Language of document : ECLI:EU:C:2006:455

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

11 ta' Lulju 2006 (*)

"Artikolu 213(2) KE – Artikolu 126(2) EA – Ksur ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta' membru tal-Kummissjoni – Telf tad-dritt għal pensjoni"

Fil-kawża C-432/04,

li għandha bħala suġġett rikors skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 213(2) tat-Trattat KE u t-tielet inċiż ta' l-Artikolu 126(2) EA (Euratom), imressaq fis-7 ta' Ottubru 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H.‑P. Hartvig u J. Currall, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Édith Cresson, irrappreżentata minn G. Vandersanden, L. Levi u M. Hirsch, Avukati,

konvenuta,

sostnuta:

mir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard, C. Jurgensen kif ukoll minn G. de Bergues, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, A. Rosas u K. Schiemann, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Klučka u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: M. Ferreira, Aministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Novembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata mġiba ta' favoritiżmu jew, mill-inqas, negliġenza kkaratterizzata, li tikkostitwixxi ksur minn É. Cresson ta' l-obbligi previsti fl-Artikoli 213 KE kif ukoll 126 EA u tiddikjara, konsegwentement, it-telf parzjali jew totali tad-dritt għal pensjoni ta' É. Cresson jew ta' benefiċċji oħra minflokha.

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 213(2) KE jipprovdi:

"2. Il-membri tal-Kummissjoni għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Komunità.

Fil-qadi ta’ dmirijiethom, huma la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn ebda gvern jew minn ebda korp ieħor. Huma m’għandhomx jieħdu azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom. Kull Stat Membru jintrabat li jirrispetta dan il-prinċipju u ma jippruvax jinfluwenza l-membri tal-Kummissjoni fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Membri tal-Kummissjoni ma jistgħux, sakemm idumu fil-kariga, jeżerċitaw xi professjoni oħra, kemm bi jew bla qligħ. Meta jidħlu fil-kariga tagħhom, huma jridu jorbtu rwieħhom b’mod solenni li, kemm waqt il-kariga, kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, huma jirrispettaw l-obligazzjonijiet li joħorġu minnha b’mod speċjali id-dmir tagħhom li jġibu rwieħhom b’integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li jtemmu l-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji. F’każ ta’ xi ksur ta' dawn l-obligazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq l-applikazzjoni tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, tiddeċiedi li l-membru involut ikun imġiegħel, jew jirtira bilfors skond l-Artikolu 216 jew jitlef id-dritt tiegħu għall-penzjoni jew xi benefiċċju minflokha, skond iċ-ċirkostanzi."

3       Skond l-Artikolu 216 KE:

"Jekk xi membru tal-Kummissjoni ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba għall-qadi ta’ dmirijietu jew ikun ħati ta’ mġiba ħażina serjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, ġġiegħlu jirtira [jirriżenja] ta' bilfors."

4       Id-dispożizzjonijiet ta' l-Aritkolu 126(2) EA huma identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 213(2) KE.

 Ir-regolamentazzjoni dwar ix-xjenzati viżitaturi

5       Fid-19 ta' Diċembru 1989, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tinkludi direttivi amministrattivi applikabbli għax-xjenzati viżitaturi fil-kuntest ta' ċerti programmi ta' riċerka (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni dwar ix-xjenzati viżitaturi").

6       Din id-deċiżjoni tistabbilixxi, b'mod partikolari, il-kategoriji professjonali li tagħhom għandhom ikunu parti dawk il-persuni li jistgħu jiġu ingaġġati bħala xjenzati viżitaturi, l-iskala tal-paga applikabbli u t-tul tal-kuntratti li jistgħu jiġu konklużi. Hija tippreċiża wkoll li xjenzat viżitatur huwa marbut iħejji rapport fuq l-attività li kienet is-suġġett taż-żjara tiegħu fi żmien xhar minn mindu jkun intemm il-kuntratt tiegħu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7       Il-fatti prinċipali, kif jirriżultaw b'mod partikolari mir-rikors huma s-segwenti.

8       É. Cresson kienet membru tal-Kummissjoni mill-24 ta' Jannar 1995 sat-8 ta' Settembru 1999. Il-Kummissjoni, dak iż-żmien ippresjeduta mis-Sur Santer, ippreżentat ir-riżenja tagħha kollettivament fis-16 ta' Marzu 1999 filwaqt li baqet twettaq il-funzjonijiet tagħha sat-8 ta' Settembru ta' l-istess sena. Il-portafoll ta' É. Cresson kien jinkludi l-oqsma segwenti: xjenza, riċerka u żvilupp, riżorsi umani, edukazzjoni, taħriġ u żagħżagħ kif ukoll iċ-Ċentru Komuni ta' Riċerki (iktar 'il quddiem iċ-ĊKR), setturi li, barra miċ-ĊKR, kienu koperti fiż-żmien tal-fatti mid-Direttorati Ġenerali (DG) CII, XII.D u XXII.

9       Il-preżentazzjoni ta' l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni kontra É. Cresson tinkludi żewġ partijiet: l-ewwel parti tirreferi għal R. Berthelot u t-tieni parti tirreferi għas-Sur Riedinger.

 Fuq dak li jikkonċerna R. Berthelot

10     Meta É. Cresson daħlet fis-servizz, l-Uffiċċju tagħha kien diġa kkostitwit. É. Cresson xorta waħda wriet ix-xewqa li timpjega wieħed mill-konoxxenzi stretti tagħha, René Berthelot, bħala "konsulent personali". Skond il-curriculum vitae, R. Berthelot kien tabib, kirurgu-dentist ta' professjoni, kien okkupa l-funzjonijiet ta' Kap tad-Dipartiment ta' l-Isptar u kien rappreżentant għall-Aġenzija Statali tat-Trasferiment tat-Tekonoloġija (ASTT) għal perijodu ta' tliet xhur, bħala "konsulent personali". Huwa kien jirrisjedi f'komun viċin tal-belt ta' Châtellerault (Franza), li tagħha huwa kien is-Sindku. Minħabba l-età tiegħu, 66 sena fiż-żmien tal-fatti, R. Berthelot ma setax jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju sabiex iservi bħala membru ta' kummissarju. Is-Sur Lamoureux, kap ta' l-Uffiċċju ta' É. Cresson, kien barra minn hekk indika lil din ta' l-aħħar li, minħabba l-età ta' R. Berthelot, huwa ma kien jara, min-naħa tiegħu, ebda possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tiġi impjegata mill-Kummissjoni.

11     É. Cresson, li xorta waħda kienet tixtieq timpjega lil R. Berthelot bħala konsulent personali, allura rrikorriet għand id-dipartimenti ta' l-amministrazzjoni sabiex dawn jistudjaw il-kundizzjonijiet li fihom ingaġġ tal-persuna kkonċernata jkun possibbli. Diversi tipi ta' kuntratti ġew ikkunsidrati mill-amminstrazzjoni, b'mod partikolari l-kuntratt ta' konsulent, li kien ġie mwarrab minħabba li kien għoli ħafna, u l-kuntratt ta' xjenzat viżitatur, li kien dak li fl-aħħar intagħżel.

12     R. Berthelot ġie b'hekk ingaġġat bħala xjenzat viżitatur mad-DG XII, mill-1 ta' Settembru 1995 għal tul inizjali ta' sitt xhur. Wara, dan il-perijodu ġie estiż sa' l-aħħar tax-xahar ta' Frar 1997. Għalkemm l-impjieg bħala xjenzat viżitatur jimplika li l-persuna kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha jew maċ-ĊKR jew mad-dipartimenti li huma ddedikati għall-attivitajiet ta' riċerka, R. Berthelot ħadem esklużivament bħala konsulent personali ta' É. Cresson.

13     Peress li R. Berthelot ma kellux uffiċċju regolari, huwa kien juża, fost oħrajn, l-uffiċċju temporanju ta' l-Uffiċċju. Bħala regola ġenerali huwa kien jasal it-Tlieta filgħodu u kien jitlaq il-Ħamis filgħaxija. Huwa kien jagħti kont ta' l-attivitajiet tiegħu lil É. Cresson verbalment.

14     Mix-xahar ta' April 1996, b'applikazzjoni ta' regola kontra l-akkumulu, l-allokazzjoni ta' kull xhar li minnha kien jibbenefika R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur tnaqqset sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-ammont ta' pensjoni li huwa kien jirċievi fi Franza.

15     Ftit ta' żmien wara li ġie applikat dan it-tnaqqis, tlettax-il ordni ta' missjoni għal Châtellerault, għall-perijodu mit-23 ta' Ġunju sal-21 ta' Ġunju 1996, inħarġu mill-Uffiċju ta' É. Cresson, f'isem R. Berthelot, li pprokuraw lil dan ta' l-aħħar is-somma ta' madwar EUR 6900. Skond investigazzjoni kriminali li saret fil-Belġju mill-1999, l-ordinjiet ta' missjoni kienu jikkonċernaw missjonijiet fittizji.

16     Mill-1 ta' Settembru 1996 R. Berthelot ibbenefika minn riklassifikazzjoni, u tela' mill-Grupp II għall-Grupp I ta' xjenzati viżitaturi. Il-ħlas ta' kull xhar, li fiż-żmien ta' l-ordni kien ta' EUR 45000, żdied b'madwar EUR 1000.

17     Fit-tmiem tal-kuntratt tiegħu mad-DG XII, jiġifieri fl-1 ta' Marzu 1997, lil R. Berthelot ġie offrut kuntratt ieħor ta' xjenzat viżitatur maċ-ĊKR, għal perijodu ta' sena li ntemmet fl-aħħar tax-xahar ta' Frar 1998. Għaldaqstant, it-tul taż-żmien totali ta' l-impjieg tiegħu bħala xjenzat viżitatur ġie estiż għal sentejn u nofs, filwaqt li r-regolamentazzjoni tipprevedi tul ta' żmien massimu ta' funżjoni ta' 24 xahar.

18     Fit-2 ta' Ottubru 1997, b'applikazzjoni tad-deċiżjoni dwar ix-xjenzati viżitaturi, id-Dipartiment tal-Verifika tal-Kummissjoni talab li jintbagħtlu r-rapport ta' attività li jsegwi l-kuntratt ta' R. Berthelot li ntemm fl-aħħar tax-xahar ta' Frar 1997. Skond din id-deċiżjoni, R. Berthelot kellu jħejji tali rapport mat-tmiem ta' l-ewwel kuntratt tiegħu kif ukoll mat-tmiem tal-kuntratt tiegħu maċ-ĊKR. Wara diversi talbiet, rapporti, komposti minn ġbir ta' noti ta' awturi differenti miġbura flimkien mill-Uffiċju ta' É. Cresson, dawn finalment ingħataw f' Lulju 1998.

19     Fil-31 ta' Diċembru 1997, R. Berthelot talab, għal raġunijiet mediċi, li l-kuntratt tiegħu jiġu xolt minn din id-data. It-talba tiegħu ġiet aċċettata.

20     É. Cresson xorta waħda talbet lill-kap ta' l-Uffiċċju tagħha jeżamina jekk "soluzzjoni", kif dan ta' l-aħħar iddeskriviha, setgħetx tinstab għal R. Berthelot mill-1 ta' Jannar 1998. Ġie għaldaqstant propost li R. Berthelot jiġi impjegat bħala konsulent speċjali, iżda huwa rrifjuta din il-proposta.

21     R. Berthelot miet fit-2 ta' Marzu 2000.

 Fuq dak li jikkonċerna s-Sur Riedinger

22     Lis-Sur Riedinger, avukat tal-kummerċ u konoxxenza personali ta' É. Cresson, ġew offruti, fl-1995, tliet kuntratti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li mill-inqas tnejn minnhom kienu fuq talba espressa ta' É. Cresson.

23     L-ewwel kuntratt, iffirmat mid-Direttur Ġenerali taċ-ĊKR, kellu bħala suġġett "studju tal-fattibbiltà li jiġi stabbilit netwerk bejn iċ-ċentri ta' analiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u dawk ta' l-Ewropa Komunitarja". Dan il-kuntratt kien marbut ma' l-iżvilupp ta' l-Istitut ta' Analiżi Teknoloġika ta' Sivilja (Spanja) u kien jipprevedi approfondiment tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali f'dan il-qasam.

24     It-tieni kuntratt, li kien jikkonċerna somma ta' EUR 105000, kien jikkonsisti f'"missjoni ta' akkumpanjament ta' É. Cresson fl-Afrika ta' Isfel mit-13 sas-16 ta' Mejju 1995 u [t]-tħejija ta' rapport". Din il-missjoni kienet tikludi żewġ partijiet. L-ewwel waħda kellha bħala suġġett konferenza fuq is-soċjetà ta' l-informazzjoni. It-tieni kienet tikkonċerna, b'mod partikolari, li jintbagħtu, fil-kuntest tas-"servizz volontarju", tobba żagħżagħ Ġermaniżi fl-Afrika ta' Isfel. L-imsemmija missjoni kellha wkoll aspett turistiku.

25     It-tielet kuntratt kien jipprevedi "l-istudju ta' prefattibbiltà tat-twaqqif ta' Istitut Ewropew tad-Dritt Komparattiv". Din l-Istituzzjoni kellha tippermetti li jiġu mifhuma aħjar il-problemi ġuridiċi marbuta mal-qasam tar-riċerka, b'mod partikolari fil-qasam tal-proprjetà intelletwali u tal-privattivi.

26     Għalkemm l-allokazzjonijiet finanzjarji għal dawn it-tliet kuntratti kienu ġew irreġistrati mid-dipartimenti li għalihom kienet responsabbli É. Cresson, ebda wieħed minnhom ma kien ġie mwettaq u lanqas imħallas.

 L-investigazzjonijiet u l-proċedimenti mibdija

27     Investigazzjonijiet kienu qabel kollox twettqu minn Kumitat ta' Esperti Indipendenti, wara mill-Uffiċċju Ewropew tal-Ġlieda kontra l-Frodi (OLAF) u fl-aħħar, mill-Uffiċċju ta' Investigazzjoni u ta' Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC). Inbdiet ukoll inkjesta minn imħallef inkwirenti Belġjan u nbeda proċediment mill-Kummissjoni.

 L-investigazzjoni tal-Kumitat ta' Esperti Indipendenti

28     Kumitat ta' Esperti Indipendenti, imwaqqaf fis-27 ta' Jannar 1999 taħt il-patronċinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, kien ġie inkarigat iħejji l-ewwel rapport sabiex jiġi stabbilit safejn il-Kummisjoni, kemm kolleġjalment, kemm individwalment, u kemm minn diversi membri tagħha meħuda individwalment kienux responsabbli għal każijiet reċenti ta' frodi, ta' amministrazzjoni ħażina jew ta' nepotiżmu msemmija matul id-dibattiti parlamentari.

29     Permezz tar-rapport tiegħu ppreżentat fil-15 ta' Marzu 1999, dan il-Kumitat kkonkluda, fir-rigward ta' R. Berthelot, li kien hemm każ aċċertat ta' favoritiżmu.

 L-investigazzjonijiet ta' l-OLAF u ta' l-IDOC

30     Wara l-konklużjonijiet tal-Kumitat ta' Esperti Indipendenti, l-OLAF wettaq l-ivestigazzjonijiet tiegħu stess u ppreżenta rapport fit-23 ta' Novembru 1999.

31     Dan ir-rapport wassal għall-ftuħ ta' diversi proċedimenti dixxiplinari fir-rigward ta' uffiċjali u aġenti tal-Kummissjoni kif ukoll għal proċedimenti intiżi sabiex jiġu rkuprati s-somom indebitament imħallsa lil R. Berthelot.

32     Id-Direttorat Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni (iktar 'il quddiem id-"DĠ "AMMIN") u wara, l-IDOC, wara li twaqqaf permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Frar 2002, ipproċedew għal investigazzjoni dwar is-Sur Riedinger u għal żewġ investigazzjonijiet kumplementari fir-rigward ta' R. Berthelot, waħda dwar ir-rwol tad-DG XII, l-oħra dwar l-involviment taċ-ĊKR

33     Matul dawn l-investigazzjonijet, twettqu diversi seduti u É. Cresson kienet diversi drabi ġiet ikkuntattjata mid-dipartimenti kompetenti kif ukoll mis-Sur Kinnock, ViċiPresident tal-Kummissjoni, responsabbli għar-riforma amministrattiva. É. Cresson ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta' ittri ta' l-24 ta' Settembru, tat-22 ta' Ottubru u tas-17 ta' Diċembru 2001.

34     Id-DĠ "AMMIN" ħareg ir-rapport tiegħu dwar is-Sur Riedinger fit-8 ta' Awwissu 2001. L-IDOC ippreżenta rapport dwar R. Berthelot fit-22 ta' Frar 2002.

 Il-proċedura kriminali

35     Wara l-ilment ta' membru tal-Parlament, investigazzjoni kriminali dwar l-inkartament li jikkonċerna R. Berthelot infetħet fl-1999. Il-Kummissjoni interveniet fil-proċeduri kontra É. Cresson bħala parti ċivili.

36     L-Imħallef inkwirenti akkuża lil É. Cresson, R.Berthelot kif ukoll lil uffiċjali u aġenti tal-Kummissjoni bil-kap ta' falsifikazzjoni, użu ta' dokumenti ffalsifikati, għerq jew interess privat f'kariga pubblika fuq il-bażi tat-tliet elementi segwenti:

–       l-ingaġġ ta' R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur li sar bi ksur tar-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni;

–       ir-rapporti tat-tmiem taż-żjara ta' R. Berthelot; kif ukoll

–       l-ordnijiet u d-dikjarazzjonijiet ta' missjoni ta' R. Berthelot.

37     Fl-akkuża tiegħu bil-miktub ippreżentata quddiem ix-chambre du conseil du tribunal de première instance ta' Brussell (il-Belġju), il-qorti li, fl-aħħar ta' l-investigazzjoni, għandha tiddeċiedi jekk persuna għandhiex jew le titressaq quddiem it-Tribunal correctionnel sabiex hemmhekk tiġi ġġudikata, il-prosekutur pubbliku warrab il-kapijiet ta' akkuża dwar l-ewwel element billi kkunsidra li l-ingaġġ ta' R. Berthelot ma kienx kontra r-regolamentazzjoni Komunitarja u li d-dispożizzjoni tal-Kodiċi Kriminali Belġjan fuq interess privat f'kariga pubblika ma kinitx tapplika, fiż-żmien tal-fatti kkunsidrati, għall-persuni li jeżerċitaw funzjoni pubblika f'organizzazzjoni tad-Dritt Internazzjonali Pubbliku. Il-prosekutur pubbliku warrab ukoll il-kapijiet ta' akkuża dwar it-tieni element peress li, skond huwa, mill-inkartament ma kiniet tirriżulta ebda akkuża kontra É. Cresson. Il-kapijiet ta' akkuża dwar it-tielet ilment ġew l-ewwel magħquda, wara fl-aħħar abbandunati.

38     Permezz ta' digriet tat-30 ta' Ġunju 2004, ix-chambre du conseil du tribunal de première instance ta' Brussell, hija u tieħu in kunsiderazzjoni l-akkuża orali tal-prosekutur pubbliku u hija u tirreferi għall-motivi ta' l-akkuża tiegħu bil-miktub, iddikjarat, f'dak li jikkonċerna lil R. Berthelot, il-proċediment pubbliku mitmum minħabba l-mewt tiegħu u fir-rigward ta' l-akkużi l-oħra hija kkonkludiet li ma kienx hemm lok li l-akkużati l-oħra jitqegħdu taħt att ta' akkuża. F'dak li jikkonċerna É. Cresson, dan it-tribunal ikkonstata li ma kien hemm ebda akkuza f'dak li jikkonċerna l-konoxxenza li din ta' l-aħħar kellha tal-fatti kkontestati dwar l-ordnijiet ta' missjoni ta' R. Berthelot.

 Il-proċedimenti mibdija mill-Kummissjoni

39     Fil-21 ta' Jannar 2003, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddeċieda li jindirizza lil É. Cresson dikjarazzjoni ta' lmenti mressqa kontra l-parti kkonċernata fil-kuntest tal-ftuħ eventwali ta' proċedimenti bbażati fuq l-Artikoli 213(2) KE u 126(2) EA. Ittieħdet ukoll id-deċiżjoni li É. Cresson jkollha aċċess għall-inkartament tagħha u li tiġi mistiedna tagħti l-osservazzjonijiet tagħha.

40     Id-dikjarazzjoni ta' lmenti, li kienet tikkonċerna l-impjieg ta' R. Berthelot u l-offerti ta' kuntratt magħmula lis-Sur Riedinger, l-ewwel ġiet mogħtija lil É. Cresson fis-17 ta' Marzu 2003 wara, għal raġunijiet purament tekniċi relatati mal-proċedura ta' awtorizzazzjoni, l-istess dokument, tat-30 ta' April 2003, intbagħtilha fis-6 ta' Mejju 2003.

41     Wara dan sar skambju abbondanti ta' korrispondenza bejn il-konsulenti ta' É. Cresson u l-Kummissjoni dwar il-portata tal-proċedimenti hekk mibdija u l-aċċess ta' É. Cresson għad-dokumenti li hija kienet tqis rilevanti.

42     É. Cresson wieġbet għad-dikjarazzjoni ta' lmenti permezz ta' dokument tat-30 ta' Settembru 2003. Fih hija tikkontesta, b'mod partikolari, il-bażi legali ta' din id-dikjarazzjoni u ssostni, sussidjarjament, li l-ilmenti invokati mhumiex stabbiliti. Hija titlob, barra minn hekk, li tingħatalha s-somma ta' EUR 50000  bħala kumpens għad-danni materjali u morali subiti b'riżultat tal-proċedimenti dixxiplinari li nbdew kontra tagħha. .

43     É. Cresson nstemgħet mill-Kummissjoni matul seduta li nżammet fit-30 ta' Ġunju 2004.

44     Fid-19 ta' Lulju 2004, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

45     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tikkonstata li É. Cresson kisret l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikoli 213 KE u 126 EA;

–       tiddikjara bħala konsegwenza t-telf totali jew parzjali tad-dritt għal pensjoni u/jew ta' benefiċċji oħra minfloku, dovuti lil É. Cresson, li fih il-Kummissjoni tħalli f'idejn l-għarfien tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina t-tul taż-żmien u l-portata ta' dan it-telf; u

–       tikkundanna lil É. Cresson tbati l-ispejjeż.

46     É. Cresson titlob:

–       prinċiplament, li r-rikors imressaq mill-Kummissjoni jiġi ddikjarat inammissibbli;

–       sussidjarjament, li dan ir-rikors jiġi miċħud bħala llegali u mhux fondat;

–       li l-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi l-minuti kompluti tal-laqgħat li wasslu għad-deċiżjoni, meħuda fid-19 ta' Lulju 2004, li l-każ jintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll id-dokumenti l-oħra mitluba mill-konvenuta fit-talba tagħha u fit-talba konfermattiva tagħha, rispettivament tas-26 ta' April u l-5 ta' Ottubru 2004; u

–       li l-Kummissjoni tiġi kkundanata tbati l-ispejjeż kollha.

47     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta' Ġunju 2005, ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa tintervjeni sabiex issostni t-talbiet ta' É. Cresson

48     F'dak li jikkonċerna t-talba ta' É. Cresson intiża sabiex tinkiseb il-preżentata ta' ċerti dokumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din it-talba permezz ta' digriet tad-9 ta' Settembru 2005.

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

49     Permezz ta' ittra tat-30 ta' Marzu 2006, É. Cresson talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Hija timmotiva t-talba tagħha billi ssostni li l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali huma bbażati b'diversi modi fuq elementi li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. Hija essenzjalment issostni li dan ta' l-aħħar, minn naħa, jagħmel biss il-konklużjonijiet tiegħu mil-lat tal-prinċipji u jikkwalifika n-natura tal-proċedura in kwistjoni bħala "kostituzzjonali" u, min-naħa l-oħra, ma jiddiskutix l-elementi ta' fatt li jistgħu jkunu indispensabbli sabiex jiddeċiedi fuq l-imġiba li biha hija qegħda tiġi akkużata.

50     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizza tista' ex uffiċio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, jekk hija tqis li hija għandha biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiza fuq il-bażi ta' argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b'mod partikolari, id-digriet ta' l-4 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C‑17/98, Ġabra p. I‑665, punt 18 u s-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 25).

51     F'din il-kawża, jirriżulta mit-talba għal ftuħ mill-ġdid li din tikkostitwixxi fil-verità kummentarju tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali. F'din it-talba m'huwa invokat ebda element ta' fatt jew ebda dispożizzjoni legali li fuqhom l-Avukat Ġenerali bbaża ruħu u li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

52     Konsegwentement, wara li jinstema' l-Avukat Ġenerali, din it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-rikors

 Rimarki preliminari

53     L-ilmenti mqajma kontra É. Cresson huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 213 KE u 126 EA. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma identiċi, hemm lok li r-riferimenti għall-Artikolu 213 KE jinftehmu bħala li jirreferu wkoll għall-Artikolu 126 EA.

54     Din il-kawża teħtieġ eżami tal-kwistjonijiet segwenti: il-portata ta' l-Artikolu 213(2) KE, ir-rispett tar-Regoli tal-Proċedura u ta' diversi drittijiet invokati minn É. Cresson, b'mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, il-konsegwenzi tal-proċedura kriminali, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligi msemmija fl-Artikolu 213(2) KE u l-impożizzjoni eventwali ta' sanzjoni.

55     F'dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma minn É. Cresson, din hija bbażata fuq diversi motivi. Qabel kollox, l-Artikolu 213 ma jistax jikkostitwixxi f'din il-kawża bażi legali valida tar-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tax-chambre du conseil du tribunal de première instance ta' Brussell, li tgħid li m'hemmx lok li l-akużati l-oħra jitqegħdu taħt att ta' akkuża rrendiet bla skop u bla kontenut il-proċediment dixxiplinari mibdi mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-fatti li bihom ġiet akkużata É. Cresson huma ta' importanza minima.

56     Dawn il-motivi ta' inammissibbiltà huma madankollu inseparabbli mill-kwistjonijiet ta' fondatezza mqajma mill-kontenzjuż u msemmija fil-punt 54 ta' din is-sentenza. Għaldaqstant, il-problemi dwar il-bażi legali tar-rikors u l-importanza allegatament minima tal-fatti li bihom ġiet akkużata jirreferu għall-analiżi tal-kwistjonijiet li jittrattaw rispettivament il-portata ta' l-Artikolu 213(2) KE u l-esiżtenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligi msemmija f'dan l-Artikolu. F'dak li jikkonċerna l-effetti ta' nuqqas ta' lok li l-akkużati l-oħra jitqegħdu taħt att ta' akkuża mill-qorti kriminali li quddiemha tressqet il-kawża, dawn jaqgħu taħt il-kwitstjoni dwar l-eżami tal-konsegwenzi tal-proċedura kriminali. Dawn il-motivi ta' inammissibbiltà huma għaldaqstant ser jiġu ttrattati fil-kuntest ta' l-eżami tal-kawża fil-mertu.

 Fuq il-portata ta' l-Artikolu 213(2) KE

 L-osservazzjonijiet tal-partijiet

57     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 213(2) KE jsemmi l-ksur mill-membri ta' din l-Istituzzjoni ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom. Il-kummissarju li ma jaġixxix fl-interess ġenerali jew li jippermetti li jiġi mmexxi minn kunsidrazzjonijet iddettati minn interess personali jew privat, pekunjarju jew ieħor, jikser dawn l-obbligi.

58     Peress li É. Cresson qegħda tiġi akkużata b'tali nuqqas, il-kundanna mitluba u s-sanzjoni mitluba, jiġifieri t-telf totali jew parzjali tad-dritt għal pensjoni tal-persuna kkonċernata jew ta' benefiċċji oħra minfloku, huma korrettament ibbażati fuq l-Artikolu 213(2) KE.

59     É. Cresson issostni li din id-dispożizzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-bażi legali tar-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja.

60     Fl-ewwel lok, in-nuqqasijiet tal-membri tal-Kummissjoni tat-twettiq ta' l-obbligi msemmija fl-ewwel u fit-tieni inċiżi ta' l-Artikolu 213(2) KE, imwettqa matul il-kariga ta' dawn ta' l-aħħar, barra l-aċċettazzjoni ta' attivitajiet esterni, jistgħu biss, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 216 KE, jiġu ssanzjonati permezz ta' riżenja.

61     Safejn il-Kummissjoni takkuża lil É. Cresson b'tali nuqqas, hija ma tistax tressaq rikors intiż sabiex din tiġi ssanzjonata bit-telf tad-dritt tagħha għal pensjoni jew ta' benefiċċji oħra minfloku. Tali sanzjoni mhijiex prevista fl-Artikolu 213(2) KE lanqas minn xi dispożizzjoni oħra tad-dritt Komunitarju.

62     Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 213(2) KE huma applikabbli meta membru tal-Kummissjoni jkun naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta' onestà u diskrezzjoni meta jaċċetta ċerti attivitajiet esterni kemm matul il-kariga tiegħu kif ukoll wara li jkun waqaf jeżerċitahom. F'dan il-każ, is-sanzjoni prevista tkun jew ir-riżenja ex officio, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 216 KE jekk l-attività titwettaq matul il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni, jew it-telf tad-dritt għal pensjoni jew ta' benefiċċji oħra minfloku jekk l-attività tiġi eżerċitata wara li tkun intemmet din il-kariga.

63     Peress li É. Cresson ma hija akkużata b'ebda nuqqas fir-rigward tal-projbizzjoni li teżerċita attivitajiet esterni, id-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 213(2) KE mhumiex applikabbli fir-rigward tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64     Għandhom jiġu eżaminati l-kliem ta' l-Artikolu 213(2) KE sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ibbażatx ġustament ir-rikors tagħha fuq din id-dispożizzjoni.

65     Dan l-Artikolu 213(2) jistipola fi tliet inċiżi l-obbligi prinċipali u l-projbizzjonijiet li għalihom huma suġġetti l-membri tal-Kummissjoni.

66     L-ewwel inċiż jeżiġi li l-imsemmija membri jkunu kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Komunità.

67     It-tieni inċiż jippreċiża dan id-dmir ta' indipendenza billi jindika li dan għandu jiġi implementat fir-rigward ta' kull gvern jew ta' kull korp.

68     Qabel kollox, it-tielet inċiż jipprojbixxi lill-membri tal-Kummissjoni milli jeżerċitaw kull attività oħra parallelament mal-kariġi tagħhom.

69     Barra minn hekk, dan l-inċiż jippreċiża f'termini ġenerali l-mod li biħ il-membri tal-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw dawn il-karigi. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom ta' membru tal-Kummissjoni. Dawn jinkludu, b'mod partikolari, id-dmirijiet li jġibu rwieħhom b’integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li tintemm il-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji. Peress li dawn it-tip ta' dmirijiet huma msemmija biss bħala eżempju, l-obbligi msemmija fl-imsemmi inċiż ma jistgħux, kuntrarjament għal dak li tallega É. Cresson, jiġu limitati għall-projbizzjoni ta' akkumulu ta' attivitajiet matul il-kariga ta' membru tal-Kummissjoni u għad-dmirjiet li jġibu rwieħhom b’integrità, u jeżerċitaw diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara li tintemm il-kariga tagħhom, ċerti ħatriet jew benefiċċji.

70     Peress li xejn f'dan it-tielet inċiż ma jirrestrinġi l-kunċett ta' "obligazzjonijiet li joħorġu [mill-kariga tagħhom]" dan għandu jiġi interpretat b'mod wiesgħa. Fil-fatt, in kunsiderazzjoni tar-responsabbiltajiet għolja li huma fdati lilhom, huwa neċessarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonjiet tiegħu, li l-membri tal-Kummissjoni josservaw l-iktar normi rigorużi fil-qasam ta' mġiba. Għaldqastant hemm lok li dan il-kunċett jiġi mifhum bħala li jinkludi, barra l-obbligi li jġibu rwieħhom b’integrità u jeżerċitaw diskrezzjoni, espressament msemmija fit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 213(2), id-dmirijiet kollha li jirriżultaw mill-kariga tagħhom ta' membru tal-Kummissjoni, li fosthom hemm l-obbligu msemmi fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 213(2) KE li jaġixxu b'indipendenza totali u fl-interess ġenerali tal-Komunità

71     Għaldaqstant huma l-membri tal-Kummissjoni li għandhom, f'kull mument, iqegħdu l-interess ġenerali tal-Komunità qabel kollox, mhux biss qabel interessi nazzjonali, iżda wkoll qabel l-interessi personali.

72     Jekk il-membri tal-Kummissjoni għandhom jiżguraw li jġibu ruħhom b'mod inattakkabbli, ma jirriżultax, madankollu, li l-iċken nuqqas ta' osservanza ta' dawn in-normi jista' jiġi kkundannat taħt l-Artikolu 213(2) KE. L-eżistenza ta' nuqqas ta' ċertu livell ta' gravità hija meħtieġa.

73     Skond it-tielet inċiż ta' l-Aritkolu 213(2) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tagħti sanzjoni, fil-kaz ta' ksur ta' l-obbligi li jirriżulatw mill-kariga ta' membru tal-Kummissjoni, li tikkonsisti fir-riżenja mill-kariga, jew fit-telf tad-dritt għal pensjoni tal-persuna kkonernata jew ta' benefiċċji oħra minfloku. Din ir-riżenja tista' tiġi applikata biss fil-każ ta' nuqqas li jitwettaq u jkompli filwaqt li l-membru tal-Kummissjoni kkonċernat ikun għadu fil-kariga. Min-naħa l-oħra, it-telf tad-dritt għal pensjoni jew ta' benefiċċji oħra minfloku jista' jiġi applikat jekk in-nuqqas jitwettaq matul jew wara li tkun intemmet il-kariga ta' dan ta' l-aħħar. Fin-nuqqas ta' preċiżjoni fuq il-portata tat-telf tad-dritt għal pensjoni jew ta' benefiċċji oħra minfloku, il-Qorti tal-Ġustizzja hija libera li tiddeċiedi fuq it-telf totali jew parzjali ta' dawn, skond il-livell ta' gravità tan-nuqqas.

74     Għaldaqstant, u kuntrarjament għal dak li tallega É. Cresson, il-fatt li l-kariga ta' membru tal-Kummissjoni ntemmet u li r-riżenja mill-kariga tal-persuna kkonċernata ma tistax għaldaqstant iktar tiġi ppronunzjata ma jistax jimpedixxi li l-imsemmi membru tal-Kummissjoni jiġi ssanzjonat għal nuqqas imwettaq matul il-kariga tiegħu, iżda li jiġi skopert jew ippruvat wara li din tkun intemmet.

75     Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 213(2) KE, li fuqu huwa bbażat ir-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja f'din il-kawża, intiż sabiex jiġi kkonstatat li É. Cresson kisret l-obbligi li hija għandha skond din id-dispożizzjoni u sabiex jiġi deċiż it-telf totali jew parzjali tad-dritt tagħha għal pensjoni jew ta' benefiċċji oħra minfloku, jikkostitwixxi bażi legali korretta.

 Fuq ir-rispett tar-Regoli tal-Proċedura u ta' diversi drittijiet invokati minn É. Cresson, b'mod partikolari d-drittijiet tad-difiża.

 L-osservazzjonijiet ta' É. Cresson

76     Skond É. Cresson, ir-Regoli tal-Proċedura u diversi drittijiet, b'mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, ma ġewx irrispettati. Minn dan jirriżulta li l-legalità kemm tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni kif ukoll tal-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija effettwata u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara r-rikors inammissibbli.

–       Il-vizzju ta' inkompetenza

77     Skond É. Cresson, l-investigazzjoni amministrattiva nfetħet b'mod żbaljat mis-Sur Reichenbach, Direttur Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni fil-kwalità tiegħu ta' Awtorità Investita bis-Setgħa ta' Ħatra (AIPN), fuq il-bażi tar-rapport ta' l-IDOC. É. Cresson tqis li dan id-Direttur Ġenerali ma kienx kompetenti li jiddeċiedi fuq il-ftuħ tal-proċedura, liema kompetenza taqa', jekk ikun il-każ, taħt il-Kulleġġ tal-Kummissarji.

–       In-nuqqas ta' rispett ta' termini raġonevoli

78     É. Cresson ssostni li l-ftuħ tal-proċedimenti dixxiplinari fl-2003, iktar minn seba' snin wara l-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni, huwa inaċċettabbli, fid-dawl, b'mod partikolari, ta' l-eżistenza ta' diversi rapporti fuq il-fatti kkontestati, disponibbli għal diversi żmien, u tan-nuqqas ta' kumplessità tal-kawża.

–       L-akkumulu irregolari ta' funzjonijiet mill-Kummissjoni

79     É. Cresson issostni li l-Kummisjoni akkumulat diversi funzjonijiet li kellhom jibqgħu distinti.

80     Skond É. Cresson, din l-Istituzzjoni mhux biss assumiet ir-rwol ta' awtorità dixxiplinari, iżda aġixxiet ukoll bħala "mħallef inkwirenti", billi pprovdiet lill-imħallef inkwirenti Belġjan l-elementi kollha ta' informazzjoni li jistgħu jwasslu għall-ħtija tagħha, billi ordnat diversi investigazzjonijiet u billi fetħet proċedimenti dixxiplinari kontra tagħha. Barra minn hekk, hija assumiet ir-rwol ta' akkużattriċi billi ddeċidiet li tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja

81     Dan l-akkumulu ta' funzjonijiet jippreġudika d-dritt għal proċess ġust.

–       L-eżerċizzju ta' pressjonijiet fuq il-Kummissjoni

82     Skond É. Cresson, il-Parlament eżerċità pressjonijiet fuq il-Kummissjoni, li għalihom din ta' l-aħħar ċediet. Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha ta' imparzjalità, u dan b'detriment għal É. Cresson.

–       Id-diversi vjolazzjonijiet tal-proċedura

83     É. Cresson issostni li twettqu numru ta' ksur tar-regoli stabbiliti fid-deċiżjoni tad-19 ta' Frar 2002 li twaqqaf l-IDOC. L-investigaturi li lilhom dan l-uffiċċju rrikorra mhumiex komposti biss mill-persunal ta' l-IDOC iżda jinkludu wkoll uffiċjali ta' diversi dipartimenti tal-Kummissjoni. Ir-rapporti ta' l-IDOC, ma jiddefinixxux ir-responsabbiltajiet individwali u la jinkludu rakkomandazzjonijiet u lanqas konklużjonijiet. Filwaqt li r-rwol ta' l-IDOC għandu jkun sussidjarju għal dak ta' l-OLAF, fis-sens li fl-ewwel lok huwa l-OLAF li għandu jwettaq investigazzjoni amminsitrattiva u li jikkompleta din l-investigazzjoni fil-każ ta' frodi, ta' korruzzjoni jew ta' attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunità, l-IDOC wettaq investigazzjonijiet amministrattivi addizzjonali mingħajr ma din ir-regola ġiet irrispettata. É. Cresson żżid li peress li hija ma kinitx korrettament infurmata u lanqas ma ġiet mismugħa matul dawn l-investigazzjonijiet u r-rapporti ta' l-investigazzjonijiet amminstrattivi dwar R. Berthelot u s-Sur Riedinger ma kinux ġew innotifikati lilha, hija ma nagħtatx il-possibbilità li tippreżenta osservazzjonijiet.

84     É. Cresson issostni, barra minn hekk, li twettqu numru ta' proċedimenti dixxiplinari mibdija kontra diversi uffiċjali tal-Kummissjoni involuti fl-ingaġġ ta' R. Berthelot. Hija ma kinitx ġiet korrettament infurmata bir-riżultat ta' dawn il-proċedimenti minkejja l-effetti tagħhom fuq il-kawża tagħha. Fl-aħħar nett, l-investigaturi ta' l-IDOC responsabbli għall-inkartament ta' R. Berthelot marru lil hinn mill-mandat tagħhom billi għamlu f'din l-okkażjoni domandi dwar l-inkartament tas-Sur Riedinger.

85     F'dak li jikkonċerna l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF, l-inkartamenti mqegħda għad-dispożizzjoni ta' É. Cresson ma jinkludux l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-aġenti kollha li pparteċipaw f'dan l-investigazzjonijiet. Barra minn hekk, il-mandati neċessarji għal kull waħda mill-interventi ta' l-investigaturi huma nieqsa. Skond É. Cresson, l-irregolarità ta' l-interventi ta' l-OLAF iġibu l-invalidità ta' l-investigazzjonijiet amministrattivi li wasslu għar-rapport tat-22 ta' Frar 2002 fl-inkartament ta' R. Berthelot.

–       In-nuqqas ta' possibbiltà ta' appell

86     É. Cresson issostni li l-ikbar problema hija marbuta man-nuqqas ta' possibiltà ta' appell. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponilha sanzjoni, É. Cresson ma jkollha ebda possibbiltà ta' appell. Hija tenfasizza li uffiċjal tal-Komunitajiet Ewropej jgawdi minn protezzjonijiet ħafna iktar wiesgħa minn dik prevista favur membri tal-Kummissjoni kemm fil-stadju tal-proċedura amministarattiva kif ukoll tal-proċedimenti ġudizzjarji. Tali uffiċjal jista' b'mod partikolari jikkontesta deċiżjoni ta' l-AIPN quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, u wara jressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. In-nuqqas ta' possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87     F'dak li jikkonċerna l-ewwel motiv imqajjem bħala difiża minn É. Cresson, ibbażat fuq l-allegata inkompetenza tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni li jibda investigazzjonijiet amministrattivi fuq il-bażi ta' rapporti ta' l-IDOC u li jiftaħ il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, kif ssostni ġustament il-Kummissjoni, li l-investigazzjonijiet amministrattivi in kwistjoni nbdew qabel ma' twaqqaf l-IDOC.

88     Fit-tieni lok, f'dak li jikkonċerna l-ftuħ tal-proċedura amministrattiva, din ġiet ikkonkretizzata permezz ta' l-għoti, lil É. Cresson, tad-dikjarazzjoni ta' lmenti. Issa din il-komunikazzjoni kienet ġiet deċiża mhux mid-Direttur Ġenerali tal-Persunal u ta' l-Amministrazzjoni, iżda mill-Kummissjoni stess. Hija għaldaqstant din ta' l-aħħar, u mhux id-Direttur Ġenerali, li tinsab wara l-ftuħ tal-proċedura amministrattiva.

89     Minn dan jirriżulta li dan l-ewwel motiv ta' difiża mhuwiex fondat.

90     F'dak li jikkonċerna l-ftuħ tal-proċediment previst fl-Artikolu 213(2) KE, ebda terminu speċifiku m'huwa previst minn din id-dispożizzjoni. It-termini li għandha l-Kummissjoni f'dan il-kuntest mhumiex illimitati. Fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet dwar dan is-suġġett, din l-Istituzzjoni għandha tintrabat li ma ddumx indefittivament ma teżerċita s-setgħat tagħha sabiex tiġi rrispettata l-ħtieġa fundamentali ta' ċertezza legali (ara s-sentenzi ta' l-24 ta' Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 140, kif ukoll tat-23 ta' Frar 2006, Atzeni et., C-346/03 u C-529/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61) u sabiex ma jiżdidux id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom il-konvenuti sabiex jirrifjutaw l-argumenti tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, sabiex ma jinkisrux id-drittijiet tad-difiża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-96/89, Ġabra, p. 2461, punt 16).

91     F'din il-kawża, il-fatti li bihom qegħda tiġi akkużata É. Cresson jmorru lura għall-1995, l-ingaġġ ta' R. Berthelot seħħ f'Settembru u l-offerta ta' kuntratti lis-Sur Riedinger saret matul l-istess sena. L-ewwel rapport ta' investigazzjonijiet mħejji dwar dan kien tal-Kumitat ta' Esperti Indipendenti u huwa ddatat Marzu 1999. Wara, bejn l-1999 u l-2002, ġew ippreżentati rapporti ta' investigazzjonijiet mill-OLAF u mill-IDOC. Il-Kummissjoni stenniet li jiġu ppreżentati l-aħħar ta' dawn ir-rapport qabel ma bdiet proċedimenti kontra É. Cresson.

92     Peress li l-Artikolu 213(2) KE qatt ma kien għadu ntuża sabiex jindbew proċedimenti kontra membru tal-Kummissjoni minħabba l-imġiba tiegħu matul il-kariga tiegħu, il-Kummissjoni setgħet tqis neċessarju li tagħti attenzjoni partikolari. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni ta' ftuħ, f'Jannar 2003, ta' proċedura amministrattiva f'dak li jikkonċerna É. Cresson permezz ta' dikjarazzjoni ta' lmenti u t-trażmissjoni ta' din il-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata f'Mejju ta' din l-istess sena mhijiex ta' natura irraġonevoli. Barra minn hekk, É. Cresson ma ppreżentatx elementi tali li juru li t-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni kellha effett fuq il-mod li bih organizzat id-difiża tagħha.

93     É. Cresson takkuża lill-Kummissjoni li akkumulat diversi funzjonijiet li jaqgħu taħt awtoritajiet differenti u li għaldaqstant ippreġudikat id-dritt għal proċess ġust. Skond É. Cresson, dan l-akkumulu ta' funzjonijiet mill-Kummissjoni jimpedixxi lil din ta' l-aħħar milli tkun kompetament imparzjali fir-rwol tagħha ta' awtorità dixxiplinari.

94     Dan il-motiv madankollu jista' biss jiġi mwarrab peress li l-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa li tikkonstata nuqqas ta' twettiq ta' obbligi li jirriżulta mill-kariga ta' membru tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 213(2) KE jirriżulta li l-Kumissjoni tista' biss tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta' allegat nuqqas ta' membru tal-Kummissjoni. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkonstata ksur eventwali minn membru tal-Kummissjoni ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu u li timponilu sanzjoni.

95     Lanqas il-motiv segwenti, dwar il-pressjonijiet li l-Parlament eżerċita fuq il-Kummissjoni u li impedixxa li din ta' l-aħħar taġixxi b'mod imparzjali, ma jista' jintlaqa'.

96     Fil-fatt, irrispettivament mill-pressjonijiet li eventwalment il-Kummissjoni kienet suġġetta għalihom, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi l-kawża billi tibbaża ruħha fuq id-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati lilha.

97     Għaldaqstant, l-allegazzjoni li ġew eżerċitati pressjonijiet fuq il-Kummissjoni ma tikkostitwixxix argument effettiv.

98     F'dak li jikkonċerna l-osservazzjonijiet ta' É. Cresson dwar id-diversi ksur tar-Regoli tal-Proċedura u fuq ksur tad-dritt għal appell, dawn huwa intiżi sabiex juru l-eżistenza ta' irregolaritajiet jew ta' nuqqasijiet proċedurali li jeffettwaw, b'mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, li huma tali li jqegħdu f'dubju s-suġġett tal-kwistjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżami tal-kawża minn din ta' l-aħħar.

99     É. Cresson tinvoka qabel kollox ksur tar-regoli stabbiliti fid-deċiżjoni tad-19 ta' Frar 2002 li twaqqaf l-IDOC. L-investigazzjonijiet amministrattivi in kwistjoni ma kinux ġew mwettqa b'rispett għal dawn ir-regoli.

100   Hemm lok li jiġi kkonstatat, madankollu, li dawn l-investigazzjonijiet inbdew u prattikament saru qabel ma nħoloq l-IDOC. F'dak li jikkonċerna s-Sur Riedinger, l-investigazzjonjiet amminsitrattivi mwettqa ġew konklużi qabel din id-data, peress li dawn taw lok għal rapport maħruġ fit-8 ta' Awwissu 2001. F'dak li jikkonċerna R. Berthelot, l-investigazzjonijiet ġew konklużi permezz ta' rapport maħruġ tlett ijiem wara d-data li fiha ġie maħluq l-IDOC, jiġifieri t-22 ta' Frar 2002.

101   É. Cresson tikkontesta wkoll il-validità ta' l-investigazzjonijiet ta' l-OLAF li fuqhom id-DĠ AMMIN, u wara l-IDOC, ibbażaw ruħhom sabiex jagħmlu l-investigazzjonijiet amministrattivi supplementari tagħhom.

102   F'dan ir-rigward, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet ta' É. Cresson dwar irregolaritajiet ta' ordni formali fil-proċedimenti ta' investigazzjoni segwiti mill-OLAF, għandu jiġi kkonstatat li d-DĠ "AMMIN" għamel l-investigazzjonijiet tiegħu u pprepara r-rapporti tiegħu b'mod indipendenti u li dawn kienu ġew riprodotti mill-IDOC meta dan kien ġie maħluq. Hija fuq il-bażi ta' dawn ir-rapporti li d-dikjarazzjoni ta' lmenti kienet ġiet ibbażata, u mhux fuq dik tar-rapporti li l-OLAF seta' jistabbilixxi.

103   Tqum il-kwistjoni dwar jekk, minkejja n-nuqqas ta' regoli ddettaljati li jirregolaw il-proċediment imsemmi fl-Artikolu 213(2) KE, ġewx irrispettati d-drittijiet tad-difiża.

104   Għandu jiġi mfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kollha mibdija kontra persuna li jistgħu jwasslu għal att li jista' jeffettwa lil din ta' l-aħħar jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jkun iggarantit anki fin-nuqqas ta' kull regolamentazzjoni dwar il-proċedimenti in kwistjoni. Skond ġurisprudenza kostanti, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li l-persuna li kontra tagħha l-Kummissjoni bdiet proċedura amministrattiva tingħata l-possibbiltà, matul din il-proċedura, li tagħti b'mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza ta' l-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27).

105   Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk É. Cresson kinitx ġiet infurmata, fi żmien raġonevoli, bl-ilmenti li qed jitressqu fir-rigward tagħha u jekk hija kellhiex il-possibbiltà li tiġi mismugħa.

106   Il-proċediment mibdi kontra É. Cresson fuq il-bażi ta' l-Artikolu 213(2) KE kien ġie ppreċedut minn proċedura amministrattiva miftuħa mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' investigazzjonijiet amministrattivi preċedenti.

107   Mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul l-investigazzjonijiet amministrattivi, É. Cresson kienet ġiet ikkuntattjata diversi drabi mid-dipartimenti kompetenti u li hija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, permezz ta' ittri, fl-24 ta' Settembru, fit-22 ta' Ottubru u fis-17 ta' Diċembru 2001.

108   Il-proċedura amministrattiva nbdiet permezz tat-trażmissjoni, lil É. Cresson fis-6 ta' Mejju 2003, tad-dikjarazzjoni ta' lmenti. Din ta' l-aħħar kellha aċċess għall-inkartament tagħha u kienet ġiet mistiedna diversi drabi tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Hija kellha terminu ta' iktar minn erba' xhur biex twieġeb għal din il-komunikazzjoni. É. Cresson ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub fit-30 ta' Settembru 2003, u oralment fit-30 ta' Ġunju 2004. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Lulju 2004.

109   L-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva ma juri ebda element li kien tali li jippreġudika d-drittijiet tad-difiża.

110   Għall-kuntrarju, jidher li l-Kummissjoni, billi pproċediet għat-trażmissjoni lil É. Cresson ta' dikjarazzjoni ta' lmenti li tinkludi l-fatti kollha li bihom qegħda tiġi akkużata u l-analiżi fid-dritt ta' dawn il-fatti, billi tat lill-persuna kkonċernata aċċess għall-inkartament tagħha, billi stidnitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien ta' mill-inqas xahrejn u billi pproċediet għas-smiegħ tagħha, segwiet proċedura li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża.

111   F'dak li jikkonċerna l-proċediment mibdi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, É. Cresson issostni li m'għandha ebda appell fil-każ ta' deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponilha sanzjoni. Hija tqis li dan in-nuqqas ta' possibbiltà ta' appell jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva. Hija tenfasizza li uffiċjal Ewropew jista, min-naħa l-oħra, jikkontesta deċiżjoni ta' l-AIPN quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, u wara jressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

112   F'dan ir-rigward, għandu jiġi msemmi l-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 7 mal-Konvenzjoni Ewropea tal-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950, li jgħid li kull persuna ddikjarata ħatja minn qorti għandha d-dritt li d-dikjarazzjoni ta' ħtija jew ta' kundanna tiġi eżaminat minn qorti superjuri. Anki jekk jiġi meqjus li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-każ ta' proċedimenti bbażati fuq l-Artikolu 213(2) KE, biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 2 ta' l-imsemmi Protokoll, dan id-dritt jista' jkun suġġett għal eċezzjonijiet b'mod partikolari meta l-persuna kkonċernata tkun ġiet iġġudikata fl-ewwel istanza mill-għola qorti.

113   Minn dan jirriżulta li l-impossibbiltà li tressaq appell mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkostitwixxi ebda nuqqas tali li jippreġudika d-drittijiet tal-membri tal-Kummissjoni għal protezzjoni legali effettiva u ma tippermettix, f'din il-kawża, li jiġi invalidat ir-rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja

114   Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motivi kollha mqajma b'difiża minn É. Cresson, dwar kwistjonijiet ta' proċedura kif ukoll dwar ir-rispett tad-diversi drittijiet, b'mod partikolari d-dirttijiet tad-difiża, għandhom jiġu mwarrba.

 Fuq il-konsegwenzi tal-proċedura kriminali

 L-osservazzjonijiet tal-partijiet

115   É. Cresson issostni li, peress li l-Kummissjoni kkostitwiet ruħha bħala parti ċivili fil-proċediment kriminali, il-prinċipju li jgħid li "il-penal iżomm id-dixxiplina fl-Istat" huwa applikabbli. Minn dan jirriżulta li, fil-każ li l-fatti li qed jiġu kkuntestati fil-kuntest tal-proċedura kriminali u tal-proċedimenti dixxiplinari jkunu l-identiċi, il-konklużjonijiet tal-qorti kriminali huma applikabbli għall-awtortitajiet dixxiplinari. Din ir-regola tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-19 ta' Ġunju 2004, François vs Il-Kummissjoni (T-307/01, Ġabra p. II-1669, punti 73 sa 75). Issa, f'din il-kawża, il-fatti li qed jiġu kkontestati fiż-żewġ proċeduri, jiġifieri prinċipalment nuqqas ta' osservanza tar-regolamentazzjoni li tikkonċerna l-ingaġġ u l-kundizzjonijiet ta' xogħol ta' R. Berthelot li jippreġudikaw l-interess ġenerali tal-Komunitajiet, huma identiċi.

116   É. Cresson issostni li x-chambre du conseil du tribunal de première instance ta' Brussell iddeċidiet li m'hemmx lok li l-akkużati jitqegħdu taħt att ta' akkuża quddiem il-qorti prinċipali wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet tal-prosekutur pubbliku li la l-fatti allegati ma kienu seħħew, u lanqas parteċipazzjoni ta' É. Cresson f'dawn il-fatti ma kienet ġiet stabbilita. Din id-deċiżjoni li m'hemmx lok li l-akkużati jitqegħdu taħt att ta' akkuża rrendiet bla għan u bla kontenut il-proċediment tal-Kummissjoni.

117   Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-prinċipju "il-penal iżomm id-dixxiplina fl-Istat" huwa applikabbli fid-dritt Komunitarju iżda hija toħroġ minn dan konklużjonijiet oħra. Minn dan jirriżulta, minn naħa, li meta proċedimenti dixxiplinari jinfetħu parallalment ma proċedura kriminali fuq il-bażi ta' l-istess fatti, il-proċedimenti dixxiplinari għandhom jiġu sospiżi sakemm jingħata l-eżitu tal-proċedura kriminali u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità dixxiplinari tkun marbuta bil-konstatazzjonijiet ta' fatt magħmula mill-qorti kriminali. Madankollu, f'din il-kawża l-fatti li qed jiġu kkontestati fil-proċedura kriminali u dawk ikkontestati fil-proċedimenti dixxiplinari huma differenti. Il-qorti kriminali eżaminat l-eventwalità li É. Cresson tinstab ħatja, b'mod partikolari, fuq il-bażi ta' frodi u ta' miżapproprazzjoni ta' fondi. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-persuna kkonċernata kisritx l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħha billi għamlet favoritiżmu jew minħabba negliġenza kkaraterizzata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex marbuta bil-konstatazzjonijiet tal-qorti kriminali lanqas bid-deċiżjoni li m'hemmx lok li l-akkużati l-oħra jitqegħdu taħt att ta' akkuża li hija ppronunzjat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

118   Għandu jiġi mfakkar li proċedimenti dixxiplinari dwar uffiċjal jew aġent tal-Komunitajiet, bħal dawk li taw lok għas-sentenza François vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, u proċedimenti dwar membru tal-Kummissjoni mhumiex suġġetti għall-istess regoli. L-ewwel huma mmexxija mir-Regolamenti ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ta' l-aħħar huma suġġetti għal proċedura awtonoma skond l-Artikolu 213(2) KE. Għaldaqstant, is-soluzzjonijiet applikabbli għall-ewwel mhumiex neċessarjament trasponibbli għat-tieni.

119   F'dak li jikkonċerna É. Cresson, il-proċedura kriminali tat lok matul is-snin 1999 sa l-2004, għal eżami ta' lmenti li kienu saru fil-konfront tagħha.

120   Safejn il-konstatazzjonijiet magħmula matul din il-proċedura kienu jikkonċernaw fatti identiċi għal dawk eżaminati fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-artikolu 213(2) KE, u safejn dawn il-konstatazzjonijiet huma mdaħħla fl-inkartament imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn jistgħu jiġu kkunsidrati minn din ta' l-aħħar fl-eżami tagħha tal-fatti li bihom qegħdha tiġi akkużata É. Cresson taħt dan l-imsemmi Artikolu.

121   Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex marbuta bil-kwalifika ġuridika tal-fatti mwettqa fil-kuntest tal-proċedura kriminali u hija għandha, fit-totalità tas-setgħa tagħha ta' evalwazzjoni, tagħraf jekk il-fatti li qed jiġu kkontestati fil-kuntest ta' proċedura bbażata fuq l-Artikolu 213(2) KE jikkostitwixxux nuqqas tat-twettiq ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta' membru tal-Kummissjoni.

122   Id-deċiżjoni tax-chambre du conseil du tribunal de première instance ta' Brussell li tikkonstata n-nuqqas ta' akkużi kontra É. Cresson ma tistax għaldaqstant torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja.

123   F'dak li jikkonċerna l-uniku kap ta' akkuża inizjalment ritenut mill-prosekutur pubbliku, jiġifieri dak dwar l-ordinijiet ta' missjoni dwar missjonijiet fittizji mħejjija f'isem R. Berthelot, il-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet kriminali, riprodotti mill-prosekutur pubbliku fl-akkuża tiegħu, jistgħu jiġi kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr madankollu ma jorbtuha.

124   F'dak li jikkonċerna l-ingaġġ ta' R. Berthelot, il-konstatazzjonijiet imsemmija fl-akkuża tal-prosekutur pubbliku, li jgħidu, minn naħa, li l-curriculum vitae ta' R. Berthelot kien komparabbli ma' dak ta' xjenzati viżitaturi oħra ingaġġati mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li persunal tad-dipartimenti tal-Kummissjoni kien, normalment, assenjat lill-Uffiċċji tal-membri ta' l-Istituzzjoni jew miżjud ma' l-effettivi uffiċjali ta' l-Uffiċċji, huma wkoll rilevanti u jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

125   Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni li joħroġ il-prosekutur pubbliku minn dawn l-elementi, jiġifieri li l-ingaġġ ta' R. Berthelot kien regolari fis-sens li dan l-ingaġġ ma kien jikser ebda regola stabbilita mill-Kummissjoni, tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatti. Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq eżami u interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-ingaġġ ta' xjenzati viżitaturi, li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligi msemmija fl-Artikolu 213(2) KE

 L-osservazzjonijiet tal-partijiet

126   Skond il-Kummissjoni, jirriżulta mill-inkartamenti dwar R. Berthelot u s-Sur Riedinger li É. Cresson kisret l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta' membru tal-Kummissjoni billi għamlet favoritiżmu jew minħabba negliġenza kkaratterizzata.

127   É. Cresson tinvoka n-natura regolari ta' l-ingaġġ ta' R. Berthelot u tenfasizza li dan l-ingaġġ sar mill-amminsitrazzjoni. Membru tal-Kummissjoni ma jistax ikun mistenni jiġi infurmat bl-aspetti amministrattivi kollha ta' ingaġġ. F'dak li jikkonċerna l-inkartament tas-Sur Riedinger dan huwa vojt.

 Il-kunisderazzjonjiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

128   L-inkartamenti ta' R. Berthelot u tas-Sur Riedinger ippeżentati fil-punti 10 sa 26 ta' din is-sentenza għandhom jiġu eżaminati separatament.

–       Fuq l-ingaġġ u l-kundizzjonijiet ta' impjieġ ta' R. Berthelot

129   Tqum il-kwistjoni dwar jekk l-ingaġġ u l-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur sabiex huwa jeżerċita l-funzjonijiet ta' konsulent personali ta' É. Cresson jikkostitwixxux nuqqas minn din ta' l-aħħar ta' twettiq ta' l-obbligi li jirriużltaw mill-kariga tagħha ta' membru tal-Kummissjoni.

130   Membru tal-Kummissjoni jiddisponi minn Uffiċċju kompost minn kollaboraturi li huma l-konsulenti personali tiegħu. L-ingaġġ ta' dawn il-kollaboraturi jsir intuitu personae, jiġifieri b'mod diskrezzjonali ħafna, peress li l-persuni kkonċernati huma magħżula kemm għall-kwalitajiet professjonali u morali tagħhom kif ukoll għall-kapaċità tagħhom li jaddattaw ruħhom għall-metodi ta' xogħol proposti mill-kummissarju kkonċernat u għal dawk ta' l-Uffiċċju kollu tiegħu.

131   Barra mill-membri ta' l-Uffiċċju tiegħu, kummissarju għandu riżorsi umani oħra. Huwa jista', b'mod partikolari, jserraħ fuq il-persunal tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, jirrikori għal esperti jew jafda missjonijiet lil ċerti persuni għal perijodi limitati filwaqt li jikkonforma ruħu ma' regoli speċifiċi.

132   F'din il-kawża, huwa kostanti li R. Berthelot ma setax jiġi impjegat bħala membru ta' l-Uffiċċju ta' É. Cresson peress li huwa kellu iktar mill-età awtorizzata. Barra minn hekk, peress li l-Uffiċċju ta' É. Cresson kien diġa ffurmat, li jimplika li l-pożizzjonijiet kollha ta' konsulent personali mtlew, É. Cresson ma setatx għaldaqstant, bħala regola ġenerali, ikollha konsulent personali addizzjonali.

133   É. Cresson xorta waħda rnexxilha tingaġġa lil R. Berthelot mid-dipartimenti tagħha. Huwa kien impjegat bħala xjenzat viżitatur sabiex jeżerċita, fir-realtà, funzjonijiet ta' konsulent personali.

134   F'dan ir-rigward, mill-punti 132 u 133 ta' din is-sentenza jirriżulta li l-impjieġ ta' R. Berthelot jikkostitwixxi tidwir mar-regoli dwar l-ingaġġ tal-membri ta' Uffiċċju.

135   L-impjieg in kwistjoni jippreġudika wkoll ir-regoli dwar l-ingaġġ tax-xjenzati viżitaturi.

136   Fl-ewwel lok, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(3), tad-deċiżjoni dwar ix-xjenżati viżitaturi, R. Berthelot ma kienx ġie ingaġġat sabiex jeżerċita funzjonijiet ta' xjenzat viżitatur u, għaldaqstant, l-għan taż-żjarat, jiġifieri li jissaħħaħ skambju ddettaljat ta' konoxxenzi bejn il-viżitatur u dawk li huma responsabbli għall-attivitajiet ta' riċerka tad-DG XII u taċ-ĊKR, ma ġiex irrispettat. L-ingaġġ tiegħu kellu biss bħala għan li jippermettilu jeżerċita funzjonijiet fi ħdan l-Uffiċċju ta' É. Cresson. Għaldaqstant, l-għan finali tar-regoli dwar il-viżitaturi xjenzati ġie mdawwar.

137   Il-fatt imsemmi fl-akkuża tal-prosekutur pubbliku, li l-persunal ta' l-Istituzzjonijiet Komunitarji kien normalment assenjat ma' l-Uffiċċji tal-membri tal-Kummissjoni jew miżjud ma' l-effettivi uffiċjali tagħhom, ta dehra ta' regolarità lil dan l-ingaġġ billi daħħlu f'kuntest eżistenti. Madankollu, l-għan ta' dawn l-assenjazzjonijiet ma kienx ġie osservat f'din il-kawża. Dawn jinvolvu persuni preċedentament ingaġġati minħabba l-abbiltà tagħhom, ħafna drabi permezz ta' eżamijiet, li taw prova tal-kompetenzi tagħhom billi eżerċitaw il-funżjonijiet tagħhom fi ħdan dipartimenti fl-interess ġenerali tal-Komunità u li wara jqegħdu l-kompetenzi tagħhom għad-dispożizzjoni ta' l-Uffiċċji. It-tqegħid għad-dispożizzjoni immedjat ta' R. Berthelot ma' l-Uffiċju ta' É. Cresson ma rrispettax l-għan finali ta' din il-prassi kurrenti.

138   Fit-tieni lok, id-deċiżjoni dwar ix-xjenżati viżitaturi tipprevedi li l-persuni kkonċernati jkunu magħżula jew minn fost professuri ta' università jew stabbiliment ta' tagħlim xjentifiku għoli, jew minn fost ix-xjenzati ta' livell għoli ta' organizzazzjonijiet oħra ta' riċerka li għandhom reputazzjoni ppruvata mad-dipartiment tar-riċerka. Fin-nuqqas ta' kwalità jew ta' esperjenza partikolari, l-uniċi kwalifiki li R. Berthelot isemmi fil-curriculum vitae, imfakkra fil-punt 10 ta' din is-sentenza, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-ingaġġ tal-persuna kkonċernata jissodisfa l-kriterji previsti fir-regolamentazzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, l-interess ta' l-ingaġġ ta' R. Berthelot fi ħdan id-DG XII u ċ-ĊKR mhuwiex stabbilit.

139   Fit-tielet lok, il-kuntratt ta' R. Berthelot, ta' tul ta' żmien ta' tletin xahar, eċċeda b'sitt xhur il-limitu massimu awtorizzat. R. Berthelot finalment ta' r-riżenzja tiegħu mhux biex itemm impjieg ta' tul ta' żmien irregolari, iżda minħabba raġunijiet ta' saħħa. Dan l-eċċess ta' żmien jissarraf f'indifferenza fir-rigward tar-regoli fis-seħħ, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-kap ta' É. Cresson. Barra minn hekk, wara li R. Berthelot ta' r-riżenja tiegħu, E. Cresson xorta waħda insistiet, din il-dabra għal xejn, sabiex jinstab mod sabiex il-persuna kkonċernata tiġi impjegata.

140   Ir-raba nett, kuntrarjament għar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 7 ta' l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni dwar ix-xjenżati viżitaturi, R. Berthelot ma ħejja ebda rapport fuq l-attività li kienet is-suġġett taż-żjarat tiegħu. Kellhom jiġu mitluba rapporti mill-amministrazzjoni. Dawk li finalment ingħataw lil din ta' l-aħħar jidhru li ma kinux mħejjija minn R. Berthelot iżda minn persuni differenti li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan l-Uffiċċju ta' É. Cresson. Jidher ukoll li dawn ir-rapporti huma intiżi biss sabiex jissodisfaw b'mod formali t-talba ta' l-amministrazzjoni.

141   Il-fatt li x-xjenzati viżitaturi ma jagħtux sistematikament rapporti dwar it-tmiem taż-żjara tagħhom mhuwiex tali li jirrendi nulla l-konstatazzjoni ta' nuqqas ta' wieħed mill-obbligi msemmija fid-deċiżjoni dwar ix-xjenzati viżitaturi.

142   Fl-aħħar lok, ordnijiet ta' missjoni dwar il-missjonijiet fittizji ġew imħejjija f'isem R. Berthelot. It-tħejjija ta' dawn id-dokumenti tikkostitwixxi nuqqas serju tar-regoli mħejjija mill-Istituzzjonijiet Komunitarji. Dan in-nuqqas huwa madankollu prinċipalment imputabbli lil R. Berthelot u ma jirriżultax mill-proċess li É. Cresson kienet ġiet infurmata b'dan jew kellha tkun infurmata bih. F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li jiġi eżaminat l-argument invokat b'difiża minn E. Crsson li dawn l-ordinijiet ta' missjoni dwar missjonijiet fittizji jirkkorrispondu biss għal somom żgħar.

143   In-nuqqasijiet differenti fil-kliem u fl-ispritu tar-regolamentazzjoni applikabbli li jirriżultaw mill-analiżi ta' l-inkartament ta' R. Berthelot, b'mod partikolari dawk imsemmja fil-punti 136 sa 138 ta' din is-sentenza, juru n-natura manifestament inadatta ta' l-ingaġġ ta' dan ta' l-aħħar bħala xjenzat viżitatur sabiex huwa jeżerċita funzjonijiet ta' konsulent personali ma' membru tal-Kummissjoni.

144   L-eżami ta' l-ingaġġ u tal-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' R. Berthelot wera li l-għan tar-regoli kkonċernati kien ġie mdawwar.

145   In kunsiderazzjoni ta' l-implikazzjonijiet personali tagħha f'dan l-ingaġġ, peress li dan seħħ fuq talba espressa, wara li hija kienet ġiet infurmata li hija ma setgħetx timpjega lil R. Berthelot ma' l-Uffiċċju tagħha, É. Cresson għandha tinstab responsabbli għal dan l-imsemmi ingaġġ u għad-tidwir tar-regoli li dan implika. Hija ma tistax tneħħi r-responsabbiltà tagħha billi tistaħba wara l-awtorizzazzjoni ta' ingaġġ mogħtija mill-amministrazzjoni peress li, fl-ebda mumnet, hija ma wriet ix-xewqa li d-dipartimenti kompetenti jirrispettaw l-għan tar-regolamentazzjoni applikabbli, ma saqsitx lil dawn ta' l-aħħar dwar dan jew tat rakomandazzjonijiet f'dan is-sens.

146   Għaldaqstant, billi pproċediet għall-ingaġġ ta' konoxxenza qariba, R. Berthelot, bħala xjenzat viżitatur, meta huwa ma kienx ser jeżerċita l-attivitajiet korrispondenti, u dan sabiex tippermetti lill-persuna kkonċernata jokkupa funzjonijiet ta' konsulent personali ma' l-Uffiċċju tagħha, meta anki dan kien diġa komplut u, barra minn hekk, R. Berthelot kellu iktar mill-eta awtorizzata sabiex iwettaq tali funzjonijiet, É. Cresson saret responsabbli għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ta' ċertu livell ta' gravità.

147   Minn dan li ntqal jirriżulta li É. Cresson kisret l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħha ta' membru tal-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijet ta' l-Artikoli 213(2) KE u 126(2) EA, waqt l-ingaġġ u f'dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' R. Berthelot.

–       Fuq l-offerti ta' kuntratti ta' xogħol lis-Sur Riedinger

148   L-elementi mgħarrfa lill-Qorti tal-Ġustizzja u mfakkra fil-punti 22 sa 26 ta' din is-sentenza ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li, billi offriet it-tliet kuntratti in kwistjoni lis-Sur Riedinger, É. Cresson ksiret l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħha ta' membru tal-Kummissjoni. Fil-fatt, la mit-titolu ta' dawn il-kuntratti u lanqas minn xi informazzjoni komunikata dwarhom mill-Kummissjoni ma jirriżulta li l-imsemmija kuntratti mhumiex fl-interess ġenerali tal-Komunità.

 Fuq it-talba intiża sabiex jiġi deċiż it-telf tad-dritt għal pensjoni jew ta' benefiċċji oħra minfloku

149   Il-ksur ta' l-obbligi li jirrużltaw mill-kariga ta' membru tal-Kummissjoni jitlob bħala regola ġenerali l-applikazzjoni ta' sanzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 213(2) KE.

150   Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkukstanzi ta' din il-kawża, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-konstatazzjoni tan-nuqqas tikkostitwixxi fiha nnfisha sanzjoni adatta.

151   Għaldaqstant É. Cresson għandha tiġi eżentata minn sanzjoni taħt il-forma ta' telf tad-dritt tagħha għal pensjoni jew ta' benefiċċji oħra minfloku.

 Fuq l-ispejjeż

152   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 69(3) jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. B'appplikazzjoni ta' l-Artikolu 69(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

153   F'din il-kawża, peress li l-Kummissjoni u É. Cresson tilfu parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Repubblika Franċiża li intervjeniet fil-kawża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzzja (Qorti Plenarja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      É. Cresson kisret l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħha ta' membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-Artikoli 213(2) KE u 126(2) EA matul l-ingaġġ u f'dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' René Berthelot.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Édith Cresson u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.