Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2016 minn Toshiba Corporation mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-19 ta’ Jannar 2016 fil-Kawża T-404/12: Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-180/16 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Toshiba Corporation (rappreżentanti: J. F. MacLennan, Solicitor, A. Schulz, avukat, S. Sakellariou, Δικηγόρος, J. Jourdan, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-404/12, u

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-każ COMP/39.966 – Switchgear Iżolati bil-Gass, adozzjoni mill-ġdid; jew

tnaqqas il-multa imposta fuq Toshiba, skont l-Artikolu 261 TFUE; jew

tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punti ta’ liġi li fuqhom hija tat deċiżjoni; u f’kull każ

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa bbażat fuq tliet aggravji:

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża ta’ Toshiba ma nkisrux mill-Kummissjoni Ewropea; b’mod partikolari sa fejn il-Kummissjoni ma indirizzatx dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Toshiba qabel ma adottat id-deċiżjoni ta’ adozzjoni mill-ġdid fl-2012;

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkalkola l-multa ta’ Toshiba ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament; b’mod partikolari sa fejn il-Kummissjoni użat l-ammont inizjali kkalkolat għall-impriża komuni TM T&D bħala bażi għall-kalkolu tal-multa ta’ Toshiba, u mhux dħul mill-bejgħ rilevanti għal Toshiba, kuntrarjament għal dak li għamlet il-Kummissjoni għad-destinatarji Ewropej tad-deċiżjoni adottata fl-2007; u

It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni Ewropea, billi ma naqsitx il-multa ta’ Toshiba sabiex tirrifletti l-parteċipazzjoni relattiva tagħha għal dan il-ksur, ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament; b’mod partikolari sa fejn il-Kummissjoni ma qisitx li l-parteċipazzjoni iktar limitata ta’ Toshiba għall-aġir kollużorju, meta mqabbla ma’ dik tad-destinatarji Ewropej tad-deċiżjoni adottata fl-2007, kienet tiġġustifika li tiġi riflessa fl-ammont tal-multa.

____________