Language of document : ECLI:EU:C:2016:248

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-12 ta’ April 2016 (1)

Kawża C‑121/15

Association nationale des opérateurs détaillants en énergie (ANODE)

vs

Premier ministre,

Ministre de l’Économie, de l’Industrie et du Numérique,

Commission de régulation de l’ énergie,

ENGIE, li kienet GDF Suez

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/73/KE – Suq intern tal-gass naturali – Intervent tal-Istat fuq il-prezz tal-provvista tal-gass naturali – Ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv – Obbligu ta’ servizz pubbliku – Interess ekonomiku ġenerali – Għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ koeżjoni territorjali – Kopertura tal-ispejjeż sħaħ”





1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, għal darba oħra, mitluba tindirizza l-kwistjoni delikata tal-limiti tas-setgħa tal-Istati Membri li jintervjenu fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ provvista ta’ gass naturali. Din hija kwistjoni delikata minħabba li tinvolvi l-konċiljazzjoni ta’ żewġ rekwiżiti li ma humiex ħielsa minn kontradizzjoni bejniethom: minn naħa, l-għan espliċitu tad-Direttiva 2009/73 (2) li tiftaħ is-swieq nazzjonali bl-intenzjoni tat-twettiq ta’ suq intern tal-gass naturali kompletament miftuħ fl-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku fl-interess ekonomiku ġenerali, li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għadhom igawdu marġni wiesgħa ta’ manuvra.

2.        Id-domandi li saru mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat) Franċiż f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari qamu fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna l-validità tal-leġiżlazzjoni Franċiża dwar it-tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass naturali. Din il-leġiżlazzjoni timponi fuq ċerti fornituri, fosthom b’mod partikolari l-fornitur eżistenti, li joffru lil ċerti kategoriji ta’ konsumaturi finali l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati. Madankollu, offerti kompetituri għat-tariffi rregolati jistgħu jsiru liberament mill-fornituri kollha, inklużi dawk ikkonċernati bit-tariffi rregolati. Għaldaqstant, il-konsumaturi li għandhom id-dritt għall-provvista bi prezzijiet irregolati għandhom l-għażla bejn żewġ tipi ta’ offerti, jiġifieri l-offerti bit-tariffi rregolati, magħmula biss minn ċerti fornituri, u l-offerti bil-prezz tas-suq magħmula mill-atturi kollha tas-suq.

3.        Id-domandi li saru mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip tikkostitwixxix, minnha nnifisha, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali miftuħ u kompetittiv, kif previst mid-Direttiva 2009/73 u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk it-tfittxija li jintlaħqu l-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista u tal-koeżjoni territorjali jistgħux eventwalment jiġġustifikaw intervent ta’ dan it-tip. Il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jistaqsi wkoll jekk tali intervent statali għandux ikun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż sħaħ tal-fornitur eżistenti. Sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’konformità mal-ġurisprudenza preċedenti tagħha u, b’mod partikolari, mal-kawża li tat lok għas-sentenza fundamentali tagħha Federutility (C‑265/08, EU:C:2010:205), ser ikollha ssib il-bilanċ ġust bejn l-interessi kollha inkwistjoni.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Id-Direttiva 2009/73 tifforma parti mit-“tielet pakkett dwar l-enerġija” (3). Hija għandha l-għan li tistabbilixxi fl-Unjoni suq kompletament miftuħ li jippermetti lill-konsumaturi kollha li jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u lill-fornituri kollha li jipprovdu liberament l-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom (4). F’dan il-kuntest, hija tirrikonoxxi, madankollu, in-natura essenzjali tal-osservanza tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (5). Għalhekk, hija għandha l-għan li tiffissa regoli minimi komuni f’dan ir-rigward, li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri kollha, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, tas-sigurtà tal-provvista, tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-ugwaljanza tal-livelli ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha. Hija tirrikonoxxi wkoll l-importanza li r-rekwiżiti dwar is-servizz pubbliku, li għandhom jiġu ddefiniti fil-livell nazzjonali, ikunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (6).

5.        Skont dan l-approċċ, minn naħa, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jaċċertaw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u b’kont meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi tal-gass naturali jigu operati konformement mal-principji ta’ din id-Direttiva bi skop li jinkiseb suq tal-gass naturali li jkun kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli, u m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom”.

6.        Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, “[t]enut kont sħiħ tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari [l-Artikolu 106 TFUE], l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-fornitura, regolarità, kwalità u prezz tal-provvisti, u l-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludi l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u protezzjoni tal-klima. Obbligi bħal dawn għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-kumpaniji tal-gass tal-[Unjoni] għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda u għall-ksib tal-għanijiet ambjentali u għanijiet għall-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għall-perijodu fit-tul, b’kont meħud tal-possibbiltà li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema”.

B –    Id-dritt Franċiż

7.        Fi Franza, il-kodiċi tal-enerġija jiddefinixxi l-għanijiet tal-politika enerġetika. Din għandha l-għan li tiggarantixxi l-indipendenza strateġika tan-nazzjon u li tiffavorixxi l-kompetittività ekonomika tiegħu, u b’mod partikolari li tiżgura s-sigurtà tal-provvista, li żżomm prezz tal-enerġija kompetittiv u li tiggarantixxi l-koeżjoni soċjali u territorjali billi tiżgura l-aċċess għall-enerġija lil kulħadd (7). Dan l-istess kodiċi jipprovdi li obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu assenjati lill-fornituri ta’ gass naturali u jittrattaw, b’mod partikolari, is-sigurtà tal-provvista u l-kwalità u l-prezz tal-prodotti pprovduti (8).

8.        L-Artikolu L. 410‑2 tal-kodiċi tal-kummerċ jesprimi l-prinċipju li, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, il-prezzijiet ta’ oġġetti, ta’ prodotti u ta’ servizzi għandhom ikunu liberament iddeterminati mill-kompetizzjoni. It-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jippermetti, madankollu, li l-prezzijiet jiġu rregolati b’digriet tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat) wara konsultazzjoni mal-awtorità tal-kompetizzjoni (Autorité de la concurrence), “fis-setturi jew fiż-żoni fejn il-kompetizzjoni fil-prezzijiet hija limitata kemm minħabba sitwazzjonijiet ta’ monopolju jew minħabba diffikultajiet persistenti ta’ provvista, jew inkella minħabba dispożizzjonijiet legali u regolamentari”. It-tielet paragrafu tal-istess dispożizzjoni jipprovdi li “[d]-dispożizzjonijiet tal-ewwel żewġ paragrafi ma jipprekludux li l-Gvern jadotta, permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État (kunsill tal-istat), kontra żidiet jew tnaqqis eċċessivi tal-prezzijiet, miżuri temporanji mmotivati minn sitwazzjoni ta’ kriżi, ċirkustanzi eċċezzjonali, diżastru pubbliku jew sitwazzjoni manifestament anormali tas-suq f’settur determinat. Id-digriet għandu jittieħed wara konsultazzjoni mal-kunsill nazzjonali tal-konsum (Conseil national de la consommation). Għandu jippreċiża l-perijodu ta’ validità tiegħu li ma jistax jeċċedi sitt xhur”.

9.        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 410‑2 (9), l-Artikoli L. 445‑1 sa L. 445‑4 tal-kodiċi tal-enerġija jipprovdu tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass naturali. Ir-regoli għall-iffissar ta’ dawn it-tariffi huma stabbiliti bid-Digriet Nru 2009‑1603 tat-18 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2013‑1603), kif emendat bid-Digriet 2013‑400 tas-16 ta’ Mejju 2013 (iktar ’il quddiem, id-“Digriet Nru 2013‑400”) (10). Dan l-aħħar digriet huwa l-att li l-invalidità tiegħu qegħda tiġi invokata fil-proċedura nazzjonali.

10.      Is-sistema tat-tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass naturali, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, tippreżenta s-segwenti karatteristiċi.

11.      Fl-ewwel lok, in-numru ta’ impriżi kkonċernati bit-tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass naturali huwa limitat. Dawn it-tariffi għandhom jiġu pprattikati esklużivament mill-fornitur eżistenti, jiġifieri GDF Suez (issa msejħa Engie), minn 22 impriżi lokali ta’ distribuzzjoni u mill-kumpannija Total Energie Gaz (11).

12.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dawn it-tariffi, u iktar speċifikament tal-klijenti li jistgħu jibbenefikaw minnhom, wara emenda leġiżlattiva mwettqa fl-2014 (12), b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016, huma biss il-konsumaturi domestiċi (inklużi l-assoċjazzjonijiet ta’ proprjetarji ta’ appartament f’proprjetajiet immobbli li jinkludu diversi appartamenti li jikkonsmaw inqas minn 30 000 kWh fis-sena) u l-konsumaturi finali mhux domestiċi li jikkonsmaw inqas minn 30 000 kWh fis-sena jibqgħu eliġibbli għall-bejgħ ta’ gass naturali bit-tariffi rregolati.

13.      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kriterji għad-determinazzjoni tat-tariffi rregolati, din id-determinazzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż. Dawn it-tariffi huma ddefiniti fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tal-provvisti u tal-ispejjeż marbuta ma’ dawn il-provvisti u għandhom ikopru t-totalità ta’ dawn l-ispejjeż bl-esklużjoni ta’ kull sussidju favur il-klijenti li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jagħżlu offerta bil-prezz tas-suq (13). Dawn it-tariffi jiġu kkalkolati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ provvista u l-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista tal-fornituri ta’ gass ikkonċernati (14). Huma jinkludu parti varjabbli marbuta mal-konsum effettiv u parti b’rata fissa kkalkolata abbażi tal-ispejjeż fissi ta’ provvista tal-gass naturali li tista’ wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-kwantità kkonsmata, mixtrija jew irriżervata mill-klijent u l-kundizzjonijiet għall-użu, b’mod partikolari d-distribuzzjoni tal-kwantitajiet mitluba matul is-sena (15).

14.      Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-proċedura ta’ determinazzjoni tat-tariffi rregolati, mill-Artikolu L. 445‑2 tal-kodiċi tal-enerġija jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass naturali jittieħdu b’mod konġunt mill-ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija, fuq il-parir tal-kummissjoni li tirregola l-enerġija (Commission de régulation de l’énergie, iktar ’il quddiem iċ-“CRE”).

15.      Iktar speċifikament, mill-Artikolu 4 tad-Digriet Nru 2009‑1603, kif emendat bid-Digriet Nru 2013‑400, jirriżulta li żewġ digrieti ministerjali jiddefinixxu rispettivament, wara konsultazzjoni maċ-CRE, minn naħa, għal kull fornitur, formula tariffarja li tirrifletti t-totalità tal-ispejjeż ta’ provvista ta’ gass naturali u, min-naħa l-oħra, metodu ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista. Il-formula tariffarja u l-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista jippermettu li tiġi ddeterminata l-ispiża medja ta’ provvista tal-gass naturali, li abbażi tagħha jiġu ffissati t-tariffi rregolati għall-bejgħ tiegħu, skont il-modalitajiet ta’ provvista tas-servizz lill-klijenti kkonċernati. Kull sena ċ-CRE twettaq analiżi ddettaljata tat-totalità tal-ispejjeż ta’ provvista ta’ gass naturali u tal-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista.

16.      Għal kull fornitur, digriet tal-ministeri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija maħruġ wara konsultazzjoni maċ-CRE jiffissa, wara l-analiżi ddettaljata mwettqa minn din tal-aħħar, r-rati tat-tariffi rregolati fuq il-bażi, jekk ikun il-każ, tal-proposti tal-fornitur (16). Dawn ir-rati jiġu eżaminati mill-ġdid u rreveduti jekk ikun meħtieġ, wara konsultazzjoni maċ-CRE u fuq il-bażi, jekk ikun il-każ, tal-proposti tal-fornitur, skont l-evoluzzjoni tal-formula tariffarja kif ukoll tal-evoluzzjoni tal-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista (17).

17.      Fl-aħħar nett, il-fornitur ikkonċernat jemenda f’intervalli ddefiniti b’digriet ministerjali u mhux iktar minn darba fix-xahar ir-rati tat-tariffi rregolati tiegħu billi fihom jirrifletti l-varjazzjonijiet tal-ispejjeż ta’ provvista tal-gass naturali, kif jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-formula tariffarja tiegħu, bla ħsara għall-oppożizzjoni mill-Prim Ministru fil-każ ta’ żieda eċċezzjonali tal-prezzijiet ta’ prodotti petroliferi jew tal-prezzijiet tas-suq tal-gass naturali, matul l-aħħar xahar jew matul perijodu kumulattiv ta’ tliet xhur (18).

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari

18.      Permezz ta’ att ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2013, l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-bejjiegħa bl-imnut tal-enerġija (Association nationale des opérateurs détaillants en énergie, iktar ’il quddiem l-“ANODE”) ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) fejn talbet li jiġi annullat minħabba eċċess ta’ poter id-Digriet Nru 2013‑400. Fir-rikors tagħha, l-ANODE sostniet, inter alia, li l-Artikoli L. 445‑1 sa L. 445‑4 tal-kodiċi tal-enerġija, implementati bid-digriet li tiegħu hija qegħda titlob l-annullament, jiksru l-għanijiet tad-Direttiva 2009/73.

19.      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jistaqsi, fl-ewwel lok, jekk intervent statali fuq il-prezzijiet kif previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża għandux jitqies bħala li jwassal sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-prezz ta’ provvista ta’ gass naturali lill-konsumatur finali irrispettivament mill-funzjonament ħieles tas-suq u b’hekk jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv, bi ksur tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73.

20.      Jekk dan ikun il-każ, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jistaqsi, fit-tieni lok, dwar il-kriterji li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni u b’mod partikolari jekk l-Artikolu 106(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, jippermettix lill-Istati Membri jfittxu, bl-implimentazzjoni ta’ prezzijiet irregolati, li jilħqu għanijiet bħalma huma s-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali. Il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) jistaqsi wkoll fuq il-possibbiltà ta’ intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz ibbażat fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż sħaħ tal-fornitur eżistenti u fuq il-komponenti ta’ spejjeż li jistgħu eventwalment jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tat-tariffi rregolati.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (kunsill tal-istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq l-operatur eżistenti li joffri l-provvista ta’ gass naturali lill-konsumatur finali b’tariffi rregolati, iżda li ma jimpedixxix li jsiru offerti kompetituri, bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi, min-naħa tal-fornitur eżistenti jew tal-fornituri alternattivi, għandu jitqies li jwassal għal determinazzjoni tal-livell tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali b’mod indipendenti mill-funzjonament ħieles tas-suq u jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE?

2.      Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għad-domanda 1, abbażi ta’ liema kriterji għandha tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ tali intervent tal-Istat fil-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali mad-Direttiva 2009/73/KE?

B’mod partikolari:

a)      Sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet l-Artikolu 106(2) [TFUE], moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73/KE, jippermetti lill-Istati Membri, billi jintervjenu fil-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali, li jfittxu li jilħqu għanijiet differenti miż-żamma tal-prezz tal-provvista f’livell raġonevoli, bħalma huma s-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali?

b)      Fid-dawl tal-għanijiet ta’ sigurtà tal-provvista u ta’ koeżjoni territorjali, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73/KE jippermetti intervent ta’ Stat Membru fl-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali bbażat fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż sħaħ tal-fornitur eżistenti u l-ispejjeż intiżi li jiġu koperti bit-tariffi jistgħu jinkludu komponenti differenti mill-porzjon li tirrappreżenta l-provvista għal żmien twil?”

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2014. L-ANODE, Engie, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet.

IV – Analiżi ġuridika

23.      Iż-żewġ domandi preliminari jqajmu, essenzjalment, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-Direttiva 2009/73 u mal-Artikolu 106(2) TFUE ta’ sistema li tikkonċerna tariffi rregolati għall-bejgħ tal-gass naturali bħal dik eżistenti fi Franza u deskritta fil-punti 7 sa 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

24.      Fil-ġurisprudenza tagħha, u b’mod partikolari fis-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà indikat il-kuntest tal-analiżi sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ intervent statali fuq il-prezzijiet, speċifikament fis-settur tal-gass naturali. F’dik is-sentenza u fil-ġurisprudenza sussegwenti (19), il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet diversi indikazzjonijiet rigward il-kriterji li fuqhom għandha tkun ibbażata tali evalwazzjoni. Għaldaqstant, l-analiżi tad-domandi magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat) għandha ssegwi din il-ġurisprudenza.

A –    Fuq l-ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv

25.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, dwar il-kwistjoni jekk intervent statali fuq il-prezzijiet tal-gass naturali, bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni, jikkostitwixxix, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73.

26.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza b’mod partikolari li l-leġiżlazzjoni Franċiża hija kkaratterizzata, l-ewwel nett, mill-fatt li l-prezzijiet irregolati ma humiex imposti fuq il-fornituri kollha tal-gass, imma biss fuq uħud fosthom, u, b’mod partikolari, fuq il-fornitur eżistenti, it-tieni nett, mill-fatt li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tipprekludix lill-fornituri kkonċernati mit-tariffi rregolati u lanqas lill-fornituri l-oħra milli jagħmlu lill-konsumaturi kollha offerti bi prezzijiet iktar baxxi mit-tariffi rregolati u, it-tielet nett, mill-fatt li din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż. Skont ma tistqarr il-qorti tar-rinviju, din l-aħħar karatteristika kellha sservi ta’ ostakolu sabiex l-operatur eżistenti jipprattika prezzijiet abbużivament baxxi.

27.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/73 (20) li l-prezz ta’ provvista tal-gass naturali għandu jiġi ffissat biss permezz tal-offerta u tat-talba, dan ir-rekwiżit jitnissel mill-għan innifsu u mill-istruttura ta’ din id-direttiva li, kif jirriżulta minn diversi premessi tagħha (21) u minn diversi dispożizzjonijiet tagħha (22), għandha l-għan li twettaq suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv fejn il-konsumaturi kollha jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u fejn il-fornituri kollha jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom (23).

28.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat miżura ta’ intervent pubbliku fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-gass naturali bħala miżura li, “min-natura tagħha stess, tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq intern tal-gass operattiv” (24).

29.      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni tipprevedi intervent statali li jikkonsisti, essenzjalment, fl-obbligu impost fuq ċerti impriżi li joffru fis-suq, lil ċerti kategoriji ta’ klijenti, il-bejgħ tal-gass naturali bi prezzijiet li huma r-riżultat ta’ kalkolu mwettaq skont kriterji u bl-użu ta’ rati stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi.

30.      Kif tinnota korrettament ukoll il-Kummissjoni, it-tariffi stabbiliti skont din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxu prezzijiet rregolati li ċertament ma humiex r-riżultat ta’ determinazzjoni libera riżultanti mill-offerta u mit-talba fis-suq. Għall-kuntrarju, dawn it-tariffi jirriżultaw minn determinazzjoni mwettqa fuq il-bażi ta’ kriterji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi u li għalhekk tinsab barra mid-dinamika tal-forzi tas-suq.

31.      Issa, miżura li timponi li prodott jew servizz jiġi offert fis-suq bi prezz speċifiku neċessarjament tinfluwenza l-libertà tal-impriżi kkonċernati li jaġixxu fis-suq inkwistjoni u, għalhekk, il-proċess kompetittiv li jkun qed iseħħ f’dan is-suq. Għalkemm il-grad ta’ impatt ta’ tali miżura fuq is-suq jiddependi mill-portata suġġettiva u oġġettiva tagħha, dan bl-ebda mod ma jinvalida l-konstatazzjoni li tali miżura, billi taffettwa dan il-proċess kompetittiv, hija, min-natura tagħha stess, kuntrarja għall-għan ta’ twettiq ta’ suq miftuħ u kompetittiv, billi tali konstatazzjoni hija evidentement indipendenti miċ-ċirkustanza li l-miżura tista’ eventwalment issib ġustifikazzjoni fil-kuntest legali fis-seħħ.

32.      Huwa veru li f’dan il-każ, kif jinnotaw ukoll kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll ir-Repubblika Franċiża, diversi elementi jiddistingwu l-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni f’din il-kawża minn dik, Taljana, li kienet l-oriġini tal-kawża li tat lok għas-sentenza Federutility (C‑265/08, EU:C:2010:205) u li kienet tipprevedi d-definizzjoni ta’ prezz ta’ referenza li l-fornituri kollha tal-gass naturali kellhom jinkludu fl-offerti kummerċjali tagħhom.

33.      Madankollu, l-ebda waħda mill-karatteristiċi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, enfasizzati mill-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma jistgħu jippermettu li tiġi kkonfutata l-konstatazzjoni li determinazzjoni ta’ tariffi li jirriżultaw minn obbligu impost mill-awtoritajiet pubbliċi neċessarjament taffettwa l-kompetizzjoni u li, għalhekk, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mal-għan ta’ twettiq ta’ suq ta’ gass naturali miftuħ u kompetittiv previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73.

34.      Fil-fatt, l-ewwel nett, iċ-ċirkustanza li s-sistema Franċiża fuq it-tariffi rregolati timponi l-obbligu li l-gass naturali jiġi offert fis-suq bi prezz iddeterminat esklużivament għal ċerti operaturi fis-suq ma tneħħi xejn mill-konstatazzjoni li, sa fejn hija tillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ dawn l-impriżi fis-suq, hija taffettwa l-proċess kompetittiv li jseħħ f’dak is-suq. Tali leġiżlazzjoni tagħti lok għal nuqqas ta’ ugwaljanza bejn l-operaturi fis-suq u hija manifestament kuntrarja għar-rekwiżit, indikat fil-premessa 3 tad-Direttiva 2009/73 u fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-operaturi kollha jkunu jistgħu jipprovdu liberament l-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom.

35.      It-tieni nett, fl-istess perspettiva, il-fatt li l-impriżi kkonċernati bit-tariffi rregolati jistgħu wkoll liberament jiddeterminaw l-offerti tagħhom fis-suq bl-ebda mod ma jista’ jpoġġi fid-dubju l-konstatazzjoni li l-intervent statali inkwistjoni jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq. Fil-fatt, minkejja din il-possibbiltà, wara l-intervent statali, neċessarjament jeżistu żewġ segmenti fis-suq, jiġifieri segment “irregolat” – li barra minn hekk, fis-settur tal-gass naturali fi Franza, għandu dimensjoni importanti ħafna (25) ‐ fejn il-prezzijiet tal-prodott jew tas-servizz huma stabbiliti barra mill-kuntest tal-kompetizzjoni, u segment liberu. Tali diviżjoni tas-suq hija fiha nnifisha inkompatibbli mal-kunċett ta’ suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tal-Gvern Franċiż, ripetuta mill-qorti tar-rinviju, li t-tariffi rregolati għandhom, fil-prattika, ir-rwol ta’ limitu massimu ta’ referenza għall-iffissar tal-prezzijiet tal-offerti magħmula mill-fornituri l-oħra turi li dawn it-tariffi għandhom impatt konkret fuq is-suq.

36.      It-tielet nett, il-fatt li d-determinazzjoni tat-tariffi rregolati hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż lanqas ma jista’ jbiddel il-konstatazzjoni li t-tariffi rregolati jaffettwaw il-kompetizzjoni. Fil-fatt, din il-karatteristika, minflok ma għandha effett pro-kompetittiv, jidhirli li pjuttost għandha l-effett li tagħti lill-fornituri ikkonċernati xorta ta’ garanzija li, permezz tat-tariffi rregolati, ikunu jistgħu jirkupraw kompletament l-ispejjeż tagħhom, għall-inqas għall-parti mill-klijenti tagħhom li jużaw dawn it-tariffi. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-fornituri l-oħra ma għandhomx garanzija analoga, u dan indubitament jikkostitwixxi żvantaġġ kompetittiv li jinħoloq bl-eżistenza ta’ din il-leġiżlazzjoni.

37.      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-qorti tar-rinviju li t-tariffi rregolati kellhom jipprevjenu li l-operatur dominanti jipprattika prezzijiet abbużivament baxxi, din ma jidhirlix li hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-impatt kompetittiv ta’ dawn it-tariffi, billi tali prattika hija diġà pprojbita mil-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u speċifikament mill-Artikolu 102 TFUE.

38.      Bħala konklużjoni, inqis li l-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-obbligu fuq ċerti fornituri, fosthom il-fornitur eżistenti, li joffru lill-konsumatur finali l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati, iżda li ma jimpedixxix li jsiru offerti bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi mill-fornituri kollha fis-suq jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73.

B –    Fuq il-kundizzjonijiet ta’ intervent tal-Istati Membri

39.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv, dan l-intervent jista’ madankollu jkun permess fil-kuntest tad-Direttiva 2009/73, bil-kundizzjoni li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi (26).

40.      Fil-fatt, kif jippreċiżaw ukoll il-premessi 43 u 44, barra l-għan ta’ ħolqien ta’ suq intern miftuħ u kompetittiv tal-gass naturali, id-Direttiva 2009/73 għandha wkoll l-għanijiet li tiggarantixxi li s-servizz pubbliku jinżamm fi “standards għoljin”, li tipproteġi l-konsumatur finali u li tiżgura s-sigurtà tal-provvista. Huwa sabiex jirrispondi għal dawn l-għanijiet li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73 jippreċiża li huwa japplika “mingħajr preġudizzju” għall-paragrafu 2 tal-istess artikolu.

41.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (27) kif ukoll tal-Artikolu 106 TFUE hemm imsemmi (28), intervent ta’ Stat Membru fuq l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali huwa ammissibbli biss jekk jiġu osservati tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-intervent għandu jfittex għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, it-tieni nett, għandu josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, għandu jistabbilixxi obbligi ta’ servizz pubbliku li jkunu kjarament iddefiniti, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u għandu jiggarantixxi aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi. Huwa fuq il-portata ta’ dawn il-kundizzjonijiet u fuq l-applikazzjoni tagħhom f’dan il-każ li l-qorti tar-rinviju għandha dubji fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari tagħha.

1.      Fuq l-interess ekonomiku ġenerali

42.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, jiġifieri li l-intervent statali fuq l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali jkun iġġustifikat mit-tfittxija tal-interess ekonomiku ġenerali, il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-punt (a) tat-tieni domanda preliminari tagħha, tistaqsi sa fejn u taħt liema kundizzjonijiet Stat Membru jista’ jfittex li jilħaq għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali oħra differenti miż-żamma tal-prezz tal-provvista fuq livell raġonevoli, rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Federutility (C‑265/08, EU:C:2010:205). Il-qorti tar-rinviju tirreferi speċifikament għall-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista u tal-koeżjoni territorjali, imsemmija fl-Artikolu L. 100‑1 tal-kodiċi tal-enerġija, li ġew invokati mill-Gvern Franċiż fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali bħala għanijiet imfittxija mis-sistema li tikkonċerna t-tariffi rregolati.

43.      F’dan ir-rigward ninnota, preliminarjament, li għalkemm id-Direttiva 2003/55 ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ “interess ekonomiku ġenerali” (29), mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-referenza fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva kemm għal dan il-kunċett kif ukoll għall-Artikolu 106 TFUE, li jikkonċerna l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jimplika li l-imsemmi kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar tat-Trattat (30).

44.      Iktar ġeneralment, nemmen li, skont approċċ sistematiku u koerenti tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjoni prevista mid-Direttiva 2009/73 li l-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tal-gass għandhom ikunu imposti “fl-interess ekonomiku ġenerali” għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dritt primarju. Minn din il-perspettiva, huwa inevitabbli li tali interpretazzjoni titqiegħed f’kuntest ġdid riżultanti mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jinkludi, minbarra l-Artikolu 106 TFUE, l-Artikolu 14 TFUE, il-Protokoll il-ġdid Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll Nru 26”) u l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jikkonċerna l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li akkwistat l-istess valur ġuridiku bħat-trattati.

45.      F’dan il-kuntest ġdid, l-analiżi tad-dispożizzjonijiet rilevanti, kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, twassalni sabiex nagħmel il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

46.      L-ewwel kunsiderazzjoni tikkonċerna r-rwol li għandu jiġi rikonoxxut lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Protokoll Nru 26 jirrikonoxxi ġeneralment b’mod espliċitu r-rwol essenzjali u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-provvista, l-eżekuzzjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (31). Għal dak li jirrigwarda speċifikament is-settur tal-gass naturali, mit-tieni sentenza tal-premessa 47 tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li “[r]-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali; il-liġi [tal-Unjoni] għandha, madanakollu, tiġi rispettata mill-Istati Membri” (32).

47.      Dan l-approċċ, intiż sabiex jagħti marġni wiesgħa ta’ manuvra lill-Istati Membri (33), huwa rifless fil-ġurisprudenza dwar l-obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tal-enerġija fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rreferiet għall-għan veru tal-Artikolu 106 TFUE u għall-ġurisprudenza dwaru (34), indikat li l-Istati Membri għandhom id-dritt, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ interess ekonomiku ġenerali (35).

48.      It-tieni kunsiderazzjoni, b’xi mod marbuta mal-ewwel waħda, tikkonċerna l-possibbiltà għall-Istati Membri li, fid-definizzjoni tal-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali, jieħdu inkunsiderazzjoni is-sitwazzjonijiet u l-politika nazzjonali tagħhom. B’hekk, b’mod ġenerali, il-Protokoll Nru 26 jirrikonoxxi espressament ir-rekwiżit li tittieħed inkunsiderazzjoni d-diversità tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u d-differenzi li jistgħu jeżistu fil-livell tal-bżonnijiet u tal-preferenzi tal-utenti minħabba sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti (36). Dan l-istess rekwiżit huwa espress, f’dak li jikkonċerna s-settur tal-gass naturali, kemm fil-premessa 44 tad-Direttiva 2009/73 (37) kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li, meta huma jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni għanijiet speċifiċi għall-politika nazzjonali tagħhom (38).

49.      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, bħala prinċipju, għandhom ikunu l-Istati Membri, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet u l-politiki nazzjonali tagħhom, li jiddefinixxu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma biħsiebhom jilħqu permezz tal-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tal-gass. Madankollu, din il-possibbiltà ta’ definizzjoni tal-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali ma hijiex espressjoni ta’ libertà assoluta tal-Istati Membri (39), imma għandha titwettaq b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

50.      Tqum għalhekk il-kwistjoni li jinftiehem konkretament kif għandha tiġi rrikonċiljata l-marġni ta’ manuvra mogħtija lill-Istati Membri fir-rigward tal-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma biħsiebhom jilħqu bl-impożizzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku mar-rekwiżit ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

51.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li, qabelxejn, tiġi eżaminata l-kwistjoni, li kienet is-suġġett ta’ ċertu dibattitu, li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-enumerazzjoni inkluża fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, imsemmija fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, ġie argumentat li din id-dispożizzjoni fiha lista eżawrjenti ta’ kawżi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw l-intervent tal-Istat (40). Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ħaditx pożizzjoni fuq din il-kwistjoni, li ma hijiex mingħajr importanza għaliex, jekk tiġi segwita tali interpretazzjoni restrittiva, dan iwassal għall-konsegwenza li intervent tal-Istat li jfittex li jilħaq għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħall-koeżjoni territorjali li ma tissemmiex f’din il-lista, mhux ser ikun iġġustifikat.

52.      F’dan ir-rigward, naqbel, madankollu, kompletament mal-approċċ issuġġerit mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer li din il-lista ma tikkonċernax il-kawżi ta’ interess ġenerali, imma pjuttost telenka “tipi ta’ azzjoni” li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku (41). Tali interpretazzjoni hija fil-fehma tiegħi konformi mal-kontenut litterali tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li tiddikjara li l-obbligi ta’ servizz pubbliku “jistgħu jirrelataw” għas-sigurtà, ir-regolarità, il-kwalità, u l-prezz tal-provvista u għall-elementi l-oħra hemm elenkati. B’hekk, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrelataw għal – jiġifieri li jkollhom bħala suġġett ‐ inter alia, is-sigurtà, ir-regolarità, il-kwalità, u l-prezz tal-provvista. Dawn l-obbligi għandhom madankollu dejjem ikunu intiżi għat-twettiq ta’ wieħed jew iktar mill-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali (42). Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet isegwi li l-enumerazzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 b’ebda mod ma tikkostitwixxi lista eżawrjenti tal-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jfittxu li jilħqu fil-kuntest ta’ din id-direttiva.

53.      Fid-dawl ta’ din il-kjarifika, jekk l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddefinixxu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma jridu jilħqu bl-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, ma jistax madankollu jiġi injorat il-fatt li s-settur tal-gass naturali huwa qasam li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni lleġiżla billi espressament fittex li jilħaq ċerti għanijiet speċifiċi.

54.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li l-Istati Membri għandhom iwettqu skont id-Direttiva 2009/73 dwar jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, għandhomx jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku, għandhom ikunu l-Istati Membri li jwettqu rikonċiljazzjoni bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u l-għanijiet l-oħra imfittxija mid-Direttiva 2009/73 (43).

55.      Dan ir-rekwiżit ta’ bbilanċjar, li l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet f’dak li jikkonċerna l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni espressament ħaseb għalihom fid-Direttiva 2009/73, huwa fil-fehma tiegħi l-espressjoni tal-importanza speċjali ta’ dawn l-għanijiet. Fil-fatt, dawn huma għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies espliċitament bħala neċessarji li jiġu mfittxija. Isegwi li t-tfittxija li jintlaħqu dawn l-għanijiet tista’ jkollha rwol importanti fl-analiżi tal-proporzjonalità ta’ miżura li timponi obbligu ta’ servizz pubbliku li tista’ tikser l-għan iktar ġenerali wkoll imfittex mid-Direttiva 2009/73 intiż sabiex jinfetħu s-swieq fl-ispirtu tal-ħolqien ta’ suq intern tal-gass naturali.

56.      F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sigurtà tal-provvista enerġetika tikkostitwixxi mingħajr dubju għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li jista’, b’osservanza ta’ kundizzjonijiet oħra, jiġġustifika intervent statali li jirrigwarda l-prezz tal-provvista tal-gass naturali. Fil-fatt, diġà fil-livell tad-dritt primarju, l-Artikolu 194(1)(b) TFUE jidentifika s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni bħala wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija. Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna speċifikament il-qasam tal-gass naturali, minn diversi premessi u artikoli tad-Direttiva 2009/73 jirriżulta li din tipprevedi espressament is-sigurtà tal-provvista enerġetika bħala wieħed mill-għanijiet fundamentali tagħha (44). Iktar speċifikament, id-Direttiva 2009/73 tqis pjuttost espliċitament is-sigurtà tal-provvista bħala wieħed mill-għanijiet li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eventwali impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fis-settur tal-gass naturali (45).

57.      Min-naħa l-oħra, il-koeżjoni territorjali ma tissemmiex speċifikament mid-Direttiva 2009/73 bħala għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fil-qasam tal-gass naturali. Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 14 TFUE jirrikonoxxi espliċitament ir-rwol li għandhom is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jsemmi espliċitament il-koeżjoni territorjali fil-kuntest tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Barra minn hekk, sa fejn intervent statali jkollu bħala skop il-koeżjoni territorjali fis-sens li huwa jkun intiż sabiex jippermetti aċċess universali u ugwali għall-gass naturali fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru, billi l-għan ikun li tiġi evitata sitwazzjoni li fiha ċerti reġjuni ta’ pajjiż, pereżempju minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew il-kundizzjonijiet naturali tagħhom, ikunu mċaħħda minn dan l-aċċess, it-tfittxija li jintlaħaq tali għan għandha mingħajr ebda dubju titqies bħala konformi mad-Direttiva 2009/73, u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 3(3) tagħha, li jipprovdi li, “b’mod partikolari, [l-Istati Membri] għandhom jieħdu l-passi adegwati biex iħarsu l-klijenti finali f’żoni remoti li huma mqabbda mas-sistema tal-gass”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, interpretat b’dan il-mod, l-għan tal-koeżjoni territorjali jifforma parti integrali mill-għanijiet li d-Direttiva 2009/73 tfittex li tilħaq.

58.      Sabiex nikkonkludi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2009/73, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha interpretat fid-dawl tal-Artikolu 14 u 106 TFUE kif ukoll tal-Protokoll Nru 26, tippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, għandhomx jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw il-prezz tal-provvista tal-gass naturali bl-għan b’mod partikolari li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet l-oħra kollha li hija tipprovdi jkunu ssodisfatti.

2.      Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

59.      It-tieni kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex intervent ta’ Stat Membru fuq l-iffissar tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali jista’ jkun ammissibbli huwa li l-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq l-impriżi jkunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Filwaqt li enfasizzat ir-rekwiżit ta’ kontroll strett fuq l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn l-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu jippreġudikaw il-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali biss sa fejn neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma jfittxu li jilħqu (46).

60.      L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tirrikjedi, l-ewwel nett, l-adegwatezza tal-miżura sabiex tilħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li hija tfittex li tilħaq (47). It-tieni nett, fir-rigward tat-tul tal-intervent statali fuq il-prezzijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu sabiex, b’mod partikolari, ma jrendix permanenti miżura li, min-natura tagħha stess, tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq intern tal-gass operattiv (48). It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-metodu ta’ intervent implementat ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex (49). Ir-raba nett, il-proporzjonalità tal-miżura għandha tiġi evalwata wkoll fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħha (50).

61.      Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa, fil-kuntest tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-impożizzjoni fuq ċerti fornituri tal-obbligu li joffru lil ċerti kategoriji ta’ klijenti l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tagħtiha, sa fejn possibbli u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, l-indikazzjonijiet neċessarji għal dan l-għan fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (51).

a)      Fuq l-adegwatezza tal-miżura sabiex tilħaq l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittxa

62.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju ser tkun mitluba tevalwa jekk, kif strutturata, il-miżura inkwistjoni hijiex adatta sabiex tilħaq l-għanijiet invokati, jiġifieri dak tas-sigurtà tal-provvista u dak tal-koeżjoni territorjali. L-adegwatezza tal-miżura tippresupponi l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-obbligu impost u l-għan invokat. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ għanijiet.

63.      F’dak li jikkonċerna s-sigurtà tal-provvista, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-argument imressaq mill-Gvern Franċiż li l-għażliet ta’ provvista tal-fornitur eżistenti u l-fatt li l-portafoll tiegħu ta’ provvista huwa kkostitwit prinċipalment minn kuntratti għal żmien twil indiċjati mal-prezz taż-żejt jiżguraw sigurtà ikbar tal-provvista. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Franċiż iżid li l-instabbiltà tas-suq bl-ingrossa tal-gass naturali tista’ toħloq volatilità fil-prezz tal-gass li jkollha effett fuq il-prezz tal-provvista tal-gass lill-klijenti finali. It-tariffi rregolati kif ukoll il-modalitajiet ta’ kalkolu tagħhom jinkludu mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-prezzijiet tal-gass li għandu l-effett li jtaffi l-impatt fuq il-konsumatur finali ta’ bidliet f’daqqa minħabba l-volatilità taż-żejt u tal-gass.

64.      F’dan ir-rigward, għandi, l-ewwel nett, ninnota li fil-proċess ma hemmx indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ obbligu fuq il-fornituri kkonċernati bit-tariffi rregolati (lanqas fuq fornituri oħra) li jikkonkludu kuntratti ta’ provvista għal żmien twil li jkollhom l-għan li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista bi prezzijiet raġonevoli (jiġifieri t-tariffi rregolati) fil-każ ta’ kriżi tal-enerġija jew ta’ volatilità sinjifikattiva tal-prezzijiet (52). Id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi barra minn hekk għall-“għażliet” ta’ provvista tal-fornitur eżistenti, li jidher jindika li l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien twil hija deċiżjoni kummerċjali tal-imsemmi fornitur pjuttost milli obbligu ġuridiku impost fuqu. Issa, fl-assenza ta’ rabta bejn il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ provvista għal żmien twil u t-tariffi rregolati, ma huwiex ċar, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata fil-proċess, kif l-impożizzjoni ta’ dawn it-tariffi tista’ ssib ġustifikazzjoni fl-eżistenza ta’ dawn il-kuntratti.

65.      It-tieni nett, billi ma huwiex eskluż li, fil-każ ta’ kriżi tal-enerġija li twassal għal żieda sinjifikattiva ħafna tal-prezzijiet, miżura li tinvolvi l-obbligu ta’ offerta u ta’ provvista tal-gass naturali bi prezz iddeterminat tista’ eventwalment titqies adatta sabiex tiżgura s-sigurtà tal-provvista, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li tali possibbiltà ta’ intervent, li għandha natura eċċezzjonali, hija prevista, taħt kundizzjonijiet stretti, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu L. 410‑2 tal-kodiċi tal-kummerċ. Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk jeżistix tibdil qawwi fil-prezz tal-gass naturali minħabba l-volatilità tal-gass innifsu jew taż-żejt li jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura li, essenzjalment, tikkostitwixxi intervent statali fuq il-prezz ta’ natura permanenti. Fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-għan tas-sigurtà tal-provvista, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll miżuri adottati fil-kuntest tar-Regolament Nru 994/2010 (53).

66.      F’dak li jikkonċerna l-koeżjoni territorjali, id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi għall-argument tal-Gvern Franċiż li t-tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass jippermettu armonizzazzjoni tal-prezzijiet fuq it-territorju nazzjonali. Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Franċiża targumenta li l-ispiża għall-użu tan-netwerk ta’ trasport iffatturat lill-fornituri tal-gass mit-trasportatur jista’ jvarja ħafna skont id-distanza tal-klijent mill-infrastrutturi prinċipali tat-trasport u li, f’dawn il-kundizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni tat-tariffi tippermetti li jittaffu d-differenzi fl-ispejjeż għall-klijent billi tintroduċi ekwalizzazzjoni parzjali.

67.      Issa, ma jidhirx eskluż li l-għan tal-koeżjoni territorjali, kif iddefinit fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jista’ jiġi żgurat bl-impożizzjoni ta’ obbligu li l-gass jiġi pprovdut bi prezz iddeterminat. Madankollu għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa, fil-kuntest tal-analiżi tan-natura neċessarja tal-miżura, jekk jeżistux ukoll miżuri adatti sabiex jiżguraw dan l-għan, imma li jostakolaw inqas it-twettiq ta’ suq intern miftuħ tal-gass naturali minn impożizzjoni ġeneralizzata ta’ prezz applikabbli mhux għal ċerti kategoriji ta’ klijenti li jinsabu f’żoni iżolati u identifikati skont kriterji ġeografiċi oġġettivi, imma għal ċerti kategoriji sħaħ ta’ klijenti identifikati fuq il-bażi tal-konsum tagħhom tal-gass.

b)      Fuq it-tul tal-miżura

68.      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tul tal-miżura, għandu jiġi nnotat li, fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni ma tipprovdi ebda limitu għat-tul tal-obbligu li l-provvista ta’ gass naturali tiġi offerta lill-klijent finali b’tariffi rregolati, liema fatt jattribwixxi lil dan l-obbligu natura permanenti. Issa, huwa veru, kif isostni l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, li l-leġiżlazzjoni Franċiża tipprovdi għal obbligu ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tat-tariffi rregolati (54). Madankollu, jidher li dan l-obbligu ta’ reviżjoni perijodika jikkonċerna l-iffissar tal-livell ta’ dawn it-tariffi u mhux in-neċessità u l-modalitajiet tal-intervent statali fuq il-prezzijiet skont l-iżviluppi fis-settur tal-gass. Hija ma tidhirx għalhekk li tista’ tikkonfuta l-konstatazzjoni ta’ natura permanenti ta’ dan l-intervent (55).

69.      Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk, kif strutturata, l-impożizzjoni ta’ obbligu, li għandu, essenzjalment, natura permanenti, ta’ provvista tal-gass naturali b’ċertu prezz tistax titqies bħala limitata għal dak strettament neċessarju sabiex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet invokati.

c)      Fuq in-natura neċessarja tal-miżura

70.      Fit-tielet lok, għandha tkun ukoll il-qorti tar-rinviju li tevalwa n-natura neċessarja tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, hija għandha tevalwa jekk il-metodu ta’ intervent statali fuq il-prezz implementat mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, kif strutturat, imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali imfittex u jekk jeżistux miżuri adegwati inqas vinkolanti.

71.      F’dan ir-rigward, fis-sentenza Federutility (C‑265/08, EU:C:2010:205), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, jekk jirriżulta li intervent statali fuq il-prezz tal-provvista tal-gass naturali seta’ jiġi ġġustifikat, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità jimplika b’mod partikolari li bħala prinċipju dan ikun limitat għall-komponent tal-prezz direttament influwenzat ’il fuq miċ-ċirkustanzi speċifiċi li l-intervent statali huwa intiż li jillimita l-effett tagħhom (56).

72.      F’dan il-kuntest, fil-punt (b) tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari ż-żewġ għanijiet invokati, intervent statali fuq il-prezz tal-gass naturali jistax ikun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż sħaħ tal-fornitur eżistenti. Barra minn hekk, hija tistaqsi, essenzjalment, liema komponenti tal-ispejjeż jistgħu jiġu koperti bit-tariffi rregolati.

73.      F’dak li jikkonċerna qabelxejn l-ammissibbiltà fis-sens tad-Direttiva 2009/73 ta’ determinazzjoni tat-tariffi rregolati bbażata fuq il-prinċipju ta’ kopertura tal-ispejjeż, għandu jiġi nnotat li din id-direttiva ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ tali tariffi u lanqas dwar l-ispejjeż li jistgħu eventwalment jiġu koperti. Fil-fatt, kif tinnota korrettament anki l-Kummissjoni, din id-direttiva hija bbażata fuq il-kunċett li, bħala prinċipju, il-prezz tal-provvista tal-gass naturali għandu jirriżulta mill-kompetizzjoni libera. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sakemm il-kundizzjonijiet kollha għal intervent statali fuq il-prezz ikunu ssodisfatti, xejn ma jopponi, bħala prinċipju, l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ determinazzjoni tat-tariffi rregolati bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż. Il-kwistjoni li tqum hija, madankollu, liema spejjeż, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’tali determinazzjoni.

74.      F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda r-referenza għall-ispejjeż “sħaħ”, ninnota, qabelxejn, li r-rekwiżit espress mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 36 u 38 tas-sentenza Federutility (C‑265/08, EU:C:2010:205), li l-intervent statali fuq il-prezz għandu jkun limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jidher li jimplika n-neċessità li jiġi identifikat, sa fejn possibbli, il-komponent tal-prezz li fuqu huwa neċessarju l-intervent sabiex jintlaħaq l-għan imfittex bl-intervent ipprospettat.

75.      Għaldaqstant, f’dan il-każ, jekk jirriżulta li huwa verament neċessarju li jiġu previsti tariffi rregolati sabiex jiġi żgurat l-għan tas-sigurtà tal-provvista u dak tal-koeżjoni territorjali, kif iddefinit fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tirrikjedi li l-intervent ikun, bħala prinċipju, limitat għall-komponenti tal-prezz li jistgħu jkunu influwenzati ’l fuq bit-tfittxija ta’ dawn l-għanijiet.

76.      Issa, kif ġie nnotat fil-punti 42 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istati Membri jgawdu marġni ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni, fl-eżekuzzjoni kif ukoll fl-organizzazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li biħsiebhom jimponu fuq l-impriżi ta’ gass naturali fl-interess ekonomiku ġenerali, b’mod li awtonomija organizzattiva għandha tiġi rikonoxxuta lilhom fir-rigward tad-definizzjoni konkreta tal-modalitajiet operattivi ta’ dawn l-obbligi. Jekk tali awtonomija tippermetti li jiġu organizzati dawn l-obbligi ta’ servizz pubbliku b’mod li jiġi żgurat il-funzjonament tagħhom, jidhirli, madankollu, li metodu ta’ determinazzjoni tat-tariffi rregolati bbażat fuq il-kopertura tal-ispejjeż sħaħ jirrikjedi neċessarjament li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż – li jikkostitwixxu, b’applikazzjoni ta’ tali metodu, komponenti tat-tariffa (57) ‐ li ma jistgħux jiġu influwenzati ’l fuq bit-tfittxija tal-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali invokat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, niddubita mill-kompatibbiltà ta’ metodu ta’ determinazzjoni tat-tariffi rregolati bbażat fuq il-kopertura tal-ispejjeż sħaħ mar-rekwiżit fuq imsemmi, espress mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Federutility (C‑265/08, EU:C:2010:205), li l-intervent statali ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li huwa jfittex li jilħaq.

77.      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda r-referenza għall-kopertura tal-ispejjeż “tal-fornitur eżistenti”, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jirrikjedi li l-obbligi ta’ servizz pubbliku jkunu nondiskriminatorji. Fuq dan l-aspett, nirreferi madankollu għall-punti 81 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

d)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae

78.      Fir-raba’ lok, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità għandu wkoll jiġi evalwat fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura u, iktar speċifikament, tal-benefiċjarji tagħha. Fis-sentenza Federutility (C‑265/08, EU:C:2010:205), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat dan l-aspett tal-proporzjonalità tal-miżura kkonċernata fid-dawl tal-għan invokat, jiġifieri ż-żamma tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali f’livell raġonevoli sabiex jiġi protett il-konsumatur finali. Hija ddeċidiet li, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma jkunx qed jiġi osservat jekk il-leġiżlazzjoni tibbenefika b’mod identiku lill-individwi u lill-impriżi, bħala konsumaturi finali tal-gass (58).

79.      F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprovdi li, mill-1 ta’ Jannar 2016, il-benefiċjarji tal-provvista bi prezzijiet irregolati għandhom ikunu d-djar u l-impriżi li jikkonsmaw inqas minn 30 000 kWh fis-sena. Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk tali sistema, li tidher tibbenefika b’mod identiku lill-klijenti domestiċi u lill-impriżi żgħar u medji, tosservax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżura, fid-dawl tal-għanijiet tas-sigurtà tal-provvista u tal-koeżjoni territorjali.

3.      In-natura kjarament iddefinita, trasparenti, nondiskriminatorja u verifikabbli tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u n-neċessità ta’ aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi

80.      Fl-aħħar nett, il-miżura inkwistjoni għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73, dwar n-natura kjarament iddefinita, trasparenti, nondiskriminatorja u verifikabbli tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, kif ukoll in-neċessità ta’ aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

81.      Fir-rigward, b’mod partikolari, tan-natura nondiskriminatorja, għandhom japplikaw il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

82.      Qabelxejn, ninnota li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 jipprovdi l-possibbiltà li jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku “fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass” b’mod ġenerali u mhux sempliċement fuq ċerti impriżi. Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri “m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi” tal-impriżi ta’ gass naturali. L-għan tal-kundizzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ natura diskriminatorja huwa li l-obbligi inkwistjoni jorbtu bl-istess mod l-operaturi kollha fis-settur, sabiex ma tiġix affettwata l-kompetizzjoni (59). F’dawn iċ-ċirkustanzi, mekkaniżmu ta’ indikazzjoni tal-impriżi li fuqhom huma imposti obbligi ta’ servizz pubbliku ma għandu jeskludi a priori l-ebda waħda mill-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass (60).

83.      F’dan il-każ, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li s-sistema tat-tariffi rregolati inkwistjoni tapplika esklużivament għal ċerti impriżi tal-gass u li ma hemmx indikazzjoni fil-proċess li l-applikazzjoni tagħha ma hijiex limitata għal ċerti operaturi li, matul perijodu partikolari, ikunu eliġibbli mingħajr distinzjoni esklużivament fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti minn qabel (61).

V –    Konklużjonijiet

84.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (kunsill tal-istat) bil-mod segwenti:

L-intervent ta’ Stat Membru li jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-obbligu fuq ċerti fornituri, fosthom il-fornitur eżistenti, li joffru lill-konsumatur finali l-provvista ta’ gass naturali b’tariffi rregolati, iżda li ma jimpedixxix li jsiru offerti kompetituri, bi prezzijiet iktar baxxi minn dawn it-tariffi, mill-fornituri kollha fis-suq jikkostitwixxi, min-natura tiegħu stess, ostakolu għat-twettiq ta’ suq tal-gass naturali kompetittiv imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE.

Id-Direttiva 2009/73/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha interpretat fid-dawl tal-Artikoli 14 u 106 TFUE, kif ukoll tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, tippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, għandhomx jiġu imposti fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw il-prezz tal-provvista tal-gass naturali bl-għan, b’mod partikolari, li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-koeżjoni territorjali, bil-kundizzjoni li, minn naħa, il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, u speċifikament in-natura nondiskriminatorja ta’ tali obbligi, ikunu ssodisfatti u, min-naħa l-oħra, li l-miżura inkwistjoni tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’każ bħal dan, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/73 ma jipprekludix, bħala prinċipju, metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz li huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ tali metodu ma twassalx sabiex l-intervent statali jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li huwa jfittex li jilħaq.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94).


3 – It-“tielet pakket dwar l-enerġija” ġie adottat f’Lulju 2009 u jinkludi, flimkien mad-Direttiva 2009/73, id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, p. 55), ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, p. 1), ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, p. 15), kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ĠU L 211, p. 36).


4 – Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2009/73.


5 – Ara l-premessi 44 u 47 tad-Direttiva 2009/73.


6 – Ibidem.


7 – Ara l-Artikolu L. 100‑1 tal-kodiċi tal-enerġija.


8 – Ara l-Artikolu L. 121‑32 tal-kodiċi tal-enerġija. F’dak li jikkonċerna l-previżjoni ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku bejn l-Istat u GDF Suez, ara l-Artikolu L. 121‑46 tal-kodiċi tal-enerġija, kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9 – Ara l-Artikolu L. 445‑1 tal-kodiċi tal-enerġija.


10 – Digriet Nru 2009-1603, tat-18 ta’ Diċembru 2009, dwar it-tariffi rregolati ta’ bejgħ tal-gass naturali, kif emendat bid-Digriet Nru 2013‑400 tas-16 ta’ Mejju 2013 (JORF Nru 113 tas-17 ta’ Mejju 2013, p. 8189, test Nru 12).


11 – Ara l-Artikolu 2 tad-Digriet Nru 2009‑1603, kif emendat bid-Digriet Nru 2013‑400 tas-16 ta’ Mejju 2013.


12 – Ara l-Liġi Nru 2014‑344, tas-17 ta’ Marzu 2014, dwar il-konsum (JORF Nru 65 tat-18 ta’ Marzu 2014, p. 5400, test Nru 1).


13 – Artikolu L. 445‑3 tal-kodiċi tal-enerġija, moqri flimkien mal-Artikolu L. 441‑1 ta’ dan il-kodiċi.


14 – Ara l-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 2009‑1603, kif emendat bid-Digriet Nru 2013‑400. Skont l-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet, l-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista għandhom jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż ta’ użu tan-netwerks tat-trasport tal-gass naturali, ta’ ħażna u ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi pprovduti, inkluż marġni kummerċjali raġonevoli. Ara, ukoll, l-Avviż Nru 13‑A‑09 tal-awtorità Franċiża tal-kompetizzjoni (Autorité française de concurrence), tal-25 ta’ Marzu 2013, dwar abbozz ta’ digriet dwar it-tariffi rregolati ta’ bejgħ ta’ gass naturali, p 4.


15 – Ara l-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 2009‑1603, kif emendat bid-Digriet Nru 2013‑400.


16 – Artikolu 5 tad-Digriet Nru 2009‑1603, kif emendat bid-digriet tas-16 ta’ Mejju 2013.


17 – Ibidem.


18 – Artikolu 6 tad-Digriet Nru 2009‑1603, kif emendat bid-digriet tas-16 ta’ Mejju 2013.


19 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861) dwar id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211) u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570).


20 – Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet inizjalment adottat din l-interpretazzjoni fis-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 18) f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211). Sussegwentement, hija kienet indikat li din l-interpretazzjoni u l-indikazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ intervent mill-Istat sabiex jirregola l-prezzijiet, li huma espressi fis-sentenza Federutility, huma applikabbli wkoll għad-Direttiva 2009/73 (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑36/14, EU:C:2015:570, punti 45 u 53).


21 – Ara l-premessi 3, 5, 22, 33 u 44 tad-Direttiva 2009/73.


22 – Ara l-Artikoli 3(1) u (4), 13(1)(a), 34(2), 37, 40(a) u 48(3)(a) tad- Direttiva 2009/73.


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 18). Ara, ukoll, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, punt 45).


24 – Ara l-punt 35 ta’ din is-sentenza. Ara, ukoll, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, punt 56).


25 – Għaldaqstant, mir-rapport annwali tal-attività taċ-CRE għas-sena 2014 (p. 3) jirriżulta li, fl-2014, 67.5 % tas-siti residenzjali kollha (li jirrappreżentaw 68.7 %  tal-konsum annwali) u 40.2 % tas-siti mhux residenzjali kollha (li jirrappreżentaw 10.4 %  tal-konsum annwali) kienu nqdew mit-tariffi rregolati.


26 – Ara, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2003/55, is-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 24) u, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2009/73, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, l-punti 52 u 53). Ara, ukoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27 – Ara, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2003/55, is-sentenzi Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, l-punti 20 sa 22 u 47) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, l-punti 51 u 52).


28 – Ara, f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2003/55, is-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 33), f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2003/54, is-sentenzi Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 42) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, punt 51).


29 – Għal dak li jirrigwarda dan il-kunċett, ara l-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-punti 53 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640).


30 – Ara s-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 26) u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31 – Ara l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26.


32 – Enfasi miżjuda minni.


33 – F’dan ir-rigward, ninnota li l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640, punt 46) kien diġà nnota li l-impreċiżjoni tad-Direttiva 2009/73 fir-rigward tal-previżjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku fl-interess ekonomiku ġenerali turi r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti marġni wiesgħa ta’ manuvra lill-Istati Membri. Din il-konstatazzjoni kienet saret f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 2003/55. Madankollu, billi d-Direttiva 2009/73 ma biddlet xejn mid-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva 2003/55, din il-konstatazzjoni tiswa wkoll għad-Direttiva 2009/73.


34 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tirrikonċilja l-interessi tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Unjoni għall-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni u għaż-żamma tal-unità tas-suq komuni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Albany (C‑67/96, EU:C:1999:430, punt 103); Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 28), u Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 41).


35 – Ara s-sentenzi Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 50).


36 – Ara t-tieni inċiż tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26.


37 – Skont it-tieni sentenza ta’ din il-premessa, “[h]uwa importanti li l-kriterji tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali u suġġett għar-rispett lejn il-liġi [tal-Unjoni]”.


38 – Ara s-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 29 u 30).


39 – Din il-frażi diġà ntużat mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640, punt 47).


40 – Ara r-referenzi għad-duttrina li jinsabu fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640).


41 – Ibidem.


42 – Għalhekk, b’mod partikolari, fil-każ tal-kawża li tat lok għas-sentenza Federutility (C‑265/08, EU:C:2010:205), l-Istat Membru kien impona obbligu “li jikkonċerna l-prezz” – jiġifieri li kellu bħala suġġett l-impożizzjoni ta’ azzjoni dwar il-prezz tal-provvista tal-gass – li kien intiż li jilħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali tal-istabbiltà tal-prezzijiet bl-għan li jiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur finali. Ara s-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 20, 24 u 32). F’dan il-każ, l-obbligu ta’ servizz pubbliku jirrigwarda l-prezz, imma, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Franċiż quddiem il-qorti tar-rinviju, ifittex li jilħaq l-għanijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali tas-sigurtà tal-provvista u tal-koeżjoni territorjali.


43 – Ara, f’dan is-sens, f’dak li jikkonċerna l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur finali, is-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 32).


44 – Premessi 1, 8, 21, 22, 35, 40, 44, 47 u 55 u l-Artikoli 3(2), (5) u (7), 5 u 6, 11(3)(b), (5)(b), (7) u (8), 13(2), 17(2)(f), 22(1), 34(2), 36(1)(a), 41(8), l-Artikolu 48(3)(b) u 52(1)(d), (4) u (6) tad-Direttiva 2009/73.


45 – Ara, b’mod partikolari, il-premessi 44 u 47 tad-Direttiva 2009/73.


46 – Ara s-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 33) u, f’dan is-sens, is-sentenza Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 42).


47 – Ara s-sentenza Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 56).


48 – Sentenzi Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 33 u 35), Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 75), u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, punt 56).


49 – Sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 36).


50 – Sentenzi Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 39) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, punt 60).


51 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 34) u Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 49).


52 – Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi l-Artikolu L. 121‑46 tal-kodiċi tal-enerġija li jipprovdi li “l-għanijiet u l-modalitajiet li jiżguraw l-implementazzjoni tal-għanijiet ta’ servizz pubbliku […] għandhom ikunu s-suġġett ta’ kuntratti” konklużi bejn l-Istat u GDF Suez minħabba l-għanijiet ta’ servizz pubbliku li huma assenjati lilha u li dawn il-kuntratti għandhom jirrigwardaw b’mod partikolari r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku fil-qasam ta’ sigurtà tal-provvista. Madankollu, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li ssemmi din id-dispożizzjoni, ma tipprovdi l-ebda informazzjoni fir-rigward tal-eżistenza nnifisha ta’ dawn il-kuntratti. Iktar preċiżament, hija ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja biss l-aħħar kuntratt ta’ servizz pubbliku li skada fil-31 ta’ Diċembru 2013 u li ma kienx iġġedded u, min-naħa l-oħra, ma hemm l-ebda indikazzjoni fuq il-fatt li eventwali kuntratt ta’ servizz pubbliku konkluż bejn l-Istat Franċiż u GDF-Suez kellu jipprovdi għal obbligu li jiġi ffirmat kuntratt ta’ provvista għal żmien twil.


53 – Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (ĠU L 295, p. 1).


54 – Il-Gvern Franċiż josserva li kull sena ċ-CRE twettaq analiżi ddettaljata tal-ispejjeż kollha ta’ provvista ta’ gass naturali u tal-ispejjeż kollha minbarra dawk ta’ provvista, li, fuq il-bażi tal-analiżi taċ-CRE, il-ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija jiffissaw il-formula tariffarja kif ukoll il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ispejjeż minbarra dawk ta’ provvista għall-inqas darba f’sena, u li kull fornitur jimmodifika r-rati tat-tariffi tiegħu f’intervalli stabbiliti b’digriet (ara l-punti 14 sa 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


55 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 35) kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, punti 57 u 58).


56 – Ara s-sentenza Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punti 37 u 38).


57 – Fil-fatt, f’metodu ta’ determinazzjoni tal-prezz irregolat li permezz tiegħu dan il-prezz huwa ddeterminat fuq il-bażi tal-ispejjeż sħaħ, kull komponent tal-ispejjeż jikkostitwixxi neċessarjament komponent tal-prezz irregolat.


58 – Ara s-sentenzi Federutility et (C-265/08, EU:C:2010:205, punti 39 sa 43) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑36/14, EU:C:2015:570, punt 60).


59 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640, punt 81).


60 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑220/07, EU:C:2008:354, punt 31), f’dak li jikkonċerna l-mekkaniżmu ta’ indikazzjoni tal-impriżi inkarigati bil-provvista tas-servizz universali fit-termini tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).


61 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Enel Produzione (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 86).