Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2016 – Mubarak et vs Il-Kunsill

(Kawża T-275/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Gamal Mohamed Hosni Elsayed Mubarak (il-Kajr, l-Eġittu), Alaa Mohamed Hosni Elsayed Mubarak (il-Kajr), Heidy Mahmoud Magdy Hussein Rasekh (il-Kajr), Khadiga Mahmoud El Gammal (il-Kajr) (rappreżentanti: B. Kennelly u J. Pobjoy, barristers, u G. Martin u M. Rushton, Solicitors)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/411, tat-18 ta’ Marzu 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2011/172/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2016 L 74, p. 40), sa fejn din tapplika għar-rikorrenti;

tiddikjara li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011 L 76, p. 63) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011 L 76, p. 4) huma inapplikabbli sa fejn japplikaw għar-rikorrenti, u għalhekk, tannulla d-Deċiżjoni (PESK) 2016/411, sa fejn din tapplika għar-rikorrenti,

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv: il-Kunsill naqas milli jidentifika bażi legali xierqa għall-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172/PESK (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni”) u għall-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 270/2011 (iktar ’il quddiem ir-“regolament”). Ebda prova ma tippermetti li jiġi stabbilit li l-Kunsill wettaq eżami tal-bażi legali tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni meta adotta d-deċiżjoni (PESK) 2016/411 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), minkejja l-obbligu espress stabbilit f’dan is-sens mill-Artikolu 5 tad-deċiżjoni. Il-fatt li l-Artikolu 1(1) seta’ kellu bażi legali valida matul l-adozzjoni inizjali tiegħu fil-21 ta’ Marzu 2011 ma jagħtix lil din id-dispożizzjoni bażai legali li tibqa’ sal-2016 u lil hinn.

It-tieni motiv: il-Kunsill kiser id-drittijiet irrikonoxxuti lir-rikorrenti mill-Artikolu 6 TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 3 TUE, u mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, meta qies li l-proċeduri ġudizzjarji fl-Eġittu kienu josservaw id-drittijiet fundamentali.

It-tielet motiv: il-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li l-kriterju li għandu jiġi osservat biex il-partijiet jitniżżlu fil-lista msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni u fl-Artikolu 2(1) tar-regolament kien sodisfatt.

Ir-raba’ motiv: il-Kunsill ma pprovdiex motivazzjoni suffiċjenti biex jerġa jinkludi lir-rikorrenti.

Il-ħames motiv: il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. B’mod partikolari, il-Kunsill naqas milli jeżamina fil-fond u b’mod imparzjali jekk ir-raġunijiet allegati, intiżi biex jiġġustifikaw l-inklużjoni l-ġdida tagħhom, kinux ibbażati fuq dikjarazzjonijiet bil-quddiem tal-partijiet.

Is-sitt motiv: il-Kunsill kiser, b’mod inġustifikat u sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż id-dritt għal protezzjoni tal-proprjetà u tar-reputazzjoni tagħhom. L-effetti tad-deċiżjoni kkontestata fuq ir-rikorrenti huma kunsiderevoli, kemm fir-rigward tal-proprjetà kif ukoll fir-rigward tar-reputazzjoni tagħhom fuq skala dinjija. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill naqas milli jipprova li l-iffriżar tal-beni u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti kellu jew kien iġġustifikat minn għan leġittimu u, a fortiori, li kien proporzjonat għal tali għan.

____________