Language of document : ECLI:EU:C:2014:2358

Kawża C‑333/13

Elisabeta Dano
u

Florin Dano

vs

Jobcenter Leipzig

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-

Sozialgericht Leipzig)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-persuni — Ċittadinanza tal-Unjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Ċittadini ta’ Stat Membru mingħajr attività ekonomika residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Esklużjoni ta’ dawn il-persuni mill-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus abbażi tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur — Artikoli 7(1)(b) u 24 — Kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-11 ta’ Novembru 2014

1.        Sigurtà soċjali — Ħaddiema migranti — Ugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 — Kamp ta’ applikazzjoni — Benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus — Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 3(3), (4) u (70); Regolament tal-Kunsill Nru 1247/92, it-tielet u s-seba’ Premessi)

2.        Sigurtà soċjali — Ħaddiema migranti — Direttiva 2004/38 — Għajnuna soċjali — Kunċett — Benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus imsemmija fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004 — Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikolu 70(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 24(2))

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Obbligu tal-Istat Membru ospitanti li jagħti d-dritt għall-benefiċċji soċjali liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra mingħajr attività ekonomika — Kundizzjonijiet — Residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva — Obbligu għal ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jkollu riżorsi suffiċjenti għalih u għall-membri tal-familja tiegħu

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 4 u 70; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Premessa 10 u Artikoli 7(1)(b) u 24(1))

4.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għal interpretazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni — Suġġett tat-tilwima nazzjonali mingħajr rabta mad-dritt tal-Unjoni — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 6(1) TUE; Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1), Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2014, Artikolu 70; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38)

1.        Ir-Regolament Nru 883/2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikoli 3(3) u 70 ta’ dan ir-regolament, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

Fil-fatt, minn naħa, mill-kliem tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta b’mod ċar li dan ir-regolament japplika għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 70(3) tar-regolament imsemmi jirrendi, bħala eċċezzjoni, inapplikabbli għall-benefiċċji msemmija ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 4 tiegħu ma jissemmiex fost dawn id-dispożizzjonijiet. Finalment, mit-tielet u mis-seba’ premessi tar-Regolament Nru 1247/92 jirriżulta li d-dispożizzjoni partikolari introdotta mill-imsemmi regolament fir-Regolament Nru 1408/71 hija kkaratterizzata min-nuqqas ta’ esportabbiltà tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus b’korrispettiv ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-Istat ta’ residenza.

(ara l-punti 49, 51-55 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-“benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” imsemmija fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, jiffurmaw parti mill-kunċett ta’ “għajnuna soċjali” fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Fil-fatt, dan il-kunċett jirreferi għall-iskemi ta’ għajnuna kollha stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma għandux biżżejjed riżorsi biex jaffronta l-bżonnijiet elementari tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu u li għalhekk, jirriskja li jsir, matul ir-residenza tiegħu, piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali tal-għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat.

(ara l-punt 63)

3.        L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) tagħha, kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha ċittadini ta’ Stati Membri oħra huma esklużi milli jibbenefikaw minn ċerti “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004, filwaqt li dawn il-benefiċċji jkunu ggarantiti liċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni, sa fejn dawn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma jkunux jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38 fl-Istat Membru ospitanti.

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jgħixu skont din id-direttiva fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat. Isegwi li ċittadin tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal benefiċċji soċjali msemmija iktar ’il fuq, jista’ biss jinvoka ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jekk ir-residenza tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tosserva l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. Jekk jiġi aċċettat li persuni li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38 jkunu jistgħu jinvokaw dritt għal benefiċċji soċjali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għaċ-ċittadini nazzjonali, dan ikun imur kontra wieħed mill-għanijiet tad-direttiva msemmija, imsemmi fil-premessa 10 tagħha, li huwa intiż biex jevita li ċ-ċittadini tal-Unjoni ċittadini ta’ Stati Membri oħra jsiru piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti.

B’hekk, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, ekonomikament inattivi, li t-tul ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti kien ta’ iktar minn tliet xhur iżda inqas minn ħames snin, għandu jiġi eżaminat jekk ir-residenza taċ-ċittadini msemmija tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38, fost liema hemm l-obbligu, intiż biex jipprekludi li ċ-ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi jużaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ospitanti biex jiffinanzjaw il-mezzi tal-għajxien tagħhom, għaċ-ċittadin tal-Unjoni ekonomikament inattiv li jkollu, għalih u għall-membri tal-familja tiegħu, riżorsi suffiċjenti. B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jirrifjuta l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini tal-Unjoni ekonomikament inattivi li jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bl-uniku skop li jiksbu l-benefiċċju tal-għajnuna soċjali minn Stat Membru ieħor filwaqt li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti biex jippretendu l-benefiċċju ta’ dritt ta’ residenza. F’dan ir-rigward, għandu jsir eżami konkret tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull persuna kkonċernata, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji soċjali mitluba.

L-istess konklużjoni tapplika f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, peress li l-“benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-regolament imsemmi, jingħataw, abbażi tal-paragrafu (4) ta’ dan l-istess artikolu, esklużivament fl-Istat Membru li fih tirrisjedi l-persuna kkonċernata u b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 68, 69, 74, 76, 78, 80, 83, 84, u d-dispożittiv 2)

4.        L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament Nru 1244/2010, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus” ma għandux bħala għan li jiddetermina l-kundizzjonijiet fil-mertu għall-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji msemmija. Huwa l-leġiżlatur ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk, peress li l-kundizzjonijiet imsemmija ma jirriżultaw la mir-Regolament Nru 883/2004 u lanqas mid-Direttiva 2004/38 jew minn atti oħra tad-dritt derivat tal-Unjoni, fejn l-Istati Membri huma għalhekk kompetenti biex jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali benefiċċji, dawn huma kompetenti wkoll biex jiddefinixxu l-firxa tal-kopertura soċjali assigurata minn dan it-tip ta’ benefiċċju.

Konsegwentement, meta jiffissaw il-kundizzjonijiet u l-firxa tal-għoti tal-benefiċċji speċjali mhux kontributorji u li jingħataw fi flus, l-Istati Membri ma jkunux qegħdin jimplementaw il-liġi tal-Unjoni.

Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi domanda intiża biex jiġi stabbilit jekk l-Artikoli 1, 20 u 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-Istati Membri li jagħtu liċ-ċittadini tal-Unjoni benefiċċji tal-assigurazzjoni bażika mhux kontributorji fi flus b’mod li jagħmlu possibbli residenza permanenti jew li dawn l-Istati jistgħu jillimitaw dan l-għoti għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezzi neċessarji għar-ritorn fl-Istat ta’ oriġini.

(ara l-punti 87-92)