Language of document : ECLI:EU:C:2012:630

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 259 TFUE — Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 21 TFUE —Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ moviment fuq it-territorju tal-Istati Membri — President tal-Ungerija — Projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tar-Repubblika Slovakka — Relazzjonijiet diplomatiċi bejn Stati Membri”

Fil-Kawża C‑364/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 259 TFUE, ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2010,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u E. Orgován, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Tokár, kif ukoll D. Maidani u S. Boelaert, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, M. K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano (relatur), M. Ilešič, J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, U. Lõhmus, J.-C. Bonichot, C. Toader, J.-J. Kasel, u M. Safjan, imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Frar 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, l-Ungerija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara li, billi r-Repubblika Slovakka ma ppermettietx, fil-21 ta’ Awwissu 2009, id-dħul tal-President tal-Ungerija L. Sólyom fit-territorju tagħha, abbażi tad-Direttiva 2004/38 iżda bi ksur tad-dispożizzjonijiet tagħha, din kisret l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, u l-Artikolu 21(1);

–        tiddikjara li d-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) TUE u l-Artikolu 21(1) TFUE, jipprekludi l-argument tar-Repubblika Slovakka, sostnut anki fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, li jipprovdi li d-Direttiva 2004/38 tawtorizza l-fatt li rappreżentant tal-Ungerija, bħalma huwa l-President ta’ dan l-Istat Membru, jiġi pprojbit milli jidħol fit-territorju Slovakk, u għaldaqstant, ksur simili jista’ jerġa’ jseħħ;

–        tiddikjara li r-Repubblika Slovakka applikat il-liġi tal-Unjoni Ewropea b’mod abbużiv meta l-awtoritajiet tagħha ma awtorizzawx id-dħul fit-territorju tagħha tal-President L. Sólyom, fil-21 ta’Awwisu 2009, u,

–        jekk il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 2004/38 jista’ jiġi limitat minn regola partikolari tad-dritt internazzjonali, li tindika l-portata u l-effett ta’ tali derogi.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi fil-paragrafu 1:

“1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

L-ebda visa ta’ dħul jew formalità ekwivalenti m’għandha tiġi mposta fuq iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.”

3        Il-Kapitolu VI ta’ din id-direttiva, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, jinkludi l-Artikolu 27, li l-ewwel żewġ paragrafi tiegħu jipprovdu:

“1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

4        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

2. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.

3. In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta’ ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista’ tiddepożita appell, il-limitu ta’ żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura prekontenzjuża u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

5        Fuq stedina ta’ assoċjazzjoni bbażata fis-Slovakkja, il-president tal-Ungerija L. Sólyom kien bi ħsiebu jmur fil-belt Slovakka ta’ Komárno, fil-21 ta’ Awwissu 2009, sabiex jieħu sehem fiċ-ċerimonja ta’ inawgurazzjoni ta’ statwa ta’ San Stiefnu.

6        Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, l-20 ta’ Awwissu hija ġurnata ta’ btala nazzjonali fl-Ungerija, b’kommemorazzjoni ta’ San Stiefnu, il-fundatur u l-ewwel re tal-Istat Ungeriż. Min-naħa l-oħra, il-21 ta’ Awwissu hija data sensittiva fis-Slovakkja peress li fil-21 ta’ Awwissu 1968, il-forzi armati ta’ ħames pajjiżi tal-Patt ta’ Vasavja, fosthom it-truppi Ungeriżi, invadew ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka.

7        Wara diversi skambji diplomatiċi bejn l-ambaxxati taż-żewġ Stati Membri fir-rigward taż-żjara ppjanata tal-President tal-Ungerija, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Slovakk finalment bagħat, fil-21 ta’ Awwissu 2009, nota verbali lill-ambaxxatur tal-Ungerija fir-Repubblika tas-Slovakkja, fejn kien ipprojbit għall-President tal-Ungerija li jidħol fit-territorju Slovakk. Din in-nota kienet tinvoka bħala ġustifikazzjoni għal din il-projbizzjoni, id-Direttiva 2004/38, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern dwar minn naħa, ir-residenza ta’ barranin u, min-naħa l-oħra, il-pulizija nazzjonali.

8        Peress li l-President Sólyom ġie mgħarraf bil-kontenut ta’ din in-nota meta kien fi triqtu lejn ir-Repubblika Slovakka, huwa kkonferma r-riċezzjoni tagħha fil-fruntiera u rrinunzja li jidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

9        B’nota tal-24 ta’ Awwissu 2009, l-awtoritajiet Ungeriżi kkontestaw, b’mod partikolari, li d-Direttiva 2004/38 tista’ tikkostitwixxi bażi ġuridika valida li tippermetti l-ġustifikazzjoni taċ-ċaħda tar-Repubblika Slovakka milli tħalli lill-President Sólyom jidħol fit-territorju tagħha. Huma kkonstataw ukoll li d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ dħul ma kinitx biżżejjed motivata. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Repubblika Slovakka adottat din il-miżura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

10      Waqt laqgħa li nżammet fl-10 ta’ Settembru 2009 f’Szécsény (l-Ungerija), il-Prim Ministru Ungeriż u dak Slovakk adottaw dikjarazzjoni komuni li fiha huma żammew il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom dwar l-aspetti legali tad-deċiżjoni kontroversjali, filwaqt li esprimew id-dispjaċir tagħhom għall-ispostament tal-President Sólyom. F’din l-istess okkażjoni, ġie adottat “memorandum” sabiex, għall-futur, jiġu ċċarati ċerti modalitajiet prattiċi għal żjarat uffiċjali u dawk mhux uffiċjali fiż-żewġ Stati inkwistjoni.

11      B’nota tas-17 ta’ Settembru 2009, l-awtoritajiet Slovakki rrispondew għan-nota tal-24 ta’ Awwissu 2009 fejn indikaw li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-inċident, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 kienet l-“aħħar possibbiltà” biex il-President Sólyom jiġi miżmum milli jidħol fit-territorju tar-Repubblika Slovakka u li l-aġir tagħhom bl-ebda mod ma kien jikser id-dritt tal-Unjoni.

12      Sadanittant, fit-3 ta’ Settembru 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż indirizza ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, fejn talab l-opinjoni tal-Kummissjoni fuq il-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tar-Repubblika Slovakka.

13      Fl-ittra ta’ risposta tiegħu tal-10 ta’ Settembru 2009, il-Viċi President tal-Kummissjoni rrikonoxxa li, skont id-Direttiva 2004/38, kwalunkwe restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu kellha tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, li skont l-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva kellha tkun ibbażata fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, u li kellha tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 30, filwaqt li jiġu spjegati b’mod preċiż u komplet ir-raġunijiet. Huwa kkunsidra wkoll li, huma l-qrati nazzjonali li għandhom, fl-ewwel lok, jiżguraw l-osservanza tal-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva 2004/38. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jsir kull sforz possibbli biex tiġi evitata r-ripetizzjoni ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn u ddikjara ruħu kunfidenti li djalogu bilaterali kostruttiv bejn iż-żewġ Stati Membri seta’ jwassal għar-riżoluzzjoni tat-tilwima.

14      Fit-12 ta’ Ottubru 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż, f’isem il-Gvern Ungeriż, ressaq ilment lill-President tal-Kummissjoni u talab li din teżamina l-possibbiltà li tibda proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, kontra r-Repubblika Slovakka, għall-ksur tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38.

15      B’ittra tal-11 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-“ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt ta’ moviment u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri abbażi tal-Artikolu [21 TFUE] u tad-Direttiva 2004/38”. Madankollu, hija rrilevat li “abbażi tad-dritt internazzjonali, l-Istati Membri jirriżervaw id-dritt li jikkontrollaw id-dħul ta’ Kap ta’ Stat barrani fit-territorju tagħhom, kemm jekk dan il-Kap ta’ Stat ikun ċittadin tal-Unjoni u kemm jekk le”.

16      L-Istati Membri għandhom ikomplu jorganizzaw iż-żjarat uffiċjali permezz ta’ mezzi politiċi bilaterali, b’tali mod li dan is-suġġett jaqa’ barra mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni, Kap ta’ Stat jista’, ċertament, jiddeċiedi li jżur Stat Membru ieħor bħala persuna privata abbażi tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38, iżda mid-dokumenti annessi mal-ilment tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ungeriż jirriżulta li l-Ungerija u r-Repubblika Slovakka ma jaqblux fuq in-natura privata jew uffiċjali taż-żjara kkontemplata.

17      Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonkludi li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tar-Repubblika Slovakka skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu ta’ ċittadini tal-Unjoni, anki jekk ir-Repubblika Slovakka kienet għamlet żball meta invokat, fin-nota verbali tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2009, id-Direttiva 2004/38 u l-atti adottati għall-implementazzjoni tagħha fid-dritt intern

18      Fit-30 ta’ Marzu 2010, l-Ungerija adiet lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 259 TFUE. Fit-30 ta’ April 2010, ir-Repubblika Slovakka kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha. Finalment, fit-12 ta’ Mejju 2010 l-osservazzjonijiet orali taż-żewġ Stati Membri nstemgħu fi smigħ organizzat mill-Kummissjoni.

19      Fl-opinjoni motivata tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) TFUE u tad-Direttiva 2004/38 ma japplikawx għal żjarat magħmula minn Kap ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma huwiex fondat.

20      Fis-8 ta’ Lulju 2010, l-Ungerija ppreżentat dan ir-rikors. Ir-Repubblika Slovakka qed titlob li jiġi miċħud ir-rikors u li l‑Ungerija tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

21      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-28 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Slovakka.

 Fuq ir-rikors

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

 L-argumenti tal-partijiet

22      Ir-Repubblika Slovakka tinvoka l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar din it-tilwima, minħabba l-inapplikabbilta tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjoni bħal dik preżenti.

23      L-Ungerija, sostnuta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, tikkunsidra li, għall-kuntrarju, peress li skont l-Artikolu 344 TFUE l-Istati Membri ntrabtu li ma jissuġġettawx diverġenza dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tat-trattati għal xi metodu ta’ soluzzjoni li ma jkunx wieħed minn dawk previsti minn dawn tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja biss hija kompetenti biex tiddeċiedi kontroversja bejn żewġ Stati Membri li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, Stat Membru li jikkunsidra li Stat Membru ieħor kiser id-dritt tal-Unjoni jista’, jew jitlob lill-Kummissjoni li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, jew jadixxi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tali rikors abbażi tal-Artikolu 259 TFUE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mir-Repubblika Slovakka huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar il-portata tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 21 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2004/38, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tar-Repubblika Slovakka għall-obbligi li għandha din tal-aħħar skont l-imsemmi dritt.

25      Issa, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt huwiex applikabbli għall-każ inkwistjoni taqa’ b’mod sħiħ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari skont l-Artikolu 259 TFUE, sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas eventwali għad-dritt tal-Unjoni.

26      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat mill-Ungerija u l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mqajma mir-Repubblika Slovakka għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ewwel ilment

 L-argumenti tal-partijiet

27      Permezz tal-ewwel ilment tagħha, l-Ungerija ssostni li r-Repubblika Slovakka kisret l-Artikolu 21(1) TFUE u d-Direttiva 2004/38 meta pprojbiet lill-President tal-Ungerija milli jidħol fit-territorju tagħha.

28      Sabiex tiġi stabbilita, qabel xejn, l-applikabbiltà għal dan il-każ tad-dritt tal-Unjoni, il-Gvern Ungeriż isostni b’mod partikolari li d-Direttiva 2004/38 tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inkluż il-kapijiet ta’ Stat, u għal kull tip ta’ żjara, jiġifieri kemm dawk uffiċjali kif ukoll dawk privati.

29      Huwa jsostni li, kieku l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea riedu jissuġġettaw l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ moviment għal regoli tad-dritt internazzjonali, kienu jipprovdu għal dan, kif għamlu, pereżempju, fl-Artikolu 3(2)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272). Barra minn hekk, tali regoli tad-dritt internazzjonali ma jeżistux. Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jirrispetta d-dritt internazzjonali, kieku tali regoli kienu jeżistu, id-Direttiva 2004/38 kienet teħodhom inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, anki kieku tali regoli kienu jeżistu, l-Ungerija tikkunsidra li l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tikkomprometti l-effettività ta’ tali leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2004/38, billi tintroduċi deroga fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tagħha.

30      Sussegwentement, l-Ungerija ssostni li l-portata tad-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni għall-moviment liberu ġewwa l-Unjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv, b’mod li dan id-dritt jista’ jiġi suġġett biss għal-limiti previsti b’mod eċċezzjoniali mid-Direttiva 2004/38. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn il-limiti hija possibbli biss meta l-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali previsti mill-imsemmija direttiva jkunu sodisfatti.

31      Issa, fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi, l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkunsidra l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw miżuri restrittivi ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika jekk dawn ikunu bbażati esklużivament fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu applikati biss jekk l-aġir tal-persuna kkonċernata jirrappreżenta theddida reali, attwali u biżżejjed gravi għal interess fundamentali tas-soċjetà. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet proċedurali, l-Artikolu 30 tal-istess direttiva jistabbilixxi l-garanziji li għandu jgawdi minnhom kull ċittadin tal-Unjoni fejn id-dritt għal moviment liberu huwa limitat u li għandha ssir, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni tar-raġunijiet ta’ kwalunkwe miżura restrittiva u tal-mezzi ta’ rikors miftuħa għalih.

32      Skont l-Ungerija, il-konvenuta ma osservat la l-kundizzjonijiet sostantivi u lanqas il-kundizzjonijiet proċedurali previsti fid-Direttiva 2004/38 meta pprojbixxiet lill-President tal-Ungerija milli jidħol fit-territorju Slovakk. Fil-fatt, minn naħa, L. Sólyom ma ppreżenta l-ebda theddida għal xi interess fundamentali tas-soċjetà u, fi kwalunkwe każ, projbizzjoni ta’ aċċess hija miżura sproporzjonata. Min-naħa l-oħra, ma ġiet mibgħuta l-ebda komunikazzjoni lil L. Sólyom sabiex tinformah bir-raġunijiet għad-deċiżjoni inkwistjoni u l-mezzi ta’ rikors li kellu miftuħa għalih.

33      Ir-Repubblika Slovakka, sostnuta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, tippreċiża mill-ewwel li ż-żjara ppjanata tal-President tal-Ungerija ma kinitx żjara privata ta’ ċittadin tal-Unjoni iżda dik ta’ kap ta’ Stat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Konsegwentement, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 TFUE u d-Direttiva 2004/38, humiex applikabbli għall-kapijiet ta’ Stat tal-Istati Membri.

34      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka tqis li, fid-dawl tar-rwol tal-kapijiet ta’ Stat, l-ispostament tagħhhom ġewwa l-Unjoni jaqa’ taħt il-qasam tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Istati Membri, bħal dawk irregolati mid-dritt internazzjonali konswetudinarju u permezz tal-konvenzjonijiet internazzjonali. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi tirriżulta mill-Artikoli 3, 4(1) u 5 TUE, jeskludi r-relazzjonijiet diplomatiċi bilaterali bejn l-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa kkonfermat, qabel xejn, mis-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑437/04, Ġabra p. I‑2513), li tgħid li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jirregolaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom anki wara l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tat-Trattati ma tattribwixxi espressament lill-Unjoni l-kompetenza sabiex tirregola r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Istati Membri.

35      Sussegwentement, peress li l-kap tal-Istat huwa d-detentur tas-sovranità tal-Istat li jirrappreżenta, dan jista’ jmur fi Stat sovran ieħor biss bl-għarfien u bil-kunsens ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Slovakka tfakkar li l-Artikolu 4(2) TUE jipprovdi li l-“Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom” u li l-prinċipju ta’ moviment liberu ma jista’ bl-ebda mod jagħti lok għal tibdil tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat UE jew tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju.

36      Fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-Ungerija dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ, ir-Repubblika Slovakka tirrispondi, l-ewwel nett, li l-fatt li d-Direttiva 2004/38 ma tipprovdi l-ebda deroga dwar il-moviment tal-Kapijiet ta’ Stat ma jfissirx li din tapplika għal dawn tal-aħħar, peress li l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-Kapijiet ta’ Stat ġiet eskluża mit-Trattati nnifishom. It-tieni nett, ir-Repubblika Slovakka, bl-istess mod bħall-Kummissjoni, tikkuntesta l-paragun bejn id-Direttiva 2004/38 u d-Direttiva 2003/109, peress li dawn iż-żewġ testi għandhom għanijiet differenti, fejn it-tieni waħda hija intiża għat-titjib tal-integrazzjoni tal-immigranti f’sitwazzjoni regolari. It-tielet nett, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, Ġabra p. I‑6019), kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Rec. p. I‑3655), ma joħolqu l-ebda obbligu fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni li jindika, għal kull att ta’ dritt sekondarju, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali u suġġettiv tat-trattati fil-kuntest tad-dritt internazzjonali. Finalment, ir-raba’ nett, is-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, Ġabra p. I‑743), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi (C‑301/08, Ġabra p. I‑10185), huma rilevanti biss meta ma tkunx ikkontestata l-kompetenza tal-Unjoni, li ma huwiex preċiżament il-każ hawnhekk.

37      Madankollu, jekk wieħed jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, il-Kap ta’ Stat Membru għandu jibbenefika, fi Stat Membru ieħor, minn privileġġi abbażi tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, fl-istess ħin, jibqa’ protett mill-immunitajiet previsti mid-dritt internazzjonali kontra l-applikabbiltà tad-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda minn dak l-Istat abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Dan għandu l-konsegwenza li Stat Membru ma jkun jista’ la jċaħħad lil tali persuna milli tidħol fit-territorju tiegħu u lanqas, fid-dawl tal-immunitajiet tagħha, ikeċċiha sussegwentement.

38      Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jissuponi li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli fil-każ preżenti, ir-Repubblika Slovakka tinnega li applikat dan id-dritt u, b’mod partikolari, id-Direttiva 2004/38. F’dan ir-rigward hija tikkunsidra li n-nota verbali tal-21 ta’ Awwissu 2009, li kien fiha riferiment għad-Direttiva 2004/38, kienet taqa’ fil-kuntest tal-iskambji diplomatiċi dwar l-organizzazzjoni taż-żjara ppjanata tal-President tal-Ungerija u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi “deċiżjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, peress li din in-nota ġiet abbozzata mhux minn aġent tal-pulizija tas-servizzi ta’ kontroll tal-fruntieri, iżda mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, jiġifieri organu manifestament inkompetenti biex jadotta tali deċiżjoni b’applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u tar-regoli nazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, minflok ġiet indirizzata lil L. Sólyom, l-imsemmija nota ġiet ikkomunikata lill-Ungerija permezz ta’ mezzi diplomatiċi.

39      Ir-Repubblika Slovakka ssostni wkoll li l-formulazzjoni xejn feliċi ta’ din in-nota u r-riferiment għad-Direttiva 2004/38 ma jiddeterminawx l-applikazzjoni materjali ta’ din id-direttiva għall-kawża preżenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel ilment tar-rikors, għandu jiġi sostnut mill-ġdid li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu l-għan li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31; tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, Ġabra p. I‑1449, punt 43, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, Ġabra p. I‑11315, punt 62).

41      Għal dan il-għan, l-Artikolu 20 TFUE jikkonferixxi lil kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 27; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 21, u tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, Ġabra p. I‑1177, punt 40).

42      Minn dan isegwi li L. Sólyom peress li għandu ċittadinanza Ungeriża, jibbenefika mingħajr dubju minn dan l-istatus.

43      Issa, minn naħa, huwa minnu li, skont l-Artikolu 21 TFUE, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni agħti lil kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat TFUE u miżuri adottati bil-għan tal-applikazzjoni tagħhom (sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, Ġabra p. I‑9217, punt 29, u tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, Ġabra . p. I‑3375, punt 27).

44      Min-naħa l-oħra, huwa importanti li jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-regoli relevanti tad-dritt internazzjonali, peress li dan id-dritt jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jorbot lill-istituzzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra p. I-3655, punti 45 u 46, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 291).

45      F’dan il-każ, għalhekk, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk, kif tallega r-Repubblika Slovakka, il-fatt li L. Sólyom, li filwaqt li kien ċittadin tal-Unjoni, kien jaqdi, fil-mument tal-fatti, il-funzjonijiet ta’ Kap tal-Istat Ungeriż, huwiex tali li jikkostitwixxi limitu, ibbażat fuq id-dritt internazzjonali, għall-applikazzjoni tad-dritt ta’ moviment li l-Artikolu 21 TFUE jagħtih.

46      Għal dawn l-għanijiet, għandu jitfakkar li, abbażi tar-regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali ġenerali kif ukoll dawk konvenzjonali multilaterali, kap ta’ Stat fir-relazzjonijiet internazzjonali jgawdi minn status partikolari li jimplika, b’mod partikolari, privileġġi u immunitajiet.

47      B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ New York, tal-14 ta’ Diċembru 1973, dwar il-prevenzjoni u t-twaqqif tal-ksur kontra l-persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, inkluż l-aġenti diplomatiċi, jiddikkjara, b’mod partikolari, li kull kap ta’ Stat, meta jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat barrani, jgawdi minn din il-protezzjoni.

48      Għalhekk, il-preżenza ta’ kap ta’ Stat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor timponi fuq dan tal-aħħar l-obbligu li jiggarantixxi l-protezzjoni tal-persuna li tkopri din il-funzjoni u dan indipendentement minn taħt liema titolu ssir din iż-żjara.

49      L-istatus ta’ kap tal-Istat għandu għalhekk speċifiċità, li tirriżulta mill-fatt li huwa rregolat mid-dritt internazzjonali, bil-konsegwenza li l-aġir ta’ dan fuq il-livell internazzjonali, bħall-preżenza tiegħu barra mill-pajjiż, jaqa’ taħt dan id-dritt, u b’mod partikolari taħt id-dritt tar-relazzjonijiet diplomatiċi.

50      Tali speċifiċità hija ta’ natura li tiddistingwi l-persuna li tgawdi minn dan l-istatus miċ-ċittadini tal-Unjoni l-oħra, b’mod li l-aċċess ta’ din il-persuna għat-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jaqax taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini l-oħra.

51      Minn dan isegwi li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni jeżerċita l-funzjonijiet ta’ kap ta’ Stat huwa ta’ natura li jiġġustifika limitu, ibbażat fuq id-dritt internazzjonali, għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment li l-Artikolu 21 TFUE jikkonferilu.

52      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, għandu jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, la l-Artikolu 21 TFUE, u lanqas a fortiori d-Direttiva 2004/38 ma kienu jimponu fuq ir-Repubblika Slovakka li tiggarantixxi l-aċċess għat-territorju tagħha lill-President tal-Ungerija u li, għalhekk, l-ewwel ilment tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet ilment

 L-argumenti tal-partijiet

53      Permezz tat-tielet ilment tagħha, li jaqbel li jiġi eżaminat fit-tieni lok, l-Ungerija ssostni li r-Repubblika Slovakka, billi rrifjutat lill-President tal-Ungerija l-aċċess fit-territorju tagħha, kisret id-Direttiva 2004/38, u l-fatt stess li bbażat in-nota verbali tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2009 fuq din id-direttiva jaqa’ taħt il-kunċett ta’ abbuż ta’ liġi, kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C‑110/99, Ġabra p. I‑11569). Fil-verità, ir-Repubblika Slovakka sserviet minn din id-direttiva sabiex tilħaq motivi politiċi.

54      Issa, skont l-Ungerija, ir-rikors għad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi espressa ostilità fuq il-livell politiku permezz ta’ miżuri restrittivi għal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini hija kuntrarja għall-valuri fundamentali tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika msemmija fid-Direttiva 2004/38 ma jistgħux jiġu invokati għal finijiet politiċi. L-Ungerija żżid li, kieku tali aġir kien ikkunsidrat kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, xejn ma jfixkel fil-futur lill-Istati Membri l-oħra li “jsolvu” d-differenzi bilaterali tagħhom billi jinvokaw id-dritt tal-Unjoni, li huwa kuntrarju għall-għanijiet ta’ dan id-dritt.

55      Ir-Repubblika Slovakka tirribatti li ma seħħet l-ebda applikazzjoni abbużiva tad-dritt tal-Unjoni, peress li dan id-dritt ma japplikax f’dan il-każ u li, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet previsti mill-ġusriprudenza għall-konstatazzjoni ta’ tali applikazzjoni abbużiva ma humiex sodisfatti f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Għandu jitfakkar li huwa b’mod żbaljat li, fin-nota verbali tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2009, ir-Repubblika Slovakka għamlet riferiment għad-Direttiva 2004/38, li barra minn hekk dan l-Istat Membru rrikonoxxa.

57      Madankollu, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi abbuż ta’ liġi mwettaq mir-Repubblika Slovakka.

58      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, grupp ta’ ċirkustanzi oġġettivi minn fejn jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan intiż minn din il-leġiżlazzjoni ma huwiex milħuq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fil-volontà li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħaq (sentenzi Emsland‑Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C‑515/03, Ġabra p. I‑7355, punt 39).

59      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 ma ġewx osservati formalment. Fil-fatt, peress li l-uniku att li jirreferi għal din id-direttiva huwa n-nota verbali tal-21 ta’ Awwissu 2009 tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Slovakk mibgħuta lill-ambaxxatur tal-Ungerija fir-Repubblika Slovakka, l-ebda deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva ma ġiet adottata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lanqas, a fortiori, notifikata lil L. Sólyom skont l-Artikolu 30 tal-istess direttiva.

60      Min-naħa l-oħra, għall-istess raġunijiet, mill-proċess jirriżulta b’mod ċar li r-Repubblika Slovakka ma ħolqitx b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet mitluba għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, is-sempliċi invokazzjoni ta’ din id-direttiva fl-imsemmija nota verbali ma hijiex manifestament suxxettibbli li trendi applikabbli l-imsemmija direttiva għal sitwazzjoni ta’ fatt meta din ma tkunx tapplika.

61      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tielet ilment għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni u r-raba’ lmenti

62      Jaqbel li t-tieni u r-raba’ lmenti jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

63      Permezz tat-tieni lment, l-Ungerija ssostni li jeżisti riskju li r-Repubblika Slovakka tirrepeti fil-futur il-ksur tal-Artikoli 3 TFUE u 21 TFUE, kif ukoll id-Direttiva 2004/38. Tali riskju huwa b’mod partikolari kkonfermat minn diversi dikjarazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet Slovakki li jgħidu li l-aġir tagħhom fil-konfront tal-President tal-Ungerija ma kisirx id-dritt tal-Unjoni.

64      Peress li hija tikkontesta kwalunkwe nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont id-dritt tal-Unjoni minħabba, essenzjalment, l-inapplikabbiltà tiegħu f’dan il-każ, ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li, bħala konsegwenza, ma jeżisti l-ebda riskju ta’ ripetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tieni lment jista’ jkun ibbażat biss fuq aġir eventwali u futur tal-awtoritajiet Slovakki. Barra minn hekk, l-elementi invokati mill-Ungerija insostenn ta’ dan l-ilment huma dikjarazzjonijiet magħmula wara n-nota tal-21 ta’ Awwissu 2009 li jekk tiġi kkunsidrata f’dawn il-proċeduri jinkisru d-drittijiet ta’ difiża tar-Repubblika Slovakka. Fl-aħħar nett, din tal-aħħar, filwaqt li tirreferi għal titjib ċar fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ Stati Membri fil-perijodu wara li seħħew il-fatti inkwistjoni — kif tixhed b’mod partikolari l-laqgħa tal-10 ta’ Settembru 2009, mfakkra fil-punt 10 ta’ din is-sentenza —, teskludi l-possibbiltà ta’ ripetizzjoni fil-futur ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim simili.

65      Permezz tar-raba’ lment, l-Ungerija ssosnti li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li r-regoli tad-dritt internazzjonali, u mhux biss id-dritt tal-Unjoni, japplikaw f’dan il-każ, hija għandha f’dan il-każ tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dawn ir-regoli, sabiex tiċċara l-limiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38, sa fejn huma kkonċernati r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreċiża jekk dawn il-limiti jikkonċernawx biss il-kapijiet ta’ Stat, jew inkella jinkludux ukoll kategoriji oħra ta’ ċittadini tal-Unjoni.

66      Ir-Repubblika Slovakka tqis li l-kwistjoni dwar liema persuni jaħarbu, minbarra l-kapijiet ta’ Stat, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38, ma għandha l-ebda effett fuq is-soluzzjoni tal-kawża.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn iż-żewġ ilmenti, għandu jitfakkar li l-proċedura mibdija bl-Artikolu 259 TFUE hija intiża sabiex jiġi kkonstatat u sabiex jitwaqqaf l-aġir ta’ Stat Membru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 27; tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑456/05, Ġabra p. I‑10517, punt 25, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 119).

68      Għalhekk, peress li l-għan tat-trattat huwa li jiġi eliminat b’mod effettiv in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Istati Membri u mill-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas (sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813, punt 13), rikors skont l-Artikolu 259 TFUE dwar nuqqas futur u eventwali jew li huwa limitat sabiex jitlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa inammissibbli.

69      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni lment tagħha, l-Ungerija, minn naħa tillimita ruħha sabiex tallega riskju ta’ nuqqas fil-futur għall-Artikoli 3 TUE u 21 TUE, kif ukoll għad-Direttiva 2004/38, u, min-naħa l-oħra, hija ma ssostnix li dan ir-riskju, fl-ipoteżi li jeżisti, jikkostitwixxi, fih innifsu, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont id-dritt tal-Unjoni.

70      F’dak li jikkonċerna r-raba’ lment, l-Ungerija ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Slovakka, iżda sempliċement titlob interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija allegatament neċessarja fid-dawl tal-applikazzjoni ta’ dan id-dritt għal sitwazzjoni fattwali differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi tal-każ li seħħ fil-21 ta’ Awwissu 2009 bejn l-Ungerija u r-Repubblika Slovakka jikkonċernaw biss il-President tal-Ungerija u mhux kategoriji oħra ta’ ċittadini.

71      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni u r-raba’ lmenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

72      Peress li l-ebda wieħed mill-ilmenti mqajma mill-Ungerija ma ġew milqugħa, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

73      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Ungerija tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Slovakka.

74      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) tal-istess Regoli, il-Kummissjoni, li intervenjeniet f’din il-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.