Language of document : ECLI:EU:C:2010:14

Kawża C-343/08

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Repubblika Ċeka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2003/41/KE — Attivitajiet u superviżjoni tal-istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali — Nuqqas ta’ traspożizzjoni parzjali fit-terminu previst — Assenza ta’ istituzzjonijiet għall‑irtirar professjonali stabbiliti fit-territorju nazzjonali — Kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema nazzjonali tagħhom tal-pensjonijiet ta’ rtirar”

Sommarju tas-sentenza

1.        Atti tal-istituzzjonijiet — Direttivi — Implementazzjoni mill-Istati Membri — Neċessità ta’ traspożizzjoni kompleta — Ineżistenza fi Stat Membru ta’ attività koperta minn direttiva — Nuqqas ta’ effett — Eċċezzjoni — Raġunijiet ġeografiċi

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE)

2.        Atti tal-istituzzjonijiet — Direttivi — Implementazzjoni mill-Istati Membri — Neċessità ta’ traspożizzjoni kompleta — Direttiva 2003/41 — Attivitajiet u superviżjoni tal‑istituzzjonijiet għall-irtirar professjonali

(Artikolu 137(4) KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/41, Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4))

1.        L‑ineżistenza fi Stat Membru speċifiku ta’ attività partikolari koperta minn direttiva ma tistax teħles lil dan l‑Istat Membru mill‑obbligu tiegħu li jadotta liġijiet jew regolamenti sabiex jiżgura traspożizzjoni xierqa tad‑dispożizzjonijiet kollha ta’ din id‑direttiva.

Kemm il‑prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ukoll il‑ħtieġa li tiġi żgurata l‑applikazzjoni sħiħa tad‑direttiva, fid‑dritt u mhux biss fil‑fatt, jeżiġu li kull Stat Membru jirriproduċi r‑rekwiżiti tad‑direttiva inkwistjoni f’qafas legali ċar, preċiż u trasparenti li jipprovdi dispożizzjonijiet vinkolanti fil‑qasam ikkonċernat minn din id‑direttiva.

L‑Istati Membri għandhom tali obbligu sabiex jiġi evitat kull tibdil tas‑sitwazzjoni li teżisti f’dawn l‑Istati Membri f’mument partikolari u bl‑għan li jiġi żgurat li kull persuna fiżika jew ġuridika fil‑Komunità, inklużi dawk fl‑Istati Membri fejn attività partikolari koperta minn direttiva ma teżistix, tkun taf b’mod ċar u preċiż, liema huma d‑drittijiet u l‑obbligi tagħha f’kull ċirkustanza.

Huwa biss meta t‑traspożizzjoni ta’ direttiva tkun inutli ġeografikament li din ma tkunx vinkolanti.

(ara l-punti 39-42)

2.        Billi ma jadottax, fit‑terminu previst, il‑liġijiet, ir‑regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal‑Artikoli 8, 9, 13, 15 sa 18 u 20(2) sa (4) tad‑Direttiva 2003/41, dwar l‑attivitajiet u s‑superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall‑provvista ta’ irtirar okkupazzjonali [professjonali], li jimponu obbligi fuq l‑Istati Membri li fit‑territorju tagħhom huma stabbiliti istituzzjonijiet bħal dawn, Stat Membru jonqos mill‑obbligi tiegħu taħt l‑Artikolu 22(1) ta’ din id‑direttiva.

Anki jekk, skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ebda istituzzjoni għall‑irtirar professjonali ma tista’ legalment tistabbilixxi ruħha fit‑territorju ta’ dan l‑Istat Membru fin‑nuqqas tat‑tieni pilastru fis‑sistema nazzjonali tal‑pensjonijiet ta’ irtirar, l‑imsemmi Stat Membru għandu l‑obbligu li jittrasponi d‑dispożizzjonijiet tad‑direttiva fl‑intier tagħhom, billi jadotta u jimplementa fid‑dritt nazzjonali tiegħu, il‑liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji għal dan il‑għan.

Obbligu ta’ traspożizzjoni bħal dan ma huwiex tali li jippreġudika l‑kompetenza tal‑imsemmi Stat f’dak li jikkonċerna l‑organizzazzjoni tas‑sistema nazzjonali tal‑pensjonijiet ta’ irtirar u ż‑żamma tal‑bilanċ finanzjarju tiegħu, billi jobbligah jimplementa, fil‑kuntest ta’ din it‑traspożizzjoni, dan it‑tieni pilastru bi ksur tal‑prerogattivi li l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 137(4) KE jirrikonoxxilu. L‑ebda dispożizzjoni tad‑Direttiva 2003/41 ma timponi l‑implementazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni fuq l‑Istati Membri. Din id‑direttiva tirrappreżenta biss l‑ewwel pass għat‑triq lejn suq intern għal skemi ta’ irtirar professjonali, permezz tal‑implementazzjoni, fuq skala Ewropea, ta’ regoli minimi ta’ prudenza. Min‑naħa l‑oħra, hija ma għandhiex l‑għan li tarmonizza, anki jekk parzjalment, is‑sistemi nazzjonali tal‑pensjonijiet ta’ irtirar billi tobbliga lill‑Istati Membri jemendaw jew jeliminaw ir‑regoli tad‑dritt nazzjonali tagħhom li jiddeterminaw l‑organizzazzjoni nfisha ta’ dawn is‑sistemi. B’mod partikolari, id‑Direttiva 2003/41, bħala tali, ma tobbligax lil Stat Membru li jipprojbixxi l‑istabbiliment ta’ istituzzjonijiet għall‑irtirar professjonali fit‑territorju tiegħu minħabba n‑nuqqas tat‑tieni pilastru fis‑sistema nazzjonali tal‑pensjonijiet ta’ irtirar tiegħu, li jelimina din il‑projbizzjoni sabiex jippermetti li istituzzjonijiet għall‑irtirar professjonali jistabbilixxu ruħhom fl‑imsemmi territorju bl‑għan li jipprovdu servizzi li jaqgħu taħt it‑tieni pilastru tas‑sistema nazzjonali tal‑pensjonijiet ta’ irtirar.

(ara l-punti 48, 52, 53, 57, 59, 62, 69 u d-dispożittiv)