Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Giudice di pace di Roma (l-Italja) fis-16 ta’ Ottubru 2017 – Pina Cipollone vs Ministero della Giustizia

(Kawża C-600/17)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Giudice di pace di Roma

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pina Cipollone

Konvenut: Ministero della Giustizia (ministeru għall-ġustizzja)

Domandi preliminari

L-attività fis-servizz tal-Giudice di Pace rikorrenti taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” previst fid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 1(3) u 7 tad-Direttiva 2003/88 1 , fil-Klawżola 2 tal- Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], approvat bid-Direttiva 1999/70 2 u fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-Maġistrat ordinarju jew “togato” jista’ jitqies bħala ħaddiem għal żmien indeterminat paragunabbli għall-ħaddiem għal żmien determinat “Giudice di Pace” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], approvat bid-Direttiva 1999/70?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, id-differenza fil-proċedura ta’ reklutaġġ għal żmien indeterminat tal-maġistrati ordinarji, meta mqabbla mal-proċeduri ta’ għażla ex lege adottati għar-reklutaġġ għal żmien determinat tal-Giudice di Pace, tikkostitwixxi bażi oġġettiva fis-sens tal-Klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], approvat bid-Direttiva 1999/70, sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikazzjoni – fil-ġurisprudenza tal-Corte di Cassazione (qorti tal-kassazzjoni) sedenti f’Awli magħquda fis-Sentenza Nru 13721/2017 u tal-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) fl-opinjoni tat-8 ta’ April 2017 Nru 464/2017 – fir-rigward tal-Giudici di Pace, bħal fil-każ tar-rikorrenti, ħaddiema għal żmien determinat, tal-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol applikabbli għall-maġistrati ordinarji impjegati għal żmien indeterminat paragunabbli; u sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżuri preventivi u ta’ sanzjoni kontra l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, previsti fil-Klawżola 5 tal-imsemmi ftehim qafas approvat bid-Direttiva 1999/70 u tal-leġiżlazzjoni interna li titrasponiha. Dan fid-dawl tal-fatt li fl-ordinament ġuridiku Taljan ma jeżistx dispożizzjonijiet, anki kostituzzjonali, li jistgħu jiġġustifikaw kemm id-diskriminazzjoni fuq il-kundizzjonijiet ta’ xogħol, kif ukoll il-projbizzjoni assoluta li r-relazzjoni fis-servizz tal-Giudici di Pace jiġi kkonvertit f’wieħed għal żmien indeterminat, kif ukoll fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni preċedenti tad-dritt intern (Liġi Nru 217/1974) li kienet diġà pprevediet l-ekwiparabbiltà tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-istabbilizzazjoni tal-imħallfin onorarji speċifikament vice pretori onorari)?

F’kull każ, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-kunċett, previst fid-dritt tal-Unjoni, ta’ imħallef indipendenti u imparzjali, jipprekludu li Giudice di Pace, li huwa interessat f’soluzzjoni determinata tal-kawża favur ir-rikorrent li bħala l-unika attività ta’ xogħol jaqdi l-istess funzjoni ġudizzjarja, ikun jista’ jissostitwixxi ruħu għall-imħallef kompetenti fl-Italja sabiex jisma’ tilwim fid-dritt tax-xogħol b’mod ġenerali jew tilwim dwar il-maġistrati ordinarji, minħabba li l-qorti tal-aħħar istanza – il-Corte di Cassazione (qorti tal-kassazzjoni) sedenti f’Awli magħquda – tirrifjuta li tiżgura l-ħarsien effettiv tad-drittijiet invokati u protetti mid-dritt Komunitarju, u b’dan il-mod iġġiegħel lill-qorti naturalment kompetenti [it-Tribunale del lavoro (qorti industriali) jew it-Tribunale amministrattivo regionale (qorti amministrattiva reġjonali)] tiddikjara, fejn meħtieġ, li hija ma għandhiex kompetenza jew ġurisdizzjoni, minkejja li d-dritt inkwistjoni – il-ħlas tal-leave, kif mitlub fir-rikors – huwa msejjes fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea, li huwa vinkolanti u jipprevali fuq id-dritt Taljan? Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li hemm ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, qed jintalab, barra minn hekk, li jiġu indikati r-rimedji interni sabiex jiġi evitat li l-ksur tal-leġiżlazzjoni primarja tad-dritt tal-Unjoni jkun jinvolvi wkoll iċ-ċaħda assoluta fid-dritt intern tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni fil-kawża inkwistjoni?

____________

1 Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2 Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).