Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta' Awwissu 2011 minn Ziegler SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fis-16 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża T-199/08, Ziegler vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-439/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Ziegler SA (rappreżentanti: J.-F. Bellis, M. Favart, A. Bailleux, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara dan l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża T-199/08, Ziegler vs Il-Kummissjoni, u tiddeċiedi hija stess dwar il-kawża li hija s-suġġett tagħha;

tilqa' t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza u, għalhekk, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali, tal-11 ta' Marzu 2008, dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-każ COMP/38.543 - Servizzi ta' ġarr internazzjonali, jew, sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuq l-appellanti f'din id-deċiżjoni jew, iktar sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multa msemmija;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka erba' aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tosserva li l-Qorti Ġenerali wetqet diversi żbalji ta' dritt peress li fis-sentenza appellata ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet legalment tikkonkludi, skont il-linji gwida tagħha dwar il-kunċett ta' impatt fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, li l-ksur ilmentat kontra l-appellanti kien kapaċi li jaffettwa b'mod sinifikanti l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 296 TFUE, id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u l-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma naqsitx mill-obbligu ta' motivazzjoni tagħha meta bbażat ruħha biss fuq in-natura "serja ħafna" tal-ksur biex tiddetermina l-perċentwali tal-bejgħ b'relazzjoni mal-ksur użat biex jiġi kkalkulat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq l-appellanti skont il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/20031.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-kumpannija Ziegler tosserva li s-sentenza kkontestata hija milquta minn nuqqas ta' motivazzjoni peress li ma indirizzatx il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' imparzjalità oġġettiva tal-Kummissjoni, u li kisret id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq u d-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba billi eskludiet l-imsemmi motiv.

Permezz tar-raba' aggravju tagħha, l-appellanti finalment issostni li s-sentenza kkontestata tikser id-dritt tal-Unjoni, u partikolarment il-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza u ta' nondiskriminazzjoni, peress li, filwaqt li tirrikonoxxi li l-Kummissjoni ma analizzatx korrettament is-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellanti, din ma tpoġġix indiskussjoni l-fatt li l-Kummissjoni lanqas ma kienet ikkunsidrat il-possibbiltà li tagħti lill-appellanti l-benefiċċju ta' tnaqqis fil-multa abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, minkejja li din ikkonċediet lil kumpannija oħra sanzjonata għall-istess ksur, tnaqqis fil-multa skont il-klawżola msemmija iktar 'il fuq.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).