Language of document : ECLI:EU:C:2013:164

Kawża C‑415/11

Mohamed Aziz

vs

Caixa d’Estalvis de Catalunya, Tarragona i Manresa (Catalunyacaixa)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 3 de Barcelona)

“Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja – Kompetenzi tal-qorti nazzjonali fuq il-mertu – Klawżoli inġusti – Kriterji ta’ evalwazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Marzu 2013

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Domandi mhux relatati mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali – Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal- konsumaturi – Direttiva 93/13 – Obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt suġġett għall-evalwazzjoni tagħha – Portata

(Direttiva tal-Kunsill 93/13)

3.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal- konsumaturi – Direttiva 93/13 – Għan

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1))

4.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal- konsumaturi – Direttiva 93/13 – Proċedura ta’ ordni għal ħlas – Assenza ta’ possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab f’kuntratt suġġett għall-evalwazzjoni tagħha, fl-assenza ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-konsumatur – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 93/13)

5.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Effett dirett – Modalitajiet proċedurali nazzjonali – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività

6.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal- konsumaturi – Direttiva 93/13 – Proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja – Assenza tal-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tadotta miżuri provviżorji – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ effettività

(Direttiva tal-Kunsill 93/13)

7.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal- konsumaturi – Direttiva 93/13 – Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 – Evalwazzjoni tan-natura inġusta mill-qorti nazzjonali – Kriterji

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3(1) u 4(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 34, 35, 39)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 41, 46, 47)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 44, 45)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 48)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 50-53)

6.        Id-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni ipotekarja ma tipprevedix raġunijiet ta’ oppożizzjoni bbażati fuq in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tat-titolu eżekuttiv, ma tippermettix lill-qorti li quddiemha titressaq il-proċedura dwar il-mertu, li jkollha l-kompetenza sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ tali klawżola, tadotta miżuri provviżorji, fosthom, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-imsemmija proċedura ta’ eżekuzzjoni, meta l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun neċessarja sabiex tiġi ggarantita l-effikaċità kompleta tad-deċiżjoni finali tagħha.

Fil-fatt, mingħajr din il-possibbiltà, fil-każijiet kollha fejn l-eżekuzzjoni tal-ipoteka fuq il-proprjetà immobbli ipotekata titwettaq qabel l-għoti tad-deċiżjoni tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu li tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li fuqha kienet ibbażata l-ipoteka u għalhekk in‑nullità tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, din id-deċiżjoni tippermetti li dan il-konsumatur jiġi żgurat biss protezzjoni a posteriori ta’ natura purament kumpensatorja, li tirriżulta inkompleta u insuffiċjenti u tikkostitwixxi mezz li la huwa adegwat u lanqas effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ din l-istess klawżola, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13. Dan jgħodd iktar u iktar meta l-proprjetà li tkun is-suġġett tal-garanzija ipotekarja tkun id-dar tal-konsumatur ikkonċernat u tal-familja tiegħu, sa fejn dan il-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-konsumaturi limitat għall-ħlas tad-danni ma jippermettix li jitwaqqaf it-telf definittiv u irreversibbli ta’ din id-dar. Issa, tali sistema proċedurali hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva.

(ara l-punti 59-61, 64, u d-dispożittiv 1)

7.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

- il-kunċett ta’ “żbilanċ sinifikanti [sinjifikattiv]” għad-detriment tal-konsumatur għandu jiġi evalwat permezz ta’ analiżi tar-regoli nazzjonali applikabbli fid-dritt nazzjonali fl-assenza ta’ ftehim bejn il-partijiet, sabiex jiġi evalwat jekk, u, jekk dan ikun il-każ, sa fejn, il-kuntratt iqiegħed lill-konsumatur f’sitwazzjoni legali inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik prevista mid-dritt nazzjonali fis-seħħ. Bl-istess mod, għal dan l-iskop, jidher rilevanti li jitwettaq eżami tas-sitwazzjoni legali li fiha jinsab dan il-konsumatur fid-dawl tal-mezzi li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iwaqqaf l-użu tal-klawżoli inġusti;

- sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżbilanċ inħoloqx “kontra l-ħtieġa ta’ buona fede [minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide]”, għandu jiġi vverifikat jekk il-bejjiegħ jew il-fornitur, fuq il-bażi ta’ aġir leali u ġust fil-konfront tal-konsumatur, setax raġonevolment jistenna li dan tal-aħħar jaċċetta l-klawżola kkonċernata wara negozjati individwali.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Anness li għalih tirreferi din id-dispożizzjoni jinkludi biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u billi ssir referenza, fil-mument li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt. Minn dan jirriżulta, f’dan il-kuntest, li għandhom ukoll jiġu evalwati l-konsegwenzi li jista’ jkollha l-klawżola msemmija fil-kuntest tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, li jimplika eżami tas-sistema legali nazzjonali.

(ara l-punti 68-71, 76, u d-dispożittiv 2)