Language of document : ECLI:EU:C:2011:641

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Importazzjoni, minn persuna residenti fi Stat Membru, ta’ vettura diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor – Primjum ekoloġiku – Kundizzjonijiet – Ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li jiċċertifika n-natura ta’ vettura għal wiri”

Fil-Kawża C‑443/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif de Limoges (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura

Philippe Bonnarde

vs

Agence de Services et de Paiement,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J.-J. Kasel, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u A. Marghelis kif ukoll minn A. Kostova Bourgeix, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal‑Kunsill 1999/37/KE, tad-29 ta’ April 1999, dwar id‑dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 351), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/127/KE, tat-23 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7. p. 710, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/37”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Bonnard u d-Direttur Ġenerali tas-Centre national pour l’aménagement des structures des exploitations agricoles (Cnasea) [Ċentru Nazzjonali għall-iżvilupp ta’ strutturi agrikoli] dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtih il-benefiċċju tal-għajnuna msejħa “bonus écologique – Grenelle de l’environnement” [primjum ekoloġiku - Forum għall-ambjent] (iktar ’il quddiem il-“primjum ekoloġiku”) għax-xiri ta’ vettura bil-mutur għal wiri li toriġina minn Stat Membru ieħor.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/37 jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għad-dokumenti maħruġin mill‑Istati Membri fil-ħin tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi.

Ma għandhiex tippreġudika d-dritt ta’ Stati Membri li jużaw, għar‑reġistrazzjoni temporanja ta’ vetturi, dokumenti li jistgħu ma jissodisfawx il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva f’kull aspett.”

4        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal vetturi li huma soġġetti għal reġistrazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Iċ-ċertifikat għandu jikkonsisti jew f’parti waħda b’mod konformi ma’ l-Anness I jew f’żewġ partijiet b’mod konformi ma’ l-Annessi I u II.”

5        Il-punt II.7 tal-Anness I tad-Direttiva 1999/37 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jinkludu informazzjoni oħra fil-Parti I taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        L-Artikolu 63(5) tal-Liġi Nru 2007-1824, tal-25 ta’ Diċembru 2007, tal-finanzi riveduti għall-2007 (JORF tat-28 ta’ Diċembru 2007, p. 21482), jipprovdi:

“Għandu jiġi stabbilit fond ta’ għajnuna għax-xiri ta’ vetturi nodfa li l-għan tiegħu jkun […] l-għoti ta’ għajnuna għax-xiri ta’ vetturi nodfa li tista’ tiġi ssupplimentata, jekk meħtieġ, bl-għajnuna għat-tneħħija ta’ vetturi li jniġġsu.

Digriet għandu jispeċifika l-entità ta’ ġestjoni tal-fondi kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom hija twettaq il-ġestjoni tagħha.”

7        L-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 2007-1873, tas-26 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi għajnuna għax-xiri ta’ vetturi nodfa (JORF tat-30 ta’ Diċembru 2007, p. 21846, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2007‑1873 fil-verżjoni oriġinali tiegħu”), kif emendat bid-Digriet Nru 2009-66, tad-19 ta’ Jannar 2009 (JORF tal-20 ta’ Jannar 2009, p. 1098, iktar ’il quddiem id‑“Digriet Nru 2007-1873 emendat”) jipprovdi:

“Għajnuna tiġi mogħtija mill-fond ta’ għajnuna għax-xiri ta’ vetturi nodfa stabbilit mill-Artikolu 63 tal-Liġi Nru 2007-1824, tal-25 Diċembru 2007, tal-finanzi riveduti għall-2007 għal kull persuna li tkun residenti jew li tkun stabbilita fi Franza, bl-eċċezzjoni tal‑amministrazzjonijiet tal-Istat, li jixtru jew jikru fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kera bl-għażla ta’ xiri jew ta’ kuntratt konkluż għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn vettura bil-mutur li tissodisfa, fid-data ta’ meta ġiet mixtrija, il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1° Li tkun tappartjeni għall-kategorija tal-vetturi bil-mutur għall-ġarr tal-passiġġieri jew tal-vannijiet fis-sens tal-Artikolu R. 311-1 tar-regolamenti tat-traffiku kif ukoll għal kull kategorija ta’ vetturi suġġetti għall-kejl ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/1268/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1980, jew tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, tal-20 ta’ Ġunju 2007.

2° Ma kinitx is-suġġett tal-ewwel reġistrazzjoni preċedentement fi Franza jew barra mill-pajjiż;

3° Tkun irreġistrata fi Franza b’kategorija finali;

4° Ma tkunx intiża li tinbiegħ mix-xerrej bħala vettura ġdida;

[…]”

8        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 2007-1873 fil‑verżjoni oriġinali tiegħu jipprovdi:

“Il-konċessjonarji u l-aġenti tad-ditti ta’ vetturi rreġistrati ma jistgħux jibbenefikaw mill-għajnuna prevista fl-Artikolu 1 fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur għall-ġarr tal-passiġġieri ġodda li jintużaw għall-wiri. Madankollu, għall-finijiet tal-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 1, dawn il-vetturi bil-mutur għall-ġarr tal-passiġġieri intiżi għall-wiri huma meqjusa bħala ġodda jekk ix-xiri jew il-kiri tagħhom iseħħ fi żmien tnax-il xahar mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom.”

9        L-Artikolu 2(2) tad-Digriet Nru 2007-1873 emendat, jipprovdi:

“Il-konċessjonarji u l-aġenti tad-ditti ta’ vetturi rreġistrati ma jistgħux jibbenefikaw mill-għajnuna prevista fl-Artikolu 1 fir-rigward ta’ vetturi ġodda li jiffurmaw parti minn waħda mill-kategoriji definiti fl-ewwel punt ta’ dan l-artikolu u li huma jużaw għall-wiri. Madankollu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 1, dawn il-vetturi intiżi għall-wiri fi Franza huma meqjusa bħala ġodda jekk ix-xiri jew il-kiri tagħhom iseħħ fi żmien tnax-il xahar mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom.”

10      L-Artikolu 29 tad-Digriet tal-5 ta’ Novembru 1984, issostitwit bid-Digriet tad-9 ta’ Frar 2009 dwar il-proċeduri għar-reġistrazzjoni tal-vetturi, li jirriproduċi dan l-artikolu mingħajr ma jbiddlu, jgħid:

“Vettura għall-wiri tfisser vettura ġdida taħt it-3.5 tunnellata ta’ piż totali tal-vettura mgħobbija użata, għal perijodu minimu ta’ tliet xhur u sa sena massimu, għal wirja, fi kliem ieħor użata minn konċessjonarji u aġenti tad-ditti (inklużi l-manifatturi u importaturi) fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ preżentazzjoni bi prova u bejgħ lill-klijenti tagħhom.

Tista’ tiġi allokata għal-wiri kull vettura suġġetta għal reġistrazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq u dan indipendentement mit-tip tagħha u mill-karrozzerija tagħha (vettura bil-mutur għall-ġarr tal-passiġġieri, mutur, trakk, karru, eċċ).

Il-perijodi definiti hawn fuq huma meqjusa li jibdew mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni indikata fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

Skont l-Artikolu 1635a H (II) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa, jinħareġ għal dawn il-vetturi dokumenti ta’ reġistrazzjoni mingħajr ħlas. F’dawn id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni jiġu ttimbrati l-kliem “vettura għal wiri.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      F’Jannar tal-2009, P. Bonnarde xtara mingħand konċessjonarju tal‑karozzi li jinsab fil-Belġju, vettura bil-mutur proprjetà ta’ PSA‑Belgique. Din kienet is-suġġett tal-ewwel reġistrazzjoni f’dan l-Istat Membru qabel ma ġiet importata fi Franza minn P. Bonnard, fejn ġiet irreġistrata fl-4 ta’ Frar 2009.

12      P. Bonnard talab għall-għoti ta’ primjum ekoloġiku minħabba x-xiri, bħala vettura għal wiri, ta’ din il-vettura b’emissjonijiet baxxi, fejn id‑data tal-ewwel reġistrazzjoni kienet tmien xhur biss qabel ix-xiri u kienet turi kilometraġġ ta’ madwar 6000 kilometru.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2009, id-Direttur Ġenerali tal‑Cnasea ċaħad din it-talba għar-raġuni li l-imsemmija vettura kienet diġà ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fl-20 ta’ Mejju 2008, barra mill‑pajjiż, jiġifieri fil-Belġju, u li minkejja t-talba li kienet saritlu, P. Bonnard qatt ma pproduċa ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li fuqu kien jidher il-kliem “vettura għal wiri”.

14      Fit-28 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ressaq rikors quddiem it‑Tribunal administratif de Limoges għall-annullament ta’ din id‑deċiżjoni.

15      P. Bonnard sostna quddiem din il-qorti li l-leġiżlazzjoni Belġjana ma tipprovdix għall-ħruġ ta’ dokument li jidher fuqu l-kliem “vettura għal wiri”. Fil-fatt, għalkemm l-awtoritajiet Belġjani joħorġu ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal kull vettura għal wiri, mhux previst li l-espressjoni specifika “vettura għal wiri” tidher hemmhekk. P. Bonnard jikkunsidra li peress li l-vettura tiegħu ma tniġġisx iktar minn vettura għal wiri Franċiża, l-obbligu li jiġi prodott ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li jkun fih dikjarazzjoni bħal din huwa diskriminatorju.

16      Huwa paċifiku li minħabba r-rata ta’ emissjonijiet tas-CO2 tal-vettura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, dan jista’ jibbenefika minn primjum ekoloġiku. Lanqas mhuma kkontestati l-affermazzjonijiet magħmula mill-imsemmi rikorrent kemm fir-rigward tal-età u tal-kundizzjoni ta’ din il-vettura kif ukoll dwar il-impossibbiltà li jipproduċi ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bil-kliem “vettura għal wiri” stabbilita mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju tal-Belġju.

17      Peress li kkunsidrat li l-eżitu tal-kawża quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli, it-Tribunal administratif de Limoges iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dawk tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea intiżi sabiex jiżguraw il-moviment liberu, kif ukoll dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE, tad-29 ta’ April 1999, dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi, emendata bid-Direttiva 2003/127/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi, għar-reġistrazzjoni tal-vetturi, dokument partikolari, bħal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li fuqu għandhom jidhru l-kliem “vetturi għal wiri”, li jista’ jitqies li ma għandux bħala għan reġistrazzjoni temporanja fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [1999/37] u, konsegwentement, bħala ostakolu sabiex il-benefiċċju ta’ vantaġġ ikun jista’ jintrabat mal-preżentazzjoni ta’ tali dokument?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw li l‑applikazzjoni, fil-każ tal-akkwist ta’ vettura fi Stat Membru ieħor, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna għall-akkwist ta’ vetturi nodfa li diġà jkunu ġew irreġistrati għall-kundizzjoni li ċ‑ċertifikat ta’ din ir-reġistrazzjoni jkun fih, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru, il-kliem “vetturi għal wiri”, għandha tiġi injorata meta l-bejjiegħ tal-vettura ma setax, huwa nnifsu, jibbenefika minn din l‑għajnuna u:

–        meta min jakkwista l-vettura jipproduċi ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ fi Stat Membru ieħor u speċifiku għal vetturi intiżi għall-wiri; jew,

–        meta l-vettura jkollha l-karatteristiċi, fir-rigward b’mod partikolari tad-data tal-ewwel darba li tqiegħdet fis-suq, meħtieġa mil-liġi nazzjonali sabiex tikkwalifika bħala vettura għal wiri?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 1999/37 jew, jekk meħtieġ, l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-benefiċċju ta’ vantaġġ jista’ jingħata biss jekk fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur għal wiri jkun hemm il-kliem “vettura għal wiri”.

 Osservazzjonijiet preliminari

19      Preliminarjament, kif ġie osservat mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jiġi osservat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 2007‑1873 fil-verżjoni oriġinali tiegħu kien jipprovdi li “dawn il-vetturi bil-mutur għall-ġarr tal-passiġġieri intiżi għall-wiri huma meqjusa bħala ġodda jekk ix-xiri jew il-kiri tagħhom iseħħ fi żmien tnax-il xahar mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom”, filwaqt li l-istess dispożizzjoni tad-Digriet Nru 2007-1873 emendat, jipprovdi li “dawn il-vetturi intiżi għall-wiri fi Franza huma meqjusa bħala ġodda jekk ix-xiri jew il-kiri tagħhom iseħħ fi żmien tnax-il xahar mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni tagħhom”.

20      Għandu jiġi speċifikat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal‑ifformular tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 2007-1873 fil‑verżjoni oriġinali tiegħu. Madankollu, ir-risposta għad-domanda jekk id-Direttiva 1999/37 jew l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jipprekludux lil Stat Membru milli jimponi li jiġu ttimbrati l-kliem “vettura għal wiri” fiċ‑ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi għal ksib ta’ primjum ekoloġiku għandu jiġi analizzat bl-istess mod bħal fir-rigward tad-Digriet Nru 2007-1873 fil-verżjoni oriġinali tiegħu jew tad-Digriet Nru°2007-1873 emendat. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli ratione temporis.

 Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/37

21      Il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timponi l-inklużjoni tal-kliem “vettura għal wiri” fuq iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bħal dawn, u li l-applikazzjoni tagħhom flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra nazzjonali għandha bħala konsegwenza li huma biss il-vetturi li għandhom ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li jikkonferma n-natura tagħhom ta’ vettura għal wiri li jistgħu jiġu mogħtija primjum ekoloġiku, l-ewwel għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-obbligi tal-Istati Membri taħt id-Direttiva 1999/37.

22      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura nazzjonali f’settur li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti f’livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fir-rigward tad-dritt primarju (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 64, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Gysbrechts u Santurel Inter, C‑205/07, Ġabra p. I‑9947, punt 33).

23      Madankollu, fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li d-Direttiva 1999/37 ma għamlitx armonizzazzjoni eżawrjenti. F’dan ir-rigward, kif jipprovdi espressament il-punt II.7, imsemmi fl-Anness I ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tawtorizza lill-Istati Membri jinkludu, fil-Parti I taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, informazzjoni oħra barra minn dik li għandha obligatorjament tkun inkluża skont l-imesmmi Anness I.

24      Għalhekk, skont il-punt II.7, id-Direttiva 1999/37 ma tipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali li jinkludu, fil-Parti I taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, informazzjoni addizzjonali għal dik li għandha obligatorjament tkun inkluża, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jiksrux ir-regoli tat-TFUE.

25      Huwa għalhekk importanti li jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jipprekludux r-regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE

26      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, stabbilita fl-Artikolu 34 TFUE, tirrigwarda l-miżuri kollha tal-Istati Membri li jistgħu jostakolaw direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il‑kummerċ intra‑Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑217/99, Ġabra p. I-10251, punt 16; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑65/05, Ġabra p. I‑10341, punt 27, tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑54/05, Ġabra p. I-2473, punt 30, u tal-24 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu C‑286/07, Ġabra p. I-63, punt 27). B’hekk, is-sempliċi fatt ta’ dissważjoni milli wieħed jimporta jew jikkummerċjalizza l-prodotti inkwistjoni fl-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxi għall-importatur ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

27      Barra minn dan, għandhom jiġu kkunsidrati bħala “miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni” fis‑sens tal-Artikolu 34 TFUE, il-miżuri meħuda minn Stat Membru li l‑għan jew l-effett tagħhom huwa li jittrattaw b’mod inqas favorevoli l‑prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, kif ukoll l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li jirriżultaw, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, mill-applikazzjoni, lill‑merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra, fejn ikunu ġew immanifatturati u/jew ikkummerċjalizzati legalment, ta’ regoli fuq ir-rekwiżiti li jkollha tissodisfa din il-merkanzija, anki jekk dawn ir-regoli jkunu applikabbli bla distinzjoni għall-prodotti kollha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

28      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li mhux l-Istati Membri kollha jipprovdu li ċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għal wiri għandhom jinkludu l-kliem speċifiċi “vettura għal wiri”. Peress li l-vetturi bil-mutur għal wiri importati minn Stati Membri, għalkemm kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali Franċiża biex jibbenefikaw mill-primjum ekoloġiku, jiġifieri dawk relatati mal-età u mal-kundizzjoni tal-vettura kif ukoll mar-rata tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħha, madankollu ma setgħux jikkwalifikaw għal dan il-primjum ekoloġiku minħabba n-nuqqas ta’ frażi speċifika fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija frażi tikkostitwixxi kundizzjoni għall-għoti ta’ primjum ekoloġiku li tista’ tiddisswadi ċerti persuni kkonċernati residenti fi Franza milli jimportaw f’dan l-Istat Membru vetturi għal wiri li kienu preċedentement irreġistrati fi Stati Membri oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑297/05, Ġabra p. I‑7467, punt 73, u tal-5 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑170/07, Ġabra p. I-87 punt 44).

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi, fir-rigward ta’ kull vettura bil-mutur għal wiri, indipendentement mill-oriġini tagħhom, il‑produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bil-kliem “vettura għal wiri” sabiex tibbenefika mill-primjum ekoloġiku, dan ir-rekwiżit jaffettwa b’mod differenti l-vetturi kkonċernati mill-ipoteżi inkwistjoni skont jekk dawn ikunux ġejjin minn Stat Membru li jeħtieġ il-preżenza ta’ tali frażi fiċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni jew inkella minn Stat Membru li ma jeħtieġx dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

30      Fil-fatt, anki jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex intiża għat-trattament inqas favorevoli ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanza li l-kliem “vettura għal wiri” għandu jidher fuq iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għal wiri sabiex wieħed ikollu dritt għal primjum ekoloġiku tista’ tinfluwenza l-imġieba tax-xerrejja, u għalhekk taffettwa l-aċċess ta’ dawn il-vetturi għas-suq ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I-519, punt 56).

31      Ir-rekwiżit ta’ tali kliem fiċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi għal wiri importati sabiex jingħata l-primjum ekoloġiku inkwistjoni jikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni għall-moviment liberu tal‑merkanzija li hija pprojbita mill-Artikolu 34 TFUE.

32      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkostitwixxi miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi tista’ tkun iġġustifikata minn waħda mir‑raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tkun xierqa biex tiżgura li jintlaħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75; Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Humanplasma, C-421/09, Ġabra p. I‑12869, punt 34).

33      Il-Gvern Franċiż isostni li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hija ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni ambjentali kif ukoll minn dak tal-ġlieda kontra l-frodi. Permezz ta’ din id‑dispożizzjoni r-Repubblika Franċiża tixtieq b’mod partikolari tħeġġeġ ix-xiri ta’ vetturi bil-mutur b’emissjonijiet baxxi u, sa fejn il-vetturi bil-mutur għal wiri huma mistennija li ma jkunux jew li jkunu ftit li xejn użati, il-primjum ekoloġiku jista’ jitħallas ukoll għax-xiri ta’ dawn il-vetturi. Madankollu, b’differenza għall-vetturi bil-mutur ġodda, il-vetturi għal wiri tkun diġà sariltilhom l-ewwel reġistrazzjoni. Għalhekk ix-xerrej ta’ vettura bħal din għandu jipproduċi ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li jkollu l-kliem “vettura għal wiri” sabiex jipprova li mhijiex vettura użata, iżda vettura li ġiet assenjata għal wiri.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-ġlieda kontra l-frodi jistgħu jiġġustifikaw miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ intra-Komunitarju, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu proporzjonati għall-għan mixtieq (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal-10 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑265/06, Ġabra p. I‑2245, punt 38; Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos, C-142/05, Ġabra p. I‑4273, punt 32).

35      Għalkemm huwa ċertament minnu li r-rekwiżit tal-kliem “vettura għal wiri” fuq iċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni ta’ tali vetturi importati jista’ jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-vetturi għal wiri, li jistgħu għalhekk jibbenefikaw mill-primjum ekoloġiku, u, konsegwentement huwa xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni ambjentali u tal-ġlieda kontra l-frodi, għandu madankollu jiġi vverifikat jekk dan ir-rekwiżit huwiex neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet u jekk jeżistux mezzi oħra inqas restrittiv sabiex dawn jintlaħqu.

36      Fil-kawża prinċipali, il-karattru allegatament neċessarju tal-miżura inkwistjoni ma ġiex ippruvat peress li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta l-gvern Franċiż ammetta li l-primjum ekoloġiku jista’ jingħata lill-vettura bil-mutur għal wiri mixtrija fi Stat Membru ieħor suġġett għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat speċifiku għal din il-klassi ta’ vettura jew permezz ta’ kwalunkwe prova oħra li turi li l-vettura tissodisfa l‑istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għal vetturi għal wiri nazzjonali.

37      Għalhekk, ir-rekwiżit li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ tali vettura jkun jinkludi l-kliem “vettura għal wiri” huwa sempliċement mezz fost oħrajn għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fil-ġlieda kontra l‑frodi u biex jipproteġu l-ambjent.

38      Isegwi li din il-miżura għandha tiġi kkunsidrata bħala eċċessiva u, għaldaqstant, sproporzjonata meta pparagunata mal-għanijiet imfittxija.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex ikun jista’ jingħata primjum ekoloġiku meta l-vetturi bil‑mutur għal wiri importati jiġu rreġistrati f’dan l-Istat Membru, teżiġi li fuq l-ewwel ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ tali vetturi għandu jkun hemm il-kliem “vettura għal wiri”.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, sabiex ikun jista’ jingħata l-“bonus écologique – Grenelle de l’environnement” meta l-vetturi bil‑mutur għal wiri importati jiġu rreġistrati f’dan l-Istat Membru, teżiġi li fuq l-ewwel ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ tali vetturi għandu jkun hemm il-kliem “vettura għal wiri”.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.