Language of document : ECLI:EU:C:2012:346

Kawża C-542/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-persuni — Aċċess għat-tagħlim tal-ħaddiema migranti u tal-membri tal-familja tagħhom — Finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla barra t-territorju tal-Istat Membru kkonċernat — Kundizzjoni ta’ residenza”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Ugwaljanza fit-trattament — Vantaġġi soċjali

(Artikolu 45 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, kif emendat bir-Regolament Nru 2434/92, Artikolu 7(2))

2.        Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Ugwaljanza fit-trattament — Vantaġġi soċjali — Aċċess għat-tagħlim tal-ulied ta’ ħaddiem

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, kif emendat bir-Regolament Nru 2434/92, Artikoli 7(2) u 12)

1.        Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 2434/92, l-Istat Membru li jimponi kundizzjoni tar-residenza ta’ mill-inqas tliet snin matul is-sitt snin qabel ir-reġistrazzjoni għal edukazzjoni ogħla barra dan l-Istat Membru, fuq il-ħaddiema migranti u l-membri tal-familji dipendenti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla barra dan l-Istat Membru.

Tali kundizzjoni għandha r-riskju li prinċipalment tkun ta’ detriment għall-ħaddiema migranti u għall-ħaddiema transkonfinali ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn dawk li ma humiex residenti ħafna drabi ma humiex ċittadini. F’dan il-kuntest, huwa immaterjali jekk il-miżura kontenzjuża taffettwax, jekk ikun il-każ, kemm iċ-ċittadini nazzjonali li ma jkunux jistgħu josservaw tali kriterji kif ukoll iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja, ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li ma tiffavorixxix biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali.

L-għan li jiġi evitat piż finanzjarju irraġonevoli ma jistax jitqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ikbar li seta’ jiġġustifika inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema nazzjonali u l-ħaddiema minn Stati Membri oħra. F’dan id-dawl, fir-rigward ta’ ħaddiema migranti u transkonfinali, il-fatt li jkunu daħlu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru joħloq, fil-prinċipju, il-konnessjoni ta’ integrazzjoni suffiċjenti fis-soċjetà ta’ dan l-Istat li tippermettilhom li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imqabbla ma’ ħaddiema nazzjonali inkwantu għall-vantaġġi soċjali. Dan il-prinċipju huwa applikabbli mhux biss għall-kundizzjonijiet kollha ta’ impjieg u ta’ xogħol, iżda wkoll għall-vantaġġi kollha li, huma jew ma humiex marbuta ma’ kuntratt ta’ impjieg, jingħataw ġeneralment lill-ħaddiema nazzjonali, prinċipalment, minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ħaddiema jew għas-sempliċi fatt tar-residenza ordinarja tagħhom fit-territorju nazzjonali. Il-konnessjoni ta’ integrazzjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li, mal-kontribuzzjonijiet fiskali li jħallas fl-Istat Membru ospitanti skont l-impjieg li jwettaq, il-ħaddiem migrant jikkontribwixxi wkoll għall-finanzjament ta’ politika soċjali ta’ dan l-Istat u għandu jgawdi l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema nazzjonali.

Barra minn hekk, tali leġiżlazzjoni ma hijiex iġġustifikata mill-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti. Ċertament, tali ġustifikazzjoni tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Madankollu, leġiżlazzjoni li għandha n-natura li tirrestrinġi libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħall-moviment liberu tal-ħaddiema, ma tistax tiġi leġittimament ġġustifikata ħlief jekk din tkun intiża sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan leġittimu mixtieq u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dan jintlaħaq. Issa, il-miżura ċċitata iktar ʼil fuq għandha natura wisq esklużiva. Fil-fatt, billi timponi perijodi speċifiċi ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, l-hekk imsejħa regola “ta’ tliet snin minn sitta”, tiffavorixxi element li ma huwiex neċessarjament l-uniku rappreżentattiv tal-grad effettiv ta’ konnessjoni bejn il-persuna kkonċernata u l-imsemmi Stat Membru.

(ara l-punti 38, 65, 66, 69, 72, 73, 86, 89 u d-dispożittiv)


2.        Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant huma benefiċjarji indiretti tal-ugwaljanza fit-trattament mogħtija lil dan il-ħaddiem mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 2434/92. Peress li l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal wild ta’ ħaddiem migrant jikkostitwixxi għall-ħaddiem migrant vantaġġ soċjali, il-wild jista’ juża din id-dispożizzjoni hu nnifsu sabiex jikseb dan il-finanzjament jekk, skont id-dritt nazzjonali, jingħata direttament lill-istudent. Dan il-benefiċċju ma jikkostitwixxix, madankollu, għall-ħaddiem migrant, vantaġġ soċjali skont l-imsemmija dispożizzjoni, sa fejn huwa jkompli jiżgura l-appoġġ tad-dixxendent tiegħu.

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 12 tal-istess regolament jagħti lill-ulied ta’ ħaddiem migrant dritt indipendenti ta’ aċċess għat-tagħlim. Dan id-dritt la huwa suġġett għall-istatus ta’ wild dipendenti u lanqas għad-dritt ta’ residenza tal-ġenituri tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Lanqas ma huwa limitat għall-ulied ta’ ħaddiema migranti peress li huwa wkoll applikabbli għall-ulied ta’ ħaddiema li kienu migranti. L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jeżiġi biss li l-wild ikun għex mal-ġenituri tiegħu jew ma’ wieħed minnhom fi Stat Membru waqt li mill-inqas wieħed mill-ġenituri tiegħu jkun jirrisjedi hemm fil-kwalità ta’ ħaddiem.

Għalkemm huwa minnu li l-Artikoli 7(2) u 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni personali differenti, jibqa’ l-fatt li dawn l-artikoli jippromulgaw it-tnejn, bl-istess mod, regola ġenerali li, fil-qasam tat-tagħlim, timponi fuq kull Stat Membru li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tiegħu u l-ulied ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju tiegħu.

Fi kwalunkwe każ, il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-obbligu ta’ ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 7(2) ma tistax tiddependi fuq in-natura tad-diskriminazzjoni.

(ara l-punti 48-51, 53)