Language of document : ECLI:EU:C:2011:124

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Marzu 2011 (*)

“Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Għoti ta’ dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni għal wild minuri fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu dan il-wild għandu ċ-ċittadinanza indipendentement mill-eżerċizzju minnu minn qabel tad-dritt tiegħu ta’moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri – Għoti, fl-istess ċirkustanzi, ta’ dritt ta’ residenza dderivat lill-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li huwa responsabbli għal wild minuri – Konsegwenzi tad-dritt ta’ residenza tal-wild minuri fuq ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti, fir-rigward tad-dritt tax-xogħol, mill-axxendent ta’ dan il-minuri, ċittadin ta’ Stat terz”

Fil-Kawża C‑34/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal du travail de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2009, fil-proċedura

Gerardo Ruiz Zambrano

vs

Office national de l’emploi (ONEm),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–      għal G. Ruiz Zambrano, minn P. Robert, avukat,

–      għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn F. Motulsky u K. de Haes, avukati,

–      għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–      għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn D. Conlan Smyth, barrister,

–      għall-Gvern Elleniku, minn S. Vodina, T. Papadopoulou u M. Michelogiannaki, bħala aġenti,

–      għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, M. de Grave u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn A. Czubinski, bħala aġent,

–      għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–      għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, sussegwentement minn M. Szpunar, bħala aġenti,

–      għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE, 17 KE u 18 KE kif ukoll tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Ruiz Zambrano, ċittadin Kolombjan, u l-Office national de l’emploi (Uffiċċju Nazzjonali tal-Impjieg) (ONEm) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jingħata l-benefiċċju tal-qgħad skont il-leġiżlazzjoni Belġjana.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), jiddisponi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

 Id-dritt nazzjonali

 Il-Code de la nationalité belge

4        Skont l-Artikolu 10(1) tal-Code de la nationalité belge (Kodiċi dwar iċ-Ċittadinanza Belġjan; Moniteur belge tat-12 ta’ Lulju 1984, p. 10095), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Code de la nationalité belge”):

“Huwa Belġjan kull wild imwieled fil-Belġju li, fi kwalunkwe mument qabel ma jagħlaq it-18-il sena jew qabel ma jiġi ddikjarata bħala maġġorenni, ikun mingħajr Stat jekk ma jkollux nazzjonalità Belġjana.”

 Id-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 dwar regoli tal-qgħad (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1991, p. 29888) jipprovdi:

“Sabiex ikun eliġibbli għall-benefiċċju tal-qgħad, ħaddiem full-time irid ikun lesta perijodu ta’ kwalifikazzjoni li jikkonsisti f’dan in-numru ta’ ġranet ta’ xogħol:

[…]

2.      468 matul is-27 xahar qabel it-talba [għal benefiċċju tal-qgħad], jekk il-ħaddiem ikollu iktar minn 36 sena u inqas minn 50 sena;

[…]”

6        L-Artikolu 43(1) tal-istess Digriet Irjali jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preċedenti, ħaddiem barrani jew mingħajr stat huwa intitolat għal benefiċċju tal-qgħad jekk huwa jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar il-barranin u l-impjieg ta’ ħaddiema barranin.

Xogħol imwettaq fil-Belġju ma jiġix ikkunsidrat ħlief jekk jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg ta’ ħaddiema barranin.”

[…]”

7        Skont l-Artikolu 69(1) ta’ dan id-digriet irjali:

“Sabiex jirċievi benefiċċji, il-persuni qgħeda barranin jew mingħajr stat għandhom jissodisfaw il-leġiżlazzjoni dwar il-barranin u dik relatata mal-impjieg ta’ ħaddiema barranin.”

 Id-Digriet-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944

8        L-Artikolu 7(14) tad-Digriet-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema (Moniteur belge tat-30 ta’ Diċembru 1944), inserit mil-Liġi-Qafas tat-2 ta’ Awwissu 2002 (Moniteur belge tad-29 ta’ Awwissu 2002, p. 38408), huwa fformulat kif ġej:

“Il-ħaddiema barranin jew mingħajr stat huma eliġibbli għal benefiċċji biss jekk filwaqt tal-applikazzjoni għall-benefiċċji, jissodisfaw il-leġiżlazzjoni relattiva għar-residenza u dik dwar l-impjieg ta’ ħaddiema barranin.

Ix-xogħol magħmul fil-Belġju mill-ħaddiem barrani jew mill-persuna mingħajr stat għandu jiġi kkunsidrat biss, għall-finijiet tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kwalifikazzjoni, meta dan ix-xogħol ikun sar skont il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol ta’ ħaddiema barranin.

[…]”

 Il-Liġi tat-30 ta’ April 1999

9        L-Artikolu 4(1) tal-Liġi tat-30 ta’ April 1999 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema barranin (Moniteur belge tal-21 ta’ Mejju 1999, p. 17800) jistabbilixxi:

“Persuna li timpjega li tixtieq timpjega ħaddiem barrani trid tikseb permess minn qabel mill-awtorità kompetenti.

Il-persuna li timpjega tista’ tuża s-servizzi ta’ dan il-ħaddiem biss fil-limiti stabbiliti b’din l-awtorizzazzjoni.

Ir-Re jista’ jidderoga mill-ewwel paragrafu, fil-każ fejn jidhirlu xieraq.”

10      Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija liġi:

“Ir-Re jista’, permezz ta’ digriet diskuss fil-Kunsill tal-Ministri, jeżenta l-kategoriji ta’ ħaddiema barranin li huwa jiddetermina mill-obbligu li jiksbu permess ta’ xogħol.

Il-persuni li jimpjegaw ħaddiema barranin imsemmija fil-paragrafu preċedenti huma eżenti mill-obbligu li jiksbu permess ta’ xogħol.”

 Id-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999

11      Skont l-Artikolu 2(2) tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999 li jimplementa l-Liġi tat-30 ta’ April 1999 dwar l-impjieg tal-ħaddiema barranin (Moniteur belge tas-26 ta’ Ġunju 1999, p. 24162) jipprovdi:

“Huma eżenti mill-obbligu li jiksbu permess ta’ xogħol:

[…]

2°      il-konjuġi ta’ Belġjan, sakemm jiġu sabiex jistabbilixxu rwieħhom jew jistabbilixxu rwieħhom ma’ xi ħadd minnhom:

a)      id-dixxendenti, taħt l-età ta’ 21 sena jew dipendenti, tal-Belġjan jew tal-konjuġi tiegħu;

b)      l-axxendenti, dipendenti, tal-Belġjan jew tal-konjuġi tiegħu;

c)      il-konjuġi ta’ persuni msemmija f’(a) jew f’(b);

[…]”

 Il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980

12      L-Artikolu 9 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju Belġjan, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprovdi:

“Biex ikun jista’ jirrisjedi fir-Renju lil hinn mill-perijodu stabbilit fl-Artikolu 6, il-barrani li ma jinsabx f’wieħed mill-każijiet ipprovduti mill-Artikolu 10 għandu jiġu awtorizzat għal dan mill-Ministru jew mid-delegat tiegħu.

Sakemm mhux previst mod ieħor min trattat internazzjonali, minn liġi jew minn digriet irjali, din l-awtorizzazzjoni għandha tintalab mill-missjoni diplomatika jew mill-konslu Belġjan kompetenti tal-post ta’ residenza tiegħu jew tar-residenza barra mill-pajjiż.

F’ċirkustanzi eċċezzjonali, awtorizzazzjoni bħal din tista’ tintalab mill-barrani mingħand is-sindku tal-lokalità fejn jgħix, li għandu jittrażmettiha lill-Ministru jew lid-delegat tiegħu. Hija tinħareġ, f’dan il-każ, fil-Belġju.”

13      L-Artikolu 40 tal-istess liġi jipprovdi:

“ 1.      Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet li jinsabu fir-regolamenti tal-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] u tal-Kummissjoni Ewropea u għal dawk iktar favorevoli li minnhom il-barrani KE jista’ jipprevali, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw.

“2.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, barrani KE għandha tfisser kull ċittadin ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej li jirrisjedi jew li jivvjaġġa lejn ir-Renju u li:

(i)      jeżerċita jew għandu l-intenzjoni li jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha; jew,

(ii)      jirċievi jew għandu l-intenzjoni li jirċievi hemmhekk servizzi; jew;

(iii) jibbenefika jew għandu l-intenzjoni li jibbenefika hemmhekk mid-dritt li joqgħod; jew,

(iv)      jibbenefika jew għandu l-intenzjoni li jibbenefika hemmhekk mid-dritt ta’ residenza wara li jkun temm attività professjonali eżerċitata fil-Komunità; jew,

(v)      jsegwi jew għandu l-intenzjoni li jsegwi hemmhekk, prinċipalment, taħriġ professjonali fi stabbiliment approvat ta’ tagħlim; jew,

(vi)      ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji minn (i) sa (v).

3.      Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, il-persuni segwenti għandhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħal barrani KE imsemmi fil-paragrafu 2(i), (ii) u (iii) sa fejn huma jkunu ser jistabbilixxu ruħhom jew ikunu diġà stabbilixxew ruħhom miegħu:

(i)      il-konjuġi tiegħu;

(ii)      id-dixxendenti jew dawk tal-konjuġi tiegħu, taħt l-età ta’ 21 sena jew li huma dipendenti fuqhom;

(iii) l-axxendenti tiegħu jew dawk tal-konjuġi tiegħu li huma dipendenti fuqhom;

(iv)      il-konjuġi tal-persuni msemmija fil-punti (ii) u (iii).

4.      Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, il-persuni segwenti għandhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħal barrani KE imsemmi fil-paragrafu 2(iv) u (vi), sa fejn huma jkunu ser jistabbilixxu ruħhom jew ikunu diġà stabbilixxew ruħhom miegħu:

(i)      il-konjuġi tiegħu;

(ii)      id-dixxendenti tiegħu jew dawk tal-konjuġi tiegħu li huma dipendenti fuqhom;

(iii) l-axxendenti tiegħu jew dawk tal-konjuġi tiegħu li huma dipendenti fuqhom;

(iv)      il-konjuġi tal-persuni msemmija fil-punti (ii) u (iii)

5.      Bla ħsara għal kull dispożizzjoni kuntrarja ta’ din il-liġi, il-konjuġi ta’ barrani KE imsemmi fil-paragrafu 2(iv) u t-tfal tiegħu jew it-tfal tal-konjuġi tiegħu li huma dipendenti fuqhom għandhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħal barrani KE, sa fejn huma jkunu ser jistabbilixxu ruħhom jew ikunu diġà stabbilixxew ruħhom miegħu.

6.      Il-konjuġi ta’ Belġjan li jkun ser jistabbilixxi ruħu jew li jkun diġà stabbilixxa ruħu miegħu, kif ukoll id-dixxendenti tagħhom li għadhom ma għalqux l-età ta’ 21 u li għadhom dipendenti fuqhom, l-axxendenti tagħhom li huma dipendenti fuqhom u l-konjuġi ta’ dawk id-dixxendenti jew axxendenti, li jkunu ser jistabbilixxu ruħhom jew li jkunu diġà stabbilixxew ruħhom magħhom, għandhom ukoll jiġu ttrattati bl-istess mod bħal barrani KE.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Fl-14 ta’ April 1999, G. Ruiz Zambrano talab għall-ażil fil-Belġju, fejn huwa kien daħal b’viża maħruġa mill-Ambaxxata tal-Belġju f’Bogota (il-Kolombja). Fi Frar 2000, il-mara tiegħu, ukoll ta’ nazzjonalità Kolombjana, talbet ukoll li tingħata l-istatus ta’ refuġjat f’dan l-Istat Membru.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2000, l-awtoritajiet Belġjani rrifjutaw li jilqgħu l-applikazzjonijiet tagħhom, u mal-ordni sabiex huma jitilqu mit-territorju, innotifikata lilhom, żiedu klawżola ta’ non-refoulement fil-Kolombja, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili prevalenti f’dan il-pajjiż.

16      Fl-20 ta’ Ottubru 2000, G. Ruiz Zambrano ippreżenta applikazzjoni sabiex jirregolarizza r-residenza tiegħu, abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. Fl-applikazzjoni tiegħu, huwa invoka l-impossibbiltà assoluta li jirritorna lejn il-Kolombja u d-deterjorament estrem tas-sitwazzjoni fil-pajjiż, enfasizza barra minn hekk l-isforzi tiegħu sabiex jintegra fis-soċjetà Belġjana, li huwa tgħallem il-lingwa Franċiża u li l-wild tiegħu qiegħed f’kindergarten, minbarra li jerġa’ jbati, jekk jirritorna lejn il-Kolombja, mis-sindromu posttrawmatiku gravi li huwa kienu sofra, fl-1999, wara l-ħtif, li dam ġimgħa, tal-wild tiegħu, li kellu, f’dak iż-żmien, 3 snin.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2001, din l-applikazzjoni ġiet miċħuda. Kontra din id-deċiżjoni sar appell għal annullament u għal sospensjoni quddiem il-Conseil d’État, li ċaħad ir-rikors għal sospensjoni permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Mejju 2003.

18      Sa mit-18 ta’ April 2001, G. Ruiz Zambrano u martu huma rreġistrati bħala residenti f’Schaerbeek (il-Belġju). Fit-2 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, għalkemm ma kellux permess ta’ xogħol, iffirma kuntratt ta’ xogħol għal żmien indefinit u full-time mal-kumpannija Plastoria b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2001.

19      Fl-1 ta’ Settembru 2003, il-mara ta’ G. Ruiz Zambrano welldet it-tieni wild, li jismu Diego, li akkwista n-nazzjonalità Belġjana skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-Code de la nationalité belge peress li, fin-nuqqas ta’ passi espressi tal-ġenituri għar-rikonoxximent tan-nazzjonalità Kolombjana, il-liġi Kolombjana ma tirrikonoxxix din in-nazzjonalità għall-ulied imwielda barra mit-territorju tal-Kolombja.

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, fil-mument tat-twelid tat-tieni minuri tiegħu, G. Ruiz Zambrano kellu, minħabba l-attività professjonali tiegħu, riżorsi biżżejjed sabiex jipprovdi għall-familja tiegħu. L-imsemmija attività tat lok għall-ħlas ta’ remunerazzjoni konformi għall-iskali differenti applikabbli, bit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet skont il-liġi tas-sigurtà soċjali u l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-persuna li timpjega.

21      Fid-9 ta’ April 2004, il-konjuġi Ruiz Zambrano ippreżentaw applikazzjoni ġdida għal regolarizzazzjoni tar-residenza tagħhom abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 filwaqt li ċċitaw bħala element ġdid it-twelid tat-tieni wild tagħhom u bbażaw fuq l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li jipprekludi li l-imsemmi wild ikun imġiegħel li jitlaq mit-territorju tal-Istat li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza.

22      Wara t-twelid, fis-26 ta’ Awwissu 2005, tat-tielet wild tagħhom, li jisimha Jessica, li, bħal ħuha Diego, akkwistat in-nazzjonalità Belġjana, il-konjuġi Ruiz Zambrano ippreżentaw, fit-2 ta’ Settembru 2005, applikazzjoni għal residenza bbażata fuq l-Artikolu 40 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980, bħala axxendenti ta’ ċittadin Belġjan. Fit-13 ta’ Settembru 2005, ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inħareġ għal kull wieħed minnhom, li kopra provviżorjament ir-residenza tagħhom sat-13 ta’ Frar 2006.

23      L-applikazzjoni ta’ G. Ruiz Zambrano għal residenza ġiet miċħuda fit-8 ta’ Novembru 2005, għar-raġuni li huwa “ma jistax jibbaża fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 40 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 minħabba l-fatt li huwa injora l-liġijiet tal-pajjiż tiegħu billi ma rreġistrax lill-wild tiegħu mal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari iżda segwa korrettement il-proċeduri disponibbli għalih sabiex jikseb iċ-ċittadinanza Belġjana [għal dan il-wild] u mbagħad ipprova, abbażi ta’ dan, jirregolarizza r-residenza tiegħu stess”. Fis-26 ta’ Jannar 2006, it-talba għal residenza tal-mara tiegħu ġiet miċħuda għall-istess raġuni.

24      Sa mill-preżentata, f’Marzu 2006, tal-azzjoni tiegħu għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal residenza, G. Ruiz Zambrano għandu permess speċjali ta’ residenza validu pendenti l-eżami ta’ din l-azzjoni.

25      Sadanittant, jiġifieri fl-10 ta’ Ottubru 2005, il-kuntratt ta’ G. Ruiz Zambrano kien ġie sospiż fuq raġunijiet ekonomiċi, u dan wasslu sabiex jippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-benefiċċji tal-qgħad, li kienet irrifjutata permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata lilu fl-20 ta’ Frar 2006. Din l-imsemmija deċiżjoni ġiet ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju permezz ta’ rikors tat-12 ta’ April 2006.

26      Fil-kuntest tal-proċeduri tal-azzjoni kontra din id-deċiżjoni, l-Office des Étrangers ikkonferma li “l-persuna ikkonċernata u martu ma [jistgħu] jeżerċitaw ebda attività professjonali, madankollu ebda miżura ta’ tkeċċija ma tista’ tittieħed kontrihom minħabba li l-applikazzjoni tagħhom għal regolarizzazzjoni kienet għadha pendenti.”

27      Waqt inkjesta li saret fil-11 ta’ Ottubru 2006 mid-Direction générale du contrôle des lois sociales fis-sede tal-persuna li timpjega lil G. Ruiz Zambrano, ġie kkonstatat li l-persuna kkonċernata kienet fuq ix-xogħol. Hija kellha tieqaf mix-xogħol immedjatament. Il-jum ta’ wara, il-persuna li timpjega lil G. Ruiz Zambrano temm il-kuntratt ta’ xogħol ta’ dan tal-aħħar b’effett immedjat u mingħajr dewmien.

28      L-applikazzjoni ppreżentata minn G. Ruiz Zambrano sabiex jibbenefika minn benefiċċji tal-qgħad full-time mit-12 ta’ Ottubru 2006 kienet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-ONEm innotifikata fl-20 ta’ Novembru 2006. Kontra din id-deċiżjoni tressqet azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, u dan sar fl-20 ta’ Diċembru 2006.

29      Fit-23 ta’ Lulju 2007, il-persuna kkonċernata ġiet innotifikata bid-deċiżjoni tal-Office des Étrangers li ċaħdet bħala inammissibbli l-applikazzjoni tagħha għal regolarizzazzjoni ta’ residenza mressqa fid-9 ta’ April 2004. L-azzjoni li saret kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers ġiet iddikjarata li ma kellhiex għan permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Jannar 2008, peress li l-Office des Étrangers kien irtira din id-deċiżjoni.

30      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2007, l-Office des Étrangers informa lil G. Ruiz Zambrano li l-azzjoni għal reviżjoni li huwa kien ippreżenta f’Marzu 2006 kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għal residenza tat-2 ta’ Settembru 2005 għandha terġa’ tittressaq fi żmien 30 jum min-notifika tal-imsemmija ittra, fil-forma ta’ azzjoni għal annullament quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers.

31      Fid-19 Novembru 2007, G. Ruiz Zambrano ppreżenta tali azzjoni, li huwa bbaża, l-ewwel nett, fuq l-ineżistenza tal-“inġinerija ġuridika” li biha ġie kkritikat fl-imsemmija deċiżjoni, filwaqt li fakkar li l-akkwist tan-nazzjonalità Belġjana minn uliedu minuri mwielda fil-Belġju ma jirriżultax minn xi miżuri li kien ħa f’dan is-sens, iżda mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana. G. Ruiz Zambrano invoka, barra minn hekk, ksur tal-Artikoli 2 u 7 tad-Direttiva 2004/38, kif ukoll ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 4 ta’ din il-konvenzjoni.

32      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan indika li, sa mit-30 ta’ April 2009, G. Ruiz Zambrano jibbenefika minn dritt ta’ residenza temporanju, li jiġġedded sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni kuntrarja, u għandu jibbenefika minn permess ta’ xogħol Ċ skont l-istruzzjonijiet tal-Ministru tal-Politika tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9(3) li kien jeżisti qabel u tal-Artikolu 9a tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980.

33      Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li ż-żewġ deċiżjonijiet li huma s-suġġett tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha l-ONEm irrifjuta li jirrikonoxxi lil G. Ruiz Zambrano d-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad, l-ewwel nett matul il-perijodi ta’ qgħad temporanju mill-10 ta’ Ottubru 2005 u mbagħad sa mit-12 ta’ Ottubru 2006, wara t-telf tal-impjieg tiegħu, huma bbażati esklużivament fuq il-fatt li l-ġranet ta’ xogħol li dan tal-aħħar jinvoka bħala perijodu ta’ kwalifikazzjoni rikjest għal persuni li jinsabu qgħeda fil-kategorija tal-età tiegħu, jiġifieri 468 jum ta’ xogħol matul is-27 xahar qabel l-applikazzjoni għal benefiċċji tal-qgħad, ma ġewx kompletati skont il-leġiżlazzjonijiet dwar ir-residenza tal-barranin u dwar ix-xogħol ta’ ħaddiema barranin.

34      Quddiem il-qorti tar-rinviju, G. Ruiz Zambrano jikkontesta dan l-argument billi jsostni b’mod partikolari li tali dritt ta’ residenza joħroġ direttament mit-Trattat KE, jew, għall-inqas, li huwa jibbenefika mid-dritt ta’ residenza li ġie rikonoxxut mis-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, Ġabra p. I‑9925), lill-axxendenti ta’ wild ta’ età żgħira ċittadin ta’ Stat Membru u li, għaldaqstant, kien eżenti mill-obbligu li jkollu permess ta’ xogħol.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal du travail de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)  Wieħed jew iktar mill-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE], moqrija separatament jew flimkien, jagħtu dritt ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu ċ-ċittadinanza tiegħu, indipendentement minn jekk huwa jkunx preċedentement eżerċita d-dritt tiegħu li jmur minn post għal ieħor fit-territorju tal-Istati Membri?

(2)      L-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE], flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt li huma jagħtu lil kull ċittadin tal-Unjoni mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament [ta’ moviment u ta’ residenza] fit-territorju tal-Istati Membri jimplika, meta dan iċ-ċittadin huwa minorenni ta’ età żgħira fil-kustodja ta’ axxendent li huwa ċittadin ta’ Stat terz, li t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza tal-imsemmi minorenni fit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedi u li huwa għandu ċ-ċittadinanza tiegħu għandha tiġi ggarantita lilu, indipendentement minn jekk id-dritt li jmur minn post għal ieħor ikunx ġie preċedentement eżerċitat minnu jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħu, filwaqt li dan id-dritt ta’ residenza għandu jingħata wkoll l-effett utli li l-ġurisprudenza Komunitarja [(sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq)] irrikonoxxiet il-ħtieġa tiegħu, permezz tal-għoti, lill-axxendent ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja tal-imsemmi minorenni u li għandu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard, tad-dritt ta’ residenza derivat li jgawdi dan l-istess ċittadin ta’ Stat terz jekk il-minorenni fil-kustodja tiegħu jkun ċittadin tal-Unjoni iżda ma jkollux iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li fih jirrisjedi?

(3)      L-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE], flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt ta’ residenza ta’ minorenni, ċittadin ta’ Stat Membru, fit-territorju li fih jirrisjedi, għandu jimplika l-għoti ta eżenzjoni minn permess għax-xogħol lill-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja tal-imsemmi minorenni u li - kieku ma kienx għar-rekwiżit ta’ permess għax-xogħol impost bid-dritt intern tal-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi - jissodisfa, permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg li jissuġġettah għas-sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat [Membru], il-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti u [dik] tal-pussess ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, sabiex id-dritt ta’ residenza ta’ dan il-minorenni jingħata wkoll l-effett utli li l-ġurisprudenza Komunitarja [(sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq)] irrikonoxxiet favur minorenni, ċittadin Ewropew li għandu ċittadinanza differenti minn dik tal-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi fil-kustodja ta’ axxendent, ċittadin ta’ Stat terz?”

 Fuq id-domandi preliminari

36      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jagħtu lill-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li huwa responsabbli għal uliedu ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li tiegħu huma għandhom iċ-ċittadinanza u li fih huma residenti, u eżenzjoni minn permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru.

37      Il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li sitwazzjoni bħal dik tat-tieni u tat-tielet ulied ta’ G. Ruiz Zambrano, inkwantu dawn l-ulied huma residenti fl-Istat Membru li għandhom in-nazzjonalità tiegħu u qatt ma telqu minn dan l-Istat, ma taqax taħt sitwazzjonijiet maħsuba mil-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju ma humiex applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      Għall-kuntrarju, G. Ruiz Zambrano isostni li l-invokazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, minn uliedu Jessica u Diego, ma tippresupponix li dawn jiċċaqalqu ’l barra mill-Istat Membru inkwistjoni u li huwa stess, bħala membru tal-familja, jista’ jkun intitolat għal dritt ta’ residenza kif ukoll għal eżenzjoni ta’ permess ta’ xogħol f’dan l-Istat Membru.

39      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, dan japplika għal kull ċittadin tal-Unjoni li “li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom.” Għaldaqstant, l-imsemmija direttiva ma tapplikax f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40      L-Artikolu 20 KE jagħti lil kull persuna li għandha ċ-cittadinanza ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 27, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 21). Peress li t-tieni u t-tielet ulied tar-rikorrent fil-kawża prinċipali huma ta’ nazzjonalità Belġjana, u l-kundizzjonijiet tal-akkwist tagħha huma ta’ kompetenza tal-Istat Membru inkwistjoni, (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39), huma jibbenefikaw inkontestabbilment minn dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Garcia Avello, punt 21, kif ukoll Zhu u Chen, punt 20).

41      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, C‑184/99, Grzelczyk, Ġabra p. I‑6193, punt 31; tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 82, u s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Garcia Avello, punt 22, Zhu u Chen, punt 25, kif ukoll Rottmann, punt 43).

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rottmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

43      Issa, ir-rifjut ta’ residenza ta’ persuna ċittadina ta’ Stat terz fl-Istat Membru fejn uliedha ta’ età żgħira huma residenti, liema ulied huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru u huma dipendenti fuq din il-persuna, kif ukoll ir-rifjut li jingħata permess ta’ xogħol lil din il-persuna, għandhom tali effett.

44      Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li tali rifjut ta’ residenza jkollu l-konswegwenza li l-imsemmija wlied, li huma ċittadini tal-Unjoni, jiġu obbligati li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom. Bl-istess mod, jekk permess ta’ xogħol ma jingħatax lil tali persuna, din tirriskja li ma jkollhiex riżorsi neċessarji sabiex tlaħħaq mal-ħtiġijiet tagħha u dawk tal-familja tagħha, li jkollu wkoll il-konsegwenza li wliedha, li huma ċittadini tal-Unjoni, jiġu obbligati li jitliqu mit-territorju tagħha. F’tali ċirkustanzi, l-imsemmija ċittadini tal-Unjoni huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jkun impossibli għalihom li jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni.

45      Għaldaqstant għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġu interpretat bħala li jipprekludi li Stat Membru, minn naħa, jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz, li huwa responsabbli għal uliedu ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, ir-residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza u, min-naħa l-oħra, jirrifjuta lill-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz permess ta’ xogħol, sa fejn tali deċiżjonijiet iċaħħdu lill-imsemmija wlied mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġu interpretat bħala li jipprekludi li Stat Membru, minn naħa, jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz, li huwa responsabbli minn uliedu ta’ età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, ir-residenza fl-Istat Membru ta’ residenza ta’ dawn tal-aħħar li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza u, min-naħa l-oħra, jirrifjuta lill-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz permess ta’ xogħol, sa fejn tali deċiżjonijiet iċaħħdu lill-imsemmija wlied mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.