Language of document : ECLI:EU:T:2011:260

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

8 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire – Iffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑86/11,

Nadiany Bamba, residenti f’Abidjan (Côte d’Ivoire), irrappreżentata minn P. Haïk u J. Laffont, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u A. Vitro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Cujo u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/18/PESK tal-14 ta’ Jannar 2011 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire (ĠU L 11, p. 36), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire (ĠU L 11, p. 1), sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża),

Komposta minn S. Papasavvas (Relatur), president, V. Vadapalas, K. Jürimäe, K. O’Higgins u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Nadiany Bamba, hija ċittadina tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire.

2        Fil-15 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r‑Riżoluzzjoni 1572 (2004) li biha, b’mod partikolari, afferma li s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire kienet qiegħda tkompli tipperikola l-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjuni u ddeċieda li jimponi ċerti miżuri restrittivi fil-konfront ta’ dan il‑pajjiż.

3        L-Artikolu 14 tar-Riżoluzzjoni 1572 (2004) iwaqqaf kumitat (iktar ’il quddiem il‑“Kumitat tas-sanzjonijiet”) inkarigat, b’mod partikolari, li jinnomina l-persuni u l-entitajiet li għandhom jintlaqtu mill-miżuri restrittivi fil-qasam tat-trasferiment u tal-iffriżar ta’ fondi, ta’ beni finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi li timponi l‑imsemmija riżoluzzjoni fil-punti 9 u 11 tagħha u li jżomm din il-lista aġġornata. Ir-rikorrenti qatt ma kienet ġiet identifikata mill-Kumitat tas-sanzjonijiet bħala li għandha tkun is-suġġett ta’ dawn il-miżuri.

4        Fit-13 ta’ Diċembru 2004, peress li kienet neċessarja azzjoni tal-Komunità Ewropea sabiex ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1572 (2004) tiġi implementata, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire (ĠU L 368, p. 50).

5        Fit-12 ta’ Diċembru 2005, peress li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implementati fuq livell Komunitarju l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2004/852, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s‑sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju [Côte d’Ivoire] (ĠU L 159M , 13.6.2006, p. 347).

6        Il-Pożizzjoni Komuni 2004/852 ġiet ipprorogata u emendata, l-aħħar darba, bil-Pożizzjoni Komuni 2008/873/PESK tal-Kunsill, tat-18 ta’ Novembru 2008, li ġġedded il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Kosta tal-Avorju [Côte d’Ivoire] (ĠU L 308, p. 52), qabel ma ġiet abrogata u ssostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK, tad-29 ta’ Ottubru 2010, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l‑Côte d’Ivoire (ĠU L 285, p. 28).

7        Fil-31 ta’ Ottubru u fit-28 ta’ Novembru 2010 nżammet elezzjoni sabiex jiġi nnominat il-president tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire.

8        Fit-3 ta’ Diċembru 2010, ir-rappreżentant speċjali tas-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Côte d’Ivoire ċċertifika r-riżultat definittiv tat-tieni parti tal-elezzjoni presidenzjali kif ipproklamat mill-president tal-Kummisjoni elettorali indipendenti fit-2 ta’ Diċembru 2010, li biha kkonferma lil Alassane Ouattara bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali.

9        Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill enfasizza l-importanza tal-elezzjoni presidenzjali tal-31 ta’ Ottubru u tat-28 ta’ Novembru 2010 sabiex jerġgħu lura l‑paċi u l-istabbiltà fil-Côte d’Ivoire u afferma li r-rieda espressa sovranament mill-poplu tal-Côte d’Ivoire kella imperattivament tiġi rrispettata. Huwa ħa nota wkoll tal-konklużjonijiet tas-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Côte d’Ivoire fil-kuntest tal-mandat ta’ ċertifikazzjoni tiegħu u feraħ lil A. Ouatara talli ġie elett president tar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire.

10      Fis-17 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Ewropew appella lill-kapijiet ċivili u militari tal-Côte d’Ivoire la ma kinux għadhom għamlu hekk sabiex joqogħdu għall-awtorità tal-president elett demokratikament, A. Ouattara. Huwa kkonferma d‑determinazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tieħu sanzjonijiet immirati fil-konfront ta’ dawk li kienu għadhom qegħdin jostakolaw ir-rispett tar-rieda espressa sovranament mill-poplu tal-Côte d’Ivoire.

11      Sabiex jimponi miżuri restrittivi, fil-qasam tat-trasferimenti, fil-konfront ta’ ċerti persuni li, minkejja ma kinux imsemmija mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, kienu qed jostakolaw il-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Côte d’Ivoire, b’mod partikolari dawk li jimminaċċaw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċess elettorali, il-Kunsill adotta d‑Deċiżjoni 2010/801/PESK, tat-22 ta’ Diċembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK (ĠU L 341, p. 45). Il-lista ta’ dawn il-persuni tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656.

12      L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/801, jaqra kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul jew it-transitu fit-territorji tagħhom:

(a)      tal-persuni msemmija fl-Anness I, maħtura mill-Kumitat tas-sanzjonijiet […];

(b)      tal-persuni msemmija fl-Anness II, li mhumiex inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I, u li jostakolaw il-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali u b’mod partikolari dawk li jheddu l-eżitu adatt tal-proċess elettorali.”

13      Fil-11 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/17/PESK, li temenda d‑Deċiżjoni 2010/656 (ĠU L 11, p. 31), sabiex jinkludi, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, persuni oħra fil-lista barra dawk imsemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656.

14      Fl-14 ta’ Jannar 2011, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, il‑Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/18/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/656 (ĠU L 11, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sabiex jimponi miżuri restrittivi supplimentari, b’mod partikolari ffriżar ta’ fondi, fuq il-persuni msemmija fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, u sabiex temenda din il-lista.

15      L-Artikolu 5(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendat bid-Deċiżjoni kkontestata, jaqra kif ġej:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn:

(a)      persuni msemmija fl-Anness I, innominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet […], jew li huma miżmuma minn entitajiet li huma fil-pussess ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet,

(b)      persuni jew entitajiet imsemmija fl-Anness II, li mhumiex inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I, u li jostakolaw il-proċess ta’ paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali, u b’mod partikolari dawk li jheddu l-eżitu adatt tal-proċess elettorali, jew li huma miżmuma minn entitajiet li huma fil-pussess ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom,

Għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fond, ass finanzjarju jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1. ”

16      Fid-dawl tal-minaċċa konkreta li s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire kellha għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali u sabiex tiżgura l-konformità mal-proċess ta’ emendament u ta’ reviżjoni tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2010/656, il-Kunsill adotta, fl-14 ta’ Jannar 2011, ir-Regolament (UE) Nru 25/2011, li jemenda r‑Regolament Nru 560/2005 (ĠU L 11, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

17      L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament ikkontestat, jaqra kif ġej:

“1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tal-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness I jew fl-Anness IA, jew li huma proprjetà tagħhom, li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

2. L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew legali, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew fl-Anness IA.

3. Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonali, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, li jiġu evitati l-miżuri imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu pprojbiti.

4. L-Anness I għandu jikkonsisti mill-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet u l-korpi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Deċiżjoni 2010/656/PESK tal-Kunsill, kif emendata.

5. L-Anness IA għandu jikkonsisti mill-persuni fiżiċi jew legali, l-entitajiet u l‑korpi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/656/PESK, kif emendata.”

18      Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata u tar-Regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”), il-Kunsill emenda l-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi li jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005. F’din l-okkażjoni, ġie inkluż l-isem tar-rikorrenti, għall-ewwel darba, fil-punt 6 tat-Tabella A (Persuni) ta’ kull wieħed minn dawn l-annessi, bl-indikazzjoni tal-motivazzjonijiet li ġejjin: “Direttriċi tal-Grupp Ċiklun, editriċi tal-Ġurnal ‘Le temps’: Tfixkil tal-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni permezz ta’ inċitament pubbliku għall-mibegħda u l-vjolenza u permezz tal-parteċipazzjoni f’kampanja ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010”.

19      Fit-18 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill ippubblika l-avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2010/656 u mir-Regolament Nru 560/2005 (ĠU C 14, p. 8). F’dan l-avviż, il‑Kunsill fakkar li kien iddeċieda li l-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendat bid-Deċiżjoni kkontestata, u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament ikkontestat, kellhom jiġu inklużi fil-listi tal-persuni u tal-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti minn dawn l-atti. Huwa ġibed barra minn hekk l-attenzjoni ta’ dawn il‑persuni u ta’ dawn l-entitajiet għall-fatt li huwa possibbli li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat membru kkonċernat talba intiża li tinkiseb l‑awtorizzazzjoni sabiex jintużaw il-fondi ffriżati sabiex iħallsu għal bżonnijiet essenzjali jew sabiex isiru ċerti pagamenti. Huwa ppreċiża, barra minn hekk, li dawn il-persuni u dawn l-entitajiet setgħu jibagħtulu talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li biha huma jkunu ġew inklużi fil-listi inkwistjoni. Fl-aħħar nett, il‑Kunsill semma l-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu quddiem il‑Qorti Ġenerali.

20      Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/71/PESK, li temenda d‑Deċiżjoni 2010/656 (ĠU L 28, p. 60), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 85/2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 560/2005 (ĠU L 28, p. 32), li biha huwa, b’mod partikolari, inkluda persuni u entitajiet ġodda fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005.

21      Fit-2 ta’ Frar 2011, il-Kunsill ippubblika avviż ġdid għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2010/656 u mir-Regolament Nru 560/2005 (ĠU C 33, p. 16) li bih ta lill-persuni kkonċernati l-istess informazzjoni bħal dik li tinsab fl-avviż tat-18 ta’ Jannar 2011.

22      Fis-6 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/221/PESK, li temenda d‑Deċiżjoni 2010/656 (ĠU L 93, p. 20), u r-Regolament (UE) Nru 330/2011, li temenda r-Regolament Nru 560/2005 (ĠU L 93, p. 10), li biha huwa, b’mod partikolari, impona miżuri restrittivi supplimentari u emenda l-listi tal-persuni u l‑entitajiet li jidhru fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2010/656 u fl-Annessi I u IA tar-Regolament Nru 560/2005.

23      Fis-7 ta’ April 2011, il-Kunsill ippubblika żewġ avviżi għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2010/656 tal-Kunsill, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/221, u fir-Regolament Nru 560/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 330/2011 (ĠU C 108, p. 2 u 4).

24      Fit-8 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/230/PESK, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/656 (ĠU L 97, p. 46), u r‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 348/2011, li jimplimenta r‑Regolament Nru 560/2005 (ĠU L 97, p. 1), li biha rtira erba’ entitajiet mil-lista li tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005.

25      Fid-29 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/261/PESK, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/656 (ĠU L 111, p. 17), u r‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 419/2011, li jimplimenta r‑Regolament Nru 560/2005 (ĠU L 111, p. 1), li biha rtira sitt entitajiet mil-lista li tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Frar 2011, ir‑rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess ġurnata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, hija ressqet talba għal proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2011, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) laqat talba intiża li l-kwistjoni tinqata’ bi proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

29      Fit-13 ta’ April 2011, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tal-ħames awla, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

30      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

31      B’att ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-11 ta’ Mejju 2011, il‑Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B’digriet tal-20 ta’ Mejju 2011, wara li nstemgħu l-partijiet, il‑President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ammetta dan l-intervent.

32      Il-partijiet instemgħu għat-trattazzjoni orali kif ukoll għar-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2011.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

34      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

35      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva u, it-tieni, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà.

36      Bl-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati jiksru d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal azzjoni ġudizzjarja quddiem qorti indipendenti u imparzjali, iggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p.1), u mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEBD”). Skont ir‑rikorrenti, l-atti kkontestati ma jipprevedu l-ebda proċedura li tiggarantixxi eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, ma jipprevedux il-komunikazzjoni ta’ motivazzjoni ċirkustanzjata tal-inklużjoni fil-lista tal-persuni li kienu s-suġġett tal-miżuri restrittivi, u ma jipprevedu la l-komunikazzjoni tal-mezzi u tat-termini għat-tressiq ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni ta’ inklużjoni f’din il-lista, u lanqas ma għandhom informazzjoni relatata għalhekk.

37      Għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-atti kkontestati ma jipprevedux il-komunikazzjoni ċirkustanzjata ta’ motivazzjoni tal-inklużjoni fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi l‑korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. B’hekk, l-obbligu li jiġi motivat att li jikkawża preġudizzju għandu bħala għan, minn naħa, li tingħata indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna interessata sabiex issir taf jekk l-att huwiex fondat jew ikunx eventwalment ivvizzjat minn difett li jippermetti li jiġi kkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dan l-att (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T‑228/02, Ġabra p. II-4665, iktar ’il quddiem is-“sentenza OMPI”, punt 138, u tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

39      L-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jkun jista’ jikkonċerna b’mod partikolari l-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata, f’dan il-każ, l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista li tikkostitwixxi l-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u tal-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005, u li twassal għall-impożizzjoni fuq dawn id-destinatarji ta’ numru ta’ miżuri restrittivi, timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija obbligata tikkomunika dawn il‑motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, sa fejn huwa possibbli, jew fil-mument li fih din l-inklużjoni tiġi deċiża, jew, għall-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li din kienet deċiża sabiex dawn id-destinatarji jkunu jistgħu jeżerċitaw, fit-termini previsti, id-dritt ta’ rikors tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 336, u s-sentenza Fahas vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

40      Fid-dawl tal-fatt li l-parti kkonċernata ma tingħatax dritt ta’ smigħ qabel l‑adozzjoni ta’ miżura inizjali li timponi dawn il-miżuri, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa iktar importanti, għaliex huwa jikkostitwixxi l-unika garanzija li tippermetti lill-parti kkonċernata, speċjalment wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li tagħmel użu effettiv mir-rimedji għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija miżura (ara s-sentenza OMPI, punt 140, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, meta l-Kunsill jiddeċiedi li japplika għal persuna jew għal entità l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/656, l-Artikolu 7(3) tagħha, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/801, jipprevedi li huwa jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, inklużi r-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fil-lista, jew direttament jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, filwaqt li jagħtiha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Wara, l‑Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2010/656, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/801, jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Anness II jindika r-raġunijiet tal-inklużjoni fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2a(1) u l-Artikolu 11a(3) tar-Regolament Nru 560/2005, li ddaħħlu f’dan tal-aħħar bir-Regolament ikkontestat, jipprevedu dispożizzjonijiet simili għal dawk li jidhru fl-Artikolu 7(3) u fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2010/656, fir-rigward tal-inklużjoni fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-korpi li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi bis-saħħa tal-imsemmi regolament, u ta’ inklużjoni fl-Anness IA tiegħu.

42      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li d-Deċiżjoni 2010/656 u r-Regolament Nru 560/2005 jipprevedu li l-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi għandhom jirċievu komunikazzjoni tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-listi li jidhru fl-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Anness IA tal-imsemmi regolament.

43      F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni li tgħid li l-atti kkontestati ma kinux jipprevedu l‑komunikazzjoni, b’mod preċiża u ddettaljata, tar-raġunijiet għall-akkuża u n‑natura tagħha ma għandhiex tintlaqa’, peress li hija bbażata, fid-dawl tal-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, fuq il-premessa li tgħid li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma ta’ natura kriminali u li l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEBD huwa applikabbli. Issa, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux sanzjoni kriminali u, barra minn hekk, ma jimplikaw ebda akkuża ta’ din in-natura (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il-Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 101, u Fahas vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67). Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3)(a) tal-KEBD, li jgħid li kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-dritt li jiġi informat minnufih, f’lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġunijiet tal-akkuża kontra tiegħu, huwa applikabbli biss f’materji kriminali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C‑14/07, Ġabra p. I-3367, punt 57).

44      Jibqa’ li jiġi mistħarreġ jekk, f’dan il-każ, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-persuni li tidher fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u fl-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005 ġewx ikkomunikati lilha b’mod li hija setgħet teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt tagħha għal azzjoni ġudizzjarja effettiva.

45      Skont ir-rikorrenti, ir-raġunijiet li jidhru fl-annessi tal-atti kkontestati (ara punt 18 iktar ’il fuq) ma jikkostitwixxux motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEBD u, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ fatti ċirkustanzjati li jistgħu jiġu imputati lilha, hija ma setgħetx tkun taf, b’mod iddettaljat, in-natura u r-raġuni tal-akkuża mressqa kontriha. F’dan il-kuntest, hija tenfasizza li tikkontesta li hija kienet ta’ ostakolu għall-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni, li kienet qiegħda tinċita għall-mibegħda u għall-vjolenza kif ukoll li kienet qiegħda tipparteċipa f’kampanja ta’ informazzjoni żbaljata, imma tikkonstata li ma kienx permess lilha li ssostni dan. Konsegwentement, kien impossibbli għaliha li tikkontesta, quddiem il-qorti tal-Unjoni, il-fondatezza tal-akkużi mressqa kontriha.

46      Il-Kunsill jirribatti li l-atti kkontestati jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mill-Artikolu 296 TFUE u kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza. Ir-raġunijiet li jidhru fl-atti kkontestati huma suffiċjenti sabiex jippermettu lir-rikorrenti tkun taf ir-raġunijiet għalfejn hija ġiet innominata u sabiex iqegħduha f’pożizzjoni li tippermettilha tikkontesta l-imsemmija raġunijiet.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżuri restrittivi, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, għandha tirreferi mhux biss għall-kundizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ta’ dan l‑att, iżda wkoll għar-raġunijiet speċifiċi li għalihom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-parti kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi OMPI, punt 146, u Fahas vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

48      Peress li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jitqiesu sabiex jadotta jew iżomm miżura ta’ ffriżar ta’ fondi, huwa ma għandux ikun obbligat li jindika, b’mod iktar speċifiku, kif l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrenti jikkontribwixxi, b’mod konkret, għall-ġlieda kontra t-tfixkil tal-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali jew li jipproduċi provi li juru li l-parti kkonċernata tista’ tuża l-fondi tagħha sabiex twettaq tali tfixkil fil-futur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Fahas vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-każ, mill-premessi 6 u 7 tad-Deċiżjoni kkontestata sostanzjalment jirriżulta li huwa fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire li l-Kunsill, b’mod partikolari, iddeċieda li jemenda l-lista tal-persuni, li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, li jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656. Bl-istess mod, skont il-premessa 4 tar-Regolament ikkontestat, huwa fid-dawl tal-minaċċa konkreta li s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire kienet qed twassal għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali u sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ proċess ta’ emendament u reviżjoni tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2010/656 li l-Kunsill emenda l-listi li jidhru fl-Annessi I u IA tar-Regolament Nru 560/2005.

50      Mill-punt 6 tat-Tabella A tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/656 u tat-Tabella A tal-Anness IA tar-Regolament Nru 560/2005 jirriżulta barra minn hekk li r‑rikorrenti ġiet inkluża fil-listi li jidhru fl-imsemmija annessi għar-raġuni li hija kienet direttriċi tal-Grupp Ċiklun, editriċi tal-Ġurnal ‘Le temps’, u li hija kienet fixklet il-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni permezz ta’ inċitament pubbliku għall-mibegħda u l-vjolenza u permezz tal-parteċipazzjoni f’kampanja ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010.

51      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-motivazzjoni, il-Kunsill sempliċement espona kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali. Huwa ma jindikax fil-fatt ir-raġunijiet speċifiċi li bihom iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni, li r-rikorrenti għandha tiġi suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

52      B’mod partikolari, l-indikazzjoni li r-rikorrenti hija direttriċi tal-Grupp ċiklun, editriċi tal-Ġurnal “Le temps”, ma tikkostitwixxix ċirkustanza tali li tagħti motivazzjoni suffiċjenti u speċifika għall-atti kkontestati fil-konfront tagħha. Din l-indikazzjoni, fil-fatt, ma tippermettix li wieħed jifhem kif ir-rikorrenti setgħet fixklet il-proċess ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni permezz tal-inċitament pubbliku għall-mibegħda u għall-vjolenza, u pparteċipat f’kampanja ta’ informazzjoni żbaljata fir-rigward tal-elezzjoni presidenzjali tal-2010. Ma ġie b’hekk invokat l‑ebda element konkret li jista’ jiġi imputat lir-rikorrenti, u li jkun jista’ jiġġustifika l-miżuri inkwistjoni.

53      Ċertament, skont il-ġurisprudenza, pubblikazzjoni ddettaljata tal-ilmenti mressqa kontra l-partijiet ikkonċernati tista’ mhux biss tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jirrigwardaw is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tiegħu, jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet barranin tagħhom, iżda wkoll tippreġudika l-interessi leġittimi tal-persuni u tal-entitajiet inkwistjoni, sa fejn hija tista’ tikkawża dannu gravi għar-reputazzjoni tagħhom, b’tali mod li għandu jiġi ammess eċċezzjonalment li huma biss id-dispożittiv, kif ukoll motivazzjoni ġenerali, li għandhom jidhru fil-verżjoni tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, peress li huwa mifhum li l-motivazzjoni speċifika u konkreta ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi fformalizzata u mgħarrfa lill-partijiet ikkonċernati b’kull mezz ieħor li huwa xieraq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is‑sentenza OMPI, punt 147). Madankollu, l-ebda element ma jippermetti li jitqies li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-pubblikazzjoni ddettaljata tal-ilmenti imputati lir-rikorrenti kienet ser tmur kontra tali kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali jew li jkunu ta’ ħsara għal dawn l-interessi leġittimi. Il-Kunsill barra minn hekk ma invoka l-ebda waħda minn dawn.

54      Fl-aħħar nett, anki jekk, fil-każ, mhux ta’ assenza, imma, bħal f’dan il-każ, ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, raġunijiet imressqa fil-kors tal-istanza jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jirrendu mingħajr skop motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 51), għandu jiġi kkonstatat, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata dikjarazzjoni dwar in-natura eċċezzjonali ta’ din is-sitwazzjoni li, f’kull każ, l-ebda informazzjoni supplimentari ma ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti wara l-adozzjoni tal-atti kkontestati, jew fil-kors tal-istanza quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Kunsill fil-fatt sempliċement, matul il-proċedura bil-miktub, fakkar li r-rikorrenti kienet ġiet inkluża fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi minħabba “r‑responsabbiltà tagħha għall-kampanja ta’ informazzjoni żbaljata u ta’ inċitament għall-mibegħda u għall-vjolenza inter-Komunitarja fil-Côte d’Ivoire”, filwaqt li żied li hija kienet “waħda mill-kollaboraturi l-iktar importanti” ta’ Laurent Gbagbo u li hija kienet it-“tieni konjuġi” tiegħu. Madankollu, matul is‑seduta, huwa indika lill-Qorti Ġenerali li ma kinitx din l-aħħar kwalità li kienet iġġustifikat l-inklużjoni tar-rikorrenti fl-imsemmija lista.

55      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx, wara l-pubblikazzjoni tal-atti kkontestati jew tal-avviż tat-18 ta’ Jannar 2011, talbet lill-Kunsill jikkomunikalha r-raġunijiet speċifiċi u konkreti tal-inklużjoni tagħha fil-lista inkwistjoni huwa irrilevanti f’dan il-każ, peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni jaqa’ fuq il-Kunsill u li dan tal-aħħar għandu jwettaq dan jew fil-mument li din l‑inklużjoni tiġi deċiża, jew, almenu, kemm jista’ jkun malajr wara li jkun għamel hekk, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq.

56      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati ma ppermettiex lir-rikorrenti tikontesta l-validità tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, u lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tagħhom.

57      Isegwi li l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati, sa fejn huma jikkonċernaw lir-rikorrenti, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra ta’ dan il‑motiv, u t-tieni motiv.

58      F’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tar-Regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga għall-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. Il-Kunsill għaldaqstant għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni ta’ din is-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżura restrittiva ġdida fil-konfront tar-rikorrenti. F’dan il-każ, ir-riskju ta’ preġudizzju serju u irreversibbli għall-effikaċja tal-miżuri restrittivi li jimponi r-Regolament ikkontestat ma jidhirx li huwa suffiċjentement għoli, fid-dawl tar-rilevanza importanti ta’ dawn il-miżuri għad-drittijiet u l‑libertajiet tar-rikorrenti, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tal-imsemmi regolament fil-konfront ta’ din tal-aħħar matul perijodu li jmur lil hinn minn dak previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59      F’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, li bis-saħħa tiegħu l-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun neċessarju, tiddikjara liema mill-effetti ta’ regolament annullat għandhom jiġu kkunsidrati li huma definittivi, jista’ jkun applikabbli, b’analoġija, ukoll għal deċiżjoni meta jkun hemm raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali, li jistgħu jitqabblu ma’ dawk li jseħħu fil-każ ta’ annullament ta’ ċerti regolamenti, li jiġġustifikaw li l-qorti tal-Unjoni teżerċita s-setgħa mogħtija lilha, f’dan il-kuntest, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-26 ta’ Marzu 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑271/94, Ġabra p. I-1689, punt 40 ; tat-12 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C-106/96, Ġabra p. I-2729, punt 41, u tat-28 ta’ Mejju 1998, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑22/96, Ġabra p. I-3231, punti 41 u 42). F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament ikkontestat u ta’ dik tad-Deċiżjoni kkontestata tista’ twassal għal preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi. L-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata għandhom għaldaqstant jinżammu fil-konfront tar-rikorrenti sa meta l‑annullament tar-Regolament ikkontestat jidħol fis-seħħ.

 Fuq l-ispejjeż

60      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

61      Skont l-Artikolu 87(4)(1) tal-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Hemm lok għaldaqstant li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni 2011/18/PESK tal-Kunsill, tal-14 ta’ Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK tal-Kunsill, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire, u r-Regolament (UE) Nru 25/2011 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d’Ivoire, huma annullati, sa fejn jikkonċernaw lil Nadiany Bamba.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2011/18 għandhom jinżammu, sa fejn jikkonċernaw lil N. Bamba, sakemm l-annullament tar-Regolament Nru 25/2011 jidħol fis-seħħ.

3)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, barra mill-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn N. Bamba.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Vadapalas

Jürimäe

O’Higgins

 

      Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Ġunju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.