Language of document : ECLI:EU:C:2008:727

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Diċembru 2008 (*)

“Direttiva 95/46/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Ipproċessar u moviment ta’ data fiskali personali – Protezzjoni ta’ individwi – Libertà tal-espressjoni”

Fil-Kawża C‑73/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2007, fil-kawża

Tietosuojavaltuutettu

vs

Satakunnan Markkinapörssi Oy,

Satamedia Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Ó Caoimh, Presidenti ta’ Awla, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy, minn P. Vainio, lakimies,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. I. Fernandes u C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk u K. Petkovska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Docksey u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn it-tietosuojavaltuutettu (Ombudsman għall-protezzjoni tad-data) u t-tietosuojalautakunta (Kummissjoni għall-protezzjoni tad-data) dwar attivitajiet li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali min-naħa tal-kumpanniji Satakunnan Markkinapörssi Oy (iktar ’il quddiem “Markkinapörssi”) u Satamedia Oy (iktar ’il quddiem “Satamedia”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva hija intiża għall-protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikulari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

4        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jipprovdi:

“Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu t-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolat “Definizzjonijiet” jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‛data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‛suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‛ipproċessar ta’ data personali’ (‛ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

c)      ‛sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

[…]”

6        L-Artikolu 3 tad-direttiva jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ pproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–         minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

7        Ir-relazzjoni bejn il-protezzjoni ta’ data personali u l-libertà tal-espressjoni hija regolata bl-Artikolu 9 tad-Direttiva, bit-titlu “L-ipproċessar ta’ data personali u libertà tal-espressjoni”, kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu għal eżenzjonijiet jew derogi mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-Kapitolu IV u l-Kapitolu V dwar l-ipproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew għall-iskop ta’ espressjoni artistika jew letterarja jekk dawn ikunu meħtieġa biss biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja parivata mar-regoli li jirregolaw il-libertà ta’ l-espressjoni.”

8        F’dan ir-rigward, il-premessa 37 tad-Direttiva tipprovdi kif ġej:

“(37)Billi l-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet ta’ ġurnaliżmu jew għal għanijiet ta’ espressjoni letterarja jew artistika, partikolarment fil-qasam audio-viżwali, għandu jikkwalifika għal eżenzjoni minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva meta dan ikun meħtieġ biex issir rikonċiljazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali ta’ individwi u l-libertà ta’ l-informazzjoni, u l-iktar mad-dritt li tingħata u tintbagħat informazzjoni, kif garantita partikolarment bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; billi Stati Membri għandhom għalhekk jistabbilixxu eżenzjonijiet u derogi meħtieġa għall-fini ta’ bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali dwar miżuri ġenerali ta’ leġitimità ta’ l-ipproċessar tad-data, miżuri dwar it-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi u s-setgħat ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni; billi dan iżda m’għandux iwassal lil Stati Membri li jistabbilixxu eżenzjonijiet mill-miżuri li jassiguraw is-sigurtà ta’ l-ipproċessar; billi l-awtorità ta’ superviżjoni responsabbli għal dan is-settur għandha wkoll mill-inqas tkun provduta b’ċerti poteri ex-post, e.g. li tippubblika rapport regolari jew li tirreferi affarijiet lill-awtoritajiet ġudizjarji”.

9        L-Artikolu 13 tad-Direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet” jipprovdi:

“1.      Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

a)      sigurtà nazzjonali;

[…]”

10      L-Artikolu 17 tad-Direttiva, bit-titlu “Sigurtà ta’ l-ipproċessar” jistipula:

“1. Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jagħtu protezzjoni lil data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trasmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ pproċessar.

Meħud kont ta’ l-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex ikunu implimentati, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta iġibu magħhom.

2.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu li meta l-ipproċessar isir f’isem il-kontrollur, huwa għandu jagħżel proċessur li jagħti garanziji suffiċjenti dwar miżuri tekniċi ta’ sigurtà u miżuri organizzattivi li jirregolaw l-ipproċessar li jkollu jsir, u għandu jassigura li jitħarsu dawk il-miżuri.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      L-Artikolu 10(1) tal-Kostituzzjoni [perustuslaki (731/1999)] tal-11 ta’ Ġunju 1999 jipprovdi:

“Kulħadd għandu d-dritt għall-ħajja privata, l-unur u l-invjolabbiltà tar-residenza. Il-protezzjoni tad-data personali hija regolata mil-liġi.”

12      Skont l-Artikolu 12 tal-Kostituzzjoni:

“Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni. Il-libertà ta’ espressjoni tinkludi d-dritt li wieħed jesprimi, jippubblika u jirċievi opinjonijiet u messaġġi oħrajn mingħajr ebda ċensura minn qabel. Għandhom jiġu adottati bil-liġi dispożizzjonijiet aktar preċiżi fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni. […]

Dokumenti u reġistrazzjonijiet oħrajn fil-pussess tal-awtoritajiet huma pubbliċi sakemm il-karattru pubbliku tagħhom ma jkunx ġie limitat speċifikament għal raġunijiet indispensabbli. Kulħadd għandu d-dritt li jikseb informazzjoni fuq dokumenti u reġistrazzjonijiet pubbliċi.”

13      Il-liġi fuq id-data personali [henkilötietolaki (523/1999)] tat-22 ta’ April 1999 li tittrasponi d-Direttiva fil-dritt nazzjonali, tapplika għall-ipproċessar ta’ data bħal din (l-Artikolu 2(1)), bl-eċċezzjoni ta’ ħażniet ta’ data personali li jkun fihom biss materjal ippubblikat diġà mill-mezzi ta’ komunikazzjoni (l-Artikolu 2(4)). Hija tapplika biss parzjalment ġħall-ipproċessar tad-data personali għal skopijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew letterarja (l-Artikolu 2(5)).

14      L-Artikolu 32 tal-liġi dwar id-data personali jipprovdi li min ikun responsabbli mis-sistema ta’ ħażna għandu l-obbligu li jimplementa miżuri tekniċi u organizzattivi li huma indispensabbli għall-protezzjoni tad-data personali minn aċċess inġustifikat, telf, distruzzjoni, tibdil, ċessjoni jew trasferiment aċċidentali jew illegali, jew kwalunkwe pproċessar illegali tad-data.

15      Il-liġi dwar in-natura pubblika tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi, [laki viranomaisten toiminnan julkisuudesta (621/1999)] tal-21 ta’ Mejju 1999, tirregola ukoll l-aċċess għall-informazzjoni.

16      Skont l-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar in-natura pubblika tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi, ir-regola ġenerali hija li d-dokumenti koperti minn din il-liġi, huma pubbliċi.

17      L-Artikolu 9 tal-imsemmija liġi jipprovdi li kulħadd għandu d-dritt isir jaf b’dokumenti pubbliċi tal-imsemmija awtoritajiet.

18      L-Artikolu 16(1) tal-istess liġi jiddefinixxi r-regoli dettaljati dwar l-aċċess għal tali dokument. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument oralment jew ipoġġuh għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-uffiċċji tagħhom fejn ikun jista’ jiġi kkonsultat jew jiġi kkuppjat, jew jinstema’ jew fejn tista’ tinkiseb ukoll kopja jew ripproduzzjoni pprintjata tiegħu.

19      Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meta data mis-sistema ta’ ħażna li tinkludi data personali tal-awtoritajiet pubbliċi tista’ tiġi pprovduta:

“Huwa possibbli li jinkisbu mis-sistema ta’ ħażna ta’ awtorità, kopja jew riproduzzjoni pprintjata li jkun fihom data personali jew id-data relattiva f’format elettroniku, meta din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, jekk id-destinatarju jkun awtorizzat, skont id-dispożizzjonijiet fuq il-protezzjoni tad-data personali, li jaħżen u jipproċessa din id-data. Id-data personali tista’ tingħata wkoll għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta kif ukoll għal stħarriġ tal-opinjoni pubblika jew riċerka tas-suq imma biss jekk dan ikun previst speċifikament jew jekk is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu.”

20      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-liġi dwar in-natura pubblika u l-kunfidenzjalità tad-data fiskali [laki verotustietojen julkisuudesta ja salassapidosta (1346/1999)] tat-30 ta’ Diċembru 1999, tipprevali fuq il-liġi dwar id-data personali u fuq il-liġi dwar in-natura pubblika tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi.

21      Skont l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar in-natura pubblika tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-liġi dwar id-data personali japplikaw għad-dokumenti u d-data fiskali, ħlief meta l-liġi tistipula l-kuntrarju.

22      L-Artikolu 3 ta’ din l-istess liġi jipprovdi:

“Id-data fiskali għandha tiġi ppubblikata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi.

Kulħadd għandu d-dritt li jikseb informazzjoni dwar dokumenti fiskali pubbliċi disponibbli għand l-awtoritajiet tat-taxxa skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi dwar in-natura pubblika tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi, bla preġudizzju għall-eċċezzjonijiet stipulati f’din il-liġi.”

23      Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi, l-informazzjoni ta’ natura pubblika dwar l-att tat-tassazzjoni, ta’ kull sena tinkludi l-isem tal-persuna taxxabbli, id-data tat-twelid tagħha u l-komun fejn toqgħod. Hija pubblika, fost affarijiet oħra, id-data li ġejja:

“1.      Id-dħul minn xogħol taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa statali;

2.      Id-dħul minn kapital u patrimonju taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa statali;

3.      Id-dħul taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa komunali;

4.      L-ammont globali tat-taxxa fuq id-dħul u fuq il-patrimonju, tat-taxxa komunali kif ukoll tat-taxxi imposti.

[…]”

24      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tal-kapitlu 24 tal-kodiċi penali [rikoslaki fil-versjoni li tirriżulta mil-liġi 531/2000] jippenalizza t-tixrid ta’ informazzjoni li tippreġudika l-ħajja privata. B’hekk, huwa ppenalizzat it-tixrid ma’ numru ta’ persuni, permezz tal-medja jew metodi oħra, ta’ informazzjoni, insinwazzjonijiet jew stampi li jirrigwardaw il-ħajja privata ta’ persuni oħra, f’sitwazzjonijiet fejn jistgħu joħolqu preġudizzju jew dannu, jew malafama lill-persuna leża.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25      Markkinapörssi ilha, għal diversi snin, tiġbor mingħand l-awtoritajiet Finlandiżi tat-taxxa, data pubblika sabiex tippubblika kull sena, siltiet minn din id-data fl-edizzjonijiet reġjonali tal-gazzetta Veropörssi.

26      L-informazzjoni mogħtija f’din il-pubblikazzjoni tinkludi l-isem u l-kunjom ta’ madwar 1.2 miljun individwu li d-dħul tagħhom jaqbeż ċertu ammont, kif ukoll, b’marġini ta’ approssimazzjoni ta’ EUR 100, l-ammont tad-dħul tagħhom mill-kapital u mix-xogħol u indikazzjonijiet dwar it-tassazzjoni tal-partimonju tagħhom. Din l-informazzjoni tingħata bħala lista f’ordni alfabetika u kklassifikata skont il-komun u l-kategorija tad-dħul.

27      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Markkinapörssi indikat li d-data personali mogħtija tista’ tiġi rtirata mill-gazzzetta Veropörssi, fuq talba u mingħajr ħlas.

28      Għalkemm il-gazzetta tinkludi wkoll artikli, sinteżijiet u avviżi, l-għan ewlieni tagħha huwa li tippubblika informazzjoni fiskali personali.

29      Markkinapörssi ttrasferiet fil-forma ta’ CD-ROM, data personali ppubblikata fil-Veropörssi, lil Satamedia, proprjetà tal-istess azzjonisti, sabiex tiġi mxerrda permezz tas-sistema ta’ SMS. Għal dan il-għan, iż-żewġ kumpaniji ffirmaw ftehim ma’ kumpanija tat-telefonija ċellulari li, għan-nom ta’ Satamedia stabbilixxiet servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża t-telefown ċellulari jirċievi fuq it-telefown tiegħu, għall-ħlas ta’ madwar EUR 2, l-informazzjoni ppubblikata fil-Veropörssi. Iżda jekk jintalab hekk, id-data personali tiġi rtirata mis-servizz.

30      It-tietosuojavaltuutettu u t-tietosuojalautakunta, l-awtoritajiet Finlandiżi responsabbli għall-protezzjoni tad-data, jikkontrollaw l-ipproċessar tad-data personali u għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet taħt il-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi dwar id-data personali.

31      Wara lmenti minn individwi dwar intrużjoni fil-ħajja privata tagħhom, it-tietosuojavaltuutettu inkarigat bl-investigazzjoni tal-attività ta’ Markkinapörssi u Satamedia, talab fl-10 ta’ Marzu 2004 lit-tietosuojalautakunta tipprekludi lil dawn tal-aħħar milli jkomplu l-attivitajiet relativi għall-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni.

32      Peress li t-tietosuojalautakunta ċaħdet din it-talba, it-tietosuojavaltuutettu ressaq rikors quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (it-Tribunal Amministrattiv ta’ Helsinki) li wkoll ċaħad dan ir-rikors. Għaldaqstant, it-tietosuojavaltuutettu appella quddiem il-Korkein hallinto-oikeus.

33      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-appell imressaq mit-tietosuojavaltuutettu ma jirrigwardax it-trasferiment tal-informazzjoni mill-awtoritajiet Finlandiżi. Hija tippreċiża li lanqas in-natura pubblika tad-data fiskali ma qiegħda tiġi kkontestata. Bil-kontra, hija għandha xi dubji dwar l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għandha tiġi kkunsidrata bħala ‘ipproċessar ta’ data personali’ skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [...] attività li tikkonsisti:

a)      fil-ġbir ta’ data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u fl-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni,

b)      fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f’ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta’ listi dettaljati kklassifikati skont il-komun,

c)       fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali,

d)      fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ dik il-persuna?

2)       Id-Direttiva [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li d-diversi attivitajiet imsemmijin aktar ’il fuq fis-subparagrafi 1a sa 1d jistgħu jiġu kkunsidrati bħala pproċessar ta’ data personali magħmul biss għal għanijiet ġurnalistiċi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, meta jitqies il-fatt li d-data inkwistjoni, li tikkonċerna aktar minn miljun persuna taxxabbli, inġabret minn dokumenti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni? Għall-finijiet tal-kunsiderazzjoni tal-kawża hu rilevanti l-fatt li l-għan prinċipali tal-attività hija l-pubblikazzjoni ta’ din id-data?

3)       L-Artikolu 17 tad-Direttiva [...] moqri flimkien mal-prinċipji u l-għanijiet tal-istess Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-pubblikazzjoni ta’ data miġbura għal għanijiet ġurnalistiċi u l-għoti ulterjuri tagħha għal skopijiet kummerċjali?

4)       Id-Direttiva [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sistemi ta’ ħażna ta’ data personali li jkun fihom biss materjal ippubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

35      Għandu jiġi kkonstatat li d-data li għaliha tirreferi din id-domanda, li tikkonċerna l-isem u l-kunjom ta’ ċerti individwi li d-dħul tagħhom jaqbeż ċertu ammont, kif ukoll, b’mod partikulari u b’marġini ta’ approssimazzjoni ta’ EUR 100, l-ammont tad-dħul tagħhom mix-xogħol u mill-kapital, hija data personali skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva, peress li tirrigwarda “data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli” (ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I-4989, punt 64).

36      Biżżejjed jingħad li jirriżulta b’mod ċar mill-kliem stess tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva, li l-attività inkwistjoni taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “ipproċessar ta’ data personali” skont din id-dispożizzjoni.

37      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li attività li tikkonsisti:

–        fil-ġbir ta’ data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u fl-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni,

–        fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f’ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta’ listi dettaljati kklassifikati skont il-komun,

–        fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali,

–        fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ dik il-persuna

għandha tiġi kkunsidrata bħala “ipproċessar ta’ data personali” skont din id-dispożizzjoni.

 Fuq ir-raba’ domanda

38      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-attivitajiet tal-ipproċessar ta’ data personali bħal dawk imsemmija fis-subparagrafi ċ u d tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw sistemi ta’ ħażna ta’ data personali li jkun fihom biss materjal diġà ppubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

39      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, din tal-aħħar tapplika biss għall-ipproċessar ta’ data personali f’żewġ każijiet.

40      L-ewwel każ jikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fi ħdan attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, bħalma huma dawk previsti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ, l-ipproċessar li jirrigwarda s-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat (inkluż il-ġid ekonomiku tal-Istat meta l-ipproċessar ikun marbut ma’ kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-Istat) u l-attivitajiet tal-Istat relattivi għal oqsma tal-liġi kriminali.

41      Dawn l-attivitajiet imsemmija bħala eżempji fl-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni huma, f’kull każ, attivitajiet tal-Istat jew tal-awtoritajiet tal-Istat u m’għandhomx x’jaqsmu mal-oqsma ta’ attività tal-individwi. Huma intiżi sabiex jiddefinixxu l-portata tal-eċċezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, bir-riżultat li l-eċċezzjoni tapplika biss għall-attivitajiet li huma espressament imsemmija jew li jistgħu jiġu kklassifikati fl-istess kategorija (ejusdem generis) (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01 Ġabra. p. I-12971, punti 43 u 44).

42      Issa, l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali bħal dawk imsemmija fis-subparagrafi (ċ) u (d) tal-ewwel domanda jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ kumpanija privata. Dawn l-attivitajiet ma jaqgħu bl-ebda mod f’qafas stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u li jirrigwarda s-sigurtà pubblika. Għaldaqstant, dawn l-attivitajiet ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-317/04 u C‑318/04, Ġabra p. I-4721, punt 58).

43      Fir-rigward tat-tieni każ, previst fit-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, il-premessa 12 tad-Direttiva dwar din l-eċċezzjoni, issemmi bħala eżempji ta’ pproċessar ta’ data magħmul minn individwu fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklużivament personali jew domestiċi, il-korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi.

44      Minn dan jirriżulta li din it-tieni eċċezzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tirreferi biss għal attivitajiet li jaqgħu fil-qafas tal-ħajja privata jew familjari tal-individwi (ara s-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Dan, kjarament, mhuwiex il-każ f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ Markkinapörssi u Satamedia, li l-għan tagħhom huwa li jrendu d-data miġbura aċċessibbli għal numru indefinit ta’ persuni.

45      Għaldaqsant, għandu jiġi konkluż li l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali bħal dawk imsemmija fis-subparagrafi ċ u d tal-ewwel domanda, ma jaqgħu taħt l-ebda wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-direttiva.

46      Barra minn hekk, għandu jingħad li d-direttiva ma tipprovdi għal ebda limitazzjoni ulterjuri tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

47      F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali rrilevat, fil-punt 125 tal-konklużjoni tagħha, li l-Artikolu 13 tad-direttiva jawtorizza li jsiru derogi għal ċerti dispożizzjonijiet biss, u l-Artikolu 3 ma jagħmilx parti minnhom.

48      Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat li deroga ġenerali għall-applikazzjoni tad-direttiva favur l-informazzjoni ppubblikata, tippriva ferm lid-direttiva mis-sens tagħha. Fil-fatt, ikun biżżejjed li l-Istati Membri jippubblikaw xi data sabiex din ma tibqax tgawdi mill-protezzjoni pprovduta mid-Direttiva.

49      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali bħal dawk imsemmija fis-subparagrafi ċ u d tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw sistemi ta’ ħażna tal-awtoritajiet pubbliċi li jkun fihom data personali li tinkludi biss materjal diġà ppubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

50      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 9 tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (d) tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw data miġbura minn dokumenti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom ikunu kkunsidarati bħala attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali magħmula biss għal għanijiet ġurnalistiċi. Din il-qorti tixtieq li tiġi ċċarata l-kwistjoni jekk il-fatt li l-għan ewlieni ta’ dawn l-attivitajiet huwa li tiġi ppubblikata d-data inkwistjoni, huwiex relevanti għal din l-evalwazzjoni.

51      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan segwit minnha u tas-sistema li hija tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Caffaro, C-265/07, Ġabra p. I-7085, punt 14).

52       F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-direttiva, li l-għan tagħha huwa li l-Istati Membri, filwaqt li jippermettu t-tixrid ħieles tad-data personali, jiżguraw protezzjoni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ persuni naturali, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar tal-imsemmija data.

53      Madankollu, dan l-għan ma jistax jintlaħaq jekk ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija drittijiet fundamentali għandhom ikunu rrikonċiljati, sa ċertu punt, mad-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni.

54      Tali rikonċiljazzjoni hija msemmija fl-Artikolu 9 tad-direttiva. Kif jirriżulta b’mod partikolari, mill-premessa 37 tad-direttiva, l-Artikolu 9 tagħha għandu l-għan li jirrikonċilja żewġ drittijiet fundamentali, jiġifieri minn naħa, il-protezzjoni tal-ħajja privata, u min-naħa l-oħra, il-liberta tal-espressjoni. Din hija r-responsabbilità tal-Istati Membri.

55      Sabiex jiġu rrikonċiljati dawn iż-żewġ “drittijiet fundamentali” fis-sens tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu ċertu derogi jew limitazzjonijiet għall-protezzjoni tad-data, u konsegwentement, tad-dritt fundamentali tal-ħajja privata, previsti fil-Kapitoli II, IV u VI ta’ din id-direttiva. Dawn id-derogi għandhom isiru biss għal għanijiet ġurnalistiċi jew ta’ espressjoni artistika jew letterarja, li jaqgħu taħt id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, biss jekk dawn ikunu meħtieġa biex jirrikonċiljaw id-dritt tal-ħajja privata mar-regoli li jirregolaw il-libertà tal-espressjoni.

56       Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza tal-libertà tal-espressjoni f’kull soċjetà demokratika, hemm bżonn li, minn naħa, il-kunċetti marbuta magħha, fosthom dak tal-ġurnaliżmu, jiġu interpretati b’mod wiesa’. Min-naħa l-oħra, u sabiex jintlaħaq bilanċ bejn iż-żewġ drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali tal-ħajja privata titlob li d-derogi u l-limitazzjonijiet għall-protezzjoni tad-data previsti fil-kapitoli msemmija iktar ’il fuq tad-direttiva, għandhom jiġu applikati biss safejn dan ikun assolutament meħtieġ.

57      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat dan li ġej.

58      Fl-ewwel lok, kif indikat l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha u kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tad-direttiva, l-eċċezzjonijiet u d-derogi previsti fl-Artikolu 9 tad-direttiva ma japplikawx biss għall-mezzi tal-komunikazzjoni iżda wkoll għall-persuni kollha li jiżvolġu attività ġurnalistika.

59      Fit-tieni lok, il-fatt li pubblikazzjoni ta’ data pubblika jkollha l-għan li jsir qligħ, ma jeskludix a priori li tista’ tkun ikkunsidrata bħala attività “biss għal għanijiet ġurnalistiċi”. Fil-fatt, kif irrilevaw Markkinapörssi u Satamedia fl-osservazzjonijiet tagħhom u l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tagħha, kull impriża għandha l-għan li tagħmel qligħ. Ċertu suċċess kummerċjali jista’ wkoll jikkostitwixxi l-kundizzzjoni sine qua non tal-eżistenza tal-attività professjonali tal-ġurnaliżmu.

60      Fit-tielet lok, għandhom jiġu kkunsidarti l-evoluzzjoni u ż-żjieda fil-mezzi ta’ komunikazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni. Kif ġie rrilevat diġà, b’mod partikulari, mill-Gvern Żvediż, il-mezz li jintuża għat-tixrid ta’ data pproċessata, jekk hux dak klassiku bħall-użu ta’ karti jew frekwenzi tar-radju, inkella dak elettroniku bħall-Internet, mhuwiex relevanti sabiex jiġi evalwat jekk attività tiġix żvolta “biss għal għanijiet ġurnalistiċi”.

61      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li attivitajiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonċernaw data miġbura minn dokumenti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom ikunu kkunsidarati bħala “attivitajiet b’għanijiet ġurnalistiċi” jekk l-għan tagħhom huwa t-tixrid ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku, bi kwalunkwe mezz użat biex tinxtered l-informazzjoni. Mhumiex biss irriżervati għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, u jistgħu jkollhom l-għan li jsir qligħ.

62      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 9 tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (d) tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw data miġbura minn dokumenti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom ikunu kkunsidarati bħala attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali magħmula “biss għal għanijiet ġurnalistiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk l-uniku għan tal-imsemmija attivitajiet huwa t-tixrid ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

 Fuq it-tielet domanda

63      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 17 tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-pubblikazzjoni ta’ data miġbura għal għanijiet ġurnalistiċi u l-għoti tagħha għal skopijiet kummerċjali.

64      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, m’hemmx għalfejn tingħata risposta għal din id-domanda.

Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data għandu jiġi interpretat fis-sens li attività li tikkonsisti:

–        fil-ġbir ta’ data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ individwi minn dokumenti pubbliċi tal-awtoritajiet tat-taxxa u fl-ipproċessar tagħha għall-finijiet ta’ pubblikazzjoni,

–        fil-fatt li d-data tiġi ppubblikata f’ordni alfabetika u skont il-klassi tad-dħul, fil-forma ta’ listi dettaljati kklassifikati skont il-komun,

–        fil-fatt li d-data titqassam ukoll fuq CD-ROM biex tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali,

–        fil-fatt li d-data tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ servizz ta’ SMS li jippermetti lil min juża telefown ċellulari, wara li jibgħat l-isem u r-residenza ta’ persuna, jikseb b’risposta data fuq id-dħul minn xogħol u kapital kif ukoll fuq il-patrimonju ta’ dik il-persuna,

għandha tiġi kkunsidrata bħala ‘ipproċessar ta’ data personali’ skont din id-dispożizzjoni.

2)      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (d) tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw data miġbura minn dokumenti pubbliċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandhom ikunu kkunsidarati bħala attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali magħmula “biss għal għanijiet ġurnalistiċi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk l-uniku għan tal-imsemmija attivitajiet huwa t-tixrid ta’ informazzjoni, opinjonijiet jew ideat lill-pubbliku. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

3)      L-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ data personali bħal dawk imsemmija fis-subparagrafi (ċ) u (d) tal-ewwel domanda, li jikkonċernaw sistemi ta’ ħażna tal-awtoritajiet pubbliċi li jkun fihom data personali li tinkludi biss materjal diġà ppubblikat mill-mezzi ta’ komunikazzjoni li ma jkunx ġie mibdul, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.