Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fis-7 ta’ Lulju 2017 – A

(Kawża C-410/17)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A

Konvenuti: Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö

Domandi preliminari

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) 1 flimkien ma’ dik tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu interpretati fis-sens li x-xogħlijiet ta’ twaqqigħ mwettqa minn kumpannija li n-negozju tagħha jinkludi t-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, jikkonsistu fi tranżazzjoni waħda biss, meta l-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ tkun obbligata, skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt eżistenti bejn il-kumpannija appaltatriċi u l-appaltant, tneħħi l-iskart tat-twaqqigħ u tkun tista’, dment li l-iskart tat-twaqqigħ ikun jinkludi l-metall, tbiegħ mill-ġdid il-metall lil impriżi li jixtru metall riċiklabbli?

Jew inkella, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, kuntratt bħal dan dwar xogħlijiet ta’ twaqqigħ għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi żewġ tranżazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, il-provvista tas-servizz ta’ xogħolijiet ta’ twaqqigħ mill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ lill-appaltant ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ u, min-naħa l-oħra, ix-xiri tal-metall għall-bejgħ mill-ġdid, mill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, mingħand l-appaltant tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ?

F’dan il-każ, għandu jitqies bħala importanti l-fatt li, fl-istabbiliment tal-prezz għax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, il-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ħadet inkunsiderazzjoni, bħala fattur ta’ tnaqqis tal-prezz, il-fatt li hija tista’ tikseb dħul mill-irkupru ta’ skart tat-twaqqigħ?

F’dan il-każ, għandu jitqies bħala importanti l-fatt li l-kwantità u l-valur tal-iskart tat-twaqqigħ li jista’ jiġi rkuprat ma ġewx miftiehma fil-kuntratt ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ u li lanqas ma ġie miftiehem li dawn għandhom jiġu nnotifikati sussegwentement lill-appaltatur tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, u l-fatt li l-kwantità u l-valur tal-iskart tat-twaqqigħ jkunu magħrufa biss meta dan jinbiegħ mill-ġdid mill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ?

Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-VAT 2006/112/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tkun teżisti tranżazzjoni waħda biss, li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ oġġetti mill-proprjetarju tal-oġġett li għandu jitwaqqa’ lill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ, fil-każ li fih kumpannija li n-negozju tagħha jinkludi t-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ twaqqigħ, tiftiehem permezz ta’ kuntratt mal-proprjetarju ta’ oġġett li għandu jitwaqqa’, li l-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ għandha tixtri l-oġġett li għandu jitwaqqa’ u tobbliga ruħha, taħt piena ta’ penali kuntrattwali, li twaqqa’ l-oġġett u li tneħħi l-iskart tat-twaqqigħ fit-terminu previst mill-kuntratt?

Jew inkella, fid-dawl tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) flimkien ma’ dik tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-VAT 2006/112/KE, kuntratt bħal dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi żewġ tranżazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, il-bejgħ ta’ oġġetti mill-proprjetarju tal-oġġett li għandu jitwaqqa’ lill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ u, min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ twaqqigħ ipprovdut mill-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ lill-bejjiegħ tal-oġġetti?

F’dan il-każ, għandu jitqies bħala importanti l-fatt li, fl-istabbiliment tal-prezz tal-offerta tagħha ta’ xiri tal-oġġetti, il-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ħadet inkunsiderazzjoni, bħala fattur ta’ tnaqqis tal-prezz, l-ispejjeż li ser ikollha tbati sabiex iżżarma u t-tneħħi l-oġġetti?

F’dan il-każ, għandu jitqies bħala importanti l-fatt li l-bejjiegħ tal-oġġetti huwa konxju mill-fatt li l-ispejjeż li l-kumpannija tax-xogħlijiet ta’ twaqqigħ ser ikollha tbati sabiex iżżarma u tneħħi l-oġġetti, ittieħdu inkunsiderazzjoni bħala fattur ta’ tnaqqis tal-prezz ta’ dawn l-oġġetti, fid-dawl tal-fatt li xejn ma ġie miftiehem bejn il-partijiet fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż u li ma huwiex previst li f’xi mument l-ammont effettiv jew stmat ta’ dawn l-ispejjeż għandu jiġi kkomunikat lill-bejjiegħ tal-oġġetti?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1.