Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeits- und Sozialgericht Wien (l-Awstrija) fit-3 ta’ Ottubru 2017 – BUAK Bauarbeiter-, Urlaubs- u. Abfertigungskasse vs Gradbeništvo Korana d.o.o.

(Kawża C-579/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Arbeits- und Sozialgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BUAK Bauarbeiter-, Urlaubs- u. Abfertigungskasse

Konvenuta: Gradbeništvo Korana d.o.o.

Domandi preliminari

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt “kwistjonijiet ċivili u kummerċjali” proċeduri li jinvolvu pretensjonijiet mill-Bauarbeiter-Urlaubs und Abfertigungskasse (fond għal leave mħallas u għal allowances ta’ waqfien mix-xogħol għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni) għal supplimenti salarjali kontra persuni li jimpjegaw minħabba l-kollokament fl-Awstrija għal twettiq ta’ xogħol ta’ ħaddiema mingħajr post tax-xogħol abitwali fl-Awstrija jew fil-kuntest ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema fl-Awstrija, jew kontra persuni li jimpjegaw li huma stabbiliti barra minn Awstrija minħabba l-ingaġġ ta’ ħaddiema li għandhom il-post tax-xogħol abitwali tagħhom fl-Awstrija, anki meta tali pretensjonijiet mill-BUAK għal supplimenti salarjali jikkonċernaw relazzjonijiet ta’ xogħol irregolati mid-dritt privat u jkopru d-drittijiet għal leave u allowances ta’ leave annwali u jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ xogħol ma’ persuni li jimpjegaw, minkejja li

kemm l-ammont tal-pretensjonijiet tal-ħaddiema kontra l-BUAK għall-allowances ta’ leave annwali kif ukoll l-ammont tal-pretensjonijiet tal-BUAK kontra persuni li jimpjegaw għal supplimenti salarjali huma ddeterminati mhux b’kuntratt jew bi ftehim kollettiv, iżda permess ta’ digriet tal-Ministru Federali,

is-supplimenti salarjali dovuti minn persuni li jimpjegaw lill-BUAK iservu mhux biss sabiex ikopru l-ispejjeż għall-ħlas tal-allowances ta’ leave annwali lill-ħaddiema iżda wkoll sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi tal-BUAK u

fir-rigward tal-implementazzjoni u tal-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet għal tali supplimenti salarjali, il-BUAK għandu poteri iktar estensivi minn dawk ta’ persuna privata, sa fejn

il-persuni li jimpjegaw għandhom, taħt piena ta’ multa, jagħmlu dikjarazzjonijiet lill-BUAK f’okkażjonijiet speċifiċi u fuq bażi mensili, billi jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni stabbiliti mill-BUAK, jikkooperaw u jaċċettaw il-miżuri ta’ kontroll tal-BUAK, jagħtu aċċess lill-BUAK għal dokumenti salarjali, imprenditorjali u oħra, u jipprovdu lil dan tal-aħħar b’informazzjoni u,

fil-każ li l-persuni li jimpjegaw ma josservawx l-obbligi tagħhom ta’ komunikazzjoni, il-BUAK huwa awtorizzat jikkalkola s-supplimenti salarji dovuti mill-persuni li jimpjegaw fuq il-bażi tal-investigazzjoni tiegħu stess, u f’dan il-każ l-ammont tal-pretensjoni tas-suppliment salarjali tal-BUAK huwa dak stabbilit mill-BUAK, irrispettivament miċ-ċirkustanzi effettivi tal-kollokament jew tal-impjieg ikkonċernat?

____________

1 ĠU L 351, p. 1