Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Settembru 2007 - Sison vs Il-Kunsill

(Kawża T-341/07.)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: J. M. Sison (Utrecht, l-Olanda) (rappreżentanti: J. Fermon, A. Comte, H. Schultz, D.Gürses, W. Kaleck, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropeja

Talbiet tar-rikorrent

parzjalment tannulla kif stabbilit hawn taħt, abbażi ta' l-Artikolu 230 KE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE tat-28 ta' Ġunju 2007, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE u b'mod speċifiku:

tannulla l-punt 1.33 ta' l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni li jaqra hekk: "SISON, Jose Maria (magħruf ukoll bħala Armando Liwanag, magħruf ukoll bħala Joma, responsabbli mill-Partit Komunista tal-Filippini inkluż l-NPA) imwieled fit- 8.2.1939 f'Cabugao, il-Filippini";

tannulla parzjalment il-punt 2.7 ta' l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni safejn dan isemmi isem ir-rikorrent: "Il-Partit Komunista tal-Filippini, inkluż l-Armata l-Ġdida tal-Poplu (NPA), il-Filippini, marbuta ma' Sison Jose Maria C. (magħruf ukoll bħala Armando Liwang, magħruf ukoll bħala Joma, responsabbli mill-Partit Komunista tal-Filippini, inkluż l-NPA);

tiddikjara illegali, abbażi ta' l-Artikolu 241 KE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU, L344, p. 70);

tordna lill-Komunità tagħti kumpens lir-rikorrent abbażi ta' l-Artikoli 235 u 288 KE fl-ammont li għandu jkun iffissat għal EUR 291,427.97 kif ukoll EUR 200.87 għal kull xahar sad-data ta' l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi imgħax minn Ottubru 2002 sad-data tal-ħlas ta' kollox;

tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament parzjali, skond l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE1 tat-28 ta' Ġunju 2007, li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/20012 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE, safejn din id-deċiżjoni tinkludi lill-Professur Jose Maria Sison. Minbarra dan, ir-rikorrenti jitlob dikjarazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 241 KE li r-Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001 huwa illegali, kif ukoll jitlob kumpens, skond l-Artikolu 235 KE u 288 KE, għad-danni allegatament subiti.

In sostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent isostni dan li ġej:

Ir-rikorrent jallega li l-Kunsill kiser l-Artikolu 253 KE f'dak li jirrigwarda l-motivazzjoni wara din id-deċiżjoni. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni meta wasal għal din id-deċiżjoni kkontestata, billi din kienet ibbażata fuq fatti u allegazzjonijiet mhux sostanzjati. Minbarra dan, skond ir-rikorrent, id-deċiżjoni in kwistjoni tikser il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Minbarra dan, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 2(3) tar-Regolament 2580/2001/KE u l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK u tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità. Minbarra dan, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56 KE. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jallega li d-deċiżjoni ttieħdet bi ksur tal-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja li joħorġu mill-prinċipju ta' proċess ekwu, id-dritt għal smigħ minn Qorti imparzjali, il-prinċipju ta' preżunzjoni ta' innoċenza, id-drittijiet ta' difiża u d-dritt ta' smigħ, il-prinċipju ta' legalità, id-dritt ta' libertà ta' espressjoni, dritt ta' libertà ta' assoċjazzjoni kif ukoll dritt tal-proprjetà, ipprovduti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill abbuża s-setgħa tiegħu billi inkluda r-rikorrent fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata.

____________

1 - ĠU L 169, p. 58

2 - ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70.