Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2017 minn Gascogne Sack Deutschland GmbH u Gascogne S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fl-10 ta’ Jannar 2017 fil-Kawża T-577/14, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea

(Kawża C-146/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Gascogne Sack Deutschland GmbH, Gascogne S.A. (rappreżentanti: F. Puel u E. Durand, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla parzjalment is-sentenza appellata, innotifikata permezz ta’ e-Curia lir-rappreżentanti tal-appellanti fis-16 ta’ Jannar 2017, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, filwaqt li rrikonoxxiet il-ksur tat-terminu raġjonevoli li tingħata deċiżjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (T-72/06) u Sachsa Verpackung vs Il-Kummissjoni (T-79/06) u l-eżistenza ta’ danni materjali u morali subiti mill-appellanti minħabba l-ksur tat-terminu raġjonevoli, ikkundannat lill-Unjoni għal kumpens mhux xieraq u mhux sħiħ tad-danni hekk subiti;

tiddeċiedi definittivament fuq il-kumpensi finanzjarji tad-danni materjali u morali subiti mill-appellanti abbażi tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, konformement mat-talbiet tal-appellanti;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż tal-istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju, Gascogne issostni li, meta rrifjutat li tagħti kumpens għad-dannu materjali subit għal perijodu qabel it-30 ta’ Mejju 2011, minħabba li ma setgħetx tiddeċiedi ultra petita, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi manifest fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

Permezz tat-tieni aggravju, Gascogne issostni li, meta ddeċidiet li tieħu bħala punt inizjali tad-dannu materjali, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dannu msemmi, dak iddeterminat bil-kontra minn Gascogne abbażi ta’ tul eċċessiv li din stmat għal 30 xahar, iżda li l-Qorti Ġenerali, min-naħa tagħha, stmat għal 20 xahar, u billi b’hekk ikkumpensat id-dannu materjali subit minn Gascogne fuq perijodu ta’ 6 xhur, meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet espressament li d-dannu materjali subit jikkonsisti fil-ħlas tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja matul il-perijodu li jikkorrispondi għall-qbiż tat-terminu raġjonevoli (jiġifieri perijodu ta’ 20 xahar), il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha formalment u ma tatx effett għall-konklużjonijiet tagħha stess.

Permezz tat-tielet aggravju, Gascogne issostni li, meta applikat metodi ta’ kalkolu tad-dannu materjali differenti minn dawk inizjalment ippreżentati mill-appellanti, mingħajr ma dawn setgħu jippronunzjaw ruħhom fuq il-konsegwenzi li seta’ jwassal għalihom dan il-metodu ta’ kalkolu, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża.

Permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li, meta ddeċidiet li ma setgħetx tagħti kumpens għad-dannu morali subit, li l-ammont tiegħu jidher proporzjonalment għoli wisq meta mqabbel mal-multa imposta fuq il-Kummissjoni Ewropea, minħabba li, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tpoġġi indiskussjoni, totalment jew parzjalment, l-ammont tal-multa minħabba l-ksur tat-terminu raġjonevoli, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija.

Permezz tal-ħames aggravju, l-appellanti jsostnu li, meta rrifjutat li tilqa’ t-talba għal kumpens għad-dannu morali subit, minħabba li, fid-dawl tal-livell tiegħu, l-għoti tal-kumpens mitlub mill-appellanti kien iwassal, fil-fatti, biex jitqiegħed indiskussjoni l-ammont tal-multa imposta fuq din tal-aħħar, minkejja li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 256-1 u 340-2 TFUE huma intiżi preċiżament biex jippermettu lil kull rikorrent vittma ta’ danni kkawżati minn istituzzjonijiet Ewropej jikseb kumpens mingħand il-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ċaħdet mill-effett utli u kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 256-1 u 340-2 TFUE, kif ukoll id-dritt għal rikors effettiv.

Permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti jsostnu li, meta tat lill-appellanti kumpens ta’ EUR 5,000 abbażi tad-dannu morali subit, filwaqt li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, qieset li l-kumpens għad-dannu morali ma setax ipoġġi indiskussjoni, lanqas parzjalment, l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, espressament irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ dannu morali subit mill-appellanti, li kellu jiġi kkumpensat fid-dawl tal-“firxa tal-ksur tat-terminu raġjonevoli” u tal-“effettività ta’ dan l-appell”, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha formalment.

Permezz tas-seba’ aggravju, l-appellanti jsostnu li, meta ddeċidiet, mingħajr ebda element ta’ ġustifikazzjoni insostenn, li, minn naħa, il-konstatazzjoni tal-ksur tat-terminu raġjonevoli għal deċiżjoni huwa, fid-dawl tal-għan u tal-gravità ta’ dan il-ksur, suffiċjenti biex jiġi kkumpensat id-dannu għar-reputazzjoni allegat, u li, min-naħa l-oħra, li kumpens ta’ EUR 5,000 jikkostitwixxi kumpens xieraq għad-dannu morali subit, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

____________