Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-3 ta’ April 2014 – Minister van Buitenlandse Zaken vs K u A

(Kawża C-153/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Minister van Buitenlandse Zaken

Konvenuti: K u A

Domandi preliminari

a    Il-kunċett ta’ “miżuri ta’ integrazzjoni” – fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) – jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li membru tal-familja ta’ sponsor jippreżenta prova li għandu għarfien tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru sa livell li jikkorrispondi għal-livell A1 tal-qafas ta’ riferiment komuni Ewropew għal lingwi barranin, u li għandu għarfien bażiku dwar is-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, qabel ma dawn l-awtoritajiet jawtorizzaw id-dħul u r-residenza ta’ dan il-membru tal-familja?

b    Għall-finijiet tar-risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li, anki fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità, kif deskritt fil-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Novembru 2011 1 , dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu fl-Unjoni Ewropea, skont ir-regoli nazzjonali, li jinkludu l-obbligu msemmija fid-domanda 1.a, sakemm il-membru tal-familja ma jkunx stabbilixxa li, minħaba diżabbiltà mentali jew fiżika huwa ma jiinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jattendi għall-eżami ta’ integrazzjoni, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għad-dħul u għar-residenza hija miċħuda biss jekk ikunu ssodisfatti ċirkustanzi personali partikolari ħafna li jiġġustifikaw il-preżunzjoni li l-membru tal-familja ma jinsabx b’mod dewwiemi f’pożizzjoni li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ integrazzjoni?

L-għan tad-Direttiva 2003/86/KE u b’mod partikolari tal-Artikolu 7(2) tagħha, fid-dawl tal-eżami tal-proporzjonalità, kif deskritt fl-imsemmija Green Paper, jipprekludi li, għall-eżami li permezz tiegħu jiġi stabbilit jekk il-membru tal-familja jissodisfax l-imsemmija rekwiżiti ta’ integrazzjoni, ikollu jitħallas ammont ta’ EUR 350 għal kull darba li jittieħed l-eżami u li, fir-rigward tal-fajl għall-preparazzjoni għall-eżami, ikollu jitħallas ammont ta’ darba li jammonta għal EUR 110?

____________

1 KUMM/2011/0735 finali