Language of document : ECLI:EU:T:2012:447

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

19 ta’ Settembru 2012 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Għajnuna mill-Istat – Ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija fl-2008 u fl-2009 mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l-2008 u l-2009 – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Fumus boni juris – Urġenza – Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑52/12 R,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn I. Chalkias u S. Papaïoannou, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u S. Thomas, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal waqfien mill-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/157/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2011, dwar ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l-2008 u l-2009 (ĠU 2012, L 78, p. 21),

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Permezz ta’ liġi tal-1988, ġiet stabbilita l-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) li tappartjeni kollha kemm hi lill-Istat u li għandha bħala għan li tiżgura l-produzzjoni veġetali u annimali kif ukoll il-kapital veġetali u annimali tal-impriżi agrikoli kontra d-danni li jirriżultaw minn riskji naturali. L-assigurazzjoni għand l-ELGA hija obbligatorja, fejn id-dħul tal-ELGA huwa essenzjalment idderivat minn kontribuzzjoni speċjali ta’ assigurazzjoni – iffissata b’rata ta’ 3 % għall-prodotti ta’ oriġini veġetali u ta’ 0.5 % għall-prodotti ta’ oriġini annimali –, li hija imposta fuq il-produtturi agrikoli li jibbenefikaw mill-iskema ta’ assigurazzjoni.

2        Fl-2009, il-Gvern Grieg ipprovda għall-ħlas mill-ELGA ta’ kumpens li jammonta għal madwar EUR 425 miljun sabiex tilqa’ l-ilmenti espressi minn numru kbir ta’ produtturi agrikoli Griegi li kienu ġarrbu telf ta’ dħul minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni ta’ ċerti kulturi veġetali osservat matul is-snin 2008 u 2009 wara kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena, bħal nixfa, temperaturi għolja, xita u mard ta’ natura entomoloġika u fitopatoloġika tal-kulturi inkwistjoni.

3        Meta ġiet informata dwar dawn il-miżuri, il-Kummissjoni Ewropea fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE li tat lok għall-adozzjoni, fis-7 ta’ Diċembru 2011, tad-Deċiżjoni 2012/157/UE, dwar ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l-2008 u l-2009 (ĠU 2012, L 78, p. 21), fejn ikkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern ċerti ħlasijiet ta’ kumpens, ta’ madwar EUR 425 miljun u ordnat l-irkupru tagħha mingħand il-benefiċjarji (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

4        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat lir-Repubblika Ellenika terminu ta’ erba’ xhur, mid-data tan-notifika tagħha, sabiex tirkupra, mingħand il-produtturi agrikoli, l-ammont imsemmi iktar ’il fuq, flimkien mal-interessi kkalkolati mid-data li fiha tħallas dan l-ammont sad-data tal-irkupru tiegħu. Dan it-terminu ġie ulterjorment imtawwal b’xahrejn.

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir‑reġistru tal‑Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Frar 2012, ir‑Repubblika Ellenika ppreżentat rikors għall‑annullament tad‑deċiżjoni kkontestata.

6        B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2012, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija titlob sabiex jogħġob lill-President tal-Qorti Ġenerali:

–        jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa ma tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża prinċipali;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

7        Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni titlob sabiex jogħġob lill-President tal-Qorti Ġenerali:

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

8        Fit-18 ta’ Ġunju 2012, il-President tal-Qorti Ġenerali ordna, skont l-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu din kienet timponi lir-Repubblika Ellenika sabiex tirkupra l-għajnuna inkwistjoni, u dan minħabba l-fatt li l-allegazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, jekk jitqiesu li ġew stabbiliti, jiġġustifikaw iż-żamma tal-istatus quo sabiex l-argumenti tal-partijiet ikunu jistgħu jiġu eżaminati fid-dettall.

9        Fil-11 ta’ Settembru 2012, il-partijiet ippreżentaw l-argumenti tagħhom fis-seduta u rrispondew għad-domandi orali magħmula mill-President tal-Qorti Ġenerali.

 Id-dritt

10      Meta jinqraw flimkien l-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u l-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu, jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jew jippreskrivi l-miżuri provviżorji meħtieġa.

11      L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba. B’hekk, l-Imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u ta’ miżuri provviżorji oħra jekk jiġi stabbilit li tali ordni tkun iġġustifikata, prima facie, fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li jkun meħtieġ, sabiex ma jkunx hemm dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-persuna li titlobhom, li din l-ordni tingħata u tipproduċi l-effetti tagħha qabel ma tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors prinċipali [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 1995, Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C‑149/95 P(R), Ġabra p. I‑2165, punt 22]. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa [digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, C‑268/96 P(R), Ġabra p. I‑4971, punt 30]. Jekk ikun il-każ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu wkoll jiżen l-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2001, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill, C-445/00 R, Ġabra p. I-1461, punt 73, u d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ April 2002, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01 R, Ġabra p. II‑2153, punt 50).

12      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami sħiħ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa u huwa liberu li jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif għandhom jiġu eżaminati dawn id-diversi kundizzjonijiet kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola ta’ dritt ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita sabiex jevalwa l-ħtieġa li jagħti deċiżjoni provviżorja [digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, u tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il‑Kummissjoni, C‑459/06 P(R), mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 25].

 Fuq il-fumus boni juris

13      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kundizzjoni li tikkonċerna l-fumus boni juris tiġi sodisfatta meta mill-inqas motiv wieħed minn dawk invokati mir-rikorrent insostenn tar-rikors prinċipali jidher, prima facie, rilevanti u, fi kwalunkwe każ, mhux mingħajr bażi, ġaladarba jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjoni ġuridika delikata li s-soluzzjoni tagħha ma tirriżultax b’mod evidenti u li għaldaqstant teħtieġ eżami fid-dettall, li ma jistax isir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda li għandu jkun suġġett għall-proċedura prinċipali, b’tali mod li, prima facie, ir-rikors ma jkunx mingħajr bażi serja (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Artegodan et, C‑39/03 P‑R, Ġabra p. I‑4485, punt 40, kif ukoll tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1995, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑395/94 R, Ġabra p. II‑595, punt 49, u tat-30 ta’ April 2010, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      F’dan il-każ, fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motivi imqajma insostenn tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Ellenika tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi tqis b’mod żbaljat li l-ħlasijiet kontenzjużi “[kienu] jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri” u “[kienu] heddew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni”, filwaqt li l-ammont tal-kumpens kien jammonta medjament biss għal madwar EUR 500 għal kull agrikoltur u li l-ħlasijiet kollha kienu kumpens għat-telf reali għall-produzzjoni agrikola li tirriżulta minn raġunijiet mhux imputabbli lill-produtturi. Issa, kumpensi ta’ valur daqstant żgħir ma humiex tali li jagħtu lill-agrikolturi Griegi vantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-produtturi ta’ Stati Membri oħra.

15      Ir-Repubblika Ellenika żżid li, għalkemm jiġi sostnut, fil-punt 59 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[i]s-settur agrikolu huwa miftuħ għall-kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni u, minħabba f’hekk, huwa sensittiv għal kwalunkwe miżura li tiffavorixxi l-produzzjoni fi Stat Membru jew ieħor”, xejn ma jindika li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u s-sitwazzjoni ekonomika tal-agrikolturi Griegi benefiċjarji. Il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tirreferi għal sentenzi varji tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom ġie aċċettat li s-settur agrikolu huwa ġeneralment sensittiv għall-kompetizzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, il‑ħlasijiet kontenzjużi intiżi sabiex jikkumpensaw telf reali mġarrab mill-agrikolturi reġgħu stabbilew il-kompetizzjoni, pjuttost milli ħolqu distorsjoni tagħha.

16      Ir-Repubblika Ellenika ssostni ulterjorment li l-Kummissjoni b’mod żbaljat inkludiet fl-ammont tal-allegata għajnuna mill-Istat is-somma ta’ EUR 186 miljun li tikkorrispondi għall-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-agrikolturi nfushom fl-2008 u fl-2009 taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-ELGA. Din is-somma għandha titnaqqas mill-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

17      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-għan kumpensatorju tal-ħlasijiet kontenzjużi ma għandu ebda rwol għall-kwalifika tagħhom bħala għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-kriterji ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, hija ġurisprudenza stabbilita sew li ma jeżisti ebda livell ta’ effett sinjifikattiv li jekk ma jintlaħaqx dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, ġaladarba l-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’suq miftuħ għall-kompetizzjoni u li għaldaqstant huwa sensittiv għal kull miżura favur il-produzzjoni fi Stat Membru jew ieħor. Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet obligatorji mħallsa mill-agrikolturi Griegi u li għaddew mill-istħarriġ tal-Istat Grieg, il-Kummissjoni tqis li dan l-ammont, li hu evalwat għal EUR 145 miljun, ma għandux jitnaqqas mill-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, ġaladarba n-natura inizjalment privata tiegħu ma tipprekludix li l-ħlasijiet kontenzjużi jiġu kollha kemm huma kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat.

18      Fil-kuntest tar-raba’ motiv ta’ annullament tagħha, ir-Repubblika Ellenika tenfasizza li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u s-setgħa diskrezzjonali li hija għandha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, peress li l-ħlasijiet kontenzjużi jmisshom ġew ikkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern minħabba l-perturbazzjoni serja ħafna tal-ekonomija Griega b’mod ġenerali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju jkollha tiġi applikata direttament jekk il-kundizzjonijiet li hija tipprovdi jiġu sodisfatti, li huwa l-każ hawnhekk: il-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali li ilha bla rażan mill-2008 tolqot b’mod vjolenti lis-setturi kollha tal-ekonomija Griega u ħolqot kriżi finanzjarja serja ħafna li tat lok, b’mod partikolari, għal tnaqqis sinjifikattiv tal-likwidità fis-suq Grieg, reċessjoni persistenti għall-ħames sena konsekuttiva u tfaqqir ta’ bosta kategoriji tal-popolazzjoni. In-nuqqas ta’ likwidità li minnha jbagħti s-settur agrikolu jhedded li joħloq riskji sistematiċi għall-ekonomija Griega kollha, ġaladarba din tal-aħħar tistrieħ b’mod ewlieni fuq il-produzzjoni primarja, fejn il-produtturi agrikoli jirrappreżentaw parti importanti tat-tessut produttiv tal-ekonomija Griega sabiex in-numru tagħhom, madwar 860 000 fuq totali ta’ madwar 5 miljun, jikkostitwixxi perċentwali importanti tal-popolazzjoni attiva.

19      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jagħtiha marġni diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, liema marġni diskrezzjonali hija użat billi adottat il-Komunikazzjoni li tipprovdi qafas Komunitarju temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU 2009, C 83, p. 1). Issa fit-tielet paragrafu (h) tal-punt 4.2.2, din il-komunikazzjoni inizjalment eskludiet l-impriżi attivi fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja minħabba distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw f’dan is-settur anki minħabba ammonti żgħar ta’ għajnuna, u għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ħlasijiet kontenzjużi ma kinux konformi mal-imsemmija komunikazzjoni u ma setgħux jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

20      Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika Ellenika tikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet kalkolu żbaljat tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, ġaladarba hija ma naqsitx l-għajnuna de minimis koperta mir-Regolament (KE) Nru 1860/2004, tas-6 ta' Ottubru 2004, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] għall-għajnuna de minimis fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd (ĠU L 348M p. 10) u mir-Regolament (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35). Issa, għas-sena 2008, l-ammont ta’ EUR 25 miljun kellu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna de minimis awtorizzata u għaldaqstant mhux irkuprabbli, filwaqt li, għat-tliet snin mill-2009 sal-2011, l-ammont korrispondenti jammonta għal madwar EUR 67 miljun.

21      Mingħajr ma tesprimi ruħha fuq iċ-ċifri ppreżentati mir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni tirrispondi li hija assolutament ma teskludix il-prinċipju ta’ tnaqqis tal-għajnuna de minimis fil-każ tal-agrikolturi Griegi.

22      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, permezz tal-argumentazzjoni tagħha, ir-Repubblika Ellenika għandha l-intenzjoni, essenzjalment, li tipprova li, minn naħa, il-ħlasijiet kontenzjużi ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li joħolqu distorsjoni fuq il-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, l-obbligu, impost f’Diċembru 2011, li jiġu rkuprati s-somom mogħtija mingħand il-benefiċjarji għandu jiġi kkwalifikat bħala eċċessiv. Issa, l-eżami ta’ din l-argumentazzjoni ma tistax tinjora ċ-ċirkustanzi partikolari li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja fil-Greċja sa mill-2008.

23      F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-impatt tal-ħlasijiet kontenzjużi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, għandu jitfakkar li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-ammont totali ta’ dawn il-ħlasijiet huwa ta’ madwar EUR 425 miljun. Madankollu, jirriżulta, prima facie, li l-ammont ta’ EUR 425 miljun għandu jiġi kunsiderevolment rivedut ’l isfel.

24      Fil-fatt, minn naħa, huwa paċifiku li parti minn dan l-ammont ta’ numru ta’ għexur ta’ Euro jista’ jitqies li jikkostitwixxi għajnuna de minimis. Skont il-Kummissjoni, huwa saħansitra probabbli ħafna li “bosta benefiċjarji” tal-ħlasijiet imħallsa mill-ELGA rċevew għajnuna ta’ din in-natura, b’tali mod li huma eżenti mill-obbligu ta’ ħlas lura. Barra minn hekk, il-premessi 97, 98 u 104 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmu espressament l-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ rkupru tas-somom li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna de minimis. Għalkemm l-għajnuna de minimis ma tistax tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji u l-għoti tagħha għaldaqstant hija awtorizzata, dan huwa għaliex huwa meqjus li din ma toħloqx distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u ma taffettwax il-kummerċ bejn Stati Membri.

25      Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-agrikolturi Griegi ħallsu, taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja tal-ELGA, kontribuzzjonijiet li żiedu, mill-inqas indirettament, id-dħul tal-ELGA fl-2008 u fl-2009 għal madwar mill-inqas EUR 145 miljun. Issa, għalkemm il-fatt li l-ħlasijiet kontenzjużi mill-ELGA ġew parzjalment iffinanzjati minn tali kontribuzzjonijiet provati ma jipprekludix il-kwalifika tagħhom bħala għajnuna mill-Istat, xorta jibqa’ l-fatt li l-impatt finanzjarju ta’ dawn il-ħlasijiet fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jonqos minħabba l-fatt li l-agrikolturi nnifishom, u fosthom il-benefiċjarju tal-għajnuna, kellhom iħallsu dawn il-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ammettiet li, sa fejn il-kumpensi mħallsa mill-ELGA taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja ġew imħallsa permezz tad-dħul li jirriżulta mill-kontribuzzjoni ta’ assigurazzjoni speċjali, dawn jistgħu jitqiesu li ma jiksbux vantaġġ indebitu lill-benefiċjarji.

26      Peress li l-impatt finanzjarju tal-ħlasijiet kontenzjużi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri għaldaqatant jidher, prima facie, sostanzjalment inferjuri għal dak tal-ammont ta’ EUR 425 miljun ikkonstatat mill-Kummissjoni, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li l-ħlasijiet intużaw esklużivament sabiex jiġu kkumpensati l-agrikolturi Griegi li kienu ġarrbu telf minn dħul minħabba t-tnaqqis tal-produzzjoni ta’ ċerti kulturi veġetali wara kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena, u mhux sabiex tiffavorixxi artifiċjalment il-produzzjoni u l-esportazzjonijiet.

27      Issa, hekk kif ikkonfermaw il-partijiet waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika għaddejja, sa minn numru ta’ snin, minn kriżi ekonomika u finanzjarja profonda. Din il-kriżi, li qiegħdet lill-pajjiż f’ċertu stat ta’ iżolament ekonomiku, laqtet ukoll is-settur agrikolu Grieg. F’dan ir-rigward, mingħajr ma tiġi kkontestata mill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika tispeċifika dan li ġej:

–        id-dħul agrikolu fil-Greċja bejn l-2006 u l-2011 niżel bi 22.6 %, filwaqt li d-dħul korrispondenti fl-Unjoni Ewropea żdied bi 19 %;

–        il-valur tal-produzzjoni veġetali bejn l-2005 u l-2011 irreġistra tnaqqis li qabeż il-15 %;

–        l-ispejjeż tal-produzzjoni żdiedu bi 11 % fl-2008, b’4 % fl-2010 u b’7.5 % fl-2011, filwaqt li l-prezzijiet tal-produzzjoni rreġistraw tnaqqis importanti (33.9 % għat-tadam, 27.5 % għall-kaboċċi, 11.7 % għall-qoton, 11 % għat-tabakk u 21.5 % għall-ispinaċi);

–        id-dikjarazzjoni tal-finanzjament bankarju favur impriżi agrikoli rreġistrat tnaqqis ta’ 49 % u l-agrikolturi issa għandhom biss possibbiltajiet żgħar ta’ finanzjament.

28      Barra minn hekk, jidher li s-settur agrikolu Grieg huwa kkaratterizzat bil-preponderanza ta’ agrikoltura b’impriżi żgħar immexxija minn familji. Il-Kummissjoni espliċitament irrikonoxxiet dan it-tqassim tas-settur billi ammettiet li l-ħlasijiet kontenzjużi tqassmu b’mod li kull agrikoltur Grieg irċieva s-somma medja ta’ madwar EUR 500. Barra minn hekk, hija ma tallegax li s-settur agrikolu Grieg jiddistingwi ruħu permezz ta’ aggressività kummerċjali u esportatriċi partikolari u lanqas ma ssostni li l-impriżi li ma humiex Griegi attivi fis-suq tal-prodotti agrikoli lmentaw li ġew esposti, wara li saru l-ħlasijiet kontenzjużi, għal kompetizzjoni partikolarment ħarxa min-naħa tal-agrikolturi Griegi.

29      Għaldaqatant jirriżulta li l-argumentazzjoni ppreżentata mir-Repubblika Ellenika tqajjem il-kwistjoni ġuridika dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-każ, l-impatt finanzjarju tal-ħlasijiet kontenzjużi, li jikkonsistu fil-kumpens ta’ agrikolturi Griegi, kienx realment tali li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Jeħtieġ li jiġi ddeterminat, b’mod iktar partikolari, jekk l-imsemmija kunsiderazzjonijiet eċċezzjonali għandhomx influwenza fuq l-applikazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ammessi fil-kuntest tas-sistema tal-għajnuna de minimis u li jippermettu li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għajnuna nieqsa minn riperkussjoni sinjifikattiva fuq il-kummerċ kummerċjali u l-kompetizzjoni bejn Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra, p. I‑2289, punt 10).

30      Issa, ma jidhirx li din id-domanda sabet risposta definittiva fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża l-formola prudenti li l-importanza relattivament żgħira ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament mudest tal-impriża benefiċjarja “ma teskludix a priori l-eventwalità” li l-kummerċ bejn Stati Membri jiġi affettwat, peress li għajnuna ta’ importanza relattivament żgħira hija tali li taffettwa dan il-kummerċ jew li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod partikolari meta s-settur li fih joperaw l-impriżi li jibbenefikaw minnha huma involuti f’kompetizzjoni vivaċi (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/00, Ġabra p. I‑3997, punti 69 u 70, kif ukoll L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97 P, Ġabra p. I‑3679, punti 53 u 54, u C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata) jew meta l-impriża benefiċjarja tkun orjentata lejn il-kummerċ internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il‑Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 11).

31      Għalhekk, din il-ġurisprudenza tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, minħabba d-diffikultajiet partikolari u eċċezzjonali marbuta mal-miżuri ta’ awsterità li jikkaratterizzaw ir-realtà tal-ekonomija Griega sa minn bosta snin, is-settur agrikolu Grieg jistax jitqies li ma huwa la espost lejn kompetizzjoni vivaċi u lanqas orjentat lejn il-kummerċ internazzjonali, liema fatt jeskludi eventwalment li l-ħlasijiet kontenzjużi kienu tali li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-iskambji kummerċjali u l-kompetizzjoni bejn Stati Membri.

32      Għandu jingħad ukoll li l-argument espost mir-Repubblika Ellenika jqajjem kwistjoni ġuridika oħra: dik dwar jekk, anki li kieku kellu jitqies li l-ħlasijiet kontenzjużi ssodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) TFUE fid-data meta dawn ingħataw, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala eċċessiva, inkwantu fis-7 ta’ Diċembru 2011, hija timponi l-irkupru tagħha, minkejja li s-sitwazzjoni estremament diffiċli fis-settur agrikolu ddegradat ulterjorment mill-għoti tagħha.

33      F’dan il-kuntest, hija ċertament ġurisprudenza stabbilita li l-obbligu għal Stat Membru li jelimina għajnuna mill-Istat ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa intiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 65, u tas-7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98). Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet il-ħsieb li tispeċifika li huwa biss “bħala regola ġenerali, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali”, li l-Kummissjoni tista’ legalment titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipproċedi għal tali rkupru sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (sentenzi Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, tas-7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 99, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97 P, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104, u C‑298/00 P, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

34      Għalhekk, din il-ġurisprudenza tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika tistax tinvoka validament ċirkustanzi eċċezzjonali tali li jrendu eċċessiv l-irkupru mingħand il-benefiċjarji, hekk kif impost mid-deċiżjoni kkontestata, tal-ħlasijiet kontenzjużi, ġaladarba r-Repubblika Ellenika kellha taffaċċja, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-7 ta’ Diċembru 2011, perturbazzjoni serja tal-ekonomija nazzjonali tagħha fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, inkluż is-settur agrikolu tagħha, u jekk il-Kummissjoni, meta ispirat ruħha minn din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju, jmisshiex irrinunzjat milli tirrikjedi kull irkupru minn settur kunsiderevolment imdgħajjef minn din il-perturbazzjoni.

35      L-Imħallef għal miżuri provviżorji jħoss li s-soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq ma jirriżultawx b’mod immedjat u jixirqilhom eżami fid-dettall, li huwa b’mod partikolari s-suġġett tal-proċedura prinċipali. Għalhekk, mingħajr ma bl-ebda mod tiġi ppreġudikata l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar ir-rikors prinċipali, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax, f’dan l-istadju, iqis dan ir-rikors bħala manifestament infondat. Konsegwentement, dawn il-kwistjonijiet jidhru, prima facie, rilevanti u serji biżżejjed sabiex jikkostitwixxu fumus boni juris ta’ natura li jiġġustifika l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba, inkwantu d-deċiżjoni kkontestata timponi lir‑Repubblika Ellenika sabiex tipproċedi għall-irkupru tal-ħlasijiet kontenzjużi mingħand produtturi agrikoli.

 Fuq l-urġenza u l-ibbilanċjar tal-interessi

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata b’relazzjoni mal-ħtieġa li tingħata deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li dannu gravi u irreparabbli ma jiġix ikkawżat lill-parti li titlob il-miżuri provviżorji. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova attenibbli li hija ma tistax tistenna tmiem il-proċedura relatata mar-rikors prinċipali mingħajr ma tkun personalment ġarrbet dannu ta’ din in-natura. Għalkemm l-imminenza tad-dannu ma għandhiex tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta, it-twettiq tiegħu għandu madankollu jkun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti. Il-parti li titlob il-miżuri provviżorji tibqa’, fi kwalunkwe każ, marbuta li tipprova l-fatti li fuqhom hija mistennija li tiġi bbażata l-perspettiva ta’ dannu gravi u irreparabbli u li tippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jevalwa l-konsegwenzi preċiżi li jirriżultaw, possibbilment, mill-assenza tal-miżuri mitluba, ġaladarba dannu ta’ natura purament ipotetika, inkwantu jkun ibbażat fuq it-twettiq ta’ avvenimenti futuri u inċerti, ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri provviżorji (ara d-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Marzu 2010, SNF vs ECHA, T‑1/10 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 u 48, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Mejju 2010, Almamet vs Il‑Kummissjoni, T‑410/09 R, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Peress li din it-talba għal miżuri provviżorji saret mir-Repubblika Ellenika, għandu jitfakkar li l-Istati Membri huma responsabbli mill-interessi meqjusa bħala ġenerali fuq livell nazzjonali u jistgħu jiżguraw id-difiża tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1993 Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑280/93 R, Ġabra p. I‑3667, punt 27, u tat-12 ta’ Lulju 1996, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96 R, Ġabra p. I‑3903, punt 85). L-Istati Membri jistgħu, b’mod partikolari, jitolbu l-għoti ta’ miżuri provviżorji billi jallegaw li l-miżura kkontestata għandha r-riskju li tikkomprometti serjament it-twettiq tal-missjonijiet ta’ natura Statali tagħhom u l-ordni pubbliku.

38      F’dan il-każ, skont ir-Repubblika Ellenika, l-irkupru tas-somma ta’ EUR 425 miljun mingħand l-agrikolturi kollha tal-pajjiż, li jammontaw għal madwar 800 000 – li mal-familji tagħhom jirrappreżentaw flimkien mal-familji tagħhom terz tal-popolazzjoni totali tal-Greċja –, jista’ jagħti lok għal bosta reazzjonijiet min-naħa tal-popolazzjoni agrikola, li hija affettwata mill-kriżi u minn miżuri ta’ awsterità eċċezzjonali, tant li l-istrajks fis-settur pubbliku u dak privat saru komuni u li t-tensjonijiet soċjali akuti kif ukoll il-konfrontazzjonijiet tal-manifestanti mal-pulizija jinsabu f’żieda kostanti.

39      Ir-Repubblika Ellenika tispeċifika li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, f’Jannar 2012 l-awtoritajiet kompetenti informaw lill-agrikolturi kollha dwar l-irkupru tal-għajnuna meqjusa illegali. Fir-risposta immedjata tagħha, il-Konfederazzjoni Pan-Ellenika tas-Sindakati ta’ Kooperattivi Agrikoli, li tirrappreżenta lill-agrikolturi Griegi kollha, enfasizzat is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ dawn tal-aħħar u l-inkapaċità tagħhom li f’dak il-waqt jirrimborsaw is-somom irċevuti, fid-dawl tal-kriżi ekonomika u tal-ħafna miżuri ta’ awsterità adottati, li kienet ta’ piż qawwi fuq id-dħul agrikolu.

40      Ir-Repubblika Ellenika żżid li l-fatt li titlob lil madwar 800 000 agrikoltur sabiex illum jirrimborsaw l-ammonti mogħtija u l-inkapaċità tagħhom li rriżultat u li ġiet iddikjarata biex jagħmlu dan iwasslu ta’ bilfors għat-tqegħid fil-kontabbiltà ta’ dawn l-ammonti mis-servizzi finanzjarji kompetenti, liema fatt jirrappreżenta spiża amministrattiva kunsiderevoli, ikollu konsegwenzi amministrattivi negattivi u jqajjem kunflitti mal-awtoritajiet pubbliċi minħabba l-ftuħ f’eluf ta’ każijiet ta’ proċeduri ta’ rkupru forzat. Issa, is-settur pubbliku huwa attwalment mitlub jimplementa miżuri ġodda ta’ ġbir ta’ taxxa, ta’ pproċessar ta’ dikjarazzjonijiet fiskali u ta’ konstatazzjoni tal-obbligi finanzjarji li skadew.

41      Il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ urġenza billi ssostni li l-ħsara ekonomika li tolqot lill-popolazzjoni Griega kollha ma għandha ebda relazzjoni mal-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li l-impossibbiltà eventwali għall-agrikolturi li jirrimborsaw l-għajnuna ma tikkostitwix fiha nnifisha dannu gravi u irreparabbli għar-Repubblika Ellenika nnifisha. Fejn jikkonċerna d-dannu invokat fir-rigward tal-ordni pubbliku, dan huwa teoretiku u inċert. Il-fatt li ċerti agrikolturi għandhom l-obbligu li jirrimborsaw għajnuna illegali ma jfissirx awtomatikament li dawn jipprovokaw problemi. Wara kollox lanqas ma ġie pprovat li l-agrikolturi kienu responsabbli mill-problemi li seħħew Ateni fl-ewwel parti tas-sena, fejn dawn il-problemi probabbilment ġew ikkawżati mill-abitanti tal-belt, li, bħala definizzjoni, ma humiex agrikolturi. Issa, biżgħat ġenerali u vagi dwar l-avvenimenti ipotetiċi li jistgħu jirriżultaw iktar ’il quddiem ma jistgħux jikkostitwixxu d-dannu gravi u irreparabbli meħtieġ. Fir-rigward tal-oneru amministrattiv li jirriżulta mill-irkupru tal-għajnuna mingħand bosta benefiċjarji, din ma tistax tikkostitwixxi dannu gravi u irreparabbli għar-Repubblika Ellenika, peress li ma huwiex loġiku li l-miżuri rikjesti għall-eżekuzzjoni nnifisha tad-deċiżjoni kkontestata jitqiesu li jikkostitwixxu dannu.

42      F’dan ir-rigward, fir-rigward tad-diffikultajiet amministrattivi invokati mir-Repubblika Ellenika, li hija kontra rkupru immedjat tal-ħlasijiet kontenzjużi, huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, il-biża’ minn diffikultajiet interni, saħansitra li ma jistgħux jiġu solvuti, ma jiġġustifikax li Stat Membru ma josservax l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑404/97, Ġabra p. I‑4897, punt 52). Din il-ġurisprudenza madankollu ma tapplikax meta Stat Membru, permezz tar-rimedji legali approprjati, jikkontesta tali obbligu u jagħmel dak li huwa neċessarju sabiex jevita li jqiegħed lilu nniffsu f’sitwazzjoni ta’ illegalità.

43      Għalhekk, fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, jeħtieġ preċiżament li jiġi evalwat jekk jirriżultax, prima facie, li r-rikorrenti għandha effettivament tosserva obbligu li hija għandha skont id-dritt tal-Unjoni. Issa, f’dan il-każ, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ammetta l-eżistenza ta’ fumus boni juris ta’ natura li jiġġustifika l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri n-nuqqas ta’ rispett temporanju, mir-Repubblika Ellenika, ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn huwa jordnalha l-irkupru tal-ħlasijiet kontenzjużi mingħand produtturi agrikoli. Għaldaqstant ir-Repubblika Ellenika ma hijiex prekluża milli ssostni li tali rkupru immedjat jimplika diffikultajiet amministrattivi li jistgħu jikkawżawlha dannu gravi u irreparabbli.

44      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Ellenika indikat waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali tikkostitwixxi waħda mill-prijoritajiet assoluti tagħha fiċ-ċirkustanzi ekonomiċi attwali. Għal dan il-għan, ir-Repubblika Ellenika qiegħda timplementa riforma fundamentali tal-amministrazzjoni fiskali intiża sabiex timmodernizza u ttejjeb il-mekkaniżmu ta’ ġbir tat-taxxi u sabiex tegħleb ostakli amministrattivi importanti li jikkaratterizzaw dan il-qasam tal-amministrazzjoni pubblika. B’hekk, ir-Repubblika Ellenika għandha l-intenzjoni li, f’qasir żmien u fit-tul, tikkonċentra leġittimament ir-riżorsi tagħha fuq l-istabbiliment ta’ amministrazzjoni fiskali li trendi u li tkun kapaċi, b’mod partikolari, tidentifika u tfittex l-“evażuri tat-taxxa l-kbar” u tiġġielet l-evażjoni fiskali li, f’termini ta’ lucrum cessans, ġie stmat fis-seduta għal EUR 20 biljun.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-amministrazzjoni Griega għandha timplementa d-deċiżjoni kkontestata, li l-legalità tagħha tiġi deċiża biss fi tmiem il-proċeduri prinċipali u, jekk ikun il-każ, fi tmiem il-proċeduri ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tista’, taħt kull probabbiltà, taffettwa, mill-inqas parzjalment, il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

46      Fil-fatt, hekk kif osservat ir-Repubblika Ellenika mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, l-irkupru tal-ħlasijiet kontenzjużi mingħand l-agrikolaturi kkonċernati jinvolvi numru ta’ entitajiet, b’mod partikolari l-ELGA u l-amministrazzjoni fiskali, u dan f’perijodu meta l-Istat ma għandux persunal neċessarju għal dan il-għan. B’mod partikolari, meta l-għajnuna li għandha tiġi rrimborsata ma tiġix suġġetta għal ħlas volontarju lill-ELGA, l-amministrazzjoni fiskali għandha tipproċedi għall-irkupru furzat tal-ammonti inkwistjoni. Filwaqt li tammetti saħansitra li tali miżuri ma għandhomx jiġu implementati kontra t-800 000 agrikolturi Griegi kollha, peress li minn dawn għandu jitnaqqas in-numru tal-benefiċjarji ta’ għajnuna de minimis, miċ-ċifri disponibbli f’dan ir-rigward – jiġifieri għajnuna de minimis li tammonta għal EUR 92 miljun fl-2008 u fl-2009 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq) u għajnuna rċevuta minn kull agrikoltur li tammonta għal medja ta’ EUR 500 (ara l-punti 14 u 28 iktar ’il fuq) – jirriżulta li n-numru ta’ agrikolturi Griegi milquta minn tali miżuri probabbilment xorta waħda jammontaw għal mijiet ta’ eluf.

47      Issa, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali diffiċli ħafna deskritta iktar ’il fuq u tar-reazzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Konfederazzjoni Pan-Ellenika tas-Sindakati ta’ Kooperattivi Agrikoli, huwa prevedibbli ħafna li proporzjoni sinjifikattiva tal-mijiet ta’ eluf ta’ benefiċjarji jirrifjutaw milli jħallsu lura l-ammonti mitluba, liema fatt ikun jirrikjedi l-intervent qawwi tal-aġenti tal-amministrazzjoni fiskali, li n-numru tagħhom madankollu ma żdiedx. Huwa evidenti li tali ġbir forzat f’daqqa jipprekludi, b’mod apprezzabbli, lill-amministrazzjoni fiskali milli tiddedika ruħha għal wieħed mill-kompiti prijoritarji tagħha li jikkonsisti f’li jiġġieled kontra l-evitar tat-taxxa u f’li jiġbor ammonti suġġetti għat-taxxa madwar ħamsin darba superjuri għall-ħlasijiet kontenzjużi.

48      Fir-rigward tar-riskju ta’ perturbazzjoni tal-ordni pubbliku fil-każ ta’ rkupru immedjat tal-ħlasijiet kontenzjużi mis-settur agrikolu Grieg, huwa paċifiku li l-klima soċjali fil-Greċja tinsab attwalment milquta minn tnaqqis fil-kunfidenza fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi, minn skuntentizza ġġeneralizzata u minn sentiment ta’ inġustizzja. B’mod partikolari, hekk kif sostniet ir-Repubblika Ellenika mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, il-manifestazzjonijiet vjolenti kontra l-miżuri ta’ awsterità drastiċi adottati mill-awtoritajiet pubbliċi Griegi jinsabu f’żieda kostanti. Waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika għal darb’oħra fakkret is-suċċess ta’ ċerti partiti tal-lemin estrem u tax-xellug estrem waqt l-aħħar leġiżlazzjonijiet amministrattivi fil-Greċja.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskju, invokat mir-Repubblika Ellenika, li l-irkupru immedjat tal-ħlasijiet kontenzjużi fis-settur agrikolu jista’ jagħti lok għal manifestazzjonijiet li jistgħu jiddeġeneraw fi vjolenzi ma jidher la purament ipotetiku u lanqas teoretiku jew inċert. Fil-fatt, ma tistax tiġi injorata l-possibbiltà li l-operazzjoni ta’ rkupru tal-ħlasijiet kontenzjużi tintuża pubblikament, minn ċerti mkejjen, bħala eżempju tal-inġustizzja eżerċitata kontra l-klassi agrikola u li, fis-sitwazzjoni attwali mimlija emozzjonijiet intensi, tali diskors pubbliku jagħti lok għal xi tip ta’ manifestazzjoni vjolenti, filwaqt li ma jiġix determinat liema kategorija tal-popolazzjoni tista’ tkun wara vjolenza li teħtieġ l-użu dejjem iktar importanti ta’ forzi għaż-żamma tal-ordni. Issa, jidher biċ-ċar li l-perturbazzjoni tal-ordni pubbliku minn tali manifestazzjonijiet u min-nuqqas ta’ ġestjoni li tali avvenimenti drammatiċi reċenti wrew li setgħu jagħtu lok tikkawża dannu gravi u irreparabbli, li r-Repubblika Ellenika tista’ leġittimament tinvoka.

50      Fid-dawl tal-punti kollha msemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u dik li tat lok għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2000, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑278/00 R, Ġabra p. I‑8787, punti 8, 16 u 18), li fiha l-invokazzjoni ta’ “problemi soċjali serji ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ġiet eskluża minħabba l-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ħa l-ħsieb li jagħmel kunsiderazzjonijiet ġenerali nieqsa minn element konkret u ma kien ipprovda ebda indikazzjoni kwalunkwe fir-rigward tal-eventwalità tal-avvenimenti gravi allegati. Fil-fatt, bil-kontra tal-kuntest tal-kawża C‑278/00 R, huwa magħruf li, f’dan il-każ, perturbazzjonijiet ta’ ordni pubbliku, bħal dawk invokati mir-Repubblika Ellenika bħala konsegwenzi previdibbli tal‑irkupru impost, diġà seħħew f’sitwazzjonijiet simili, jiġifieri fil-kuntest ta’ movimenti ta’ kontestazzjoni diretti kontra l-miżuri ta’ awsterità adottati mill-awtoritajiet pubbliċi Griegi sa minn meta ġiet fis-seħħ il-kriżi ekonomika.

51      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-każ inkwistjoni huwa kkaratterizzat b’partikolaritajiet li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ urġenza.

52      Din is-soluzzjoni hija koerenti mal-ibbilanċjar tal-interessi differenti esposti, li fil-kuntest tiegħu l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jeżamina, b’mod partikolari, jekk l-interess tar-rikorrenti li tikseb il-miżuri provviżorji mitluba jipprevalix jew le fuq l-interess li tippreżenta l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2003 Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, Ġabra p. I‑6887, punt 142).

53      Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika pprovat l-urġenza u l-fumus boni juris tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji. Għaldaqstant hemm lok li jiġi rikonoxxut li hija għandha interess leġittimu għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba, filwaqt li l-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex issostni li l-ħtieġa li jiġu osservati r-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkollha preċedenza fuq it-theddida “vaga u inċerta” kontra l-ordni pubbliku. Issa, hekk kif ġie espost iktar ’il fuq, minn naħa, ma huwiex evidenti li l-ħlasijiet kontenzjużi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107 TFUE u, min-naħa l-oħra, l-urġenza kkostitwita bir-riskju ta’ perturbazzjoni tal-ordni pubbliku ma tista tiġi kkwalifikata la bħala vaga u lanqas bħala inċerta. Fir-rigward tar-riskju ta’ dannu fuq l-isforzi tal-amministrazzjoni Griega li tiġġieled b’mod effikaċi kull evażjoni fiskali, ma jistax wara kollox jintesa li s-suċċess ta’ dawn l-isforzi huwa indirettament ukoll fl-interess tal-Unjoni, ġaladarba parti mid-dħul li jirriżulta mill-ġbir tat-taxxa fil-Greċja, bħal fil-każ tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tista’ tikkontribwixxi għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

54      Fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li attwalment jolqtu s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fil-Greċja, jeħtieġ għaldaqstant li tiġi rikonoxxuta l-prijorità lill-interessi invokati mir-Repubblika Ellenika li jikkonsistu, minn naħa, f’li tiġi ppreżervata l-paċi soċjali u sabiex jiġi evitat l-inkwiet soċjali u, min-naħa l-oħra, f’li tkun tista’ tikkonċentra l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni fiskali tagħha fuq il-missjonijiet li hija tqis li huma kruċjali għall-pajjiż. Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni jesponi l-interessi tal-Unjoni għas-sempliċi riskju ta’ posponiment tal-miżuri ta’ rkupru nazzjonali għal data ulterjuri, mingħajr ma jeżistu indikazzjonijiet li dan il-posponiment, fih innifsu, jippreġudika l-possibbiltajiet ta’ suċċess ta’ dawn il-miżuri.

55      Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li tintlaqa’ t-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tal-aħħar tobbliga lir-Repubblika Ellenika sabiex tirkupra l-ammonti ttrasferiti mingħand il-benefiċjarji.

56      Barra minn hekk, l-Artikolu 108 tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jemenda jew jirrevoka, f’kull mument, id-digriet tiegħu fil-każ ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, fejn, b’“bidla fiċ-ċirkustanzi”, għandhom jinftiehmu, b’mod partikolari, punti ta’ fatt li jistgħu jbiddlu l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ urġenza fil-każ konkret tal-każ [digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 2002, Il‑Kummissjoni vs Artegodan, C‑440/01 P (R), Ġabra p. I‑1489, punti 62 sa 64]. Għaldaqstant, jekk ikun il-każ, hija l-Kummissjoni li għandha tmur quddiem il-Qorti Ġenerali jekk hija tqis li ċ-ċirkustanzi nbidlu b’mod li jistgħu jiġġustifikaw bidla f’dan id-digriet għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      Is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/157/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2011, dwar ħlasijiet ta’ kumpens mogħtija mill-Organizzazzjoni Griega tal-Assigurazzjoni Agrikola (ELGA) matul l-2008 u l-2009, sa fejn din id-deċiżjoni tobbliga lir-Repubblika Ellenika sabiex tirkupra l-ammonti ttrasferiti mingħand il-benefiċjarji.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Mogħti fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Settembru 2012.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.