Language of document : ECLI:EU:T:2011:43

Kawża T-55/08

Union des associations européennes de football (UEFA)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Xandir televiżiv — Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552/KEE — Miżuri adottati mir-Renju Unit li jirrigwardaw l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membu — Kampjonat tal-Ewropa tal-futbol — Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri kompatibbli mad-dritt Komunitarju — Motivazzjoni — Artikoli 49 KE u 86 KE — Dritt ta’ proprjetà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess dirett — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis kompatibbli mad-dritt Komunitarju miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 — Nuqqas ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri — Rikors tal-proprjetarju oriġinali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avveniment imsemmija fid-deċiżjoni — Interess dirett

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Possibbiltà li persuna tkun ikkonċernata individwalment minn deċiżjoni ta’ natura ġenerali — Kundizzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis kompatibbli mad-dritt Komunitarju miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 — Rikors tal-proprjetarju oriġinali tad-drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avveniment imsemmija fid-deċiżjoni — Rikorrent identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni — Rikorrent ikkonċernat individwalment

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730)

3.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Possibbiltà miftuħa għall-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni — Ġustifikazzjoni — Garanzija tad-dritt għall-informazzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessi 18 u 21; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a(1))

4.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Avvenimenti ta’ importanza primarja

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessa 18e; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a)

5.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Proċeduri nazzjonali għad-determinazzjoni ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà

(Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a(1))

6.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/36, premessa 21; Direttiva tal-Kunsill 89/552, Artikolu 3a(1) u (2))

7.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir televiżiv — Direttiva 89/552 — Restrizzjonijiet imposti minn Stat Membru ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità — Effetti indiretti fuq il-kompetizzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 89/552)

8.      Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjonijiet — Ġustifikazzjoni minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Evalwazzjoni fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt — Inammissibbiltà ta’ miżuri mhux konformi mad-drittijiet fundamentali

(Artikoli 46 KE u 55 KE)

1.      Il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku, skont l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, stabbilit b’deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqis kompatibbli mad-dritt Komunitarju miżuri adottati minn Stat Membru skont l-imsemmi Artikolu 3a(1), joħloq għall-Istati Membri obbligu li jitħarsu l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-imsemmija miżura. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom mill-osservanza, permezz tax-xandara televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni televiżiva fir-Renju Unit tal-avvenimenti inklużi fil-lista ta’ dan l-Istat Membru, kif iddefinita mir-Renju Unit fil-miżuri approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Issa, l-obbligu li dan ir-riżultat jintlaħaq jippreġudika direttament is-sitwazzjoni legali tax-xandara televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stati Membri li ma huwiex l-Istat Membru awtur ta’ dawn il-miżuri u li jixtiequ jixtru d-drittijiet ta’ trażmissjoni fir-Renju Unit miżmuma oriġinarjament mill-organizzatur ta’ avveniment. Tali deċiżjoni tipproduċi għaldaqstant b’mod dirett effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-organizzaturi ta’ tali avvenimenti, fir-rigward tad-drittijiet miżmuma oriġinarjament minnhom u ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat imfittex, li huwa impost b’mod awtomatiku u li jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, irrispettivament mill-kontenut tal-mekkaniżmi partikolari li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu sabiex jilħqu dan ir-riżultat. Dawn l-organizzaturi huma għaldaqstant direttament ikkonċernati minn tali deċiżjoni.

(ara l-punti 32-35)

2.      L-individwi li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ fejn din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li jinsab fih id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni.

Issa, irrispettivament min-natura legali u mis-sors tad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-fażi finali tal-kampjonat tal-Ewropea tal‑futbol (EURO), din tikkostitwixxi avveniment fis-sens tal-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju ta l-attivitajiet tax-xandir televiżivi, fis-sens li hija organizzati bil-quddiem minn organizzatur legalment awtorizzat li jbigħ dawn id-drittijiet u li din is-sitwazzjoni applikat ukoll fil-mument li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730, dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552. L-imsemmi organizzatur tal-EURO kienet perfettament identifikabbli fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant, tikkonċerna individwalment lilu.

(ara l-punti 36‑38)

3.      L-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, ikkonkretizza l-possibbiltà li l-Istati Membri għandhom li jillimitaw, abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, l-eżerċizzju, fil-qasam tal-awdjoviżiv, tal-libertajiet fundamentali, stabbiliti bid-dritt Komunitarju primarju.

Il-libertà tal-espressjoni, kif protetta bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, tinsab fost id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema legali Komunitarja u tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika din ir-restrizzjoni. Skont l-ewwel paragrafu tal-istess artikolu, il-libertà ta’ espressjoni tinkludi wkoll il-libertà li wieħed jirċievi l-informazzjoni.

Issa, kif jirriżulta mill-premessa 18 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a ta’ din id-direttiva tal-aħħar huma intiżi li jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u li jiżguraw aċċess wiesgħa lill-pubbliku għat-trażmissjonijiet televiżivi ta’ avvenimenti nazzjonali jew le li jkunu ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, avveniment huwa ta’ importanza primarja meta jkun straordinarju, il-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat Membru partikolari jew parti sinjifikattiva ta’ Stat Membru partikolari jkun interessat fih u huwa organizzat bil-quddiem minn organizzatur ta’ avvenimenti li huwa awtorizzat li jbigħ id-drittijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

Konsegwentement, peress li huma jirrigwardaw avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-miżuri koperti mill-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Dawn il-miżuri għandhom ikunu wkoll adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq.

(ara l-punti 44, 47‑50)

4.      L-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, il-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 li temenda 89/552, ma jarmonizzax avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Minn dan jirriżulta, li l-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 ma għandhiex tinftiehem li l-fatt li l-fażi finali tal-kampjonat tal-Ewropea tal‑futbol EURO ġie inkluż fil-lista nazzjonali tal-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà jwassal sabiex jitqies bħala awtomatikament kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Iktar u iktar, din il-premessa ma għandhiex tinftiehem bħala li tindika li l-EURO jista’ validament dejjem jiġi inkluż kollu kemm hu f’din il-lista, irrispettivament mill-interess li l-logħob ta’ din il-kompetizzjoni jnissel fl-Istat Membru kkonċernat.

Minkejja dan in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ avvenimenti speċifiċi li jistgħu jitqiesu minn Stat Membru bħala ta’ importanza primarja għas-soċjetà, il-fatt li l-EURO jissemma fil-premessa 18 tad-Direttiva 97/36 jimplika li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra l-inklużjoni ta’ logħob ta’ din il-kompetizzjoni f’lista ta’ avvenimenti bħala kuntrarju għad-dritt Komunitarju għar-raġuni li l-Istat Membru kkonċernat ma kkomunikalhiex ir-raġunijiet speċifiċi li jiġġustifikaw in-natura tagħhom bħala avveniment ta’ importanza primarja għas-soċjetà. Madankollu, l-eventwali konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-inklużjoni tal-EURO kollu kemm hu f’lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ Stat Membru huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju, għar-raġuni li din il-kompetizzjoni hija, minħabba l-karatteristiċi tagħha, validament meqjusa bħala avveniment uniku, jista’ jitqiegħed inkwistjoni abbażi ta’ elementi speċifiċi li juru li l-logħob ta’ “mhux ta’ importanza primarja” ma humiex ta’ tali importanza għas-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

(ara l-punti 51-52, 120)

5.      Il-proċeduri implementati mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, sabiex jadottaw il-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà għandhom ikunu ċari u trasparenti, fis-sens li dawn għandhom jiġu bbażati fuq kriterji oġġettivi magħrufa bil-quddiem mill-persuni kkonċernati, b’mod li jiġi evitat li s-setgħa diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddeċiedu l-avvenimenti speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fil-listi tagħhom tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-inklużjoni ta’ avveniment fil-lista jeħtieġ, skont l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li l-imsemmi avveniment ikun ta’ importanza primarja għas-soċjetà, jibqa’ xorta l-fatt li l-iffissar bil-quddiem tal-kriterji speċifiċi li fid-dawl tagħhom din l-importanza għandha tiġi evalwata jikkostitwixxi element essenzjali sabiex id-deċiżjonijiet nazzjonali jkunu adottati b’mod trasparenti u fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom f’dan ir-rigward. Ir-rekwiżit ta’ kjarezza u ta’ trasparenza tal-proċedura jimplika wkoll li d-dispożizzjoni konnessi magħha jindikaw li l-korp kompetenti sabiex jistabbilixxi l-lista ta’ avvenimenti kif ukoll il-kundizzjonijet li taħthom il-persuni kkonċernati jistgħu jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

Madankollu, dan l-Artikolu 3a(1) ma jeħtieġx li l-Istati Membri jipprovdu proċeduri distinti għad-determinazzjoni ta’ kull kategorija li fiha huwa setgħu qiesu utli li jaqsmu l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tagħhom l-eżistenza ta’ proċedura waħda għall-istabbiliment tal-lista inkwistjoni kollha kemm hi ma tinvalidax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-kjarezza u t-trasparenza tal-proċedura implementata mir-Renju Unit għal dan il-għan. Għaldaqstant l-ilment tal-UEFA ma jistax jintlaqa’.

(ara l-punti 90-91, 100)

6.      Billi jitqies li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens stabbilit fil-premessa 21 tad-Direttiva 97/36, li temenda d-Direttiva 89/552, l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, jirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward.

Meta avveniment huwa ta’ importanza primarja għas-soċjetà ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ liġi, fil-kuntest tal-istħarriġ li teżerċita abbażi tal-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, billi ma topponix id-dħul tiegħu fil-lista stabbilita tal-Istat Membru inkwisjtoni għar-raġuni li avveniment ieħor, eventwalment ta’ importanza iktar sinjifikattiva għas-soċjetà, ma huwiex inkluż fiha.

Fil-fatt, fir-rigward tal-għażla fost il-bosta avvenimenti konkreti ta’ importanza primarja għas-soċjetà fis-sens tad-Direttiva 97/36, ma jistax jiġi direttament jew indirettament impost fuq l-Istati Membri li jdaħħlu fil-listi tagħhom avvenimenti li ma humiex dawk li huma jagħżlu li jdaħħlu u li jidderogaw mir-regoli tat-Trattat bl-iktar mod wiesgħa kif jidhrilhom xieraq.

(ara l-punti 119, 194-195)

7.      Il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li, fid-dawl tal-importanza li n-natura esklużiva tat-trażmissjoni televiżiva tal-logħob tal-fażi finali tal-kampjonat Ewropew tal-futbol (EURO) għandha għax-xandara li jaqgħu taħt it-tieni kategorija stabbilita bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, dawn tal-aħħar ma għandhomx interess li jixtru drittijiet ta’ trażmissjoni mhux esklużivi li jirriżultaw indiretttament mir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mill-miżuri tal-Istat Membru inkwistjoni. Issa, ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mid-dħul tal-logħob kollu tal-EURO fil-lista ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà tar-Renju Unit la huma inadatti u lanqas sproporzjonati. L-effetti fil-livell tan-numru ta’ kompetituri potenzjali, li jirriżultaw bħala konsegwenza inevitabbli ta’ dan l-ostakli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma jistgħux għaldaqstant jitqiesu li huma kuntrarji għall-artikoli tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkusanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi iktar dettaljata fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi.

(ara l-punti 163-164)

8.      Meta Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikoli 46 KE u 55 KE sabiex jiġġustifika leġiżlazzjoni li hija ta’ natura li tipprekludi l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tal-libertà ta’ stabbiliment, din il-ġustifikazzjoni, ipprovduta mid-dritt Komunitarju, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet ipprovduti b’dawn id-dispożizzjonijiet biss jekk hija konformi mad-drittijiet fundamentali li l-qrati Komunitarju jiżguraw l-osservanza tagħha. Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat li miżura nazzjonali li ma hijiex konformi mad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt ta’ proprjetà, tkun tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet rikonoxxuti għaliex din tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-aċċess televiżiv għall-pubbliku ġenerali ta’ avvenimenti ta’ importanza primarja għas-soċjetà.

(ara l-punt 179)