE, li għalihom jirreferi l-Artikolu 46 UE, kienu r-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rikors għal annullament u s-soluzzjoni ta’ tilwim bejn Stati Membri. Konsegwentement, hija qieset li l-ebda rikors għal kumpens ma kien previst fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE.

12      It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li madankollu hija kienet kompetenti li tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, iżda biss peress illi dan jirriżulta minn dannu għall-kompetenzi tal-Komunità.

13      Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-qorti Komunitarja hija kompetenti li teżamina jekk att adottat fil-kuntest tat-Trattat UE jeffettwax il-kompetenzi tal-Komunità. Hija wkoll ivverifikat, fil-punti 41 sa 47 tad-digriet ikkontestat, jekk il-Kunsill, meta adotta l-att ikkontestat, indaħalx irregolament fil-kompetenzi tal-Komunità.

14      Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li r-rikorrenti kienu baqgħu ma ċċitaw ebda bażi legali mit-Trattat KE li kien ġie miksur. Hija ddeċidiet li l-Kunsill kien ġustament ibbaża ruħu fuq it-Titolu VI tat-Trattat UE sabiex jadotta l-atti in kawża u li, għaldaqstant, ir-rikors, minkejja li bbażat fuq il-ksur tal-kompetenzi tal-Komunità, kellu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet ikkontestat;

–        tiddeċiedi hija stess fuq ir-rikors u tilqa’ t-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u,

–        tordna li l-Kunsill ibati l-ispejjeż.

16      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat;

–        f’kull każ, tirreferi l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u,

–        tordna li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

17      Ir-Renju ta’ Spanja qed jippreżenta talbiet identiċi għal dawk tal-Kunsill.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-appel

 L-argumenti tal-partijiet

18      Il-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja jqisu li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti huma, sostanzjalment, identiċi għal dawk ġa esposti fl-ewwel istanza, mingħajr ma jispeċifikaw l-iżball ta’ dritt li bih huwa vvizzjat id-digriet ikkontestat. Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud għaliex huwa manifestament inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       F’dak li jirrigwarda l-parti ta’ l-appell kontra d-digriet ikkontestat peress illi din tiċħad ir-raġuni li tgħid li l-Kunsill kien indaħal fil-kompetenzi mogħtija lill-Komunità

19      Ir-rikorrenti jsostnu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kunsill, meta adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ikkonfermata mill-Pożizzjonijiet Komuni 2002/340 u 2002/462, volontarjament indaħal fil-kompetenzi mogħtija lill-Komunità bil-għan li jċaħħad lin-nies milquta minn din il-Pożizzjoni Komuni mid-dritt għal rikors effettiv.

20      Bid-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li kienet hija nfisha kompetenti li tisma’ r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti safejn huwa biss ibbażat fuq il-ksur tal-kompetenzi tal-Komunità, peress illi jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑170/96, Ġabra p. I‑2763, punt 17). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 45 u 46 tad-digriet ikkontestat, li l-Artikolu 34 UE kien il-bażi ġuridika rilevanti għall-adozzjoni ta’ l-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li r-rikorrenti kienu baqgħu ma ċċitaw ebda bażi legali fit-Trattat KE li kienet ġiet miksura.

21      Fl-appell tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti sempliċement jaffermaw mill-ġdid li l-Kunsill kien adotta l-Pożizzjonijiet Komuni ċċitati qabel fuq il-bażi ġuridika ta’ l-Artikolu 34 UE bil-għan biss li ċċaħħadhom minn dritt għal rikors. Madankollu, ir-rikorrenti ma jippreżentaw l-ebda argument in sostenn ta’ din it-teżi.

22      Issa, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 34, u tat-8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni, C‑248/99 P, Ġabra p. I‑1, punt 68, kif ukoll id-digriet tal-11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament, C‑488/01 P, Ġabra p. I‑13355, punt 40).

23      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif isostnu l-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja, l-appell ma jindikax ir-raġuni għalfejn il-motiv li fuqu bbażat ruħha l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 45 u 46 tad-digriet ikkontestat, kien żbaljat. Għaldaqstant, l-appell huwa, barra minn hekk u f’din il-miżura, inammissibbli.

–       F’dak li jikkonċerna l-parti ta’ l-appell kontra d-digriet ikkontestat sa fejn iqis il-Qorti tal-Prim’Istanza inkompetenti li tisma’ dan ir-rikors għal kumpens

24      Kif intqal qabel, jirriżulta mill-Artikoli 225 KE, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza jew tad-digriet li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

25      F’din il-kawża, u kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja, l-appell, sa fejn jirrigwarda r-rifjut tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddikjara lilha nfisha kompetenti li tisma’ dan ir-rikors għal kumpens, ma jirriproduċix biss ir-raġunijiet u l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda jindika l-elementi kkritikati tad-digriet ikkontestat kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

26      Isegwi li l-appell huwa ammissibbli sa fejn imur kontra l-parti tad-digriet ikkontestat li permezz tiegħu l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat lilha nfisha inkompetenti li tisma’ dan ir-rikors għal kumpens.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċertu raġunijiet invokati in sostenn ta’ l-appell

 L-argumenti tal-partijiet

27      Fir-rigward ta’ l-ammissibbiltà ta’ ċertu raġunijiet, il-Kunsill u r-Renju ta’ Spanja jsostnu barra minn hekk li kien ġie invokat għall-ewwel darba fir-replika u li għalhekk kienet inammissibbli r-raġuni li tirriżulta mill-eżami taż-żewġ verżjonijiet suċċessivi tan-noti ta’ qiegħ il-paġna ta’ l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li tindika permezz ta’ "*" il-kategoriji "suġġett ta’ l-Artikolu 4 biss". Skond ir-rikorrenti, dan l-eżami juri li, qabel l-emenda tagħha mill-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/482/PESK [PBSK] tas-27 ta’ Ġunju 2003 (ĠU L 160, p. 100), din in-nota ta’ qiegħ il-paġna kienet tirrigwarda biss "persuni", jiġifieri l-persuni fiżiċi, bl-esklużjoni tal-"gruppi u entitajiet", u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-31 ta’ Ottubru 2002, data li fiha ġie ppreżentat ir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Gestoras Pro Aministía ma kinitx taqa’ taħt il-kategorija ta’ "persuni […] suġġett ta’ l-Artikolu 4 biss", iżda għal dik ta’ gruppi u entitajiet suġġetti għall-azzjonijiet tal-Komunità msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

28      Il-Kunsill jirrileva wkoll li ma setgħux ikunu suġġetti għall-Qorti tal-Prim’Istanza, u għaldaqstant kienu inammissibbli fl-istadju ta’ appell, żewġ raġunijiet imqajma mir-rikorrenti. L-ewwel nett, dan jirrigwarda r-raġuni li tirriżulta minn dak li l-Istati Membri huma mistennija jirrispettaw l-obbligi konvenzjonali preċedenti tagħhom, skond l-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, dwar l-applikazzjoni ta’ trattati suċċessivi dwar l-istess qasam, u l-Artikolu 307 tat-Trattat KE. Dawn l-obbligi konvenzjonali preċedenti jiggarantixxu r-rispett effettiv tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. It-tieni raġuni inammissibbli hija dik li tirriżulta minn dak li jeżisti, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipju ta’ interpretazzjoni ta’ "kompetenza usa" li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ġa kienet aċċettat il-kompetenza tagħha lil hinn mit-termini tat-Trattat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża, sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

30      Jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja raġuni li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, din il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha bħala qorti ta’ l-appell hija limitata, kawża li s-suġġett tagħha huwa aktar wiesa’ minn kif kien ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għar-raġunijiet diskussi quddiem il-qrati ta’ l-ewwel istanza (ara s-sentenza ta’ l ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, Ġabra p. I-1981, punti 58 u 59).

31      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li jirriżultaw mill-emenda fl-ifformular tan-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, tar-rispett, mill-Istati Membri, ta’ l-obbligi konvenzjonali preċedenti tagħhom u tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni ġenerali dwar "kompetenza usa" tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ġewx imqajma mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

32      Għaldaqstant, dawn ir-raġunijiet huma inammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-Argumenti tal-partijiet

33      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod żbaljat, iddikjarat lilha nfisha inkompetenti li teżamina r-rikors tagħhom għal kumpens.

34      L-Unjoni hija Komunità ta’ dritt, li tiggarantixxi, skond l-Artikolu 6(2) UE, id-dritt għal rikors effettiv, skond l-Artikolu 13 tal-KEDB, kif ukoll id-dritt għal qorti, previst fl-Artikolu 6 ta’ din l-istess Konvenzjoni.

35      Barra minn dan, permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu dwar dritt għal kumpens, il-Kunsill għaraf li kull żball fl-istabbiliment tal-lista annessa għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jikkostitwixxi żball min naħa tiegħu u li dan jagħti dritt għal kumpens. Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kunsill kien afferma li dan id-dritt għandu jkun miftuħ għal persuni, gruppi u entitajiet, bħar-rikorrenti, fl-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, fl-istess kundizzjonijiet bħall-persuni, gruppi u entitajiet imniżżla fil-lista annessa għar-Regolament Nru 2580/2001 jew fl-Artikolu 3 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, li jistgħu jindirizzaw ruħhom lill-Qorti tal-Prim’Istanza meta jissemmew minn atti meħuda skond it-Trattat KE. Ir-rikorrenti jirreferu, f’dan ir-rigward, għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Mejju 2003, Sison vs Il-Kunsill (T‑47/03 R, Ġabra p. II‑2047).

36      Peress illi l-att fl-oriġini ta’ l-allegat dannu kien att tal-Kunsill, adottat flimkien ma’ l-Istati Membri kollha, ma tistax titressaq azzjoni għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali, li huma inkompetenti li jisimgħuha, peress li r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri hija indiviżibbli.

37      Min-naħa l-oħra jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/48/ĠAI tad-19 ta’ Diċembru 2002, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, skond l-Artikolu 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2003, L 16, p. 68), tgħid, fit-tmien premessa tagħha li, "[din] id-deċiżjoni hija skond id-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji magħrufin mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Xejn f’din id-Deċiżjoni ma tista’ tiġi interpretata bħala li tippermetti n-nuqqas ta’ osservanza tal-protezzjoni legali mogħtija skond id-dritt nazzjonali lil persuni, gruppi u entitajiet fil-lista annessa għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK [PBSK]".

38      Id-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar id-dritt għal kumpens, iċċarata mit-tmien premessa tad-Deċiżjoni 2003/48, kif ukoll l-Artikolu 6(2) UE, jikkostitwixxu, flimkien, bażi legali soda sabiex tiġi affermata l-kompetenza tal-Qorti Komunitarja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza vvizzjat id-digriet ikkontestat bi żball ta’ dritt meta ddikjarat li kienet inkompetenti li tiddeċiedi fuq it-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti.

39      Barra minn dan, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kunsill, fid-dawl tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, kien adotta numru ta’ testi fuq bażi legali differenti bil-għan li jċaħħad lil ċerti kategoriji ta’ persuni, gruppi u entitajiet mid-dritt għal appell effettiv.

40      Il-Kunsill isostni li l-appell mhuwiex fondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li l-ebda rikors għal kumpens ma kien previst fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE. Peress li mhuwiex in kwistjoni att meħud fil-kuntest tal-Komunità Ewropea, iżda att meħud skond id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-Unjoni, azzjoni għal responsabbiltà ma tistax titressaq abbażi ta’ l-Artikolu 288 KE. Il-Kunsill invoka in sostenn tat-teżi tiegħu s-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1975, Grands moulins des Antilles vs Il-Kummissjoni (99/74, Ġabra. p. 1531, punt 17).

41      It-tmien premessa tad-Deċiżjoni 2003/48 tirrigwarda biss il-protezzjoni legali mogħtija "skond id-dritt nazzjonali" u mhux id-dritt Komunitarju. La dan it-test lanqas id-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar id-dritt għal kumpens ma huma ta’ natura li jippermettu lill-qrati Komunitarji jiddeċiedu fuq ir-rikors għal kumpens tar-rikorrenti, li mhuwiex previst mit-Trattat UE.

42      Ir-Renju ta’ Spanja indika li l-attivitajiet ta’ Gestoras Pro Amnistía ġew iddikjarati illegali bid-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2001 ta’ l-imħallef ċentrali inkwirenti Nru 5 ta’ l-Audiencia Nacional f’Madrid. J. M. Olano Olano, ġa kkundannat diversi drabi mill-qrati Spanjoli, b’mod partikolari għaż-żamma ta’ armi, ta’ munizzjoni jew ta’ esplożivi, kien is-suġġett ta’ ordni internazzjonali ta’ arrest maħruġ mill-istess imħallef ċentrali inkwirenti, kien ġie arrestat fit-3 ta’ Diċembru 2001 mill-pulizija Franċiża, mgħoddi lill-awtoritajiet Spanjoli u wara ntbagħat il-ħabs f’Madrid. Għal dak li għandu x’jaqsam ma J. Zelarain Errasti, arrestat fil-31 ta’ Ottubru 2001 minħabba fir-responsabbiltajiet tiegħu f’Gestoras Pro Amnistía, huwa ser jitressaq mill-qorti Spanjola fil-kawża dwar din l-assoċjazzjoni u f’kawża oħra, dwar sħubija f’organizzazzjoni terroristika.

43      Fuq il-mertu, ir-Renju ta’ Spanja taqsam l-opinjoni tal-Kunsill. L-appell ma jġib l-ebda element li jista’ jerġa jqajjem l-illegalità tad-digriet ikkontestat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq ir-raġuni li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-Trattat UE

44      Jirriżulta mill-Artikolu 46 UE li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati KE u KEEA dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma applikabbli biss għat-Titolu VI tat-Trattat UE "skond il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 35 [UE]".

45      Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti fi tliet każijiet. L-ewwel nett, skond l-Artikolu 35(1) UE, hija kompetenti li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ qafas u deċiżjonijiet, dwar l-interpretazzjoni ta’ konvenzjonijiet stabbiliti skond it-Titolu VI tat-Trattat UE kif ukoll dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-miżuri li jimplementawhom. It-tieni nett, il-paragrafu 6 jipprevedi wkoll il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrevedi l-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ qafas u deċiżjonijiet f’azzjonijiet li jkunu tqajmu minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fuq il-bażi ta’ inkompetenza, ksur tal-forma sostanzjali, ksur ta’ dan it-Trattat UE jew ta’ xi regola tal-liġi li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni tiegħu, jew ta’ użu ħażin tal-poteri. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 7 jipprevedi l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti sentenza dwar kull kwistjoni bejn l-Istati Membri rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ atti adottati taħt l-Artikolu 34(2) UE kull meta din il-kwistjoni ma tkunx tista’ tiġi riżolta mill-Kunsill fi żmien sitt xhur minn meta din tkun giet irriferita minn xi wieħed mill-Membri tiegħu.

46      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 35 UE ma jattribwixxi l-ebda kompetenza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tisma’ kull rikors għal kumpens.

47      Barra minn hekk, l-Artikolu 41(1) UE ma jinkludix, fost l-Artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li huma applikabbli fl-oqsma msemmija fit-Titolu VI skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE, li skond dan il-Komunità għandha tagħmel tajjeb, skond il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri, għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom, la l-Artikolu 235 KE, li skond dan il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tisma’ kawżi dwar kumpens għad-danni skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, Ġabra p. I‑2077, punt 38).

48      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma vvizzjatx id-digriet bi żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-ebda rikors għal responsabbiltà ma kien previst fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE. Għaldaqstant din ir-raġuni għandha tiġi mwarrba.

–       Fuq ir-raġuni li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

49      Ir-rikorrenti invokaw ukoll quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza r-rispett tad-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tirriżulta mill-Artikolu 6(2) UE. Huma jsostnu, essenzjalment, li ma jiddisponu minn ebda raġuni sabiex jikkontestaw it-tniżżil ta’ Gestora Pro Amnistía fil-lista annessa għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li d-digriet ikkontestat jippreġudika d-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

50      Huwa minnu li, fir-rigward ta’ l-Unjoni, it-Trattat stabbilixxa sistema ta’ rimedji ġuridiċi li fihom il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma, skond l-Artikolu 35 UE, inqas estiżi fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea milli taħt it-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 39). Għaldaqstant huma iktar anqas fil-kuntest tat-Titolu V. Jekk sistema ta’ rimedji ġuridiċi, u b’mod partikolari, sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali barra minn dik imwettqa mit-trattati, hija ċertament possibbli, huma l-Istati Membri li għandhom, jekk ikun il-każ, skond l-Artikolu 48 UE, jirriformaw is-sistema attwalment fis-seħħ.

51      Madankollu, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li huma pprivati minn kull protezzjoni ġudizzjarja. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 6 UE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ l-Istat ta’ dritt u rispett tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Isegwi li l-istituzzjonijiet huma suġġetti għal stħarriġ tal-konformità ta’ l-atti tagħhom mat-Trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bl-istess mod bħall-Istati Membri meta huma jkunu qed jimplementaw id-dritt ta’ l-Unjoni.

52      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 34 UE jipprevedi li l-Kunsill jista’ jadotta atti ta’ natura u ta’ portata differenti. Skond l-Artikolu 34(2)(a) UE, il-Kunsill jista’ "jadotta pożizzjoni komuni li tiddiffenixxi l-atteġġament ta’ l-Unjoni għal xi materja partikolari". Pożizzjoni komuni tobbliga l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom, skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li b’mod partikolari jimplika li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tagħhom taħt id-dritt ta’ l-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza Pupino, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42). L-Artikolu 37 UE jipprevedi wkoll li l-Istati Membri jiddefendu l-pożizzjonijiet komuni "meta jieħdu sehem f’organizzazzjonijiet internazzjonali u f’konferenzi internazzjonali". Madankollu, pożizzjoni komuni mhux ser ikollha minnha stess effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ terzi. Għaldaqstant, fis-sistema stabbilita mit-Titolu VI tat-Trattat UE, huma biss id-deċiżjonijiet ta’ qafas u d-deċiżjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif iddefinita mill-Artikolu 35(1) UE, li tagħti deċiżjonijiet preliminari, ma testendix, iktar, għall-pożizzjonijiet komuni, iżda biss għall-verifika tal-validità u għall-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ qafas u tad-deċiżjonijiet, għall-interpretazzjoni tal-konvenzjonijiet stabbiliti skond it-Titolu VI, kif ukoll għall-validità u għall-interpretazzjoni tal-miżuri ta’ applikazzjoni tagħhom.

53      Peress illi ma tipprevedix il-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jressqu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar pożizzjoni komuni iżda biss domanda dwar l-atti elenkati fl-Artikolu 35(1) UE, din tikkunsidra bħala atti li huma suġġetti għal rinviju għal deċiżjoni preliminari d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-Kunsill u li jipproduċu effett ġuridiku fir-rigward ta’ terzi. Peress illi l-proċedura li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari hija intiża li tiżgura r-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat, imur kontra dan il-għan li l-Artikolu 35(1) UE jiġi interpretat restrittivament. Il-possibbiltà li ssir domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għaldaqstant tkun miftuħa għad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-Kunsill, ikunu xi jkunu n-natura jew il-forma, intiżi li jipproduċu effetti ta’ dritt fir-rigward ta’ terzi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa "AETR", 22/70, Ġabra p. 263, punti 38 sa 42, u ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑57/95, Ġabra p. I‑1627, punti 7 et seq).

54      Konsegwentement, pożizzjoni komuni li għandha, mill-kontenut tagħha, portata li tmur lil hinn minn dik assenjata mit-Trattat UE għal dan it-tip ta’ att għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, qorti nazzjonali, li qed tisma’ kawża li, b’mod inċidentali, tqiegħed domanda dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ pożizzjoni komuni adottata abbażi ta’ l-Artikolu 34 UE, bħal ma hija f’din il-kawża parti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, f’kull każ, l-Artikolu 4 tiegħu kif ukoll l-Anness tiegħu, u li għandha dubju serju dwar jekk din il-Pożizzjoni Komuni fil-fatt tipproduċix effett ta’ dritt fir-rigward ta’ terzi, tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari, skond il-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 35, UE. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata, jekk ikun il-każ, li l-pożizzjoni komuni tipproduċi effetti ta’ dritt fir-rigward ta’ terzi, li tagħtiha lura l-kwalifika vera tagħha, u li tagħti deċiżjoni preliminari.

55      Il-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll kompetenti li tistħarreġ il-legalità ta’ atti bħal dawn meta rikors ikun tressaq minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni fil-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 35(6) UE.

56      Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li huma l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom, li għandhom jinterpretaw u japplikaw ir-regoli interni tal-proċedura li jikkontrollaw l-eżerċizzju tar-rikorsi b’mod li jippermetti lill-persuni fiżiċi u morali li jikkonstataw quddiem il-ġustizzja l-legalità tad-deċiżjonijiet kollha jew tal-miżuri oħra nazzjonali relatati ma’ l-implementazzjoni u l-applikazzjoni fil-konfronti tagħhom ta’ att ta’ l-Unjoni Ewropea u li jitolbu kumpens għad-dannu subit jekk ikun il-każ.

57      Isegwi li r-rikorrenti mhumiex ġustifikati li jsostnu li l-Pożizzjoni Komuni kkontestata tħallihom mingħajr rikors, kuntrarjament għall-eżiġenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u li d-digriet ikkontestat jippreġudika d-dritt tagħhom għal protezzjoni bħal din. Konsegwentement, ir-raġuni għandha tiġi mwarrba.

–       Fuq ir-raġuni li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tad-dikjarazzjoni magħmula mill-Kunsill fid-Deċiżjoni tagħha 15453/01 tat-18 ta’ Diċembru 2001

58      Ir-rikorrenti jinvokaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 15453/01 tat-18 ta’ Diċembru 2001 li permezz tagħha "l-Kunsill ifakkar fir-rigward ta’ l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki sabiex jiġi miġġieled t-terroriżmu u ta’ l-Artikolu 2(3) tar-regolament dwar miżuri restrittivi speċifiki diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, li kull żball fir-rigward tal-persuni, gruppi jew entitajiet imsemmija jagħti dritt lill-parti aggravata li titlob rimedji ġudizzjarji".

59      Skond ir-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tat-tmien premessa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/48/ĠAI tad-19 ta’ Diċembru 2002, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, li permezz tagħha: "[din] id-deċiżjoni hija skond id-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji magħrufin mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Xejn f’din id-Deċiżjoni ma tista’ tiġi interpretata bħala li tippermetti n-nuqqas ta’ osservanza tal-protezzjoni legali mogħtija skond id-dritt nazzjonali lil persuni, gruppi u entitajiet fil-lista annessa għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK [PBSK]".

60      Madankollu jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li dikjarazzjoni bħal din mhijiex biżżejjed biex toħloq mezz legali mhux previst mit-testi applikabbli u li, għalhekk, hija ma jista’ jkollha l-ebda portata legali la tiġi kkunsidrata għall-interpretazzjoni tad-dritt li jirriżulta mit-Trattat UE meta, bħal f’din il-kawża, il-kontenut tad-dikjarazzjoni ma tkunx ġiet imsemmija fit-test tad-dispożizzjoni in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen, C‑292/89, Ġabra p. I‑745, punt 18; tad-29 ta’ Mejju 1997, VAG Sverige, C‑329/95, Ġabra p. I‑2675, punt 23, u ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, Ġabra p. I‑6129, punt 17).

61      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball ta’ dritt meta ddeċidiet li d-dikjarazzjoni tal-Kunsill fid-Deċiżjoni tagħha 15453/01, tat-18 ta’ Diċembru 2001, ma kinitx suffiċjenti sabiex tattribwixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompetenza li tisma’ rikors għal kumpens fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat UE.

62      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq li kien mingħajr ma tivvizzja d-digriet tagħha bi żball ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li hija manifestament inkompetenti li tisma’ rikors għal kumpens għad-danni li eventwalment ikkawżaw lir-rikorrenti bit-tniżżil ta’ Gestoras Pro Amnistía fil-lista annessa għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931, kif aġġornata mill-Pożizzjonijiet Komuni 2002/340 u 2002/462.

63      Għaldaqstant, peress illi l-ebda raġuni ma kienet fondata, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

65      Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell skond l-imsemmi Artikolu 118, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, skond din id-dispożizzjoni, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud;

2)      Gestoras Pro Amnistía, J. M. Olano Olano u J. Zelarain Errasti għandhom ibatu l-ispejjeż;

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.