Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2017 mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fl-1 ta’ Frar 2017 fil-Kawża T-479/14, Kendrion vs L-Unjoni Ewropea

(Kawża C-150/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Inghelram u E. Beysen, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Kendrion NV, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-punt 1) tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Kendrion, ifformulata fl-ewwel istanza, intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu materjali allegatament subit jew, b’mod għalkollox sussidjarju, tnaqqas dan il-kumpens għal ammont ta’ EUR 175 709.87;

tikkundanna lil Kendrion għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ rabta kawżali, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ksur tat-terminu raġonevoli ta’ sentenza kien il-kawża determinanti tad-dannu materjali allegat li jikkonsisti fil-pagament tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja, meta, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-għażla ta’ impriża nnifisha li ma tħallasx il-multa matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni li hija l-kawża determinanti tal-pagament ta’ dawn l-ispejjeż.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dannu, sa fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tapplika għall-allegat dannu materjali marbut mal-pagament ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja l-istess kundizzjoni bħal dik li hija kienet ifformulat fir-rigward tal-allegat dannu materjali marbut mal-pagament tal-interessi fuq l-ammont tal-multa, jiġifieri li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellha turi li l-oneru finanzjarju ta’ dan l-aħħar pagament kien ogħla mill-vantaġġ li hija setgħet tieħu mill-assenza ta’ pagament tal-multa.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-perijodu li matulu l-allegat dannu materjali seħħ u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma esponiet il-motivi għal dan, li l-perijodu li matulu seħħ l-allegat dannu materjali li jikkonsisti fil-pagament tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja, seta’ jkun differenti mill-perijodu li fih il-Qorti Ġenerali kienet illokalizzat l-att illegali li kien allegatament iġġenera dan id-dannu.

____________