Language of document : ECLI:EU:T:2011:288

Kawża T-210/08

Verhuizingen Coppens NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet — Tqassim tas-suq — Manipulazzjoni ta’ sejħiet għal offerti — Ksur uniku u kontinwu — Oneru tal-prova”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur uniku

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Rikors għal annullament — Suġġett — Motivi ta’ deċiżjoni — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni

(Artikolu 230 KE)

1.      Is-sempliċi fatt li l-għan ta’ ftehim li fih ipparteċipat impriża u dak ta’ akkordju globali jkunu l-istess, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, huwa biss jekk l-impriża, meta hija pparteċipat f’dan il-ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha fl-akkordju globali li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju globali. F’dan ir-rigward, l-impriża mhux meħtieġa tindika fuq inizjattiva tagħha stess, sa fejn hija kienet taf bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur, billi l-oneru tal-prova huwa tal-Kummissjoni. Din l-ewwel nett għandha tipprova fatt qabel mal-impriża kkonċernata tkun tista’ tikkontestah.

(ara l-punti 30, 31)

2.      Id-dispożittiv ta’ att huwa inseparabbli mill-motivi tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk meħtieġ, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu. Filwaqt li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni biss huwa suxxettibbli li jipproduċi effetti legali, jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni sa fejn, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att jew jekk dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni.

(ara l-punt 34)