Language of document : ECLI:EU:C:2012:605

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment u ta’ residenza — Artikoli 20 TFUE u 21 TFUE — Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità — Artikolu 18 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 24 — Deroga — Portata — Stat Membru li fih il-benefiċċju ta’ tariffi tat-trasport imnaqqsa huwa rriżervat biss għall-istudenti li l-ġenituri tagħhom jirċievu allowances tal-familja f’dan l-Istat”

Fil-Kawża C-75/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fil-21 ta’ Frar 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u D. Roussanov, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer u M. Fruhmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rreżervat prinċipalment il-benefiċċju tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa biss lill-istudenti li l-ġenituri tagħhom jirċievu allowances tal-familja Awstrijaċi, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1408/71

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), jiddefinixxi, fl-Artikolu 1(u)(i) tiegħu, il-benefiċċji tal-familja bħala “il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’l-ispejjeż tal-familja taħt il-leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), [tal-istess regolament]”.

3        L-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li dan għandu japplika għal-leġiżlazzjoni kollha rigward l-oqsma tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw il-benefiċċji tal-familja.

4        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, ba ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-regolament għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet ta’Stat Membru wieħed biss.

 Id-Direttiva 2004/38

5        Skont il-premessi 1 u 10 tad-Direttiva 2004/38:

“(1)  Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat [KE] u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

[…]

(10)      Dawk il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza m’għandhomx, madankollu, ikunu ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta' l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu inizjali ta’ residenza. Għalhekk, id-dritt ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom għal perjodi li jaqbżu t-tliet xhur għandu jkun bla ħsara għal kondizzjonijiet.”

6        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr dak li għandhom in-nazzjonalità tiegħu.

7        L-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva huwa miktub kif ġej:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

[…]

ċ)      −       miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–        għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; [...]”

8        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Trattament ugwali” huwa miktub kif ġej:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju] jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

 Id-dritt Awstrijak

9        Fl-Awstrija, ma jeżistux regoli Federali li jirregolaw it-tariffi tat-trasport imnaqqsa għall-istudenti.

10      Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, biljetti maħruġa kull ġimgħa b’tariffa mnaqqsa huma allokati lill-istudenti abbażi ta’ ftehim ta’ finanzjament konklużi bejn il-Bundesministerium für Verkehr, Innovation und Technologie (Ministeru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija), il-kollettivitajiet reġjonali u l-impriżi ta’ trasport ikkonċernati. Dawn il-ftehim jirregolaw mhux biss it-tariffa, l-ammont tat-tnaqqis u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-gvern Federali, iżda jiffissaw ukoll min jikkwalifika bħala benefiċjarju.

11      Minbarra dan jirriżulta mill-proċess li, f’ċerti Länder, l-istudenti, kif iddefiniti fl-Artikoli 3 u 4 tal-liġi tal-1992 dwar l-għajnuna għat-twettiq tal-istudji (Studienförderungsgesetz 1992, BGBl. Nru 305/1992), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-kawża (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1992”), ma jistgħux jibbenefikaw minn tariffi mnaqqsa ħlief jekk id-domiċilju tagħhom jew il-post ta’ studju tagħhom jinsabu f’żona tal-kumpannija ta’ trasport pubbliku kkonċernat u jekk allowances tal-familja ngħatawx lilhom skont l-Artikolu 2 tal-liġi tal-1967 dwar il-kumpens tal-piżijiet tal-familja permezz ta’ allowances (Familienlastenausgleichsgesetz 1967, BGBl. Nru 376/1967), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-kawża (iktar ’il quddiem il-“FLAG”).

12      F’Länder oħra, fejn l-applikazzjoni tat-tnaqqis ma tiddependix minn kemm jingħataw allowances tal-familja, il-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni huma minbarra dan, l-istatus tal-istudent, l-età u/jew ir-residenza tal-persuni kkonċernati.

13      Il-persuni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju Federali għandhom dritt, skont l-Artikolu 2 tal-FLAG, għal allowances tal-familja għat-tfal minorenni u għal tfal maġġorenni li għandhom inqas minn 26 sena li jsegwu taħriġ professjonali jew li jwettqu taħriġ kontinwu fi skola speċjalizzata relatat mas-sengħa li huma jkunu tgħallmu, bil-kundizzjoni li dan it-taħriġ ma jipprekludihomx milli jeżerċitaw is-sengħa tagħhom. Bħala prinċipju hija l-persuna li d-dar tagħha tinkludi l-ulied li għandha dritt għal allowances tal-familja.

14      L-Artikolu 4 tal-liġi tal-1992 jipprovdi li ċ-ċittadini tal-partijiet kontraenti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L p. 3), jew fit-Trattat KE kif ukoll iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi huma assimilati maċ-ċittadini Awstrijaċi, “sa fejn din l-assimilazzjoni tirriżulta minn ftehim iċċitati iktar ’il fuq”.

15      L-Artikolu 52 tal-liġi tal-1992 jiddefinixxi l-kumpensi għat-trasport bħala li huma “miżur[i] [oħra] ta’ promozzjoni tal-istudji”. L-għan ta’ dawn il-kumpensi huwa li jgħinu lill-benefiċjarji ta’ allowances għall-istudji permezz ta’ ħlas tal-ispejjeż ta’ trasport tagħhom. Dan huwa kumpens li jgawdu minnu biss il-benefiċjarji ta’ allowances għall-istudji fl-Awstrija u li jvarjaw minn tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport.

 Il-proċedura prekontenzjuża

16      Il-Kummissjoni ġiet infurmata, permezz ta’ lment imressaq minn persuna li taġixxi f’isem il-partit politiku “il-Ħodor” (“die Grünen”), li diversi studenti ċittadini ta’ Stat Membri għajr ir-Repubblika tal-Awstrija li jwettqu l-istudji tagħhom fl-Awstrija kellhom, sabiex ikunu jistgħu jużaw it-trasport pubbliku, iħallsu ammonti ogħla minn dawk imħallsa mill-istudenti Awstrijaċi. Fil-fatt, f’ċerti Länder, huma biss l-istudenti li ġejjin minn familji li jirċievu allowances tal-familja Awstrijaċi li jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport.

17      Peress li qieset li tali sistema selettiva tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 12 KE, il-Kummissjoni, b’ittra tat-13 ta’ Frar 2008, talbet lir-Repubblika tal-Awstrija li tipprovdilha deskrizzjoni ddettaljata tas-sistema tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa applikabbli f’dan l-Istat Membru.

18      B’ittra tat-18 ta’ April 2008, l-awtoritajiet Awstrijaċi ddeskrivew it-tariffi differenti applikabbli għal kull Land kif ukoll skont is-sitwazzjoni speċifika tal-persuni kkonċernati.

19      B’ittra intiża bħala ittra ta’ intimazzjoni tat-23 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tippreżenta, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tagħha rigward il-metodu selettiv ta’ għoti tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa għall-istudenti. Skont il-Kummissjoni, dan il-metodu selettiv jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit, minn naħa, fl-Artikolu 12 KE, li issa sar, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 18 TFUE u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

20      Fit-tweġiba tagħha tal-25 ta’ Ġunju 2009 għal din l-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija rreferiet għar-rilevanza tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38. Skont dan l-Istat Membru, it-tariffi tat-trasport imnaqqsa għall-istudenti jikkostitwixxu benefiċċji tal-familja supplimentari li jaqgħu taħt is-sistema tal-allowances tal-familja mogħtija fl-Awstrija u għalhekk huma għandhom jiġu kkwalifikati bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali. Il-benefiċjarji ta’ dawn it-tariffi ma humiex l-istudenti stess, iżda l-ġenituri li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tat-tfal tagħhom filwaqt li dawn tal-aħħar iżommu l-istatus ta’ studenti.

21      Fit-28 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Awstirja, li fiha hija sostniet li s-sistema Awstrijaka dwar it-tariffi tat-trasport imnaqqsa għall-istudenti tikser l-Artikolu 18 TFUE u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, mingħajr ma l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 24(2) ma hija applikabbli. Il-Kummissjoni sostniet, minn naħa, li, kuntrarjament għall-argumenti tal-awtoritajiet Awstrijaċi, bir-riskju li dan l-Artikolu 24(2) jitlef is-sens tiegħu, l-uniku fatt li miżura tgħin sabiex il-piżijiet tal-ġenituri jsiru iktar ħfief f’dak li jikkonċerna l-manteniment ta’ wliedom ma jistax ikun biżżejjex sabiex tiġi skartata l-kwalifika ta’ din il-miżura bħala għajnuna għall-manteniment għall-istudji. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi dedott mill-kliem ta’ dan l-Artikolu 24(2) li l-Istati Membri ospitanti ma jistgħux jirrifjutaw l-għoti tal-għajnuna għal manteniment liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra li ma għandhomx permess ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ħlief fil-każ fejn din l-għajnuna tieħu l-forma ta’ boroż ta’ studji jew ta’ self.

22      Fit-tweġiba tagħha tad-29 ta’ Marzu 2010 għal din l-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li t-tariffi tat-trasport imnaqqsa jikkorrispondu mal-benefiċċju tal-familja allokat fil-kuntest ta’ ġestjoni ta’ dritt privat. Ma hemm ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità peress li dawn it-tariffi jingħataw lill-ġenituri affiljati kollha, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom.

23      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

24      Għandu l-ewwel nett jiġi ppreċiżat li, permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li ma tagħtix tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport ħlief lill-istudenti li għalihom jingħataw allowances tal-familja fl-Awstrija, fejn tali kundizzjoni hija imposta mil-Länder ta’ Vjenna, tal-Oberösterreich, tal-Burgenland u tas-Styrie kif ukoll mill-belt ta’ Innsbruck.

25      Fir-rigward tal-belt ta’ Innsbruck, mill-proċess jirriżulta li l-istudenti jistgħu jibbenefikaw, mis-sena universitarja 2010‑2011, minn biljetti li jinħarġu kull ġimgħa b’tariffa mnaqqsa indipendentement minn kemm jingħataw allowances tal-familja Awstrijaċi lill-ġenituri, fejn l-eżistenza tan-nuqqas għandu jiġi evalwat skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru hekk kif ippreżentat ruħha fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri, f’dan il-każ, fit-28 ta’ Marzu 2010. It-tibdil li seħħ sussegwentement ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑147/00, Ġabra p. I‑2387, punt 26; tal-4 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑173/01, Ġabra p. I‑6129, punt 7, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjon vs L‑Italja, C‑565/10, punt 22).

26      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tipi ġodda ta’ biljetti li jinħarġu kull ġimgħa fil-belt ta’ Innsbruck ma kinux għadhom fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

27      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti dwar is-sistema applikabbli fil-Land ta’ Niederösterreich, is-sistema applikabbli f’dan il-Land ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

 L-argumenti tal-partijiet

28      Il-Kummissjoni ssostni li l-issuġġettar tal-għoti ta’ tariffi tat-trasport imnaqqsa għall-ġbir ta’ allowances tal-familja Awstrijaċi jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta tal-istudenti li joriġinaw minn Stat Membri għajr ir-Repubblika tal-Awstrija u li jwettqu l-istudji tagħhom f’dan l-aħħar Stat, u b’hekk jikser l-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

29      Fil-fatt, l-iskema Awstrijaka inkwistjoni f’dan il-każ tagħti żvantaġġ lill-istudenti li huma ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri l-oħra billi tipprevedi kundizzjoni għall-għoti tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa li hija iktar faċilment sodisfatta miċ-ċittadini Awstrijaċi.

30      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li t-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport, li huwa suġġett għall-għoti tal-allowances tal-familja Awstrijaċi, jikkostitwixxi benefiċċju tal-familja pprovdut fil-kuntest ta’ ġestjoni ta’ dritt privat. Fid-dritt Awstrijak, l‑allowances tal-familja ma jistgħux jingħataw awtomatikament lil kull student Awstrijak, iżda l-għoti tagħhom jiddependi mill-fatt li l-ġenituri għandhom l-obbligu li jipprovdu għall-bżonnijiet tal-istudent. It-tnaqqis fuq il-prezz tat-trasport huwa essenzjalment ta’ benefiċċju għall-baġit tal-familja u, bħall-allowances tal-familja, dan ma jingħatax meta l-istudent jirċievi huwa stess dħul ogħla mil-limitu previst mil-leġiżlatur Awstrijak. Skont dan l-Istat Membru, tali tnaqqis għandu jiġi kkwalifikat bħala benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li huwa marbut ma’ studji jew ma’ korsijiet u jissodisfa funzjoni doppja. Bid-differenza tal-kumpens ta’ trasport mogħti lil student soċjalment żvantaġġat, it-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport ma jiddependix mid-dħul tal-ġenituri u ma jitħallasx direttament fil-kont bankarju tal-istudent benefiċjarju.

31      Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkonstata li, fin-notifika tagħha dwar ir-Regolament Nru 1408/71, hija semmiet b’mod ġenerali ħafna l-FLAG, li minnha jirriżulta t-tnaqqis inkwistjoni tat-tariffi tat-trasport. Din in-notifika għandha effett dikjaratorju u kostituttiv.

32      Dan l-Istat Membru għalhekk isostni li s-sistema tiegħu kienet tissodisfa għalkollox ir-Regolament Nru 1408/71 mingħajr madankollu ma tikser id-Direttiva 2004/38. Huwa jżid jgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirreferix għall-prinċipji ta’ dritt primarju, bħal dak stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, sabiex jiġu evalwati l-benefiċċji li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, Ġabra p. I-6095, punti 84 et seq).

33      Il-Kummissjoni tqis li l-argument li fuqu tibbaża r-Repubblika tal-Awstrija, ibbażat fuq in-natura ta’ benefiċċju ta’ sigurtà soċjali tat-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport, huwa irrilevanti. L-ewwel nett, tali tnaqqis ma jikkumpensax il-piżijiet ta’ familja hekk kif jeħtieġ l-Artikolu 1(u)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, iżda jtaffi l-ispejjeż li joħloq għall-istudenti tal-universitajiet u tal-istabbilimenti superjuri, l-użu tat-trasport pubbliku. It-tariffi tat-trasport imnaqqsa jibbenefikaw direttament lill-istudenti u mhux lill-ġenituri. Sussegwentement, id-deskrizzjoni tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa pprovduta mir-Repubblika tal-Awstrija ma tippermettix li jiġi affermat li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jiġu kkunsidrati bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-istudenti ma għandhom ebda dritt legali għal dawn il-benefiċċji. Fl-aħħar nett, ma jkunx loġiku li l-kumpens ta’ trasport previst mil-liġi tal-1992 jiġi kkwalifikat bħala għanjnuna ta’ manteniment, filwaqt li t-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport inkwistjoni f’dan il-każ huwa kkunsidrat bħala benefiċċju tal-familja. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li, f’ċerti Länder, l-għoti ta’ tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport ma huwiex suġġett għall-għoti tal-allowances tal-familja Awstrijaċi huwa indikazzjoni supplimentari li dan it-tnaqqis ma għandu xejn minn benefiċċju tal-familja.

34      Fir-rigward tal-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li tinsab fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 li tibbaża fuqha r-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni tqis li din għandha tiġi interpretata b’mod strett. Hija ssostni li din tapplika biss bħala “għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju] jew f’self”. Kuntarjament għall-argumenti ta’ dan l-Istat Membru, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 24(1), japplika għall-benefiċċji kollha favur studenti li ma jingħatawx taħt il-forma ta’ borża ta’ studju jew ta’ self. Fid-dawl tal-forma tagħhom, it-tariffi tat-trasport imnaqqsa ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 24(2). L-interpretazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni spjegata iktar ’il fuq mir-Repubblika tal-Awstrija ma tistax tiġi aċċettata peress li hija tmur kontra d-dritt primarju u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE.

35      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li, f’kull tkaż, it-tnaqqis fuq il-prezz tat-trasport jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-istudji u, b’konsegwenza, dan għandu jiġi kkunsidrat indipendentement mill-miżuri l-oħra li l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jieħu inkunsiderazzjoni fil-qasam ta’ għajnuna għall-istudji. Sakemm student ikun integrat, fil-qafas tat-taħriġ, fl-Istat Membru ospitanti, huwa l-Istat Membru ta’ oriġini li għandu jalloka għajnuna suffiċjenti lill-istudenti tiegħu, fid-dawl ta’ eventwali obbligi ta’ manteniment. L-Istat Membru ospitanti ma għandux obbligu li jikkumpensa s-sussidji eventwalment “iktar dgħajfa” mogħtija mill-Istati Membri l-oħra.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett, li l-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

37      L-istudenti li ġejjin minn Stati Membri għajr ir-Repubblika tal-Awstrija u li jsegwu l-istudji tagħhom f’dan l-aħħar Stat, inkwantu huma jkollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jibbenefikaw minn dan l-istatus.

38      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost dawn tal-aħħar li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, fil-qasam tal-applikazzjoni ratione materiae tat-Trattat TFUE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31, u tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 28).

39      Kull ċittadin tal-Unjoni jista’ għalhekk jibbaża ruħu fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità li tinsab fl-Artikolu 18 TFUE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni ratione materiæ tad-dritt tal-Unjoni, liema sitwazzjonijiet jinkludu l-eżerċizzju tal-libertà fundamentali ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, Ġabra p. I‑2691, punt 63; tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punti 32 u 33; tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C‑158/07, Ġabra p. I‑8507, punti 36 u 37, kif ukoll tat-13 ta’ April 2010, Bressol et, C‑73/08, Ġabra p. I‑2735, punt 31).

40      Barra minn hekk, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li din il-projbizzjoni tkopri wkoll is-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għat-taħriġ professjonali, fid-dawl tal-fatt li kemm l-edukazzjoni ogħla kif ukoll l-edukazzjoni universitarja jikkostitwixxu taħriġ professjonali (sentenza Bressol et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

41      Isegwi li ċittadin ta’ Stat Membru li jsegwi l-istudji tiegħu fl-Awstrija jista’ jibbaża ruħu fuq id-dritt, stabbilit fl-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE, li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti mingħajr ma jbati minn diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti minħabba n-nazzjonalità tiegħu (sentenza Bressol et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

42      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-tnaqqis tat-tariffi tat-trasport bħal dawk mogħtija minn ċerta Länder fl-Awstrija jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi osservat li, meta kkonstatat li l-aċċess għat-taħriġ professjonali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li taqa’ taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni l-għajnuna nazzjonali mogħtija lill-istudenti sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom, benefiċċji soċjali previsti minn skema nazzjonali mhux kontributtiva u allowances imsejħa “provviżorji” previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali ddestinati għaż-żgħażagħ qiegħda li qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom (ara, rispettivament, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bidar, punt 42; Grzelczyk, punt 46, kif ukoll D’Hoop, punti 34 u 35).

43      Isegwi li skema li tipprevedi tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport mogħti lill-istudenti, inkwantu tippermettilhom, direttament jew indirettament, li jkopru l-ispejjeż ta’ manteniment tagħhom, tidħol ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat TFUE.

44      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li t-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport għandu jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi presuppost li r-regoli ta’ kunflitt previsti minn dan ir-regolament japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jsegwu l-istudji tagħhom fi Stat Membru għajr l-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom u l-ġenituri ma għandhom ebda rabta ma’ dan l-Istat Membru ospitanti, tali kwalifika ta’ dan it-tnaqqis ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità fir-rigward ta’ dawn iċ-ċittadini.

45      Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li ċerti benefiċċji li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni speċifiku tar-Regolament Nru 1408/71 kienu ġew ikkunsidrati wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jikkostitwixxu benefiċċji jew vantaġġi soċjali suġġetti għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tan-nazzjonalità skont dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-moviment liberu tal-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Martínez Sala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

46      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jeżistu skemi nazzjonali distinti. Dan għandu bħala għan biss li jiżgura koordinazzjoni bejniethom (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart, C‑503/09, Ġabra p. I-6497, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Jekk l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex ifasslu s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, b’mod li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huma għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tad-dritt jew tal-obbligu ta’ affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali u l-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji, huma għandhom madankollu, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE dwar il-libertà rikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza Stewart, iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      L-argument tar-Repubblika tal-Awstrija dwar il-kwalifika bħala benefiċċju tal-familja fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 tat-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport ma jeskludix għalhekk l-eżistenza allegata mill-Kummissjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kontra studenti ta’ Stat Membri oħra li jsegwu l-istudji tagħhom fl-Awstrija.

49      Fir-rigward ta’ din l-allegazzjoni, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, stabbilit b’mod ġenerali fl-Artikolu 18 TFUE u ppreċiżat fir-rigward ta’ ċittadini tal-Unjoni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 fl-Artikolu 24 tagħha, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom indiretti kollha ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji ta’ distinzjoni oħra, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara s-sentenza Bressol et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

50      F’dan il-każ, is-suġġettar tat-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport għall-għoti tal-allowances tal-familja Awstrijaċi, bħal dik prevista minn ċerti Länder, joħloq nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-istudenti Awstrijaċi li jsegwu l-istudji tagħhom fl-Awstrija u l-istudenti ta’ Stati Membri oħra li fl-Awstrija jwettqu wkoll l-istudji tagħhom, peress illi tali kundizzjoni hija iktar faċilment issodisfatta mill-istudenti Awstrijaċi peress illi l-ġenituri tagħhom, bħala regola ġenerali, jirċievu dawn l-allowances.

51      Tali nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament jmur kontra l-prinċipji li huma l-bażi tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġifieri l-garanzija, imfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, tal-istess trattament ġuridiku fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu (sentenza D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

52      Skont ġurisprudenza stabbilita, diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità tista’ tkun iġġustifikata biss jekk hija tibbaża fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti tan-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u li huma proporzjonati mal-għan leġittimu segwit mid-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 48, kif ukoll Bressol et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

53      F’dan il-każ, qabel ma anki tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-iskema ta’ tariffi tat-trasport imnaqqsa għall-istudenti taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

54      Bħala deroga għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 18 TFUE, u li dwaru l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxi biss espressjoni speċifika, l-Artikolu 24(2) għandu jiġi interpretat b’mod strett.

55      Jekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, it-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport mogħti lill-istudenti kkonċernati jikkostitwixxi għajnuna ta’ manteniment għal dawn tal-aħħar, hija biss l-għajnuna ta’ manteniment għall-istudji “f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti [boroż ta’ studju] jew f’self” li taqa’ taħt id-deroga tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

56      Kull interpretazzjoni oħra ta’ din id-dispożizzjoni tmur kontra mhux biss il-kitba tagħha, iżda wkoll tal-obbligu, li jaqa’ fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, li din id-deroga tiġi interpretata skont id-dispożizzjonjiet tat-Trattat, inklużi dawk relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, Ġabra p. I‑4585, punt 44).

57      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżistenza ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustiifkaw in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ikkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li t-tnaqqis fuq il-prezz tat-trasport jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-istudji u bħala konsegwenza ma għandux jiġi kkunsidrat indipendentement minn miżuri oħra li l-Istat Membru ta’ oriġini għandu l-obbligu li jieħu fil-qasam ta’ għajnuna għall-istudji. Ċerti Stati Membri jagħtu boroż ta’ studju kunsiderevolment iktar ġenerużi minn dawk mogħtija fl-Awstrija, b’mod li l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra jistgħu iktar faċilment ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja, inklużi l-ispejjeż ta’ trasport, milli l-istudenti Awstrijaċi. Jekk Stati Membri oħra għandhom sistema ta’ sussidju tal-istudenti iktar dgħajfa minn dik fis-seħħ fl-Awstirja, ma huwiex il-kompitu tal-Istat Membru ospitanti li jgħin l-istudenti li jkunu ġejjin minn tali Stati.

58      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha u skont l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm it-tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport ma jingħatax iktar peress illi l-istudent stess jirċievi dħul ogħla minn ċertu limitu, il-benefiċċju ta’ dan it-tnaqqis ma jippresupponix, bħala prinċipju, insuffiċjenza ta’ riżorsi. Bl-istess mod, fil-każ fejn l-għan segwit mir-Repubblika tal-Awstrija huwa li jiġi evitat li student li ġej minn Stat Membru ieħor ma jibbenefikax minn għajnuna finanzjarja doppja, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mill-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Awstrijak li, waqt l-għoti ta’ dan it-tnaqqis lill-istudenti li l-ġenituri tagħhom jirċievu allowances tal-familja Awstrijaċi, l-awtoritajiet kompetenti Awstrijaċi jieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji possibbilment mogħtija lil dawn l-istudenti fi Stat Membru ieħor.

59      Sa fejn l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija huwa intiż sabiex jikkontesta l-eżistenza ta’ obbligu għal Stat Membru ospitanti li jiffinanzja studenti li ma humiex integrati f’dan l-Istat, għandu jitfakkar li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu għal Stat Membru ospitanti li jkun jixtieq jiżgura ruħu bl-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-applikant ta’ benefiċċju u dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C‑138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 67; Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, kif ukoll Vatsouras u Koupatantze, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

60      Għalkemm id-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-persuni u, b’mod partikolari, tal-istudenti jammetti ċerta solidarjetà finanzjarja taċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti flimkien ma’ dawk tal-Istati Membri oħra (ara’ f’dan is-sens, is-sentenza Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44), hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi evitat li l-persuni li jeżerċitaw id-dritt għal residenza tagħhom, inklużi l-istudenti, ma jsirux piż mhux raġonevoli għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul l-ewwel perijodu ta’ residenza. L-eżerċizzju ta’ dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, għal perijodu li huwa iktar minn tliet xhur, huwa għalhekk, skont l-Artikolu 21 TFUE u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

61      Sistema nazzjonali li teħtieġ li student juri l-eżistenza ta’ rabta reali mal-Istat Membru ospitanti tista’ għalhekk twieġeb, fil-prinċipju, ma’ għan leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjonijiet għad-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 21 TFUE.

62      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li l-prova meħtieġa sabiex tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ tali rabta reali ma għandhiex ikollha natura wisq esklużiva, li tipprivileġġa indebitament element li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv tar-rabta bejn l-applikant għal tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport tal-Istat Membru li fih dan l-applikant isegwi l-istudji tiegħu, bl-esklużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, D’Hoop, punt 39, u Stewart, punt 95).

63      Minn naħa, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rabta reali meħtieġa bejn student, applikant għal benefiċċju, u l-Istat Membru ospitanti ma għandhiex tkun iffissata b’mod uniformi għall-benefiċċji kollha, iżda għandha tiġi stabbilita skont elementi kostituttivi tal-benefiċċju inkwistjoni, b’mod partikolari skont in-natura tiegħu u l-għanijiet tiegħu. L-għan tal-benefiċċju għandu barra minn hekk jiġi eżaminat skont ir-riżultati tiegħu u mhux skont l-istruttura tiegħu jew il-kwalifika formali tiegħu (ara, f’dan is-sens, Vatsouras u Koupatantze, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42).

64      Fir-rigward ta’ tnaqqis fuq it-tariffi tat-trasport għall-istudenti, l-eżistenza ta’ rabta reali bejn l-istudent li jsegwi l-istudji tiegħu u l-Istat Membru ospitanti tista’ effettivament tiġi vverifikata fir-rigward tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa, b’mod partikolari permezz tal-konstatazzjoni li l-persuna inkwistjoni ġiet irreġistrata, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, fi stabbiliment privat jew pubbliku, akkreditat jew iffinanzjat mill-Istat Membru ospitanti abbażi tal-leġiżlazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, biex hemmhekk isegwi prinċipalment l-istudji tiegħu, inkluż taħriġ professjonali.

65      Għandu għalhekk jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Awstrija ma stabbilixxietx li l-iskema Awstrijaka, applikabbli f’ċerti Länder, tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa għall-istudenti hija oġġettivament iġġustifikata.

66      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi rreżervat prinċipalment il-benefiċċju tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa unikament lill-istudenti li l-ġenituri tagħhom jirċievu allowances tal-familja Awstrijaċi, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38.

 Fuq l-ispejjeż

67      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi rreżervat prinċipalment il-benefiċċju tat-tariffi tat-trasport imnaqqsa unikament lill-istudenti li l-ġenituri tagħhom jirċievu allowances tal-familja Awstrijaċi, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 18 TFUE, 20 TFUE u 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.

2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.