Language of document : ECLI:EU:C:2012:79

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-16 ta’ Frar 2012 (1)

Kawża C‑542/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi


“Aċċess għat-tagħlim — Finanzjament għal studji ta’ edukazzjoni ogħla f’pajjiż barrani — Kundizzjoni ta’ residenza — Regola ‘ta’ tliet snin minn sitta’”





1.        Erasmus ta’ Rotterdam kien benefiċjarju bikri ta’ finanzjament sabiex imur jistudja barra. L-isqof ta’ Cambray ta’ dak iż-żmien, Henry ta’ Bergen (li Erasmus kien beda jaħdem miegħu bħala segretarju), tah kemm il-leave kif ukoll stipendju fl-1495 biex imur jistudja fl-Università ta’ Pariġi. Erasmus qatt ma ħares lura; u f’karriera li nfirxet fuq Pariġi, Leuven, Cambridge u Basel, x’aktarx li huwa sar l-istudjuż li jispikka mill-ġenerazzjoni tiegħu: il-“Prinċep tal-Umanisti”. Jista’ jingħad pjuttost faċilment li huwa uża l-finanzjament għall-istudji universitarji barranin tiegħu b’mod eċċellenti (2) — u, fil-fatt, il-programmi ta’ skambju preżenti bejn l-universitajiet tal-Unjoni Ewropea jġorru ismu.

2.        Il-kompatrijotti ta’ Erasmus ta’ żminijietna jgawdu l-istess fortuna. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Wet Studiefinanciering (il-Liġi dwar il-finanzjament tal-istudji — il-“WSF”), huma jistgħu spiss jiksbu finanzjament għal edukazzjoni ogħla barra mill-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, ir-regoli dettaljati li jirregolaw l-għoti ta’ dan il-finanzjament — b’mod partikolari, il-kundizzjoni li l-applikant, minbarra li jkun eliġibbli għal finanzjament sabiex jistudja fil-Pajjiżi l-Baxxi, irid ikun ukoll irresjeda legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi matul tal-inqas tliet snin mill-aħħar sitt snin (ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta”) — jiksru l-Artikolu 45 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 39 KE) (3) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 (4) minħabba li jiddiskriminaw indirettament u mingħajr ġustifikazzjoni kontra l-ħaddiema migranti u l-membri tal-familja tagħhom dipendenti fuqhom?

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat

3.        L-Artikolu 45 TFUE jipprovdi li:

“1.      Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

2.      Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

[...]”

4.        Skont l-Artikolu 165(1) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 149(1) KE) l-Istati Membri huma responsabbli għall-“kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni”. L-Artikolu 165(1) jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom”. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn “l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti” (5).

 Ir-Regolament Nru 1612/68

5.        Ir-Regolament Nru 1612/68 kien intiż li jiżgura l-libertà taċ-ċittadini ta’ Stat Membru biex ikunu jistgħu jaħdmu fi Stat Membru ieħor u b’dak il-mod jimplementa d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. L-ewwel premessa ta’ dan ir-regolament kienet tiddeskrivi l-għan ġenerali tiegħu bħala li huwa “l-abolizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ċittadinanza bejn ħaddiema ta’ l-Istati Membri f’dak li jirrigwardja mpjieg, rimunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra ta’ xogħol u mpjieg, kif ukoll id-dritt ta’ ħaddiema tali li jitħarrku ħielsa [fl-Unjoni] sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni mpjegati suġġetti għal kwalunkwe limitazzjonijiet ġustifikati fuq sisien ta’ xejra politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika”.

6.        It-tielet u r-raba’ premessi jiddeskrivu l-moviment liberu bħala “dritt fundamentali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom” li għandu jitgawda “minn ħaddiema permanenti, staġjonali u tal-fruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi”.

7.        Skont il-ħames premessa, l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fundamentali “bi standards oġġettivi, bil-libertà u d-dinjità, [kien] jeħtieġ li ugwaljanza ta’ trattament għandha tkun assigurata fil-fatt u fil-liġi fir-rigward tal-materji kollha li għandhom x’jaqsmu mat-twettiq attwali ta’ attivitajiet bħala persuni mpjegati u għall-eliġibilità għal dar fejn joqogħodu, u ukoll li ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema għandhom ikunu eliminati, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu u l-kondizzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ dik il-familja fil-pajjiż li jospitaha”.

8.        L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 kien jipprovdi li ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru fuq it-territorju ta’ Stati Membri oħra, “għandu jgawdi, l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.

9.        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

[...]”

 Id-Direttiva 2004/38

10.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38/KE (6) jirregola l-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jirrisjedu għal iktar minn tliet xhur fi Stat Membru ieħor. Dan jipprovdi li:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)       ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)       għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

[...]”

11.      L-Artikolu 24 tad-Direttiva jipprovdi li:

“1. Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat [...] qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet [għotjiet] ta’ [lil] l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom”.

 Id-dritt nazzjonali

12.      Il-WSF tiddefinixxi min jista’ jirċievi finanzjament biex jistudja fil-Pajjiżi l-Baxxi u f’pajjiżi oħra. Il-finanzjament għall-istudji f’pajjiż barrani huwa magħruf bħala “meeneembare studie financiering” (“MNSF”), jiġifieri finanzjament għall-istudji “li jista’ jinġarr”.

13.      Fir-rigward tal-edukazzjoni ogħla fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-finanzjament tal-istudji huwa disponibbli għal studenti li għandhom bejn it-18 u d-29 sena, li jistudjaw f’ċerti stabbilimenti tal-edukazzjoni jew stabbilimenti approvati u li jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ nazzjonalità (7). L-Artikolu 2(2) jiddefinixxi l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità . Il-persuni li huma eliġibbli huma: (i) iċ-ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi, (ii) il-persuni li ma humiex ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi li huma ttrattati, fir-rigward tal-finanzjament għall-istudji, bħala ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi abbażi ta’ trattat jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali u (iii) il-persuni li ma humiex ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi li jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi u jappartjenu lil kategorija ta’ persuni li fil-kuntest tal-finanzjament għall-istudji, jitqiesu ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi abbażi ta’ miżura amministrattiva ġenerali.

14.      It-tieni kategorija tinkludi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma ekonomikament attivi fil-Pajjiżi l-Baxxi u lill-membri tal-familja tagħhom. Ma huwiex neċessarju li jkunu rrisjedew fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jikkwalifikaw għal dan it-tip ta’ finanzjament. Għaldaqstant, din tkopri lill-ħaddiema transkonfinali u lill-membri tal-familja tagħhom. It-tielet kategorija tinkludi liċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ekonomikament attivi fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huma jikkwalifikaw għal finanzjament wara ħames snin ta’ residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

15.      Għall-finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, l-istudenti jridu jkunu eliġibbli għal finanzjament sabiex jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi u, skont l-Artikolu 2(14)(2)(c) tal-WSF, huma jridu jkunu rrisjedew legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi wkoll matul tal-inqas tliet snin mill-aħħar sitt snin ta’ qabel ma jkunu daħlu fi stabbiliment tal-edukazzjoni f’pajjiż barrani. Dan ir-rekwiżit japplika indipendentement min-nazzjonalità tal-istudenti.

16.      Sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti, l-istudenti jkunu jistgħu japplikaw l-ewwel għal finanzjament sabiex jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi u sussegwentement għall-MNSF biex jistudjaw f’pajjiż barrani.

17.      Sal-1 ta’ Jannar 2014, ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta” ma tapplikax għall-istudenti, ikunu ta’ liema nazzjonalità jkunu, li jkunu qegħdin jieħdu edukazzjoni ogħla fiż-“żoni tal-fruntiera” (Flanders u r-Région de Bruxelles-Capitale, u Nordrhein-Westfalen, Niedersachsen u Bremen fil-Ġermanja).

18.      L-MNSF jikkonsisti f’erba’ komponenti: (i) għotja bażika, li tikkonsisti f’ammont fiss li jitħallas fix-xahar u bbażata fuq jekk l-istudent jgħixx id-dar jew għal rasu, flimkien ma’ allowance għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u allowance addizzjonali jekk l-istudent għandu sieħeb/sieħba jew huwa ġenitur singlu, (ii) għotja addizzjonali, li hija bbażata fuq id-dħul u l-kontribuzzjoni tal-ġenituri tal-istudent u sa ammont massimu, (iii) self bażiku, jekk dan jintalab, sa ammont massimu u (iv) self biex ikopri miżati, jekk dan jintalab, li huwa limitat, fil-prinċipju, għall-miżata massima mitluba mill-istituzzjonijiet edukattivi tal-Pajjiżi l-Baxxi għal kors simili.

19.      L-għotja bażika, l-għotja addizzjonali (ħlief għall-ewwel sena tal-istudji) u l-allowance għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar jingħataw bħala self. Dawn isiru għotjiet jekk l-istudji jitlestew fi żmien għaxar snin minn meta jinbdew.

20.      L-ammont massimu għall-finanzjament tal-MNSF, esklużi l-allowances, ivarja bejn EUR 739.15 sa EUR 929.69 fix-xahar, skont jekk l-istudent jgħixx id-dar jew għal rasu. L-istess limitu japplika għall-finanzjament għal studji fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-proċedura

21.      Wara proċedura prekontenzjuża regolari, il-Kummissjoni qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bil-fatt li jirrikjedi li l-ħaddiema migranti, inklużi l-ħaddiema transkonfinali, u l-membri tal-familja tagħhom dipendenti fuqhom iridu jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ residenza (jiġifieri, ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta”) sabiex ikunu eliġibbli taħt il-WSF għall-finanzjament ta’ studji edukattivi f’pajjiż barrani, jiddiskrimina indirettament kontra l-ħaddiema migranti u naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, u sabiex tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

22.      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23.      Il-Gvernijiet tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja u tal-Isvezja intervjenew insostenn tal-Pajjiżi l-Baxxi.

24.      Il-partijiet prinċipali u l-intervenjenti kollha ressqu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2011.

 Kunsiderazzjonijiet

 Rimarki preliminari

25.      Il-Kummissjoni dejjem illimitat it-talba tagħha f’din il-proċedura għall-Artikolu 45 TFUE u għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Hija ssostni li hemm diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema migranti li jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-membri tal-familji tagħhom dipendenti fuqhom fir-rigward tal-MNSF. Hija ma tressaq ebda lment taħt l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 21 TFUE jew taħt kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni li tirregola d-drittijiet taċ-ċittadinanza.

26.      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jesprimi l-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE fir-rigward tal-vantaġġi soċjali u ta’ taxxa u għandu jkun interpretat bl-istess mod (8). Għaldaqstant, jekk miżura li tirregola l-aċċess għal vantaġġ soċjali tikser l-Artikolu 7(2) minħabba li tittratta lill-ħaddiema migranti b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema nazzjonali, hija tkun ukoll inkompatibbli wkoll mal-Artikolu 45 TFUE. Madankollu, anki jekk miżura tkun kompatibbli mal-Artikolu 7(2), hija xorta waħda tista’ tikser l-Artikolu 45 (9). Għaldaqstant, ser nikkunsidra l-ewwel ir-rekwiżit tar-residenza fid-dawl tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Jekk dan ir-rekwiżit jikser l-Artikolu 7(2), ikun ipprojbit ukoll taħt l-Artikolu 45 TFUE.

27.      Il-Pajjiżi l-Baxxi, sostnuti mill-Istati Membri intervenjenti, isostnu li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma japplikax. Sussidjarjament, il-Pajjiżi l-Baxxi jargumentaw li r-rekwiżit tar-residenza ma jiddiskriminax indirettament kontra l-ħaddiema migranti.

28.      Fi kwalunkwe każ, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Istati Membri intervenjenti jsostnu li r-rekwiżit ta’ residenza huwa ġġustifikat għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, ir-rekwiżit iservi sabiex jidentifika l-grupp ta’ studenti mixtieq: jiġifieri dawk li, mingħajr l-MNSF, jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jirritornaw fil-Pajjiżi l-Baxxi wara l-istudji tagħhom f’pajjiż barrani. It-tieni nett, il-kundizzjoni ta’ residenza tevita li l-iskema issir piż finanzjarju mhux raġonevoli li jista’ jkollha konsegwenzi għal-livell globali ta’ finanzjament li jingħata. Dan l-għan ġie approvat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bidar u ġie kkonfermat fis-sentenza Förster (10).

 Ir-rekwiżit ta’ residenza jikser, fil-prinċipju, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68?

 Il-benefiċjarji tat-trattament ugwali taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68

29.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma japplikax, fil-prinċipju, għall-membri dipendenti tal-familja ta’ ħaddiema migranti, indipendentement mill-post tar-residenza tagħhom. Huma jaċċettaw li teżisti eċċezzjoni f’każ ta’ diskriminazzjoni diretta kontra tfal ta’ ħaddiema migranti. B’mod ġenerali, madankollu, dawn il-persuni huma koperti mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u mhux mill-Artikolu 7(2). Dan peress li l-Artikolu 12 huwa espressjoni speċifika tal-obbligu tat-trattament ugwali kif japplika għat-tfal u għall-aċċess għal korsijiet ġenerali edukattivi, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali. Jekk l-Artikolu 7(2) jinqara bħala li japplika għat-tfal tal-ħaddiema migranti, dan jirriskja li jxejjen it-tifsira tal-kundizzjoni ta’ residenza fl-Artikolu 12.

30.      Il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-Artikolu 7(2) japplika għall-membri kollha dipendenti tal-familja tal-ħaddiema migranti.

31.      Jien naqbel mal-Kummissjoni.

32.      Il-benefiċjarji diretti tat-trattament ugwali garantit bl-Artikolu 7(2) huma ċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Ħaddiema transkonfinali, li, bid-definizzjoni tagħhom, jirrisjedu barra mill-Istat Membru ospitanti, jappartjenu lil din il-kategorija (11). Għaldaqstant, il-ħaddiema ma humiex meħtieġa li jirrisjedu fil-post fejn jaħdmu sabiex ikunu jistgħu jgawdu mill-protezzjoni taħt l-Artikolu 7(2), u lanqas l-Artikolu 7(2) ma jissuġġetta d-dritt għat-trattament ugwali għall-post fejn fil-verità jitgawda l-vantaġġ soċjali.

33.      Il-membri dipendenti tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma l-benefiċjarji indiretti tal-obbligu ta’ trattament ugwali taħt l-Artikolu 7(2) peress li d-diskriminazzjoni kontrihom fir-rigward ta’ vantaġġ soċjali tiddiskrimina wkoll kontra l-ħaddiem migrant li sussegwentement ikollu jsostni lill-membru tal-familja. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamiltha ċara li dan il-grupp ta’ benefiċjarji indiretti jinkludi lill-membri dipendenti tal-familja tal-ħaddiema fil-linja dixxendenti u axxendenti u l-konjuġi (12). Dawn ma humiex meħtieġa li jirrisjedu fl-Istat Membru fejn ikun impjegat il-ħaddiem migrant sabiex ikunu jistgħu jgawdu l-protezzjoni taħt l-Artikolu 7(2) (13).

34.      Il-kliem “vantaġġi soċjali” fl-Artikolu 7(2) jinkludi finanzjament għal studji ta’ edukazzjoni ogħla li jsiru minn ħaddiema migranti jew minn membri dipendenti tal-familja tagħhom (14). F’dan il-każ, it-tfal dipendenti ta’ ħaddiema migranti li jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu, b’mod partikolari, japplikaw għall-MNSF sabiex jistudjaw barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

35.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jibbażaw ruħhom ħafna fuq il-fatt li l-kawżi kollha li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(2) japplika għat-tfal ta’ ħaddiema migranti kienu jirrigwardaw diskriminazzjoni diretta. B’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-Pajjiżi l-Baxxi, jien ma nara ebda loġika f’interpretazzjoni li trendi l-portata personali ta’ obbligu ta’ trattament ugwali dipendenti fuq it-tip ta’ diskriminazzjoni involuta. Għaldaqstant nikkunsidra li ma hemmx differenza jekk l-allegata diskriminazzjoni tkunx diretta jew indiretta.

36.      L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jagħti dritt separat u distint lit-tfal tal-ħaddiema migranti b’mod personali.

37.      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti li t-tfal ta’ ħaddiema migranti jkollhom aċċess għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ professjonali. L-Artikolu 12 japplika wkoll għat-tfal li jieħdu edukazzjoni barra mill-Istat Membru ospitanti (15).

38.      L-Artikolu 12 japplika speċifikament għat-“tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” u li “qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 12 jagħti lit-tfal li stabbilixxew ir-residenza tagħhom fi Stat Membru meta ġenitur tagħhom eżerċita d-dritt ta’ residenza tiegħu bħala ħaddiema migranti f’dak l-Istat Membru, dritt indipendenti ta’ residenza sabiex jattendu għal korsijiet edukattivi ġenerali hemmhekk (16). Il-wild igawdi dak id-dritt indipendentement minn jekk il-ġenitur iżommx l-istatus ta’ ħaddiem migrant fl-Istat Membru ospitanti (17).

39.      Barra minn hekk, il-wild ma għandux juri li huwa jiddependi fuq il-ħaddiem migrant sabiex ikun jista’ jinvoka l-Artikolu 12. Jekk il-ġenitur ma jibqax ħaddiem migrant li jibbenefika minn trattament ugwali taħt l-Artikolu 7(2) jew ma għadux jipprovdi manteniment lill-wild, il-wild xorta waħda jista’ jinvoka, b’mod personali, l-aċċess għat-tipi ta’ vantaġġ soċjali ddefiniti fl-Artikolu 12 u taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini, sakemm il-wild jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti (18).

40.      B’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-Pajjiżi l-Baxxi, jien ma nikkunsidrax li peress li l-Artikolu 12 jirregola grupp limitat u definit ta’ membri tal-familja bħala benefiċjarji diretti, bilfors isegwi li l-portata personali tal-Artikolu 7(2) għandha tinftiehem bħala li teskludi lil dak il-grupp mill-benefiċjarji indiretti. Il-Pajjiżi l-Baxxi jinvokaw serje ta’ kawżi insostenn tal-pożizzjoni tagħhom. Ebda kawża minn dawn ma ssolvi l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(2) jipproteġix lill-membri dipendenti tal-familja ta’ ħaddiem migrant li jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu għajnuna finanzjarja għal studji ta’ edukazzjoni ogħla.

41.      Fil-kawża Brown, ir-rikorrent ma ngħatax protezzjoni taħt l-Artikolu 7(2) peress li huwa akkwista l-istat ta’ ħaddiem migrant esklużivament b’riżultat tal-fatt li kien ġie aċċettat sabiex imur jistudja fl-Istat Membru ospitanti (19). Huwa ma setax jinvoka l-protezzjoni taħt l-Artikolu 12 (u, fil-fehma tiegħi, lanqas bħala benefiċjarju indirett taħt l-Artikolu 7(2)) peress li ebda ġenitur ma kellu l-istat ta’ ħaddiem migrant wara twelidu (20). Il-kawżi Lair u Matteucci, min-naħa l-oħra, kienu jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) għal rikorrenti li kienu ħaddiema migranti huma stess (21).

42.      Fis-sentenza Casagrande, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 12 fi kwistjoni li kienet tinvolvi wild ta’ ħaddiem migrant li jirrisjedi fil-post fejn kien impjegat il-ġenitur, u ddeċidiet li dik id-dispożizzjoni tkopri wkoll il-miżuri ġenerali intiżi li jiffaċilitaw l-attendenza f’istituzzjoni edukattiva (22). Bl-istess mod, il-kawża di Leo (23) kkonċernat l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 għall-wild ta’ ħaddiem migrant li jitlaq mill-Istat Membru ospitanti sabiex jistudja f’pajjiż barrani.

43.      Jien nikkonkludi li l-membri dipendenti tal-familja, inklużi t-tfal, jibbenefikaw mid-dritt għat-trattament ugwali tal-ħaddiem migrant taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68. Dik il-konklużjoni tapplika indipendentement mill-post fejn jirrisjedu huma jew fejn jirrisjedi l-ħaddiem migrant u indipendentement minn jekk l-allegata diskriminazzjoni hijiex diretta jew indiretta.

 Teżisti differenza oġġettiva bejn ħaddiema li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u dawk li jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi?

44.      Il-Kummissjoni ssostni li l-ħaddiema migranti (inklużi l-ħaddiema transkonfinali) li jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-membri dipendenti tal-familja tagħhom huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema Olandiżi u l-membri dipendenti tal-familja tagħhom.

45.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li teżisti differenza oġġettiva bejn ħaddiema li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u dawk li jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi peress li dawn tal-aħħar ma jeħtiġux inċentivi sabiex jistudjaw f’pajjiż barrani. Dak l-argument jimplika li l-ħaddiema migranti li jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli għall-ħaddiema Olandiżi (u barra minn hekk, il-ħaddiema migranti) li jaħdmu u jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

46.      Jien ma naqbilx mal-Pajjiżi l-Baxxi.

47.      Teżisti diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 7(2) meta l-ħaddiema migranti jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema nazzjonali f’sitwazzjoni paragunabbli. Sabiex jiġi deċiż jekk dan huwiex il-każ, jeħtieġ li jiġi stabbilit min għandu dritt għal trattament ugwali u fir-rigward ta’ liema benefiċċju partikolari. F’dan ir-rigward, l-għan tal-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi t-trattament differenti huwa rilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk teżistix differenza oġġettiva bejn il-kategoriji rilevanti ta’ persuni (24). Inżid ngħid li, fil-fehma tiegħi, l-allegata differenza oġġettiva għandha tirrifletti ġeneralment distinzjoni fid-dritt jew fil-fatt li ma hijiex dik li ssir bid-dispożizzjoni legali inkwistjoni stess.

48.      F’din il-kawża, il-benefiċċju huwa l-għoti ta’ finanzjament għal studji fi kwalunkwe pajjiż barra mill-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-kuntest tal-Artikolu 7(2), il-ħaddiema migranti fil-Pajjiżi l-Baxxi jibbenefikaw minn trattament ugwali.

49.      Ma tantx hemm diffikultà sabiex jiġi aċċettat li ż-żewġ kategoriji li ġejjin jinkludu ħaddiema li fil-fatt jistgħu jiġu pparagunati ma’ xulxin. L-ewwel nett, huwa ċar li l-ħaddiema migranti li jirrisjedu u jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi huma paragunabbli ma’, u għandhom jiġu ttrattati indaqs bħaċ-ċittadini Olandiżi li jirrisjedu u jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-tieni nett, huwa ċar li l-ħaddiema migranti li jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li jirrisjedu xi mkien ieħor huma paragunabbli ma’, u għandhom jiġu ttrattati indaqs bħall-ħaddiema Olandiżi li jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li jirrisjedu xi mkien ieħor.

50.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jużaw il-fatt li jeżistu dawn iż-żewġ kategoriji identifikabbli sabiex isostnu li ma jista’ jsir ebda paragun bejn dawn il-kategoriji — jiġifieri, huma jsostnu li dawk li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi huma oġġettivament differenti minn dawk li jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi. Sa ċertu punt, dan hu manifestament minnu. Li tgħix f’Amsterdam ma huwiex l-istess bħal meta tgħix f’Pariġi. Iżda hija din differenza rilevanti tali li, oġġettivament, tiġġustifika trattament differenti (25)?

51.      Jien ma jiniex ta’ din l-opinjoni.

52.      Il-Pajjiżi l-Baxxi (ġustament) jaċċettaw li t-tfal ta’ ħaddiema migranti li jkunu jixtiequ jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi għandu jkollhom aċċess għal finanzjament għal dawn l-istudji eżattament bl-istess mod bħaċ-ċittadini Olandiżi, indipendentement minn jekk dawk il-ħaddiema migranti (u t-tfal dipendenti tagħhom) jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi jew xi mkien ieħor.

53.      B’dan il-mod, hija aċċettat impliċitament li tal-inqas xi tfal ta’ ħaddiema migranti jistgħu — l-istess bħat-tfal ta’ ħaddiema Olandiżi — ikunu predisposti li jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi (indipendentement minn jekk jirrisjedux hemmhekk jew le) u li huma għandu jkollhom aċċess għal finanzjament sabiex jagħmlu dan. Iżda l-prinċipju korollarju ta’ dan — jidhirli jien — hu li l-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux jibqgħu jsostnu legalment li l-post tar-residenza jistabbilixxi, kważi b’mod awtomatiku, il-post fejn il-ħaddiem migrant jew it-tfal dipendenti tiegħu ser jistudjaw. Jekk dan hu minnu, allura ma jistax legalment jintuża l-post ta’ residenza bħala kriterju allegatament “oġġettiv” sabiex ikun hemm trattament differenti. Min-naħa l-oħra: ħaddiem migrant impjegat fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jista’ effettivament jiġi pparagunat ma’ ħaddiem Olandiż li jirrisjedi u jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Ir-rekwiżit tar-residenza jwassal għal diskriminazzjoni indiretta?

54.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni għandha tipprova l-eżistenza tal-ksur allegat u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-evidenza meħtieġa sabiex hija tikkonstata li hemm obbligu li ma ġiex sodisfatt. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet (26).

55.      F’dan il-każ, il-Kummissjoni trid turi li l-ħaddiema migranti u l-ħaddiema Olandiżi jiġu ttrattati b’mod differenti b’riżultati li huma simili għal dawk li jkun hemm meta tiġi applikata kundizzjoni ta’ nazzjonalità.

56.      Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit ta’ residenza jikser l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 peress li l-ħaddiema nazzjonali x’aktarx li dejjem jissodisfawh b’mod iktar faċli mill-ħaddiema migranti. Hija ssostni li s-sentenzi Meeusen (27) u Meints (28) jistabbilixxu li l-kundizzjoni ta’ residenza hija, minnha nnifisha, indirettament diskriminatorja. F’din il-kawża, il-kundizzjoni ta’ residenza tiddiskrimina indirettament sa fejn teskludi neċessarjament lill-ħaddiema transkonfinali u lill-membri dipendenti tal-familja tagħhom. Il-Pajjiżi l-Baxxi jinvokaw is-sentenzi Sotgiu u Kaba II sabiex isostnu li l-kundizzjoni ta’ residenza ma hijiex diskriminatorja fi kwalunkwe ċirkustanza (29).

57.      Jien ma naqbel ma’ ebda waħda mill-interpretazzjonijiet mogħtija lill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

58.      Fis-sentenza Meeusen, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-għoti ta’ vantaġġ soċjali fis-sens tal-imsemmi Artikolu 7 [...] għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji tal-vantaġġ għandhom ikunu residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat” (30). Il-kawża Meeusen kienet tikkonċerna l-kundizzjoni ta’ residenza li kienet direttament diskriminatorja u għaldaqstant ipprojbita. Id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Meeusen kienet, min-naħa tagħha, ibbażata fuq is-sentenza Meints (31). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kundizzjoni ta’ residenza inkwistjoni kienet indirettament diskriminatorja biss wara li eżaminat jekk il-kundizzjoni setgħetx tiġi sodisfatta b’mod iktar faċli mill-ħaddiema nazzjonali (u jekk setgħetx tkun iġġustifikata) (32). Għaldaqstant, ebda sentenza minn dawn ma tistabbilixxi li l-kundizzjoni ta’ residenza hija dejjem indirettament diskriminatorja.

59.      Madankollu, lanqas is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Sotgiu u Kaba II ma jistgħu jkunu ta’ awtorità għall-pożizzjoni opposta, fis-sens li jista’ jkun possibbli li tiġi imposta l-kundizzjoni ta’ residenza fuq ċittadini mazzjonali u dawk barranin, li qegħdin f’sitwazzjoni paragunabbli, mingħajr ma dan jirriżulta f’diskriminazzjoni indiretta. Fis-sentenza Sotgiu, il-ħaddiema kkonċernati kienu jaqgħu f’kategoriji differenti skont jekk huma kinux obbligati jiċċaqalqu. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat għaldaqstant li r-residenza kienet kriterju oġġettiv sabiex il-ħaddiema jiġu ttrattati b’mod differenti f’sitwazzjonijiet oġġettivament differenti. Fis-sentenza Kaba II, il-konjuġi ta’ ħaddiem migrant li kien ċittadin ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Renju Unit u l-konjuġi ta’ persuna li kienet “preżenti u stabbilita” fir-Renju Unit tqiesu li ma humiex paragunabbli minħabba distinzjoni magħmula minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma kinitx dik inkwistjoni (33).

60.      Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjoni ta’ residenza tiddiskrimina indirettament kontra l-ħaddiema migranti.

61.      Il-kundizzjoni ta’ residenza fil-passat, fil-preżent jew fil-futur (speċjalment jekk tkun titlob residenza għal ċertu żmien) intrinsikament x’aktarx li taffettwa lill-ħaddiema nazzjonali ta’ Stat Membru inqas milli taffettwa lill-ħaddiema migranti li jkunu f’sitwazzjoni paragunabbli. Dan peress li tali kundizzjoni dejjem tiddistingwi bejn ħaddiema li ma għandhomx bżonn jiċċaqalqu biex jissodisfawha u ħaddiema li għandhom bżonn jiċċaqalqu. Dawk tal-ewwel, normalment, għalkemm possibbilment mhux dejjem, x’aktarx li iktar jistgħu jkunu ċittadini tal-Istat Membru ospitanti.

62.      Ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta” tirrigwarda residenza fil-passat għal ċertu żmien. Jien nikkunsidra li probabbilment il-ħaddiema Olandiżi iktar ikunu jistgħu jissodisfaw dik il-kundizzjoni mill-ħaddiema migranti li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

63.      Jista’ jkun li tali kundizzjoni ta’ residenza ma tiddiskriminax kontra kull ħaddiem transkonfinali (34). Madankollu, x’aktarx li numru sostanzjali ta’ ħaddiema transkonfinali u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom jiġu esklużi mill-MNSF peress li l-familja tirrisjedi flimkien f’żona mal-fruntiera u għaldaqstant barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

64.      Nikkonkludi għaldaqstant li l-kundizzjoni ta’ residenza tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta pprojbita, fil-prinċipju, taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

 Il-kundizzjoni ta’ residenza hija madankollu ġġustifikata?

65.      Jekk il-kundizzjoni ta’ residenza tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta pprojbita mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi, madankollu, jekk dan huwiex iġġustifikat. Għal dan il-għan, il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom juru li l-kundizzjoni ta’ residenza (i) għandha għan leġittimu ġġustifikat minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, (ii) hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu (adegwatezza) u (iii) ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan mixtieq (proporzjonalità) (35).

66.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-kundizzjoni ta’ residenza hija ġġustifikata minħabba li hija adegwata u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ (i) sabiex jiġi evitat piż finanzjarju mhux raġonevoli li jirriżulta f’każ li l-MNSF ikun disponibbli għall-istudenti kollha (l-għan ekonomiku) u, fl-istess ħin, (ii) sabiex jiġi żgurat li l-MNSF ikun disponibbli biss lil studenti li, mingħajru, jieħdu edukazzjoni ogħla fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, x’aktarx, jirritornaw lura fil-Pajjiżi l-Baxxi jekk imorru jistudjaw f’pajjiż barrani (l-għan soċjali).

67.      Qabel ma nittratta l-ġustifikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ residenza mill-aspett ta’ kull għan, jien nixtieq nikkummenta fil-qosor fuq il-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova u l-livell tal-prova meħtieġ. Jien ser nagħmel dan peress li ebda waħda mill-partijiet f’din il-kawża ma applikat sew dawn il-prinċipji.

68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru konvenut għandu jipprovdi, “raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru” u “analiżi ta’ l-adattezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat, kif ukoll elementi preċiżi li jissostanzjaw l-argument tiegħu” (36). Għaldaqstant, dan l-Istat Membru għandu l-oneru li jipprova prima facie li l-miżura hija adegwata u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għan jew l-għanijiet tagħha.

69.      Madankollu, l-oneru li għandu l-Istat Membru konvenut sabiex juri proporzjonalità “ma jistax iwassal sabiex dan l-Istat Membru jintalab juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura immaġinabbli oħra ma tippermetti li jintlaħaq dan il-għan fl-istess kundizzjonijiet” (37). Fi kliem ieħor, l-Istat Membru ma jistax jintalab jipprova n-negattiv.

70.      Jekk l-Istat Membru konvenut jipprova li l-miżura kkontestata hija prima facie proporzjonata, hija l-Kummissjoni li sussegwentement għandha tirribatti l-analiżi tal-Istat Membru billi tissuġġerixxi miżuri inqas restrittivi. Il-Kummissjoni ma tistax tipproponi sempliċement miżura alternattiva. Hija għandha tispjega wkoll għaliex u kif dik il-miżura hija adegwata biex jintlaħaq l-għan iddikjarat jew l-għanijiet iddikjarati u għaliex hija, fuq kollox, inqas restrittiva mill-miżura kkontestata. Mingħajr din l-ispjegazzjoni, l-Istat Membru konvenut ma jistax ikun jaf fuq x’għandu jirribatti.

 Il-kundizzjoni ta’ residenza hija ġġustifikata minħabba għan ekonomiku?

–       L-għan ekonomiku huwa għan leġittimu ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali?

71.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-kundizzjoni ta’ residenza hija ġġustifikata peress li hija intiża li tiżgura li l-MNSF ma jimponix piż finanzjarju eċċessiv fuq is-soċjetà. Fis-sentenzi Bidar u Förster, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Istati Membri jistgħu jkunu ġustament ikkonċernati bil-konsegwenzi finanzjarji li jkollha l-politika tagħhom u għaldaqstant li jkunu jistgħu jeżiġu li jkun hemm ċertu livell ta’ integrazzjoni qabel ma jipprovdu finanzjament għall-istudji (38). Il-Pajjiżi l-Baxxi jistmaw li jekk tiġi eliminata l-kundizzjoni ta’ residenza, dan iwassal għal piż finanzjarju addizzjonali ta’ madwar EUR 175 miljun fis-sena li jintefqu sabiex jiġi pprovdut l-MNSF lil, b’mod partikolari, tfal tal-ħaddiema migranti u ċittadini Olandiżi li jew jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi jew ilhom jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal inqas minn tliet snin mill-aħħar sitt snin.

72.      Il-Kummissjoni ssostni li r-raġunament tas-sentenzi Bidar u Förster ma japplikax għall-ħaddiema migranti peress li d-dritt tal-Unjoni jittratta liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu ekonomikament attivi b’mod differenti minn dawk li ma jkunux ekonomikament attivi. L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkonferma din id-distinzjoni. Anki kieku l-Pajjiżi l-Baxxi kellhom jitħallew jirrikjedu livell ta’ konnessjoni, l-istatus stess ta’ ħaddiem migrant juri konnessjoni mal-Pajjiżi l-Baxxi li hija suffiċjentement mill-qrib, u l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bidar irrikonoxxiet li f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jista’ jiġi impost ebda kundizzjoni ta’ residenza (39). Barra minn hekk, tħassib dwar implikazzjonijiet baġitarji ma jistax jikkwalifika bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

73.      Jien naqbel mal-Kummissjoni.

74.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tapplika r-raġunament tas-sentenzi Bidar u Förster f’dak li jirrigwarda ċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu ekonomikament mhux attivi għall-ħaddiema migranti. Iżda l-ewwel nett: il-Qorti tal-Ġustizzja x’kienet iddeċidiet preċiżament fis-sentenzi Bidar u Förster?

75.      Fis-sentenza Bidar, ir-Renju Unit ipprova jiġġustifika l-kundizzjoni ta’ residenza ta’ tliet snin abbażi tal-bżonn li jiżgura li (i) il-kontribuzzjonijiet permezz ta’ taxxa jkunu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-għoti tal-finanzjament u (ii) kienet teżisti konnessjoni ġenwina bejn l-istudent li jitlob il-finanzjament u s-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti (40). Essenzjalment, kien hemm tħassib li jibdew jiġu studenti mill-Unjoni Ewropea kollha u minnufih japplikaw għal finanzjament sabiex jistudjaw fir-Renju Unit.

76.      Bi tweġiba għall-ewwel parti tal-argument tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li “huwa possibbli għal kull Stat Membru li jassigura li l-għoti ta’ għajnuna intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ l-istudenti li ġejjin minn Stati Membri oħra ma ssirx piż irraġonevoli li tista’ jkollha konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tiġi mogħtija minn dan l-Istat” (41). B’riżultat ta’ dan, kien leġittimu li l-finanzjament jingħata “[biss] lil studenti li jkunu wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat” (42).

77.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx it-tieni parti tal-argument tar-Renju Unit. Stat Membru ma kellux dritt irendi l-għoti ta’ finanzjament għal studji suġġett għall-kundizzjoni li jkun hemm konnessjoni bejn l-istudent u s-suq tax-xogħol. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ residenza li tkun indirettament diskriminatorja ma setgħetx tkun iġġustifikata abbażi tal-bżonn li l-finanzjament jingħata biss lil studenti li kienu diġà ħadmu fl-Istat Membru ospitanti jew li ser jaħdmu hemmhekk wara l-istudji tagħhom. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istudji li jsiru minn student mhux bilfors jiddestinawh għal suq geografiku tax-xogħol partikolari (43). B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, jien ma ninterpretax din il-parti tas-sentenza Bidar bħala li tipprekludi kwalunkwe rekwiżit li l-ħaddiema migranti juru livell ta’ konnessjoni mal-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas biss daħlet f’dak il-punt. Dak li għamlet kien li ċaħdet l-argument li l-konnessjoni bejn il-post tal-istudji u l-post tax-xogħol kienet għan li seta’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta.

78.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet sabiex aċċettat li residenza ta’ ċertu żmien fil-passat fl-Istat Membru ospitanti tista’ tkun ta’ prova tal-livell ta’ konnessjoni meħtieġ (44). Il-fatt li ġie limitat il-grupp ta’ benefiċjarji permezz ta’ kriterju li jeżiġi livell ta’ viċinanza mal-Istat Membru li jagħti l-finanzjament, bħalma huwa r-residenza fil-passat, kien miżura adegwata sabiex jiġi żgurat li l-għoti ta’ finanzjament lill-istudenti mill-Istati Membri l-oħra ma jsirx piż mhux raġonevoli li seta’ kellu konsegwenzi għal-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat.

79.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jidhru li jinterpretaw is-sentenza Förster bħala li tikkonferma s-sentenza Bidar.

80.      Din l-interpretazzjoni tas-sentenza Förster ma tikkonvinċinix.

81.      Fis-sentenza Förster, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li, skont is-sentenza Bidar, huwa leġittimu għal Stat Membru li jiżgura li l-vantaġġ soċjali ma jsirx piż mhux raġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna (45). Fil-fatt, dan kien l-għan leġittimu li ġie rrikonoxxut fis-sentenza Bidar (46).

82.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement qalet li, skont is-sentenza Bidar ukoll, huwa leġittimu li Stat Membru jagħti għajnuna li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment tal-istudenti biss lill-istudenti li juru ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru (47). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għal silta mis-sentenza Bidar fejn iddeċidiet li l-istudent jista’ jitqies li juri ċertu livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti jekk huwa rrisjeda hemmhekk għal ċertu perijodu ta’ żmien (48).

83.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan ir-raġunament għall-fatti tal-kawża Förster. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi jekk il-kundizzjoni ta’ residenza ta’ ħames snin li hija indirettament diskriminatorja setgħetx “tiġi ġġustifikata permezz tal-għan, għall-Istat Membru ospitanti, li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ integrazzjoni fit-territorju tal-istudenti ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn” (49). Fis-sentenza Förster, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat għaldaqstant il-proporzjonalità tal-kundizzjoni ta’ residenza fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-istudent, u mhux dak li jiġi evitat il-kollass tal-iskema eżistenti minħabba l-ispiża finanzjarja tagħha (50).

84.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bidar ma rrikonoxxietx dak l-għan. F’dik is-sentenza, l-evidenza ta’ livell ta’ integrazzjoni ġiet ittrattata bħala l-mezz sabiex jiġi evitat piż finanzjarju mhux raġonevoli.

85.      Tkun sfortuna jekk il-qari superfiċjali tas-sentenza Förster kellu jwassal għal konfużjoni bejn il-mezz u l-għan. Jeżisti r-riskju li s-sentenza Förster tista’ tiġi interpretata bħala li tindika li l-Istati Membri jistgħu jimponu l-kundizzjoni ta’ residenza, indipendentement minn jekk l-għan tiegħu huwiex li jiżgura li jekk jingħata vantaġġ soċjali dan ma jaffettwax b’mod negattiv l-istabbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu jew it-twettiq ta’ xi għan leġittimu ieħor iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fuq din il-bażi, l-Istati Membri jafu jattentaw jiġġustifikaw trattament inqas favorevoli ta’ ċittadini tal-Unjoni (kemm dawk ekonomikament attivi u dawk li ma humiex) f’termini ta’ politika soċjali (integrazzjoni) billi japplikaw kriterji ta’ aċċess bħalma huma t-tul tar-residenza, l-istat konjugali u tal-familja, il-lingwa, id-diplomi, l-impjieg u l-bqija, mingħajr qatt ma jispjegaw għaliex id-disponibbiltà ta’ benefiċċju soċjali għandha tkun limitata b’dak il-mod.

86.      Fl-isfond ta’ din l-interpretazzjoni tas-sentenzi Bidar u Förster, ser ngħaddi sabiex neżamina jekk l-evitar tal-piż finanzjarju mhux raġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-finanzjament tal-istudji huwiex għan li jista’ jiġi traspost mill-kuntest taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ekonomikament attivi u jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta kontra ħaddiema migranti.

87.      Jien nikkunsidra li ma jistax.

88.      Jien naċċetta li l-piż finanzjarju sabiex vantaġġ soċjali jkun disponibbli għal firxa wiesgħa ta’ persuni jista’ jippreġudika l-eżistenza u l-livell globali tiegħu (51). F’tali ċirkustanzi, it-tħassib dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji huma marbutin intrinsikament mal-eżistenza u l-għan tal-vantaġġ soċjali stess u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu injorati kompletament. L-Istati Membri jkunu jistgħu inkella jevitaw kompletament li jipprovdu ċerti tipi ta’ vantaġġi soċjali għad-detriment tal-interess ġenerali.

89.      Madankollu, jiena tal-fehma li l-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux jinvokaw it-tħassib baġitarju sabiex jiġġustifikaw trattament diskriminatorju ta’ ħaddiema migranti u tal-membri dipendenti tal-familja tagħhom. Kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-MNSF sabiex in-nefqa tinżamm f’limiti aċċettabbli għandhom ikunu suġġetti għaliha l-ħaddiema migranti u l-ħaddiema Olandiżi b’mod ugwali.

90.      Il-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom għandhom il-libertà li jiċċaqalqu għal Stat Membru ieħor meħud kont tal-fatt li ċ-“ċaqliq ta’ xogħol fi ħdan [l-Unjoni] għand[u j]kun wieħed mill-mezzi li bihom ħaddiem hu garantit il-possibbilità li jtejjeb l-ħajja tiegħu u l-kondizzjonijiet tax-xogħol u jmexxi ’l quddiem l-avvanz soċjali tiegħu. Waqt li jkompli jgħin biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ l-ekonomiji ta’ l-Istati Membri” (52). L-Istati Membri jridu għaldaqstant, jeliminaw l-ostakli kollha għall-eżerċizzju tal-moviment liberu u tad-drittijiet relatati tal-ħaddiema migranti, inklużi dawk li jaffettwaw “[i]d-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu u l-kondizzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ dik il-familja fil-pajjiż li jospitaha” (53).

91.      Fil-fehma tiegħi, jekk l-Istati Membri jrendu vantaġġ soċjali disponibbli għall-ħaddiema tagħhom stess, kemm jekk il-benefiċċju jkun marbut mal-kontribuzzjonijiet tal-persuna u kemm jekk le, huma jridu jagħtuha bl-istess kundizzjonijiet lill-ħaddiema migranti. Kwalunkwe limitazzjoni imposta sabiex tiġi ppreservata l-integrità finanzjarja trid tiġi applikata bl-istess kundizzjonijiet lill-ħaddiema nazzjonali u lill-ħaddiema migranti (54).

92.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-għan li jiġi evitat piż finanzjarju mhux raġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi għal-livell globali ta’ għajnuna soċjali mogħtija jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni kontra ċittadini tal-Unjoni li ma humiex attivi ekonomikament. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan peress li, skont id-dritt tal-Unjoni llum, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għad ma għandhomx garanzija ta’ trattament ugwali sħiħ fir-rigward ta’ vantaġġi soċjali.

93.      Qabel l-introduzzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea, kien hemm diversi direttivi li kienu jipprovdu li ċ-ċittadini tal-Istati Membri li ma kinux qegħdin jeżerċitaw dritt ekonomiku għall-moviment liberu kellhom id-dritt li jiċċaqalqu u li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor bil-kundizzjoni li huma u l-membri tal-familja tagħhom ikunu koperti bl-assigurazzjoni għall-mard u kellhom “riżorsi biżżejjed sabiex jevitaw li jsiru piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom” (55). Il-kundizzjoni kienet imposta minħabba li dawn iċ-ċittadini “ma għandhomx isiru piż irraġjonevoli fuq il-finanzi pubbliċi ta’ l-Istat Membru ospitanti” (56). B’mod partikolari, id-Direttiva 93/96 illimitat id-dritt tal-istudenti li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor u ma stabbilixxiet ebda dritt għall-ħlas ta’ għotjiet għall-manteniment mill-Istat Membru ospitanti (57).

94.      Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht, dawn iċ-ċittadini saru ċittadini tal-Unjoni (58) indipendentement mill-attività tagħhom. Abbażi ta’ dak l-istatus, huma għandhom id-dritt li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru ospitanti għandu juri ċerta solidarjetà finanzjarja mal-istudenti li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra u li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqalqu u li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti (59).

95.      Id-Direttiva 2004/38 ikkonsolidat ħafna mil-leġiżlazzjoni u mill-ġurisprudenza preċedenti. Hija żżomm id-distinzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dritt ekonomiku ta’ moviment liberu u ċittadini oħra tal-Unjoni u tippreżerva espressament id-dritt tal-Istati Membri li jiddiskriminaw, għal ċertu żmien, kontra dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li sakemm l-istudenti jiksbu dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru fejn jistudjaw, “[b]’deroga mill-”obbligu li jittrattaw b’mod ugwali liċ-ċittadini nazzjonali u ċittadini oħrajn tal-Unjoni, l-Istat Membru ospitanti ma għandux ikun obbligat li jagħtihom għajnuna ta’ manteniment għall-istudji li jikkonsisti f’għotjiet jew self. Għalkemm il-fatti li wasslu għas-sentenza Bidar seħħew qabel ma ġiet adottata d-Direttiva 2004/38, ir-raġunament f’dak il-każ jirrifletti l-libertà tal-Istati Membri li jiddiskriminaw f’dawk iċ-ċirkustanzi. Madankollu, id-deroga ma tapplikax għall-“ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom”. Dawn il-persuni, min-naħa l-oħra, huma protetti bil-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

96.      Nikkonkludi għaldaqstant li l-għan ekonomiku ma jistax jitqies bħala għan leġittimu ġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Minn dan isegwi li, sakemm ma jiġix aċċettat l-għan soċjali, id-difiża tal-Pajjiżi l-Baxxi ser tfalli.

97.      Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjonijiet tiegħi fuq l-għan ekonomiku, ser neżamina fil-qosor kemm l-adegwatezza tal-kundizzjoni ta’ residenza fid-dawl ta’ dak l-għan kif ukoll il-proporzjonalità tiegħu.

–       Il-kundizzjoni ta’ residenza hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan ekonomiku?

98.      Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-kundizzjoni ta’ residenza hija mezz adegwat sabiex jiġi żgurat li l-MNSF ma jwassalx għal piż eċċessiv u mhux raġonevoli. Il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw studju li huma jgħidu li juri li jekk tiġi eliminata din il-kundizzjoni, dan iwassal għal piż addizzjonali ta’ madwar EUR 175 miljun fis-sena.

99.      Il-Kummissjoni tindika b’mod konċiż li hija għandha “dubji” dwar il-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-adegwatezza tal-miżura.

100. Minkejja li l-Kummissjoni ma tagħmel ebda sforz konvinċenti sabiex tirribatti l-argument u l-evidenza tal-Pajjiżi l-Baxxi, huma l-Pajjiżi l-Baxxi li għandhom iressqu każ konvinċenti li juri li l-esklużjoni tal-istudenti li rresjedew hemmhekk għal inqas minn tliet snin minn sitt snin fil-Pajjiżi l-Baxxi hija relatata mal-piż finanzjarju mhux raġonevoli li hija allegatament tevita. Dan ma jfissirx li l-kundizzjoni ta’ residenza hija l-iktar miżura xierqa sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-għan imfittex (60).

101. Jien naċċetta l-argument tal-Pajjiżi l-Baxxi.

102. Il-kundizzjoni ta’ residenza teskludi neċessarjament grupp ta’ applikanti potenzjali u għaldaqstant tillimita l-ispiża tal-MNSF. Il-Pajjiżi l-Baxxi jidhru li jieħdu l-pożizzjoni li l-piż addizzjonali ta’ EUR 175 miljun jippreġudika l-iskema tal-MNSF kif inhi fil-preżent.

103. Ma narax għalfejn għandi niddubita minn din il-pożizzjoni. Wara kollox, l-Istati Membri kollha jibqgħu liberi li jiddeċiedu minn liema punt ċertu livell ta’ finanzjament għall-istudji jibda jsir piż finanzjarju mhux raġonevoli b’konsegwenzi għal-livell globali ta’ għajnuna mogħtija taħt l-iskema. Huwa l-Istat Membru, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li jistabbilixxi fejn għandu jkun dan il-limitu.

104. Peress li l-Kummissjoni ma għamlet ebda sforz biex tirribatti l-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, nikkonkludi li l-Pajjiżi l-Baxxi pprovat li l-kundizzjoni ta’ residenza hija adegwata.

–        Il-kundizzjoni ta’ residenza hija proporzjonata għall-għan ekonomiku?

105. L-argumenti tal-partijiet dwar il-proporzjonalità ġew iċċarati fis-seduta li nżammet fuq inizjattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

106. Essenzjalment, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk huwiex proporzjonat li l-ħaddiema migranti, li jkunu konnessi diġà mal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba l-impjieg tagħhom hemmhekk, ikunu mitluba li jissodisfaw ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta”.

107. Il-Kummissjoni ssostni li l-istatus ta’ ħaddiem migrant huwa suffiċjenti minnu nnifsu sabiex juri l-livell ta’ konnessjoni meħtieġ u li l-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux jimponu l-kundizzjoni ta’ residenza addizzjonali. Bħala miżura alternattiva hija tissuġġerixxi l-koordinazzjoni ma’ Stati Membri oħra. Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-istatus ta’ ħaddiem migrant hija insuffiċjenti u li ma hemm ebda miżura alternattiva. Meta ddeċidew li jimponu l-kundizzjoni ta’ residenza, huma ħadu inkunsiderazzjoni wkoll li jista’ jkun hemm sorsi ta’ finanzjament alternattivi u tipi ta’ sussidju finanzjarju alternattivi, li Stati Membri oħra jipprovdu finanzjament simili għall-MNSF suġġett għal kundizzjoni ta’ residenza fil-passat u li l-kundizzjoni ta’ residenza tipprekludi ċerti riskji ta’ frodi.

108. Ma jiniex konvint li l-kundizzjoni ta’ residenza hija proporzjonata.

109. B’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-Pajjiżi l-Baxxi, naħseb li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-kundizzjoni ta’ residenza ta’ ħames snin bħala proporzjonata fil-kawża Förster ma jfissirx li r-regola “ta’ tliet snin minn sitta” inkwistjoni hawn hija, f’dan il-każ, proporzjonata. Fis-sentenza Förster, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq it-test tal-Artikolu 16(1) u 24(2) tad-Direttiva 2004/38 sabiex tiddeċiedi li Stat Membru ma għandux ikun obbligat li jagħti għajnuna ta’ manteniment għall-istudji lil ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ekonomikament attivi li ma rrisjedewx legalment għal perijodu kontinwu ta’ mhux inqas minn ħames snin f’dak l-Istat Membru (61). B’kuntrast ma’ dak li jikkonkludi l-Avukat Ġenerali (62), il-Qorti tal-Ġustizzja dehret li ma tixtieqx tikkontesta t-teżi li l-grad rikjest ta’ konnessjoni ma jistax jintwera b’mezzi oħra.

110. Madankollu, l-Artikolu 24(2) jagħmilha ċara li l-kundizzjoni ta’ ħames snin ta’ residenza fid-Direttiva 2004/38 ma tistax tiġi imposta fuq ħaddiema migranti u l-familji dipendenti tagħhom.

111. Stat Membru jista’, madankollu, jimponi fuq dawn il-persuni l-kundizzjoni ta’ residenza ta’ tliet snin minn sitt snin?

112. Jidhirli li le.

113. B’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-Pajjiżi l-Baxxi, jiena ma ninterpretax is-sentenza Bidar bħala li taċċetta tali kundizzjoni ta’ residenza. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex bżonn teżamina l-proporzjonalità peress li l-effett tal-kundizzjoni ta’ residenza flimkien mar-regoli dwar kif jinkiseb l-“istatus ta’ persuna stabbilita” fir-Renju Unit kien li, indipendentement mil-livell attwali ta’ integrazzjoni, D. Bidar ma seta’ qatt jikkwalifika għall-għajnuna sabiex ikopri l-ispejjeż għall-manteniment tiegħu.

114. Id-diffikultà sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ l-kundizzjoni ta’ residenza f’din il-kawża hija li l-argumenti tal-partijiet huma bbażati fuq il-fehma li l-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jirrikjedu ċertu grad ta’ konnessjoni mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni li dak huwa mezz sabiex jintlaħaq għan.

115. Madankollu, kif ninterpreta s-sentenza Bidar jien, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-kundizzjoni ta’ residenza tinvolvi li jiġi deċiż jekk il-Pajjiżi l-Baxxi pprovawx li regola “ta’ tliet snin minn sitta” ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi evitat piż finanzjarju li ma huwiex raġonevoli.

116. Fil-fatt, il-Pajjiżi l-Baxxi ressqu provi f’dan is-sens.

117. Iċ-ċifra ta’ EUR 175 miljun kull sena hija bbażata fuq analiżi tar-riskju li tikkalkula l-ispiża addizzjonali tal-finanzjament, b’mod partikolari, tat-tfal tal-ħaddiema migranti (grupp 1) u taċ-ċittadini Olandiżi (grupp 2) li fil-preżent huma esklużi mill-MNSF (63). Jekk il-kundizzjoni ta’ residenza għat-tfal fi grupp 2 tiġi eliminata, dan iwassal, fil-fehma tal-Pajjiżi l-Baxxi, fi spiża addizzjonali ta’ EUR 132.1 miljun, li hija kważi tliet darbiet ogħla mill-ispiża ta’ EUR 44.5 miljun li tirriżulta jekk jiġi eliminat ir-rekwiżit għat-tfal fi grupp 1.

118. Dawn l-istimi huma bbażati fuq numru ta’ assunzjonijiet li, fl-aħjar ipotesi, jidhru dubjużi. Pereżempju, fil-kalkolu tan-numru ta’ tfal fi grupp 1 li jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, l-awturi tal-istudju jistmaw li bejn 15 % u 30 % tal-ħaddiema migranti tal-Ewropa tal-Lvant fil-Pajjiżi l-Baxxi jkomplu jirrisjedu mal-familji tagħhom fl-Istat Membru tal-oriġini. Għaldaqstant, dawn il-ħaddiema huma preżunti li jivvjaġġaw kuljum jew fuq bażi inqas regolari, pereżempju minn Varsavja għall-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-istess ħin, il-fatt li dawn il-ħaddiema migranti li jivvjaġġaw jaf iqattgħu iktar ġranet mill-ġimgħa fil-Pajjiżi l-Baxxi milli fl-Istat Membru tal-oriġini ma jitteħidx inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk dawn humiex residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Eżempju ieħor huwa li l-awturi tal-istudju jassumu li t-tfal ta’ ħaddiema transkonfinali ser jistudjaw fiż-żona tal-fruntiera fejn huma jirrisjedu. Għaldaqstant, ma jidhirx li huma jagħmlu aġġustament għat-tfal tal-ħaddiema migranti u ta’ ċittadini Olandiżi li jirrisjedu f’pajjiż barrani, indipendentement minn jekk hux f’żona tal-fruntiera, li huma intitolati għall-MNSF biex jistudjaw f’żona tal-fruntiera.

119. Apparti dan it-tħassib dwar il-metodoloġija li ġiet użata, it-tfal fil-gruppi 1 u 2 jikkwalifikaw għal finanzjament sabiex jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi minkejja l-fatt li ma jirrisjedux hemmhekk. Il-Pajjiżi l-Baxxi volontarjament għażlu li jsostnu l-piż tal-finanzjament ta’ dawn l-istudenti sa ċerti limiti massimi. L-istess limiti japplikaw għall-finanzjament għal studji fil-Pajjiżi l-Baxxi u barra mill-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma spjegawx għaliex l-istess piż finanzjarju huwa aċċettabbli meta jiġi sostnut fir-rigward ta’ studji fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda jitqies mhux raġonevoli fil-kuntest tal-MNSF (64).

120. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jirrikjedu ċertu grad ta’ konnessjoni indipendentement mit-tħassib dwar l-ispiża finanzjarja tal-MNSF, jidhirli li jkun sproporzjonat, madankollu, li ħaddiem migrant u l-membri dipendenti tal-familja tiegħu jkunu mitluba jissodisfaw ir-regola “ta’ tliet snin minn sitta”.

121. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-kundizzjoni ta’ residenza tista’ tkun sproporzjonata jekk min-natura tagħha tkun esklużiva wisq minħabba li “[t]iffavorixxi indebitament element li ma huwiex neċessarjament rappreżentattiv tal-livell reali u effettiv tar-rabta [...] bl-esklużjoni ta’ kull element rappreżentattiv ieħor” (65). Sabiex ikunu proporzjonati, l-elementi ta’ konnessjoni rilevanti jridu jkunu magħrufa minn qabel u għandha tkun prevista l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju (66).

122. Fil-fehma tiegħi, il-Pajjiżi l-Baxxi ma spjegawx b’mod konvinċenti għaliex jew il-kundizzjoni ta’ residenza li tkun iktar flessibbli mir-regola “ta’ tliet snin minn sitta” jew elementi oħra li jesprimu livell paragunabbli ta’ konnessjoni, bħalma huwa l-impjieg, ma jilħqux l-istess għan b’mod inqas restrittiv. B’mod partikolari, ma spjegawx għaliex huma jaċċettaw li ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi matul tliet snin minn sitta jitqies li huwa dejjem konness suffiċjentement mal-Pajjiżi l-Baxxi, indipendentement mill-parteċipazzjoni tiegħu f’dik is-soċjetà iżda jiċħdu kompletament il-possibbiltà li l-istatus ta’ persuna bħala ħaddiem migrant jista’ jservi, fil-fatt, biex juri l-livell meħtieġ ta’ konnessjoni mal-Pajjiżi l-Baxxi.

123. L-argumenti l-oħra tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jwasslunix biex nirrevedi din il-konklużjoni.

124. B’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-Pajjiżi l-Baxxi, jidhirli li huwa irrilevanti li s-sorsi alternattivi ta’ finanzjament jistgħu jkunu disponibbli għal studji barra mill-Pajjiżi l-Baxxi jew barra mill-Istat Membru tal-oriġini għal studenti esklużi mill-MNSF, u li Stati Membri oħra jissuġġettaw il-finanzjament ta’ studji f’pajjiż barrani għal rekwiżit simili. Il-fatt li l-istudenti jistgħu japplikaw fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jiksbu finanzjament għal studji fil-Pajjiżi l-Baxxi jew li huma jistgħu jitolbu benefiċċju ta’ taxxa li huwa disponibbli b’mod ġenerali u jgawdu minn benefiċċji oħra marbutin mal-istudji tagħhom f’pajjiż barrani ma jistax jirrimedja t-trattament diskriminatorju mogħti lilhom b’rabta mal-MNSF. Fi kwalunkwe każ, kif tirribatti l-Kummissjoni, jidher li dawn il-benefiċċji alternattivi jistgħu ma jkunux daqstant ta’ benefiċċju bħall-MNSF; u d-disponibbiltà tagħhom ma hijiex prova li l-kundizzjoni ta’ residenza ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Bl-istess mod, il-miżuri adottati minn Stati Membri oħra ma jistgħux jirrimedjaw it-trattament diskriminatorju applikat mill-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li Stat Membru ma jistax jiġġustifika miżura illegali billi jallega l-fatt li Stati Membri oħra adottaw l-istess miżura u jistgħu, għaldaqstant, ikunu qegħdin jiskru d-dritt tal-Unjoni bl-istess mod (67).

125. Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu wkoll li l-kundizzjoni ta’ residenza: (i) tipprekludi lil studenti li jirrisjedu f’pajjiż barrani milli jsostnu li huma jgħixu għal rashom u huma, għaldaqstant, intitolati għal għotja ikbar meta fil-fatt huma għadhom jgħixu d-dar, u (ii) tipprekludi lin-nies milli jiksbu status ta’ ħaddiema migranti fil-Pajjiżi l-Baxxi wara perijodu ta’ impjieg qasir, u hekk jiksbu d-dritt għall-MNSF u sussegwentement jistudjaw barra mill-Pajjiżi l-Baxxi (possibbilment, fil-fatt, fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom).

126. Fil-fehma tiegħi, ebda wieħed minn dawn ir-riskji ma huwa karatteristika tal-MNSF biss. It-tnejn li huma jeżistu wkoll fir-rigward ta’ applikazzjonijiet tal-istudenti sabiex jirċievu finanzjament għal studju fil-Pajjiżi l-Baxxi. Preżumibbilment, il-Pajjiżi l-Baxxi sabu modi oħra kif jindirizzaw l-istess tħassib b’mod xieraq fir-rigward ta’ dak il-finanzjament peress li dan jingħata kemm liċ-ċittadini Olandiżi u kif ukoll lill-ħaddiema migranti indipendentement mill-post ta’ fejn huma jirrisjedu.

127. Fi kwalunkwe każ, il-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jivverifikaw l-istatus ta’ persuna bħala ħaddiem migrant (68) u jistgħu jieħdu miżuri sabiex jevitaw l-abbuż ta’ dritt u l-frodi, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-każ u d-distinzjoni bejn li jittieħed vantaġġ minn possibbiltà mogħtija mil-liġi u abbuż ta’ dritt (69).

128. Nikkonkludi għaldaqstant li l-Pajjiżi l-Baxxi ma wrewx li l-kundizzjoni ta’ residenza hija prima facie proporzjonata.

129. Għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nanalizza jekk il-Kummissjoni pproponietx miżuri oħra li huma inqas restrittivi.

130. Il-Kummissjoni pproponiet alternattiva waħda biss. Hija tipproponi li l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jikkoordinaw mal-Istati Membri l-oħra. B’dan il-mod, hija tistrieħ fuq kumment li jien għamilt fil-kawża Bressol et li kemm l-Istat Membru ospitanti kif ukoll l-Istat Membru tal-oriġini għandhom ir-responsabbiltà li jfittxu attivament soluzzjoni nnegozjata għall-problemi li jirriżultaw mill-volum kbir ta’ mobbiltà tal-istudenti (70).

131. Jiena naqbel mal-Pajjiżi l-Baxxi li d-dritt tal-Unjoni ma jimponi ebda obbligu ta’ koordinazzjoni. Fil-fatt, il-koordinazzjoni hija tip ta’ kooperazzjoni li teħtieġ il-kunsens ta’ mill-inqas Stat Membru ieħor. Jekk il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom dritt jinvokaw għan leġittimu sabiex jiġġustifikaw diskriminazzjoni indiretta, il-mod kif jagħmlu dan ma jistax ikun suġġett għall-kunsens u għar-rieda ta’ Stati Membri oħra sabiex isibu soluzzjoni nnegozjata. L-Istati Membri jibqgħu responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni tagħhom. Filwaqt li l-koordinazzjoni tista’ ssolvi ftit mid-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-Istati Membri li, bħall-Pajjiżi l-Baxxi, jixtiequ jippromwovu l-mobbiltà tal-istudenti permezz ta’ finanzjament, il-fatt li dawn ikunu mitluba jaslu għal koordinazzjoni jkun jikser l-ispirtu kollu tal-Artikolu 165(1) TFUE. Il-koordinazzjoni, għaldaqstant, ma hijiex miżura alternattiva disponibbli u inqas restrittiva.

132. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma spjegatx kif u għaliex il-possibbiltà ta’ koordinazzjoni turi li l-kundizzjoni ta’ residenza ma hijiex proporzjonata.

133. Il-Pajjiżi l-Baxxi, fil-kontroreplika tagħhom, jidhru li jaċċettaw li l-Kummissjoni pproponiet tliet miżuri possibbli: li jiġi limitat fejn l-MNSF jista’ jintuża, li jiġi limitat it-tul tal-MNSF u l-obbligu ta’ koordinazzjoni. Madankollu, l-ewwel u t-tieni proposti tressqu fil-parti tar-replika tal-Kummissjoni fejn il-Kummissjoni tagħmel sunt tal-miżuri li l-Pajjiżi l-Baxxi stess ipproponew u ddiskutew fir-risposta tagħhom. Għaldaqstant, ma jidhirlix li l-Kummissjoni ressqet dawn il-proposti. Fi kwalunkwe każ, dawn ma humiex, strettament, alternattivi inqas restrittivi. Stat Membru għandu jkun liberu li joffri sostenn finanzjarju ġeneruż għal studji fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja, sakemm huwa josserva l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni (u, ovvjament, jassumi r-responsabbiltà finanzjarja għall-ispiża tal-iskema ġeneruża tiegħu).

–       Konklużjoni

134. Nikkonkludi li d-diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema migranti u l-membri dipendenti tal-familja tagħhom li tirriżulta mill-kundizzjoni ta’ residenza ma tistax tkun iġġustifikata abbażi tal-għan ekonomiku rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bidar. Madankollu, għad irrid nanalizza jekk il-kundizzjoni ta’ residenza tistax tkun iġġustifikata abbażi tal-għan soċjali invokat mill-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kundizzjoni ta’ residenza hija ġġustifikata abbażi tal-għan soċjali?

–       L-għan soċjali huwa għan leġittimu ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali?

135. L-għan tal-MNSF huwa li jżid il-mobbiltà tal-istudenti mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-Istati Membri l-oħra. L-għan ma huwiex li jippromwovi l-mobbiltà bejn żewġ Stati Membri li ma humiex il-Pajjiżi l-Baxxi, jew minn Stat Membru ieħor lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, jew sabiex jipprovdi finanzjament lil studenti li jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi li jixtiequ jistudjaw fil-post fejn jirrisjedu. L-MNSF huwa riżervat għal studenti li, mingħajru, kienu jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li — kif isostnu l-Pajjiżi l-Baxxi — x’aktarx jirritornaw hemmhekk jekk huma jistudjaw f’pajjiż barrani. Għaldaqstant, huwa intiż għal studenti li x’aktarx jużaw l-esperjenza tagħhom f’pajjiż barrani sabiex jarrikkixxu lis-soċjetà Olandiża u (possibbilment) lis-suq tax-xogħol Olandiż.

136. Jien naċċetta li dan hu għan leġittimu. Lanqas il-Kummissjoni ma tidher li tikkontesta dan.

137. L-“inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti” huwa wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni; u l-importanza tiegħu ġiet enfasizzata mill-Parlament u mill-Kunsill (71). Għaldaqstant, huwa għan leġittimu għall-Istati Membri wkoll sabiex ifittxu jilħquh fl-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta’ finanzjament ta’ studji tagħhom (72).

138. Jiena naċċetta wkoll li l-inkoraġġiment tal-mobbiltà tal-istudenti jservi għall-interess ġenerali. Din il-mobbiltà tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika u ttejjeb l-iżvilupp professjonali. B’dan il-mod, tikkontribwixxi għal soċjetà pluralistika fl-Istati Membri u fl-Unjoni Ewropea kollha.

139. F’Unjoni Ewropea integrata b’mod sħiħ, jista’ ma jkunx aċċettabbli li l-aċċess għal finanzjament ikun suġġett għall-probabbiltà li l-istudent jirritorna fl-Istat Membru tal-oriġini, minħabba li dan jimpedixxi l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri jibqagħlhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti għal ksib ta’ finanzjament tal-istudji, u dan sakemm jagħmlu dan b’mod konsistenti mad-dritt tal-Unjoni.

140. Għaldaqstant, jiena naċċetta li l-għan soċjali huwa għan leġittimu ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

–       Il-kundizzjoni ta’ residenza hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan soċjali?

141. Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu li l-kundizzjoni ta’ residenza hija xierqa sabiex jiġi żgurat li l-MNSF jittieħed biss mill-grupp ta’ sudenti li għalihom huwa intiż.

142. Il-Kummissjoni ma tressaq ebda argument f’dan ir-rigward. Hija tgħid biss li għandha “dubji” dwar il-pożizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi.

143. Anki jekk il-Kummissjoni, għal darba oħra, ma tagħmel ebda sforz konvinċenti sabiex tirribatti l-argument tal-Pajjiżi l-Baxxi, huma l-Pajjiżi l-Baxxi li għandhom iressqu każ persważiv li juri li l-kundizzjoni ta’ residenza hija adegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (73).

144. Jien ma jiniex konvint li l-Pajjiżi l-Baxxi għamlu dan.

145. Jien naċċetta li l-post fejn jirrisjedu l-istudenti qabel ma jieħdu edukazzjoni ogħla jista’ jkollu ċerta influwenza fuq il-post fejn jistudjaw. Huwa minnu li l-Pajjiżi l-Baxxi ma ppreżentawx biżżejjed evidenza li tissostanzja din ir-relazzjoni. Ma jidhirlix li dan jista’ jkun ta’ ostaklu. Il-kontribuzzjoni attwali jew potenzjali ta’ miżura sabiex jintlaħaq l-għan imfittex tista’ tiġi pprovata permezz ta’ analiżi kwantitattiva jew kwalitattiva. F’dan il-każ, nikkunsidra li l-analiżi kwalitattiva hija biżżejjed u li l-argument huwa intrinsikament plawsibbli.

146. Naqbel ukoll mal-Pajjiżi l-Baxxi li l-kundizzjoni ta’ residenza tipprekludi lill-istudenti milli jużaw l-MNSF sabiex jistudjaw fil-pajjiż fejn jirrisjedu, peress li l-istudenti li jirrisjedu barra mill-Pajjiżi l-Baxxi huma preklużi milli japplikaw għall-MNSF.

147. Madankollu, ma jiniex konvint li hemm konnessjoni ovvja bejn il-pajjiż fejn l-istudenti jirrisjedu qabel jieħdu edukazzjoni ogħla u l-probabbiltà li huma jirritornaw fil-Pajjiżi l-Baxxi wara li jlestu l-istudji tagħhom f’pajjiż barrani. Jien ma narahiex intrinsikament probabbli li parti kbira tal-istudenti li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi u sussegwentement imorru jistudjaw barra mill-pajjiż jirritornaw neċessarjament sabiex jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Jista’ jkun hemm modi kif ikun hemm inkoraġġiment biex dan iseħħ (74) iżda ma huwiex evidenti minnu nnifsu li r-residenza fil-passat hija mod tajjeb kif jitbassar fejn l-istudenti ser imorru jirrisjedu u jaħdmu fil-futur.

148. Nikkonkludi li l-Pajjiżi l-Baxxi ma pprovawx li l-kundizzjoni ta’ residenza hija adegwata sabiex jiġi identifikat il-grupp ta’ studenti li lilu huma jixtiequ jagħtu l-MNSF.

149. Għall-finijiet ta’ kompletezza, ser nikkunsidra fil-qosor jekk il-kundizzjoni ta’ residenza hijiex proporzjonata fid-dawl tal-għan soċjali.

–       Il-kundizzjoni ta’ residenza hija proporzjonata fir-rigward tal-għan soċjali?

150. Huma l-Pajjiżi l-Baxxi li għandhom juru li r-regola “ta’ tliet snin minn sitta” ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi identifikat il-grupp ta’ studenti li, mingħajr dan il-finanzjament, imorru jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi u li x’aktarx jirritornaw hemmhekk jekk jistudjaw f’pajjiż barrani (75).

151. Jiena jidhirli li l-argumenti tagħhom huma insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

152. Naqbel mal-Pajjiżi l-Baxxi li rekwiżit li wieħed irid ikun jaf il-lingwa Olandiża jew li jkollu diploma minn skola Olandiża ma humiex miżuri alternattivi.

153. Il-profiċjenza fl-Olandiż ma hijiex neċessarjament indikatur tajjeb dwar jekk l-istudenti kienu jistudjaw fil-Pajjiżi l-Baxxi jekk ma hemmx l-MNSF jew dwar jekk huma jirritornawx hemmhekk wara l-istudji tagħhom f’pajjiż barrani. Student li jitkellem l-Olandiż jista’ jiddeċiedi li jmur jistudja Antwerpen peress li jkun jaf il-lingwa ta’ hemmhekk. Jista’ jagħżel ukoll li jmur jistudja Pariġi sabiex itejjeb il-Franċiż tiegħu jew Varsavja sabiex jitgħallem il-Pollakk.

154. L-istess raġunament japplika f’każ li l-istudent ikun meħtieġ li jkollu diploma minn skola Olandiża. Jekk jiġi preżunt li diploma ta’ skola Olandiża hija rrikonoxxuta fi Stati Membri oħrajn u li l-Pajjiżi l-Baxxi jaċċettaw, bl-istess mod, l-ekwivalenza ta’ diplomi miksuba f’pajjiż barrani, huwa diffiċli li tintwera xi relazzjoni diretta bejn il-pajjiż fejn tinkiseb id-diploma tal-iskola u jekk student partikolari jistudjax fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr l-MNSF u jirritornax hemmhekk wara l-istudji tiegħu f’pajjiż barrani.

155. Fi kwalunkwe każ, dawn iż-żewġ rekwiżiti jidhru li huma indirettament diskriminatorji u x’aktarx jaffettwaw lill-ħaddiema migranti bl-istess mod bħall-kundizzjoni ta’ residenza.

156. Huwa suffiċjenti għall-Pajjiżi l-Baxxi li jipproponu żewġ miżuri li manifestament ma humiex modi proporzjonati ta’ kif jintlaħaq l-għan (u li huma, fi kwalunkwe każ, diskriminatorji, jekk mhux iktar, daqs il-kundizzjoni ta’ residenza) sabiex juru li l-kundizzjoni ta’ residenza tissodisfa t-test tal-proporzjonalità?

157. Jidhirli li le.

158. Bħala li huma l-parti li għandom fuqhom l-oneru tal-prova, il-Pajjiżi l-Baxxi jridu juru tal-inqas għaliex huma jippreferu residenza ta’ tliet snin minn sitta bl-esklużjoni tal-elementi rappreżentattivi l-oħra kollha, bħal pereżempju, residenza ta’ iqsar żmien, jew għaliex il-grupp ta’ intiż ma jistax jiġi identifikat permezz ta’ miżuri oħra (possibbilment inqas restrittivi), bħal (pereżempju) regola li teżiġi li l-MNSF ma jkunx jista’ jintuża għal studju fil-post ta’ residenza.

159. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, tkun tal-fehma li l-Pajjiżi l-Baxxi pprovaw li l-kundizzjoni ta’ residenza hija, fil-prinċipju, proporzjonata, jidhirli li l-Kummissjoni naqset milli turi li jeżistu miżuri oħra, inqas restrittivi, li jwasslu għall-istess riżultat. Ma huwiex ċar mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Kummissjoni jekk hija kinitx qiegħda tipproponi xi alternattivi bħal dawn. Jekk l-argument tagħha fir-rigward tal-koordinazzjoni huwa intiż li japplika fir-rigward tal-għan soċjali, jidhirli li dak l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet li tajt diġà (76).

–       Konklużjoni

160. Nikkonkludi li d-diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema migranti u l-membri dipendenti tal-familja li tirriżulta mill-kundizzjoni ta’ residenza tista’, fil-prinċipju, tkun iġġustifikata abbażi tal-għan soċjali invokat mill-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, m’iniex konvint li l-Pajjiżi l-Baxxi wrew li l-kundizzjoni ta’ residenza hija mezz adegwat u proporzjonat sabiex jintlaħaq dak l-għan. Fil-fehma tiegħi, id-difiża tagħhom għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

 Konklużjoni

161. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)      tiddikjara li, bil-fatt li jirrikjedi li l-ħaddiema migranti u l-membri tal-familja dipendenti jridu jissodisfaw kundizzjoni ta’ residenza sabiex ikunu eliġibbli taħt il-Wet Studiefinanciering għal finanzjament tal-istudji edukattivi tagħhom f’pajjiż barrani, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità;

2)      tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.


1 —      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 —      Ċertament li huwa kien iddedikat għall-istudji tiegħu, u dan kif muri fl-għajdut magħruf tiegħu, “Meta jkolli ftit flus nixtri l-kotba, u jekk jifdalli xi ftit, nixtri l-ikel u l-ħwejjeġ”. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippreżentati fil-kawża Morgan u Bucher (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, C‑11/06 u C‑12/06, Ġabra p. I‑9161, punt 43).


3 —      It-terminu biex wieħed jikkonforma mal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni skada fil-15 ta’ Ġunju 2009 u għaldaqstant qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Għall-konvenjenza u f’ġieh il-konsistenza, ser nirreferi għall-Artikolu 45 TFUE. Fi kwalunkwe każ, it-testi tal-Artikolu 39 KE u d-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat KE baqgħu l-istess fit-Trattat ta’ Lisbona.


4 —      Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2). Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1) ħassar ir-Regolament Nru 1612/68 b’effett mis-16 ta’ Ġunju 2011, ħafna wara l-iskadenza tat-terminu li jinsab fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. It-testi tal-Artikoli 7(2) u 12 tar-Regolament Nru 1612/68 baqgħu l-istess fir-Regolament Nru 492/2011.


5 —      It-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 149(2) KE]. Il-programm Erasmus u programmi ta’ azzjoni oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni huma bbażati fuq l-Artikoli 165 u 166 TFUE. Ara d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Novembru 2006, li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja għall-perijodu 2006-2008 (ĠU L 327, p. 45) kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Nru 1357/2008/KE (ĠU L 350, p. 56).


6—      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


7—      Artikolu 2(1) tal-WSF.


8—      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Hendrix (C‑287/05, Ġabra p. I‑6909, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9—      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier‑Glisczinski (C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 —      Rispettivament, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2005 (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119) u tat-18 ta’ Novembru 2008 (C‑158/07, Ġabra p. I‑8507).


11 —      Ir-raba’ premessa tar-Regolament Nru 1612/68 u s-sentenza tal-10 ta’ Novembre 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑269/07, Ġabra p. I‑7811, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 —      Sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota preċedenti, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata (dwar il-konjuġi); tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis (C‑258/04, Ġabra p. I‑8275, punt 35 u l-ġurisprudenza ċcitata) (dwar id-dixxendenti), u tat-12 ta’ Lulju 1984, Castelli (261/83, Ġabra p. 3199, punt 12) (dwar l-axxendenti).


13 —      Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen (C‑337/97, Ġabra p. I‑3289, punt 25). Dik il-kawża kienet jinvolvi kundizzjoni ta’ residenza direttament diskriminatorja (sa fejn kienet tapplika biss għaċ-ċittadini mhux Olandiżi).


14 —      Ara s-sentenza Meeusen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15 —      Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, di Leo (C‑308/89, Ġabra p. I‑4185, punt 12).


16 —      Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 63) u tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira (C‑480/08, Ġabra p. I‑1107, punt 46).


17 —      Sentenza Teixeira, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota preċedenti, punt 51 u tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim (C‑310/08, Ġabra p. I‑1065, punt 39).


18 —      Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1995, Gaal (C‑7/94, Ġabra p. I‑1031, punt 30).


19 —      Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1988 (197/86, Ġabra p. 3205, punt 28).


20 —      Idem, punti 29 u 31.


21 —      Rispettivament, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988 (39/86, Ġabra p. 3161) u tas-27 ta’ Settembru 1988 (235/87, Ġabra p. 5589). Fil-kawża Lair, ir-rikorrent kien ħadem fl-Istat Membru ospitanti, iżda mhux għal żmien biżżejjed sabiex jissodisfa l-kundizzjoni (li kienet rikjesta għall-barranin iżda mhux għaċ-ċittadini) ta’ ħames snin xogħol regolari hemmhekk qabel ma applika għal għajnuna għall-istudji. Il-kawża Matteucci ngħatat wara li r-rikorrenti ma kinitx sempliċement bint ħaddiem migrant, iżda kienet hija stess involuta f’attività ġenwina u effettiva (ara l-punti 9 u 10 tas-sentenza).


22 —      Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1974 (9/74, Ġabra p. 773, punt 9).


23 —      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


24 —      Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist (C‑356/09, Ġabra p. I‑11939, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 —      Għal ftit ħsibijiet dwar x’inhuma u x’ma humiex differenzi rilevanti fil-kuntest tad-dritt għat-trattament ugwali, ara wkoll il-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bartsch (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2008, C‑427/06, Ġabra I‑7245).


26 —      Ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, Ġabra p. I‑4269, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27—      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21.


28—      Sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997 (C‑57/96, Ġabra p. I-6689).


29 —      Rispettivament, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974 (152/73, Ġabra p. 153) u tas-6 ta’ Marzu 2003, Kaba, magħrufa bħala “Kaba II” (C‑466/00, Ġabra p. I‑2219).


30—      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 21.


31—      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 51.


32—      Idem, punti 45 u 46.


33—      Sentenzi, iċċatata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 12 u 13, u Kaba II, punt 55.


34 —      Pereżempju, wild ta’ ħaddiem migrant jista’, għal xi raġuni, jirrisjedi madankollu fil-Pajjiżi l-Baxxi jew jista’ rrisjeda hemmhekk għal żmien biżżejjed biex jissodisfa r-regola “ta’ tliet snin minn sitta” qabel ma jaqsam lura l-fruntiera.


35—      Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, Ġabra p. I‑2177, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36—      Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37—      Sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, (C‑110/05, Ġabra p. I‑519, punt 66.


38 —      Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


39—      Sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 58.


40—      Idem, punt 55.


41—      Idem, punt 56. Fis-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-istess raġunament japplika f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ għotjiet mill-Istati Membri lil studenti li jixtiequ jistudjaw fi Stati Membri oħra (ara l-punt 44).


42—      Sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 57.


43—      Idem, punt 58.


44—      Idem, punt 59.


45—      Sentenza Förster, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 48.


46—      Ara s-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 56.


47—      Sentenza Förster, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 49.


48—      Idem, punt 50.


49—      Idem, punt 51.


50—      Idem, punt 54.


51—      Sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 56. Ara wkoll, fil-kuntest tal-benefiċċji tas-saħħa u s-sistemi ta’ sigurtà soċjali, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2008, Watts (C-372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 103) u s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 50).


52—      It-tielet premessa tar-Regolament Nru 1612/68.


53—      Idem, il-ħames premessa.


54 —      Din il-konklużjoni ma tfissirx li jiena nikkunsidra li l-Istati Membri huma dejjem preklużi milli jeżiġu livell ta’ konnessjoni mill-ħaddiema migranti. Fil-fatt, l-għan soċjali invokat mill-Gvern Olandiż jipprovdi eżempju ta’ ċirkustanza fejn huwa meħtieġ livell ta’ konnessjoni mill-applikanti kollha għal għan leġittimu li huwa ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara l-punti 135 sa 140 iktar ’il quddiem).


55—      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3). Id-dritt ta’ residenza ngħata taħt l-istess kundizzjonijiet lil ex ħaddiema migranti u persuni li jaħdmu għal rashom li kienu waqfu milli jwettqu x-xogħol tagħhom. Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza għall-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tax-xogħol tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 5). Ara wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 90/366/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza tal-istudenti (ĠU L 180, p. 30) u l-att sussegwenti, id-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993, dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 250). Kull waħda minn dawn id-direttivi, minbarra d-Direttiva 90/366 li kienet diġà ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑295/90, Ġabra p. I‑4193, punt 21), tħassret mid-Direttiva 2004/38.


56—      Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 90/364.


57—      L-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 93/96.


58—      Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, Ġabra p. I‑1177, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59—      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 44). Din il-kawża kienet tikkonċerna l-ħlas tal-allowance Belġjana “minimex” lil student tal-aħħar sena li kien irnexxielu jkampa waħdu finanzjarjament għat-tliet snin preċedenti tal-istudji tiegħu.


60—      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 89.


61—      Sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 55.


62—      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Förster, punti 129 sa 135.


63 —      Dawn huma l-ikbar gruppi ta’ persuni li jikkwalifikaw għall-MNSF kieku kellha tiġi eliminata l-kundizzjoni ta’ residenza. L-istima hija kkalkolata billi jiġi mmultiplikat in-numru stmat ta’ dawk il-persuni biċ-ċifra medja tal-ispiża per capita li tinkludi l-għotja bażika, l-għotja medja addizzjonali u l-allowance għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar.


64 —      Lanqas ma hu magħruf kemm studenti jirċievu finanzjament għal studji fil-Pajjiżi l-Baxxi u sussegwentement jibbenefikaw mill-MNSF sabiex jistudjaw f’pajjiż barrani. Ara wkoll il-punt 16, iktar ’il fuq.


65 —      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C‑503/09, Ġabra p. I‑6497, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Morgan u Bucher, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Förster, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 133.


66—      Ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C‑138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 72).


67—      Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (C‑111/03, Ġabra p. I‑8789, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).


68 —      Ħaddiem migrant huwa “persuna li jwettaq attività li hija effettiva u ġenwina” u li “għal perijodu ta’ żmien […] jipprovdi servizzi għal u taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra li għalihom huwa jirċievi rimunerazzjoni”. Dak il-grupp jeskludi lill-persuni li jwettqu “attività fi skala tant żgħira li jitqiesu bħala purament marġinali u anċillari”: ara s-sentenza Meeusen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata.


69—      Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, Ġabra p. I‑1459, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


70 —      Ara l-punt 154 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bressol et (C‑73/08, Ġabra p. I‑2735).


71 —      Ara l-Artikolu 149(2) KE (li llum sar l-Artikolu 165(2) TFUE) u r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Lulju 2001, dwar il-mobbiltà fil-Komunità għall-istudenti, persuni li qegħdin jattendu taħriġ, voluntiera, għalliema u persuni li jħarrġu (2001/613/KE) (ĠU L 215, p. 30).


72 —      L-għan li l-istudenti jiġu nkoraġġiti jirritornaw lejn l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom wara li jistudjaw f’pajjiż barrani jista’ jħasseb lill-Istati Membri meta n-numru ta’ studenti li jitilqu jeċċedi n-numru ta’ studenti li jkunu deħlin. Ara, pereżempju, Working Group on Portability of Grants and Loans, Report to the Bologna Follow Up Group (http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/documents/WGR2007/Portability_of_grants_and_loans_final_report2007.pdf), p. 15, u l-anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta’ Kwalità favur il-Mobbiltà (2006/961/KE) (ĠU 2006 L 394, p. 5).


73—      Ara l-punt 100 iktar ’il fuq.


74 —      Pereżempju, l-għoti ta’ finanzjament jista’ forsi jkun marbut mal-kundizzjoni li l-istudent irid jirritorna lura lejn il-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jaħdem hemmhekk għal perijodu minimu ta’ żmien.


75—      Ara l-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq.


76—      Ara l-punti 130 sa 132 iktar ’il fuq.