Language of document : ECLI:EU:C:2009:716

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Novembru 2009 (*)

“Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikoli 2(l), 5, 6 u 7 – Kunċetti ta’ ‘dewmien’ u ta’ ‘kanċellazzjoni’ ta’ titjira – Dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien – Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’”

Fil-Kawżi magħquda C‑402/07 u C‑432/07,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) u mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija) permezz ta’ deċiżjonijiet tas-17 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Ġunju 2007, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu u fit-18 ta’ Settembru 2007 rispettivament, fil-proċeduri

Christopher Sturgeon,

Gabriel Sturgeon,

Alana Sturgeon

vs

Condor Flugdienst GmbH (C‑402/07),

u

Stefan Böck,

Cornelia Lepuschitz

vs

Air France SA (C‑432/07),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, aġent President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský (relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Settembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal C. Sturgeon u G. Sturgeon kif ukoll għal A. Sturgeon, minn R. Schmid, Rechtsanwalt,

–        għal S. Böck u C. Lepuschitz, minn M. Wukoschitz, Rechtsanwalt,

–        għal Condor Flugdienst GmbH, minn C. Marko u C. Döring, Rechtsanwälte,

–        għal Air France SA, minn O. Borodajkewycz, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijakk, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Grieg, minn S. Chala u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Hare, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent, assistita minn D. Beard, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Vidal‑Puig u P. Dejmek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(l), 5, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi, minn naħa, bejn C. Sturgeon u l-familja tiegħu (iktar ’il quddiem il-“membri tal-familja Sturgeon” kontra l-kumpannija tal-ajru Condor Flugdienst GmbH (iktar ’il quddiem “Condor”) (C‑402/07) u, min-naħa l-oħra, bejn S. Böck u C. Lepuschitz kontra l-kumpannija tal-ajru Air France SA (iktar ’il quddiem “Air France”) (C‑432/07), dwar ir-rifjut ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru li jikkumpensaw lil dawn il-passiġġieri li twasslu fl-ajruport ta’ destinazzjoni tagħhom permezz ta’ rotta oħra b’dewmien ta’ 25 u 22 siegħa rispettivament meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 1 sa 4 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

(3)      Filwaqt li r-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91, tal-4 ta’ Frar 1991, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306)] ħoloq protezzjoni bażika għal passiġġieri, in-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom tibqa’ għolja wisq, bħalma tibqa’ dik affettwata minn kanċellazzjonijiet mingħajr notifika minn qabel u dik affettwata minn dewmien twal.

(4)       Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f'suq illiberalizzat.”

4        Skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004:

“Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

5        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

l)       ‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

6        L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8;

[…]

(ċ)       jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

         […]

(iii) huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

7        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dewmien”, jipprovdi dan li ġej:

“1.      Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

a)      għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1 500 kilometru jew inqas; jew

b)      għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(ċ)       għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

i)      l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

ii)      meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii)  meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.      Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

8        L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)      EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas;

b)      EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilomentru;

(ċ)       EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

2.      Meta passiġġieri huma offruti possibiliá oħra biex jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom fuq titjira alternattiva skond l-Artikolu 8, il-ħin tal-wasla ta' liema ma taqbiżx il-ħin tal-wasla skedat tat-titjira rreġistrata oriġinarjament

a)      b’sagħtejn, fir-rigward tat-titjiriet kollha ta’ 1 500 kilometru jew inqas; jew

b)      b’tlett sigħat, fir-rigward tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1 500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1 500 u 3 500 kilometru; jew

(ċ)       b’erba’ sigħat, fir-rigward tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista' jnaqqas il-kumpens previst fil-paragrafu 1 bi 50 %.

[…]”

9        L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li meta jsir riferiment għal dan l-artikolu, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn, skont dan il-paragrafu 1(a), ir-rimbors u titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq tagħhom jew, skont l-imsemmi paragrafu 1(b) u (c), rotta differenti għad-destinazzjoni finali tagħhom taħt kundizzjonijiet paragunabbli ta’ trasport.

10      Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004, meta jsir riferiment għal dan l-artikolu, il-passiġġieri għandhom jiġu offruti, mingħajr ħlas, skont dan l-Artikolu 9(1)(a), xorb u possibbiltà ta’ ikel, skont l-imsemmi Artikolu 9(1)(b) u (c), akkomodazzjoni f’lukanda u t-trasport sal-lukanda, kif ukoll, skont l-istess Artikolu 9(2), il-possibbiltà li jagħmlu żewġ telefonati, jew li jibagħtu żewġ messaġġi bit-telex, bil-faks jew bil-posta elettronika, mingħajr ħlas.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C‑402/07

11      Il-membri tal-familja Sturgeon irreżervaw titjira bir-ritorn ma’ Condor minn Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja) għal Toronto (il-Kanada).

12      It-titjira tar-ritorn Toronto/Frankfurt-am-Main kellha titlaq fid-9 ta’ Lulju 2005 fl-16.20. Wara ċ-check-in, il-passiġġieri ta’ din it-titjira ġew informati li din tal-aħħar kienet ikkanċellata, kif kien qed jiġi indikat mill-bord tal-avviżi tal-ajruport. Huma ħadu lura l-bagalji tagħhom, u twasslu f’lukanda fejn qattgħu l-lejl. L-għada, dawn il-passiġġieri għamlu ċ-check-in ma’ bankun ta’ kumpannija tal-ajru oħra għal titjira li kellha l-istess numru bħal dak li kien jidher fuq ir-reżervazzjoni tagħhom. Condor ma organizzatx titjira ġdida bl-istess numru għall-jum inkwistjoni. Huma ngħataw postijiet differenti minn dawk li kienu ngħataw il-jum ta’ qabel. Ir-reżervazzjoni lanqas ma nbidlet f’reżervazzjoni għal titjira organizzata minn kumpannija oħra. It-titjira kkonċernata waslet fi Frankfurt-am-Main fil-11 ta’ Lulju 2005 għall-ħabta tas-7.00, jiġifieri b’madwar 25 siegħa ta’ dewmien meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat.

13      Il-membri tal-familja Sturgeon ikkunsidraw li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha hawn fuq imsemmija, u b’mod partikolari, tad-dewmien ta’ iktar minn 25 siegħa, l-imsemmija titjira ma kinitx imdewma iżda kkanċellata.

14      Il-membri tal-familja Sturgeon ippreżentaw rikors kontra Condor quddiem l-Amtsgericht Rüsselsheim (il-Ġermanja) li fih huma talbu, minn naħa, kumpens ta’ EUR 600 għal kull persuna u, min-naħa l-oħra, danni, peress li skont huma, id-dannu subit kien jirriżulta mhux minn dewmien iżda minn kanċellazzjoni ta’ titjira.

15      Condor talbet li r-rikors hekk ippreżentat jiġi miċħud minħabba li t-titjira inkwistjoni kienet ġiet imdewma u mhux ikkanċellata. Wara li kienet spjegat, qabel il-kawża, li dan id-dewmien kien dovut għal uragan lil hinn mill-baħar tal-Karibew, matul il-proċedura, Condor attribwixxiet l-imsemmi dewmien għal nuqqasijiet tekniċi tal-ajruplan u għal marda tal-ekwipaġġ tal-kabina.

16      L-Amtsgericht Rüsselsheim iddeċidiet li ma kienx hemm kanċellazzjoni iżda dewmien u, konsegwentement, ċaħdet it-talba għal kumpens magħmula mill-membri tal-familja Sturgeon. Dawn tal-aħħar appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Darmstadt, li kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza.

17      Il-membri tal-familja Sturgeon sussegwentement ressqu rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesgerichtshof.

18      Peress li qieset li d-deċiżjoni tal-imsemmi rikors kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(l) u 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kelma ‘kanċellazzjoni’ huwa deċiżiv il-fatt li t-titjira oriġinali skedata tiġi abbandunata, bir-riżultat li d-dewmien, irrispettivament mit-tul tiegħu, ma jikkostitwixxix kanċellazzjoni jekk it-trasportatur tal-ajru ma jabbandunax attwalment l-iskeda tat-titjira oriġinali?

2.      Jekk ir-risposta hija fin-negattiv: f’liema ċirkustanzi d-dewmien ta’ titjira skedata ma għandux iktar jiġi kkunsidrat bħala dewmien iżda bħala kanċellazzjoni? Ir-risposta għal din id-domanda hija dipendenti fuq it-tul tad-dewmien?”

 Il-Kawża C‑432/07

19      S. Böck u C. Lepuschitz irreżervaw titjira bir-ritorn ma’ Air France fuq titjiriet regolari minn Vjenna (l-Awstrija) għall-Belt tal-Messiku (il-Messiku) via Pariġi (Franza).

20      It-tluq tat-titjira Belt tal-Messiku/Pariġi li S. Böck u C. Lepuschitz kellhom jieħdu kellu jseħħ fis-7 ta’ Marzu 2005 fid-21.30. Fil-ħin taċ-check-in, il-persuni kkonċernati ġew immedjatament informati, qabel ma bdew iċ-check-in, li t-titjira tagħhom kienet ġiet ikkanċellata. Din il-kanċellazzjoni kienet dovuta għal bdil fl-iskeda tat-titjiriet bejn il-Belt tal-Messiku u Pariġi, minħabba problema teknika fuq ajruplan li kellu jiżgura l-konnessjoni bejn Pariġi u l-Belt tal-Messiku, u minħabba l-osservanza tal-ħin tal-mistrieħ regolamentari tal-ekwipaġġ tal-kabina.

21      Sabiex jaslu iktar kmieni fid-destinazzjoni, S. Böck u C. Lepuschitz aċċettaw l-offerta li saritilhom minn Air France sabiex jieħdu titjira mal-kumpannija tal-ajru Continental Airlines, li t-tluq tagħha kien skedat l-għada, it-8 ta’ Marzu 2005, f’12.20. Il-biljetti tagħhom l-ewwel ġew ikkanċellati qabel ma nħarġu biljetti ġodda fil-bankun ta’ din l-aħħar kumpannija tal-ajru.

22      Il-passiġġieri l-oħra tal-imsemmija titjira Belt tal-Messiku-Pariġi, li ma ħadux it-titjira operata minn Continental Airlines, telqu mill-Belt tal-Messiku flimkien ma’ xi passiġġieri oħra, fit-8 ta’ Marzu 2005, fis-19.35. Din it-titjira, li n-numru oriġinali tagħha kellu warajh l-ittra “A”, saret minbarra t-titjira regolari operata minn Air France fl-istess ġurnata.

23      S. Böck u C. Lepuschitz waslu Vjenna bi kważi 22 siegħa ta’ dewmien meta mqabbel mal-ħin tal-wasla skedat.

24      Il-persuni kkonċernati ppreżentaw rikors quddiem il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (l-Awstrija) kontra Air France, u talbu mingħandha s-somma ta’ EUR 600 għal kull persuna bħala kumpens, skont l-Artikoli 5 u 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom. L-imsemmija qorti ċaħdet din it-talba għaliex, minkejja d-dewmien manifest tat-titjira, ir-Regolament Nru 261/2004 ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li t-titjira ġiet ikkanċellata. S. Böck u C. Lepuschitz appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Handelsgericht Wien.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5, flimkien mal-Artikoli 2(1) u 6 tar-Regolament [...] Nru 261/2004 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li dewmien fit-tluq ta’ 22 siegħa jikkostitwixxi ‘dewmien’ taħt l-Artikolu 6?

2.      L-Artikolu 2(l) tar-Regolament [...] Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-każijiet li fihom il-passiġġieri jiġu ttrasportati b’dewmien kunsiderevoli (22 siegħa), fuq titjira li jkollha numru ta’ titjira supplimentari (numru ta’ titjira inizjali miżjud b’‘A’), li fuqha madankollu ġew ittrasportati parti biss — minkejja li kunsiderevoli — mill-passiġġieri li kellhom reżervazzjoni fuq it-titjira inizjali u li magħhom ingħaqdu passiġġieri oħra, jikkostitwixxu ‘kanċellazzjoni’ pjuttost milli ‘dewmien’?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

3.      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [...] Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li problemi tekniċi tal-ajruplan u t-tibdiliet fil-ħinijiet tat-tluq riżultat ta’ dan jikkostitwixxu ċirkustanzi straordinarji (li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha)?”

26      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2007, il-Kawżi C‑402/07 u C‑432/07 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

27      Quddiem il-qrati tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali talbu mingħand Condor u mingħand Air France rispettivament il-ħlas tal-kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 minħabba li dawn il-kumpanniji wassluhom fl-ajruport tad-destinazzjoni b’dewmien ta’ 25 u 22 siegħa rispettivament meta mqabbla mal-ħin tal-wasla skedat. Condor u Air France jiddikjaraw li dawn ir-rikorrenti ma għandhom dritt għal ebda kumpens peress li, minn naħa, it-titjiriet ikkonċernati ma ġewx ikkanċellati iżda biss imdewma u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 261/2004 jistipula dritt għal kumpens biss fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira. Barra minn hekk, dawn il-kumpanniji tal-ajru jsostnu li l-wasla tardiva tal-imsemmija titjiriet kienet dovuta għal nuqqasijiet tekniċi li seħħew fuq l-ajruplan, li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li jeħilsuhom mill-obbligu li jħallsu kumpens.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qrati tar-rinviju, id-domandi magħmula għandhom jiġu mifhuma fis-sens li jirrigwardaw, essenzjalment, jekk:

–        dewmien ta’ titjira għandux jiġi kkunsidrat bħala kanċellazzjoni ta’ titjira skont l-Artikoli 2(l), u 5 tar-Regolament Nru 261/2004 meta dan id-dewmien ikun twil;

–        l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati ma’ passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, u

–        problema teknika fuq ajruplan taqax fil-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

 Fuq l-ewwel parti tad-domandi preliminari li tirrigwarda l-kunċett ta’ dewmien

29      Ir-Regolament Nru 261/2004 ma jinkludix definizzjoni ta’ “dewmien ta’ titjira”. Madankollu, dan il-kunċett jista’ jiġi spjegat skont il-kuntest li fih jinsab.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li t-“titjira” skont ir-Regolament Nru 261/2004 tikkonsisti f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru magħmula minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines, C‑173/07, Ġabra p. I‑5237, punt 40). Għaldaqstant, ir-rotta hija element essenzjali tat-titjira, peress li din tal-aħħar issir skont skeda stabbilita minn qabel mit-trasportatur.

31      Barra minn hekk, mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta wkoll li l-leġiżlatur Komunitarju żamm kunċett ta’ “dewmien ta’ titjira” li jissemma biss meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat u li konsegwentement jimplika li, wara l-ħin tat-tluq, l-elementi l-oħra li jaffettwaw it-titjira għandhom jibqgħu l-istess.

32      Għaldaqstant, titjira hija “imdewma” skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk tkun saret skont l-iskeda inizjalment stabbilita u jekk il-ħin effettiv tat-tluq huwa tardiv meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat.

33      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, b’differenza mid-dewmien ta’ titjira, il-kanċellazzjoni hija l-konsegwenza tal-fatt li t-titjira inizjalment skedata ma tkunx saret. Minn dan jirriżulta, f’dan ir-rigward, li t-titjiriet ikkanċellati u t-titjiriet imdewma huma żewġ kategoriji ta’ titjiriet distinti ħafna. Għalhekk minn dan ir-regolament ma jistax jiġi dedott li titjira mdewma tista’ tiġi kklassifikata bħala “titjira kkanċellata” minħabba s-sempliċi fatt li d-dewmien ġie mtawwal, anki jekk b’mod sinjifikattiv.

34      Konsegwentement, titjira mdewma, indipendentement mit-tul tad-dewmien, anki jekk ikun sinjifikattiv, ma tistax titqies li hija titjira kkanċellata meta jkun hemm tluq skont l-iskeda inizjalment stabbilita.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sakemm il-passiġġieri nġarru fuq titjira li l-ħin tat-tluq tagħha ddewwem meta mqabbel mal-ħin tat-tluq inizjalment skedat, it-titjira tista tiġi kklassifikata bħala “ikkanċellata” biss jekk it-trasportatur tal-ajru jipprovdi t-trasport tal-passiġġieri fuq titjira oħra, li l-iskeda inizjali tagħha tkun differenti minn dik tat-titjira inizjalment skedata.

36      Għalhekk, bħala regola, huwa possibbli li jiġi konkluż li hemm kanċellazzjoni meta t-titjira inizjalment skedata u mdewma tinbidel f’titjira oħra, jiġifieri meta l-iskeda tat-titjira inizjali tiġi abbandunata u l-passiġġieri tagħha jingħaqdu ma’ dawk ta’ titjira skedata wkoll, u dan indipendentement mit-titjira li għaliha l-passiġġieri hekk ittrasferiti kienu għamlu r-reżervazzjoni tagħhom.

37      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi konkluż, bħala regola, li hemm dewmien jew kanċellazzjoni ta’ titjira abbażi ta’ indikazzjoni ta’ “dewmien” jew “kanċellazzjoni” li tkun tqegħdet fil-bord tal-avviżi tal-ajruport jew li tkun ingħatat mill-persunal tat-trasportatur tal-ajru. Bl-istess mod, bħala regola, il-fatt li l-passiġġieri jieħdu lura l-bagalji tagħhom jew jiksbu karti ta’ imbarkazzjoni ġodda ma huwiex element deċiżiv. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex marbuta ma’ karatteristiċi oġġettivi tat-tijira bħala tali. Dawn jistgħu jkunu imputabbli għal żbalji ta’ klassifikazzjoni jew għal fatturi li jeżistu fl-ajruport inkwistjoni jew, inkella, jistgħu jiġu imposti fir-rigward tal-ħin ta’ stennija u tan-neċessità, għall-passiġġieri kkonċernati, li jqattgħu lejl f’lukanda.

38      Bħala regola, ma huwiex iktar determinanti l-fatt li l-kompożizzjoni tal-grupp ta’ passiġġieri li inizjalment kellhom reżervazzjoni tkun essenzjalment identika għal dik tal-grupp li sussegwentement ġie ttrasportat. Fil-fatt, meta d-dewmien imqabbel mal-ħin tat-tluq inizjalment skedat jitwal, in-numru ta’ passiġġieri li jifformaw l-ewwel grupp jista’ jonqos minħabba l-fatt li xi passiġġieri jkunu ġew offruti rotta oħra fuq titjira oħra u minħabba li passiġġieri oħra jkunu rrinunzjaw, għal raġunijiet personali, li jieħdu t-titjira mdewma. Min-naħa l-oħra, meta xi postijiet ikunu saru vakanti fuq it-titjira inizjalment skedata, xejn ma jipprekludi lit-trasportatur milli jinkludi passiġġieri addizzjonali qabel ma jitlaq l-ajruplan li t-titjira tiegħu tkun iddewmet.

39      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2(l) u 5 u 6 tar-Regolament Nru 231/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira mdewma, indipendentement mit-tul tad-dewmien, anki jekk sinjifikattiv, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kkanċellata meta ssir skont l-iskeda inizjalment stabbilita mit-trasportatur tal-ajru.

 Fuq it-tieni parti tad-domandi preliminari li tirrigwarda d-dritt għal kumpens fil-każ ta’ dewmien

40      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri inkwistjoni għandhom id-dritt għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament.

41      Min-naħa l-oħra, mill-kliem tar-Regolament Nru 261/2004 ma jirriżultax espressament li l-passiġġieri tat-titjira mdewma jibbenefikaw minn tali dritt. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-ġurisprudenza tagħha, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 50, u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 34).

42      F’dan ir-rigward, id-dispożittiv ta’ att Komunitajru ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tiegħu u għandu jiġi interpretat, jekk ikun neċessarju, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għandu jiġi rrilevat li anki jekk il-possibbiltà li jinvokaw iċ-“ċirkostanzi straordinarji”, li tippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jeżentaw ruħhom mill-ħlas tal-kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, tissemma biss fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-kanċellazzjoni ta’ titjira, il-premessa 15 tal-imsemmi regolament tipprovdi madankollu li din il-ġustifikazzjoni tista’ wkoll tiġi invokata meta deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li tikkonċerna ajruplan partikolari għal ġurnata partikolari tikkawża “dewmien twil [jew] dewmien ta’ matul il-lejl”. Peress li l-kunċett ta’ dewmien twil huwa msemmi fil-kuntest ta’ ċirkustanzi straordinarji, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur rabtu wkoll mad-dritt għal kumpens.

44      Dan huwa impliċitament ikkorroborat mill-għan tar-Regolament Nru 261/2004 peress li mill-premessi 1 sa 4 ta’ dan ir-regolament, u b’mod partikolari mill-premessa 2, jirriżulta li l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri tal-ajru irrispettivament mill-fatt jekk tħallewx jitilgħu fuq l-ajruplan, jekk kienx hemm kanċellazzjoni jew dewmien tat-titjira, peress li lkoll huma vittmi ta’ diffikultajiet u ta’ inkonvenjenzi serji simili marbuta mat-trasport tal-ajru.

45      Dan huwa l-każ ukoll speċjalment peress li d-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru, inklużi dawk li jagħtu dritt għal kumpens, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann, C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 17).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett ma jistax jiġi preżunt li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma ma għandhomx dritt għal kumpens u ma jistgħux jiġu assimilati ma’ passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ tali dritt.

47      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att Komunitarju għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’tali mod li ma tiġix ikkontestata l-validità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑403/99, Ġabra p. I‑6883, punt 37). Bl-istess mod, meta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju jista’ jkollha iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata prijorità lil dik li għandha n-natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Land de Sarre et, 187/87, Ġabra p. 5013, punt 19, u tal-24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, Ġabra p. I‑1129, punt 21).

48      F’dan ir-rigward, l-atti Komunitarji kollha għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mad-dritt primarju kollu, li tinkludi konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 70, u tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95).

49      Fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 261/2004, li huwa li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, billi jingħata kumpens għad-danni kkawżati lill-persuni kkonċernati waqt it-trasport bl-ajru, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu f’dan ir-regolament għandhom ikunu paragunabbli skont it-tip u d-daqs tal-inkonvenjenzi differenti u tad-danni subiti mill-passiġġieri kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 82, 85, 97 u 98).

50      F’din il-kawża għandha tiġi pparagunata s-sitwazzjoni ta’ passiġġieri ta’ titjiriet imdewma u dik ta’ passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati.

51      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż sabiex jikkumpensa danni b’mod standardizzat u immedjat, u dan b’diversi forom ta’ interventi li huma s-suġġett ta’ skemi li jirrigwardaw sitwazzjonijiet fejn passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu, ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

52      B’dawn l-interventi, ir-Regolament Nru 261/2004 għandu l-għan li jikkumpensa, fost l-oħrajn, id-dannu li, għall-passiġġieri kkonċernati, jikkonsisti f’telf ta’ ħin li ma huwiex riparabbli, minħabba n-natura irriversibbli tiegħu, ħlief b’kumpens.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali dannu jiġi subit kemm mill-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati kif ukoll mill-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jekk, qabel ma jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, dawn iqattgħu iktar ħin jivvjaġġaw minn dak li inizjalment kien stabbilit mit-trasportatur tal-ajru.

54      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom kienet is-suġġett ta’ kanċellazzjoni u dawk affettwati minn dewmien ta’ titjira jsofru dannu simili, konsistenti f’telf ta’ ħin, u jsibu ruħhom f’sitwazzjonijiet paragunabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

55      Iktar preċiżament, is-sitwazzjoni ta’ passiġġieri ta’ titjiriet imdewma bl-ebda mod ma hija differenti minn dik tal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati li jingħataw rotta oħra skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, u li jistgħu jiġu informati bil-kanċellazzjoni tat-titjira, in extremis, fil-mument stess li fih huma jaslu fl-ajruport (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder, C‑204/08, Ġabra p. I‑6073, punt 19).

56      Fil-fatt, minn naħa, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri huma informati, bħala regola, fl-istess ħin tal-inċident u dan jagħmel il-vjaġġ tagħhom bl-ajru iktar diffiċli. Min-naħa l-oħra, anki jekk jitwasslu sad-destinazzjoni finali tagħhom, huma jaslu hemm wara l-ħin inizjalment skedat u għalhekk huma jsofru telf ta’ ħin simili.

57      Minkejja dan, il-passiġġieri li jingħataw rotta oħra skont l-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004 jingħataw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta t-trasportatur ma jagħtihomx rotta oħra permezz ta’ titjira li titlaq mhux iktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u li tasal fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat. Dawn il-passiġġieri għalhekk jiksbu dritt għal kumpens peress li jkollhom telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar meta mqabbel mal-ħin li kien inizjalment skedat mit-trasportatur.

58      Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma ma jiksbux dritt għal kumpens, dawn ikunu qed jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minkejja li jsofru, fejn ikun il-każ, telf ta’ ħin simili, ta’ tliet sigħat jew iktar, waqt il-vjaġġ tagħhom.

59      Issa, l-ebda kunsiderazzjoni oġġettiva ma tidher li tista’ tiġġustifika tali differenza fit-trattament.

60      Peress li d-danni subiti mill-passiġġieri tal-ajru fil-każ ta’ kanċellament jew ta’ dewmien twil huma simili, ħlief bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma u dawk ta’ titjiriet ikkanċellati ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti. Dan huwa l-każ ukoll speċjalment fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 261/2004 li huwa li jkabbar il-protezzjoni tal-passiġġieri kollha tal-ajru.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 meta jsofru, minħabba tali titjiriet, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta huma jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla skedat mit-trasportatur tal-ajru.

62      Din is-soluzzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004. Fil-fatt, kif diġà ntqal fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkunsidrat li, b’din il-premessa, il-leġiżlatur rabat ukoll il-kunċett ta’ “dewmien twil” mad-dritt għal kumpens. F’dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett jikkorrispondi ma’ dewmien li miegħu l-leġiżlatur jorbot ċerti konsegwenzi legali. Filwaqt li l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament diġà jinkludi tali konsegwenzi legali fil-każ ta’ ċerti titjiriet li jiddewmu b’sagħtejn, il-premessa 15 tal-imsemmi regolament inevitabbilment tkopri dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar.

63      Għandu jiġi ppreċiżat li l-ammont ta’ kumpens dovut lil passiġġier bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jista’ jiġi mnaqqas b’50 % jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament ikunu sodisfatti. Anki jekk din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi biss għall-ipoteżi ta’ rotta oħra tal-passiġġier, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis tal-ammont tal-kumpens stipulat jiddependi biss fuq id-dewmien li sofrew il-passiġġieri, b’tali mod li xejn ma jipprekludi l-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ din id-dispożizzjoni għall-kumpens mogħti lill-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma. Minn dan jirriżulta li l-ammont tal-kumpens dovut lill-passiġġier ta’ titjira mdewma, li jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat, jista’ jitnaqqas b’50 %, skont l-Artikolu 7(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 meta d-dewmien jibqa’, għal titjira li ma taqax taħt l-Artikolu 7(2)(a) u (b), inqas minn erba’ sigħat.

64      Il-konklużjoni mogħtija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza ma hijiex imdgħajfa bil-fatt li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi forom differenti ta’ għajnuna għall-passiġġieri tat-titjiriet imdewma bis-saħħa tal-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament.

65      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, ir-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi diversi forom ta’ interventi sabiex jikkumpensaw, b’mod standardizzat u immedjat, id-danni differenti li jikkostitwixxu l-inkonvenjenzi kkawżati mid-dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 45).

66      Dawn il-miżuri huma awtonomi fis-sens li għandhom għanijiet differenti u huma intiżi sabiex inaqqsu d-danni differenti li l-imsemmija dewmien iġibu magħhom.

67      Minkejja dan, għandu jiġi mfakkar li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur ried ukoll jibbilanċja l-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u dawk tat-trasportaturi tal-ajru. Filwaqt li stabbilixxa drittijiet favur dawn il-passiġġieri, fl-istess ħin, fil-premessa 15 u fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, stipula li t-trasportaturi tal-ajru ma humiex obbligati jħallsu kumpens jekk ikunu f’pożizzjoni jipprovaw li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi imposti bir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għall-fatt li dawn it-trasportaturi jitolbu kumpens mingħand kull persuna li kkawżat id-dewmien, inklużi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Tali kumpens għaldaqstant għandu mnejn inaqqas, u saħansitra jeskludi, l-ispiża finanzjarja tal-imsemmija trasportaturi bħala riżultat ta’ dawn l-obbligi. Barra minn hekk, ma jidhirx irraġonevoli li dawn l-obbligi jkunu, bla ħsara għad-dritt għal kumpens imsemmi iktar ’il fuq, inizjalment imqegħda fuq it-trasportaturi bl-ajru li magħhom il-passiġġieri kkonċernati huma marbuta b’kuntratt ta’ trasport li jagħtihom dritt għal titjira li ma għandha tiġi la kkanċellata u lanqas imdewma (sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

69      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tieni parti tad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li jipprova li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑432/07 li tirrigwarda ċ-ċirkustanzi straordinarji li jirriżultaw minn problema teknika fuq ajruplan

70      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika fuq ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni ta’ titjira taqa fil-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u li fuqhom ma għandux kontroll effettiv (sentenza Wallentin‑Hermann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

71      L-istess konklużjoni għandha tintlaħaq meta jiġi invokat l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira.

72      Għalhekk, ir-risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C-432/07 għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika fuq ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien ta’ titjira taqa taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li fuqhom it-trasportatur ma għandux kontroll effettiv.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 2(l), 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira mdewma, indipendentement mit-tul tad-dewmien, anki jekk sinjifikattiv, ma tistax titqies li hija kkanċellata meta ssir skont l-iskeda inizjalment stabbilita mit-trasportatur tal-ajru.

2)      L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li jipprova li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv.

3)      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika fuq ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien ta’ titjira taqa taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li fuqhom it-trasportatur ma għandux kontroll effettiv.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.