Language of document : ECLI:EU:C:2009:626

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

15 ta' Ottubru 2009 (*)

“Direttivi 77/91/KEE, 79/279/KEE u 2004/25/KE – Prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji – Ineżistenza – Dritt tal-kumpanniji – Kisba ta’ kontroll – Offerta obbligatorja – Rakkomandazzjoni 77/534/KEE – Kodiċi ta’ kondotta”

Fil-Kawża C‑101/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2008, fil-proċedura

Audiolux SA et

vs

Groupe Bruxelles Lambert SA (GBL) et,

Bertelsmann AG et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz (Relatur), R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Audiolux SA et, minn A. Elvinger u M. Elvinger, avocats,

–        għal Groupe Brussell Lambert SA (GBL) et, minn J. Loesch, G. Loesch u P. Van Ommeslaghe, avocats,

–        għal Bertelsmann AG et, minn G. Harles u P.-E. Partsch, avocats,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-Ch. Gracia, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, solicitor, assistit minn D. Barniville, SC, u A. O’Neill, BL,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun u O. Beynet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk jeżistix prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti permezz ta’ liema l-azzjonisti minoritarji huma protetti bl-obbligu tal-azzjonist dominanti, li jakkwista jew jeżerċita l-kontroll ta’ kumpannija, li joffrilhom li jixtri l-ishma tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma meta sar l-akkwist ta’ sehem f’din il-kumpannija, li ta jew saħħaħ il-kontroll tal-azzjonist dominanti, u jekk ikun il-każ, dwar l-effetti ta’ tali prinċipju fiż-żmien.

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn azzjonisti minoritarji tal-kumpannija RTL Group (iktar ’il quddiem “RTL”) kontra l-kumpanniji Groupe Bruxelles Lambert SA (GBL) (iktar ’il quddiem “GBL”), Bertelsmann AG (iktar ’il quddiem “Bertelsmann”), u RTL, dwar ftehim konklużi bejn GBL u Bertelsmann.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-ħames premessa tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 1977, L 26, p 1):

“[…] huwa meħtieġ, wara li jiġu kunsidrati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 54(3)(g), li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar iż-żjieda jew tnaqqis ta’ kapital jassiguraw li l-prinċipji ta’ trattament indaqs ta’ azzjonisti fl-istess pożizzjoni u ta’ protezzjoni ta’ kredituri li t-talbiet tagħhom jeżistu qabel id-deċiżjoni dwar tnaqqis huma mħarsa u armonizzati”.

4        L-Artikolu 20(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu biex ma japplikawx l-Artikolu 19 għal

[…]

(d)      ishma akkwistati bis-saħħa ta’ obbligu legali jew li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ qorti għall-protezzjoni ta’ azzjonisti ta’ minoranza fil-każ, partikolarment, ta’ inkorporazzjoni, bidla fil-għan jew forma tal-kumpannija, trasferiment ta’ l-uffiċċju reġistrat barra, jew l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq it-trasferiment ta’ ishma;

[…]

(f)      ishma akkwistati sabiex jindennizzaw azzjonisti ta’ minoranza f’kumpanniji assoċjati;

[…]”.

5        L-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 jistipula:

“Għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jassiguraw trattament indaqs ta’ l-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni.”

6        Skont il-punt 6 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 77/534/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1977, li tikkonċerna kodiċi ta’ kondotta Ewropew dwar it-tranżazzjonijiet fuq it-titoli transferibbli (ĠU L 212, p. 37):

“[…] il-Kummissjoni, wara li kkonsultat l-ambjenti kkonċernati, setgħet tikkonstata li f’dawn l-ambjenti jeżisti kunsens wiesa’ fuq il-prinċipji tal-kodiċi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Il-punt 11 C ta’ din ir-rakkomandazzjoni jipprovdi:

It-tielet prinċipju ġenerali jirrigwarda l-ugwaljanza tal-azzjonisti.

Il-Kummissjoni ssostni, minkejja ċerta kritika, li għandu jinżamm il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi turi kif dan japplika b’żewġ dispożizzjonijiet komplementari, u tagħmel enfasi partikolarment fuq obbligu konkret ta’ pubbliċità tal-informazzjoni.

Id-dispożizzjoni komplementari numru sbatax issemmi t-trattament ugwali li għandu jingħata lill-azzjonisti l-oħra fil-każ ta’ trasferiment ta’ sehem li jkollu kontroll iżda tammetti li l-protezzjoni ta’ dawn l-azzjonisti tista’ tintlaħaq mod ieħor, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ liġi fil-Ġermanja li tillimita s-setgħat tal-azzjonist dominanti.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-ewwel u t-tielet prinċipji ġenerali tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropew (iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ kondotta”), anness mar-Rakkomandazzjoni 77/534, jipprovdu:

“1.      L-għan ta’ dan il-kodiċi u l-prinċipji ġenerali għandhom jiġu rrispettati anki fil-każijiet mhux espressament koperti permezz ta’ dispożizzjoni komplementari.

Kull tranżazzjoni fuq is-swieq ta’ titoli trasferibbli timplika mhux biss ir-rispett tal-kliem iżda wkoll tal-ispirtu tal-liġijiet jew regolamenti fis-seħħ f’kull Stat, kif ukoll tal-prinċipji ta’ kondotta tajba fl-użanzi fuq is-swieq jew irrakkomandati minn dan il-kodiċi.

[…]

3.      Għandu jiġi żgurat trattament ugwali għal kull detentur ta’ titoli tal-istess tip, li jinħarġu mill-istess kumpannija; b’mod partikolari, kull att li jinvolvi, direttament jew indirettament, it-trasferiment ta’ sehem li jkollu kontroll, fid-dritt jew fil-fatt, ta’ kumpannija li t-titoli tagħha jiġu nnegozjati fis-suq, għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-azzjonisti kollha li jiġu ttrattati bl-istess mod.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Id-dispożizzjoni komplementari numru sbatax tal-kodiċi ta’ kondotta tipprovdi:

“Kull tranżazzjoni li tinvolvi t-trasferiment ta’ sehem li jkollu kontroll fis-sens tat-tielet prinċipju ġenerali m’għandux isir bil-moħbi mingħajr ma tingħata informazzjoni lill-azzjonisti l-oħra u lill-awtoritajiet regolaturi tas-suq.

Huwa mixtieq li l-possibbiltà li jassenjaw it-titoli tagħhom taħt kundizzjonijiet identiċi tiġi offruta lill-azzjonisti kollha tal-kumpannija li l-kontroll tagħha jkun ġie trasferit, ħlief jekk huma jibbenefikaw minn protezzjoni oħra li tista’ titqies bħala li hija ekwivalenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/279/KEE , tal-5 ta’ Marzu 1979, li tikkoordina l-kondizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ Borża uffiċjali (ĠU L 66, p. 21), l-emittenti ta’ titoli ammessi għall-kwotazzjoni uffiċjali fil-Borża għandhom jirrispettaw l-obbligi elenkati fl-iskeda Ċ annessa ma’ din id-direttiva.

11      Fil-fatt, fl-anness tagħha, l-imsemmija direttiva tinkludi skeda Ċ dwar l-“Obbligi tal-kumpannija li l-ishma tagħha huma ammessi għall-kwotazzjoni f’Borża uffiċjali”. Fil-punt 2(a) tal-iskeda Ċ huwa speċifikat li “il-kumpannija għandha tiżgura trattament ugwali tal-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Din id-dispożizzjoni ġiet riprodotta fl-Artikolu 65(1) tad-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 2001, fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange [Borża] uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk il-titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 24), li fl-Artikolu 111(1) tagħha ħassret id-Direttiva 79/279.

13      Madankollu, l-Artikolu 65 tad-Direttiva 2001/34 ġie mħassar b’effett mill-20 ta’ Jannar 2007, bl-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, p 38). L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/109 intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal emittenti li l-ishma tagħhom ikunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat”, fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprovdi:

“L-emittent ta’ ishma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat għandu jiżgura t-trattament ugwali tad-detenturi kollha ta’ ishma li jkunu fl-istess posizzjoni.”

14      Skont il-premessi 8 u 10 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p.20):

“(8)      Skond il-prinċipji ġenerali tal-Liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari d-dritt għal seduta imparzjali, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità superviżorja għandhom f’ċirkostanzi xierqa ikunu suġġetti għal reviżjoni minn qorti jew tribunal indipendenti.[…]

[...]

(10)      L-obbligu li ssir offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet m’għandiex tapplika għal dawk li jikkontrollaw l-assi diġà eżistenti fid-data ta’ meta tidħol fis-seħħ il-leġislazzjoni nazzjonali li tadotta din id-Direttiva.”

15      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, din id-direttiva tapplika għall-offerti ta’ xiri ta’ titoli ta’ kumpannija rregolata mil-liġijiet ta’ Stat Membru, meta dawn it-titolu jkunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.

16      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva intitolat “Prinċipji ġenerali”, fil-paragrafi 1(a) u 2(a) tiegħu jipprovdi:

“1.      Għall-iskop li tiġi implimentata din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prinċipji li ġejjin jiġu mħarsa:

a)      id-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta ta’ l-istess klassi għandhom jiġu trattati b’mod ugwali; aktar minn hekk jekk persuna tikseb il-kontroll ta’ kumpannija, id-detenturi l-oħra tas-sigurtajiet għadhom jiġu protetti;

[...]

2.      Bl-iskop li tiġi aċċertata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri:

a)      għandhom jassiguraw li l-ħtiġiet minimi kif stabbiliti f’din id-Direttiva jiġu osservati [...]”

17      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/25 intitolat “Il-protezzjoni ta’ l-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli”, jipprovdi fil-paragrafi 1, u 4 tiegħu:

“1.      Fejn persuna naturali jew legali, bħala riżultat ta’ l-akkwist tagħha jew ta’ l-akkwist tal-persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet tal-kumpannija kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) li, b’żieda ma’ l-assi eżistenti ta’ dawk is-sigurtajiet tagħha u l-assi ta’ dawk is-sigurtajiet tal-persuni li qed jaħdmu magħha, b’mod dirett jew indirett, jagħtuha l-persentaġġ speċifiku tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li persuni bħal dawn ikunu meħtieġa jagħmlu offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti f’minoranza ta’ dik il-kumpannija. Offerta bħal din għandha tiġi indirizzata fl-aktar opportunità kmieni lid-detenturi kollha ta’ dawk is-sigurtajiet għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli kif stabbilit fil-paragrafu 4.

4.      L-għola prezz imħallas għall-istess sigurtajiet minn min qed jagħmel l-offerta, jew mill-persuni li qed jaħdmu flimkien magħha, f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, ta’ mhux inqas minn sitt xhur u mhux aktar minn 12-il xahar qabel ma l-offerta msemmija fil-paragrafu 1 tibda titqies bħala l-prezz raġonevoli.[...]”

18      L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva intitolat “Id-dritt għall-bejgħ” jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li wara li ssir offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw.

2.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li detentur tal-bqija tas-sigurtajiet ikun jista’ jitlob lil min qed jagħmel l-offerta biex jixtri s-sigurtajiet minn għandu bi press raġonevoli skond l-istess ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 15(2).

3.      L-Artikolu 15(3) sa (5) għandu japplika mutatis mutandis.”

19      L-Artikolu 15(2) ta’ din id-direttiva, li għalih jirreferi dan l-Artikolu 16(2), jistabbilixxi l-minimu ta’ ishma meħtieġa ta’ 90 % tal-kapital bi drittijiet tal-vot. Dan l-istess paragrafu 15(5), li għalih jirreferi l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/25, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm garanzija ta’ prezz raġonevoli.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Audiolux SA u r-rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, flimkien, “Audiolux”) huma azzjonisti minoritarji fl-RTL, li l-ishma tagħha kienu kkwotati fis-swieq finanzjarji rregolati tal-Lussemburgu, ta’ Brussell u ta’ Londra.

21      Kif jirriżulta mill-proċess, qabel il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, GBL kellha 30 % mill-ishma ta’ RTL. Bertelsmann kellha sehem ta’ 80 % fil-kumpannija Bertelsmann Westdeusche TV GmbH, u l-bqija 20 % kienu f’idejn il-kumpannija Westdeutsche Allgemeine Zeitungsverlagsgesellschaft E. Brost & J. Funke GmbH & Co. Bertelsmann Westdeusche TV GmbH kellha 37 % mill-ishma ta’ RTL, il-grupp Brittaniku Pearson Television kellu 22 % minnhom u l-bqija, 11 % tal-ishma, kienu f’idejn il-pubbliku, fosthom Audiolux.

22      Permezz ta’ diversi tranżazzjonijiet li seħħew matul l-ewwel nofs tas-sena 2001, GBL assenjat sehemha ta’ 30 % fil-kapital ta’ RTL lil Bertelsmann inkontrakambju għal 25 % tal-kapital ta’ din tal-aħħar.

23      Sussegwentement, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2001, Bertelsmann akkwistat is-sehem ta’ Pearson Television u RTL irtirat it-titoli tagħha mill-Borża ta’ Londra, b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2002.

24      L-assenjazzjoni tal-ishma minn GBL lil Bertelsmann kienet is-suġġett ta’ sentenza tat-tribunal d’arrondissement (il-Lussemburgu) tat-8 ta’ Lulju 2003, li ċaħdet it-talbiet imressqa minn Audiolux għaliex ma kienu bbażati fuq l-ebda regola jew prinċipju tad-dritt rikonoxxut fid-dritt Lussemburgiż. Dawn it-talbiet kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-validità tat-tranżazzjonijiet li wasslu għall-assenjazzjoni ta’ dawn l-ishma u dwar il-kumpens għad-dannu kkawżat bin-nuqqas ta’ rispett tal-obbligu li tiġi offruta lir-rikorrenti l-possibbiltà li jiskambjaw l-ishma tagħhom f’RTL ma’ ishma ta’ Bertelsmann bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lil GBL.

25      Skont din is-sentenza, id-dritt sostantiv tal-kumpanniji Lussemburgiż ma jipprovdix id-dritt għall-azzjonisti minoritarji li, meta azzjonist b’sehem sinjifikattiv jassenja l-ishma tiegħu lil azzjonist ieħor b’sehem sinjifikattiv, huma jassenjaw l-ishma tagħhom bl-istess kundizzjonijiet. Barra minn hekk, id-dritt finanzjarju Lussemburgiż ma jistax iservi bħala bażi ġuridika għat-talbiet magħmula. L-imsemmija sentenza tikkonstata, b’mod partikolari, li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Lussemburgiż ma implementat ir-Rakkomandazzjoni 77/534.

26      L-irtirar tal-ishma tal-RTL mill-Borża ta’ Londra kien is-suġġett ta’ sentenza tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg tat-30 ta’ Marzu 2004, li ċaħdet it-talbiet imressqa minn Audiolux fir-rigward, partikolarment, tal-obbligu li jżidu l-firxa tat-titoli ta’ RTL mal-pubbliku u sabiex ma jirtirawx dawn it-titoli mill-kwotazzjoni fil-Borża ta’ Londra.

27      Il-cour d’appel (il-Lussemburgu), wara li għaqdet dawn iż-żewġ kawżi, ikkonfermat dawn is-sentenzi filwaqt li indikat, f’dak li jirrigwarda s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2003, li l-kawża tirrigwarda l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali li permezz tiegħu l-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija Lussemburgiża kkwotata fil-Borża jistgħu jitolbu dritt għal trattament ugwali mingħand l-azzjonisti b’maġġoranza meta jkun hemm assenzjazzjoni ta’ sehem sinjifikattiv f’din il-kumpannija. F’dan ir-rigward, il-cour d’appel tqis li l-ebda prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti ma jista’ jitqies bħala dritt sostantiv u jservi bħala bażi legali għat-talbiet tal-appellanti.

28      L-appell fil-kassazzjoni, ippreżentat minn Audiolux, huwa indirizzat biss kontra id-dispożizzjonijiet ta’ din is-sentenza, li tikkonferma s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2003. Audiolux fih issostni l-ksur ta’ prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti u titlob li tingħata l-istess trattament li ngħata lil GBL waqt l-assenzjazzjoni ta’ sehemha fl-RTL lil Bertelsmann, permezz ta’ primjum ta’ kontroll.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-referenzi għall-ugwaljanza tal-azzjonisti u b’mod iktar speċifiku għall-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji,

(a)      fl-Artikoli 20 u 42 tat-Tieni Direttiva “kumpanniji” 77/91/KEE [...],

(b)      fit-“Tielet Prinċipju ġenerali” u fis-“Sbatax-il dispożizzjoni komplementari” tar-Rakkomandazzjoni [77/534],

(c)      fil-punt 2(a) tal-Iskeda Ċ tal-Anness tad-Direttiva [79/279] li ġiet inkorporata fid-Direttiva [2001/34],

(d)      fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2004/25 [...] fid-dawl tal-premessa 8 tagħha,

jirriżultaw minn prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju għandu jiġi applikat biss fir-relazzjonijiet bejn kumpannija u l-azzjonisti tagħha, jew, għall-kuntrarju, għandu jiġi applikat ukoll fir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti b’maġġoranza li jeżerċitaw jew jiksbu l-kontroll ta’ kumpannija u l-azzjonisti minoritarji ta’ din il-kumpannija, speċjalment fil-każ ta’ kumpannija li l-ishma tagħha huma kkwotati f’Borża ta’ titoli?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għaż-żewġ domandi preċedenti, dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju għandu, fid-dawl tal-iżvilupp fiż-żmien tar-referenzi msemmija fl-ewwel domanda, jiġi kkunsidrat li ilu jeżisti u li ilu applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti b’maġġoranza u minoritarji fis-sens tat-tieni domanda, minn qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/25/KE ċċitata iktar ’il fuq u, f’dan il-każ, minn qabel ma seħħew il-fatti inkwistjoni fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2001?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

30      Bertelsmann tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari filwaqt li ssostni li l-kuntest legali u fattwali relatat ma’ dawn id-domandi mhuwiex mogħti b’mod suffiċjenti.

31      Jekk inhu veru li domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija inammissibbli meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli d-domandi magħmula lilha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 28 u ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, id-deċiżjoni tar-rinviju tippermetti li tiġi stabbilita l-portata tad-domandi magħmula u effettivament tat lill-partijiet ikkonċernati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif juri l-kontenut tal-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed elementi dwar il-kuntest legali u fattwali tal-kawża prinċipali sabiex tinterpreta r-regoli Komunitarji kkonċernati u tagħti risposta utli għad-domandi magħmula.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

32      Permezz ta’ dawn id-domandi li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk jeżistix prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti, permezz ta’ liema l-azzjonisti minoritarji huma protetti bl-obbligu tal-azzjonist dominanti, li jakkwista jew jeżerċita l-kontroll ta’ kumpannija, li joffrilhom li jixtri l-ishma tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma meta sar l-akkwist ta’ sehem f’din il-kumpannija, li ta jew saħħaħ il-kontroll tal-azzjonist dominanti.

33      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju sekondarju, jiġifieri l-Artikoli 20 u 42 tad-Direttiva 77/91, it-tielet prinċipju ġenerali u d-dispożizzjoni komplementari numru sbatax tal-kodiċi ta’ kondotta, il-punt 2(a) tal-Iskema C fl-Anness tad-Direttiva 79/279 u l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2004/25, moqri flimkien mal-premessa 8 ta’ din id-direttiva.

34      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li d-dritt Komunitarju sekondarju jistipula ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji, fih innifsu, mhuwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, partikolarment jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għal drittijiet speċifikati b’mod tajjeb u ċert. Għaldaqstant, l-eżami tad-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju għandu biss l-għan li jivverifika jekk dawn id-dispożizzjonijiet jagħtux indikazzjonijiet li jwasslu għall-konklużjoni tal-eżistenza tal-prinċipju indagat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom valur indikattiv biss jekk ikunu redatti b’mod obbligatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Portugal vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 86, u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 74), li jwassal sabiex joħroġ il-kontenut tal-prinċipju indagat b’mod speċifiku ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jippes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

35      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-portata tad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-Direttivi 77/91 u 79/279 hija limitata għal sitwazzjonijiet speċifikati ħafna u li huma ma jirreferux għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36      Fil-fatt, ir-riferimenti għall-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 77/91, ma jagħtu l-ebda indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, iżda sempliċament jippreċiżaw, kif jirriżulta mill-kliem tagħhom, l-għanijiet li fid-dawl ta’ liema l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jidderogaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 19 ta’ din id-Direttiva.

37      Bl-istess mod, l-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91, li jiggarantixxi trattament ugwali tal-azzjonisti li jinsabu f’ċirkustanzi identiċi, japplika biss, kif jirriżulta wkoll mill-kliem “għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva”, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, jiġifieri, kif inhu speċifikat fil-ħames premessa ta’ din id-direttiva, matul tranżazzjonijiet ta’ żieda jew tnaqqis ta’ kapital. Għaldaqstant, l-imsemmi Artikolu japplika għal sitwazzjonijiet totalment differenti minn dawk koperti bl-obbligu li, fil-kawża prinċipali, jorbot lill-azzjonist dominanti skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju allegat minn Audiolux.

38      Il-konstatazzjoni li, skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju, ir-regola ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti stipulata fl-imsemmi Artikolu 42 ma tistax tiġi applikata barra mill-kuntest tad-Direttiva 77/91, hija kkonfermata bil-għan ta’ din id-Direttiva.

39      Fil-fatt, l-imsemmija Direttiva għandha biss bħala għan li tiżgura livell minimu ta’ protezzjoni tal-azzjonisti fl-Istati Membri kollha (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 1996, Pafitis et, C-441/93, Ġabra p. I‑1347, punt 38; tad-19 ta’ Novembru 1996, Siemens, C-42/95, Ġabra p. I‑6017, punt 13, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-338/06, Ġabra p. I‑10139), punt 23).

40      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, anki fil-kuntest tad-Direttiva 77/91, l-Artikolu 42 tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan l-Artikolu 42 għaliex kienet tirriżulta sabiex tneħħi l-effett utili tal-Artikolu 29(4) ta’ din id-direttiva, dwar il-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi limitat id-dritt ta’ prelazzjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 33).

41      Dwar il-punt 2(a) tal-Iskema Ċ li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 79/279, li l-kumpannija għandha tiżgura trattament ugwali tal-azzjonisti li jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni sadattant kienet imħassra u ssostitwita bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/34, li japplika biss, skont it-titolu tiegħu, għall-obbligu li tingħata informazzjoni lid-detenturi ta’ titoli.

42      Għaldaqstant, kemm id-dispożizzjonijiet tal-Direttiva 77/91 kif ukoll dawk tad-Direttiva 79/279, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, japplikaw għal sitwazzjonijiet speċifikati tajjeb u nettament differenti minn dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw ruħhom, fis-sustanza, sabiex jirregolaw każijiet speċifiċi ħafna tad-dritt tal-kumpanniji billi jimponu ċerti obbligi fuq il-kumpannija sabiex jiġu protetti l-azzjonisti kollha. Għaldaqstant, huma m’għandhomx dik in-natura ġenerali li hija inerenti għall-prinċipji ġenerali tad-dritt.

43      It-tieni nett, fir-rigward tat-tielet prinċipju ġenerali tad-dritt u tad-dispożizzjoni komplementari numru sbatax tal-kodiċi ta’ kondotta kif ukoll tad-Direttiva 2004/25, għandu jiġi nnotat li la dan il-kodiċi u lanqas din id-direttiva ma jsemmu espressament l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji.

44      F’dak li jirrigwarda l-kodiċi ta’ kondotta, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa waħda, l-ewwel prinċipju ġenerali, fit-tieni sentenza tiegħu, jagħmel distinzjoni bejn il-liġijiet jew regolamenti fis-seħħ u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, dan l-ewwel prinċipju jitratta bħala ugwali l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba fl-użanzi fuq is-swieq u dawk irrakkomandati mill-kodiċi ta’ kondotta. Minn dan jirriżulta, skont dan il-kodiċi, li dawn il-prinċipji għandhom, bħala sorsi tad-dritt, l-istess valur bħal dak tal-użanzi fuq is-swieq. Tali konstatazzjoni dwar in-natura legali tal-imsemmija prinċipji tidher irrikonċiljabbli mal-ipoteżi li t-tielet prinċipju ġenerali u d-dispożizzjoni komplimentari numru sbatax tal-imsemmi kodiċi huma bbażati fuq prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.

45      Min-naħa l-oħra, la t-tielet prinċipju ġenerali u lanqas id-dispożizzjoni komplimentari numru sbatax tal-kodiċi ta’ kondotta ma jesprimu l-obbligu ta’ trattament ugwali f’termini assoluti u obbligatorji. Partikolarment, skont it-tieni paragrafu tad-dispożizzjoni komplimentari numru sbatax ta’ dan il-kodiċi, huwa biss “mixtieq” li l-possibbiltà li jassenjaw it-titoli tagħhom taħt kundizzjonijiet identiċi tiġi offruta lill-azzjonisti kollha u dan biss sakemm l-azzjonisti minoritarji ma jibbenefikawx minn protezzjoni ekwivalenti

46      Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, tali redazzjoni tmur kontra l-fatt li minn dawn id-dispożizzjonijiet tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji. Għalhekk, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 6 tar-Rakkomandazzjoni 77/534 li f’dawn l-ambjenti kkonċernati jeżisti kunsens wiesa’ dwar il-prinċipji tal-kodiċi ta’ kondotta hija irrilevanti.

47      Fir-rigward tad-Direttiva 2004/25, fl-Artikolu 5 tagħha, hija tistabbilixxi l-obbligu għall-azzjonist li jkun kiseb il-kontroll ta’ kumpannija li jagħmel offerta obbligatorja. Fl-Artikolu 16 tagħha, hija tistipula d-dritt għall-bejgħ.

48      Minn naħa waħda, il-premessi 2, 9, u 11 sa 24 tad-Direttiva 2004/25 dwar l-offerta u d-dritt għall-bejgħ ma jindikawx, la espressament u lanqas impliċitament, li r-regoli stabbiliti minn din id-Direttiva jirriżultaw minn prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, dawn il-premessi ma jagħmlu l-ebda riferiment għall-kodiċi ta’ kondotta jew għad-Direttivi 77/91 u 79/279, u lanqas jippermettu għalhekk, li d-Direttiva 2004/25 tiġi kkunsidrata bħala proġett mibdi mill-kodiċi ta’ kondotta jew mid-direttivi hawn fuq imsemmija.

49      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/25, il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-offerta obbligatorja kif ukoll tad-dritt għall-bejgħ huwa limitat għal kumpanniji kkwotati fil-Borża. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, l-offerta obbligatorju tapplika biss meta persuna jkollha, wara akkwist, sehem li jagħtiha l-kontroll ta’ din il-kumpannija u, skont l-Artikoli 15 u 16 tal-imsemmija Direttiva, id-dritt għall-bejgħ japplika biss għal sitwazzjonijiet fejn azzjonist jakkwista, waqt offerta pubblika, iktar minn 90 % tal-kapital bi drittijiet tal-vot.

50      Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/25 japplikaw għal sitwazzjonijiet speċifiċi, b’tali mod li minnhom ma jistax jiġi dedott prinċipju ġenerali ta’ kontenut speċifiku. Huma wkoll, kif diġà ġie kkonstatat għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 77/91 u 79/279, fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, nieqsa min-natura ġenerali li hija inerenti għall-prinċipji ġenerali tad-dritt.

51      Fir-rigward, partikolarment, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/25 li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li, jekk il-premessa 8 ta’ din id-direttiva tirreferi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, xorta jibqa’ l-fatt li din il-premessa tirreferi biss għall-garanziji proċedurali u ma tirreferiex għal kwalunkwe prinċipju ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti. Bl-istess mod, mill-użu tal-kliem “prinċipji ġenerali” fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlatur Komunitarju għaldaqstant għandu l-ħsieb jassimila l-prinċipji stabbiliti f’dan l-Artikolu ma’ prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Kif jirriżulta mill-kliem “għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva” dawn huma biss linji gwida għall-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva mill-Istati Membri.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju sekondarju li għalihom tirreferi l-qorti tar-rinviju ma jagħtux indikazzjonijiet li jwasslu għall-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali ta’ azzjonisti minoritarji.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk it-trattament mitlub minn Audiolux jistax jiġi miftiehem bħala espressjoni speċifika, fid-dritt tal-kumpanniji, ta’ prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

54      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 23 u ġurisprudenza ċċitata).

55      F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li t-trattament mitlub minn Audiolux huwa intiż sabiex jistabbilixxi obbligu li jorbot biss lill-azzjonist li jakkwista jew isaħħaħ il-kontroll tiegħu f’kumpannija. Dan l-obbligu jitlob mingħandu li jiftiehem mal-azzjonisti minoritarji kollha bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma meta sar l-akkwist ta’ sehem li jagħti jew isaħħaħ il-kontroll u li jirriżulta fi dritt korrispondenti tal-azzjonisti kollha li jbiegħu l-ishma tagħhom lill-azzjonist dominanti.

56      Għandu jiġi stabbilit jekk l-elementi rrilevati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jistgħux jiġu kkunsidrati bħala l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

57      F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-obbligu ta’ azzjonist dominanti u tal-kundizzjonijiet relatati, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali, waħdu, ma jistax iwassal għat-tnissil ta’ obbligu partikolari fuq l-azzjonist dominanti għall-benefiċċju tal-azzjonisti l-oħra u lanqas jistabbilixxi s-sitwazzjoni speċifika li magħha tali obbligu huwa marbut.

58      Fil-fatt, il-fatt li jiġi stabbilit obbligu fuq l-azzjonist dominanti kif ukoll li jiġu ffissati wkoll il-kundizzjonijiet li jwasslu għal dan l-obbligu jeħtieġ deċiżjoni dwar jekk, fis-sitwazzjoni partikolari li fiha azzjonist jakkwista jew isaħħaħ il-kontroll tiegħu f’kumpannija, l-azzjonisti minoritarji għandhomx bżonn protezzjoni partikolari permezz tal-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-azzjonist dominanti. Tali deċiżjoni tippresupponi l-bilanċ kemm tal-interessi tal-azzjonisti minoritarji u tal-azzjonist dominanti, kif ukoll tal-konsegwenzi sinjifikattivi fis-settur tal-akkwist tal-impriżi, u titlob espressjoni speċifika, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, sabiex il-persuni interessati jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu l-passi konsegwentement (ara, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C-345/06, Ġabra p. I‑1659 punt 44).

59      Bl-istess mod, li kieku l-azzjonisti minoritarji jeħtieġu protezzjoni partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li hemm metodi differenti ta’ kif tiżgura din il-protezzjoni, li fosthom jista’ jkun hemm għażla.

60      Fil-fatt, il-kodiċi ta’ kondotta, fid-dispożizzjoni komplimentari numru sbatax tiegħu, jirreferi għal “protezzjoni ekwivalenti” li minnha jistgħu jibbenefikaw l-azzjonisti minoritarji u r-rakkomandazzjoni tistipula, fil-punt 11 C tagħha, bħala eżempju ta’ tali protezzjoni, il-limitazzjoni tal-poteri tal-azzjonist dominanti.

61      Għaldaqstant, il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali lanqas jista’ jkun deċiżiv fl-għażla bejn id-diversi metodi possibbli ta’ protezzjoni ta’ azzjonisti minoritarji, bħal dawk irrakkomandati minn dawn l-atti ta’ dritt Komunitarju sekondarju.

62      Prinċipju bħal dak irrakkomandat minn Audiolux jippresupponi għażliet ta’ natura leġiżlattiva, li jistrieħu fuq il-bilanċ tal-interessi kkonċernati u d-determinazzjoni minn qabel ta’ regoli preċiżi u ddettaljati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 18 sa 20; tal-5 ta’ Marzu 1980, Ferwerda, 265/78, Ġabra p. 617, punt 9; u d-Digriet tal-5 ta’ Marzu 1999, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-153/98 P, Ġabra p. I‑1441, punti 14 u 15), u ma jistax jiġi dedott mill-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

63      Fil-fatt, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju huma ta’ natura kostituzzjonali peress li l-prinċipju rrakkomandat minn Audiolux huwa kkaratterizzat minn livell ta’ dettall li jeħtieġ elaborazzjoni leġiżlattiva li fuq livell Komunitarju jsir permezz ta’ att tad-dritt Komunitarju sekondarju. Għaldaqstant, il-prinċipju rrakkomandat minn Audiolux ma jistax jiġi meqjus bħala prinċipju ġenerali awtonomu tad-dritt Komunitarju.

64      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li d-dritt Komunitarju m’għandu l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt li permezz tiegħu l-azzjonisti minoritarji huma protetti bl-obbligu tal-azzjonist dominanti, li jakkwista jew jeżerċita l-kontroll ta’ kumpannija, li joffrilhom li jixtri l-ishma tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma meta sar l-akkwist ta’ sehem f’din il-kumpannija, li ta jew saħħaħ il-kontroll tal-azzjonist dominanti.

65      Fid-dawl ta’ din ir-risposta, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

66      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt Komunitarju ma jinkludix prinċipju ġenerali tad-dritt li permezz tiegħu l-azzjonisti minoritarji huma protetti bl-obbligu tal-azzjonist dominanti, li jakkwista jew jeżerċita l-kontroll ta’ kumpannija, li joffrilhom li jixtri l-ishma tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma meta sar l-akkwist ta’ sehem, li ta jew saħħaħ il-kontroll tal-azzjonist dominanti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.