Language of document : ECLI:EU:C:2017:586

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Lulju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali – Organizzazzjoni tal-qsim tal-fruntiera mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ tranżitu lejn Stat Membru ieħor – Dħul awtorizzat b’deroga għal raġunijiet umanitarji – Artikolu 2(m) – Kunċett ta’ ‘viża’ – Artikolu 12 – Ħruġ ta’ viża – Artikolu 13 – Qsim irregolari ta’ fruntiera esterna”

Fil-Kawża C‑646/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura mressqa minn

Khadija Jafari,

Zainab Jafari

fil-preżenza ta’:

Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, M. Berger u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal K. u Z. Jafari, minn R. Frühwirth, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, E. Armoët u E. de Moustier, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Cordì u L. D’Ascia, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Tátrai u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Crane, bħala aġent, assistita minn C. Banner, barrister,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn E. Bichet, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, G. Wils u M. Žebre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), kif ukoll tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżami tar-rikorsi ppreżentati minn Khadija Jafari u Zainab Jafari, ċittadini Afgani, kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl (uffiċċju federali għad-dritt tal-barranin u d-dritt għal ażil, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju”) li jiddikjaraw l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli, li jordnaw it-tkeċċija tagħhom u li jikkonstataw li t-trasferiment tagħhom lejn il-Kroazja huwa leċitu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen

3        L-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), kif emendata bir-Regolament Nru 610/2013 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen”), jipprovdi:

“Il-viżi għal soġġorni li jeċċedu 90 jum (‘viżi għal soġġorn fit-tul’) għandhom ikunu viżi nazzjonali maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri skont il-liġijiet nazzjonali tiegħu jew il-liġi tal-Unjoni. Dawn il-viżi għandhom jinħarġu fil-format uniformi għall-viżi kif stabbilit fir-[Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1683/95, tad‑29 ta’ Mejju 1995, li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 13)], bl-intestatura li tispeċifika t-tip ta’ viża bl-ittra ‘D’. […]”

 Id-Direttiva 2001/55/KE

4        L-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal‑20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162) jipprevedi:

“Għandhom japplikaw il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi deċiż liema Stat Membru jkun responsabbli li jikkunsidra applikazzjoni għall-asil. B’mod partikolari, l-Istat Membru responsabbli mill-eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għall-asil issottomessa minn persuna li tgawdi l-protezzjoni temporanja skond din id-Direttiva, għandu jkun l-Istat Membru li jkun aċċetta t-trasferiment tiegħu lejn it-teritorju tiegħu.”

 Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

5        Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad‑9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1). Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kien għaldaqstant applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali.

6        Il-premessi 6, 27 u 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kienu fformulati kif ġej:

“(6)      Il-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss ta’ l-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu isiru dawn il-kontrolli, iżda ta’ l-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-kontroll fuq il-fruntiera għandu jgħin fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex tkun prevenuta xi theddida għas-sigurtà interna, l-politika pubblika, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri.

[…]

(27)      Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux parti […]. Ir-Renju Unit għaldaqstant mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(28)      Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem […] L-Irlanda għaldaqstant mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.”

7        L-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Qsim ta’ fruntieri esterni”, kien jipprovdi:

“1.      Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju […] għall-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jintroduċu penali, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, għall-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntieri esterni f’postijiet li mhumiex punti ta’ qsim jew f’ħinijiet li mhumiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti. […]”

8        Bit-titolu “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, l-Artikolu 5 tal-imsemmi kodiċi kien jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perjodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

(a)      ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera […]

[…]

(b)      huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk rikjesta […], ħlief meta jkunu detenturi ta’ permess validu ta’ residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul;

(c)      jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

(d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

(e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.

[…]

4.      B’deroga mill-paragrfu 1:

(a)      ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 1, iżda li jkollhom permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn fit-tul għandhom ikunu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra għal skop ta’ transitu sabiex ikunu jistgħu jaslu fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul, sakemm isimhom ma jkunx fuq il-lista nazzjonali ta’ allerti tal-Istat Membru li tiegħu jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntieri esterni u li l-allert ma jkunx akkumpanjat minn istruzzjonijiet biex jiġi rrifjutat id-dħul jew it-transitu;

(b)      ċittadini ta’ pajjiż terz li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, ħlief dik stabbilita fil-punt (b), u li jippreżentaw ruħhom fuq il-fruntiera jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri, jekk tinħareġ viża fil-fruntiera […]

[…]

(c)      ċittadin(i) ta’ pajjiż terz li ma jissodisfawx xi kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu awtorizzati minn xi Stat Membru biex jidħlu fit-territorju tiegħu għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. Meta ċ-ċittadin minn pajjiż terz konċernat ikun soġġett għal xi allert kif imsemmi fil-paragrafu 1 punt (d), l-Istat Membru li jkun qed jawtorizza d-dħul tiegħu/tagħha fit-territorju tiegħu għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan.”

9        L-Artikolu 10(1) tal-istess kodiċi kien jispeċifika li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul u l-ħruġ.

10      L-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kien jispeċifika:

“[…] Persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment u li ma għandha l-ebda dritt tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi arrestata u ssir soġġetta għall-proċeduri li jirrispettaw id-Direttiva 2008/115/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98)].”

 Id-Direttiva 2008/115

11      L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/115 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”) jistipula:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:

(a)      huma soġġetti għal ċaħda ta’ dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru;

[…]”

12      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

[…]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009

13      Il-premessi 36 u 37 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1), kif emendat bir-Regolament Nru 610/2013 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Viżi”), huma redatti kif ġej:

“(36)      Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem […]. Għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(37)      Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem […]. Għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament u mhijiex marbuta minnu jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.”

14      L-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jeċċedux id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum.”

15      L-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Viża b’validità territorjali limitata għandha tinħareġ eċċezzjonalment, fil-każijiet li ġejjin:

(a)      meta l-Istat Membru kkonċernat iqis li huwa meħtieġ, għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali:

(i)      b’deroga mill-prinċipju li għandhom ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) (a), (c), (d) u (e), tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen;

[…]”

16      L-Artikoli 27 sa 29 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jiddefinixxu r-regoli dwar kif għandhom jimtlew l-istickers tal-viża, dwar l-invalidar ta’ viżi mimlijin u dwar it-twaħħil tal-istickers tal-viża.

17      L-Artikolu 35 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Applikazzjonijiet għal viżi fuq il-fruntieri esterni”, jistipula, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“Fejn ma jiġux sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen, l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-viża mal-fruntiera jistgħu joħorġu viża b’validità territorjali limitata għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-viża biss, skont l-Artikolu 25(1)(a) ta’ dan ir-Regolament.”

 Ir-Regolament Dublin III

18      Il-premessi 25 u 41 tar-Regolament Dublin III huma redatti kif ġej:

“(25)      Il-ħolqien progressiv ta’ żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta’ persuni jkun iggarantit skont it-TFUE u l-istabbiliment ta’ politika tal-Unjoni dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u qagħad ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi sforzi komuni lejn l-amministrazzjoni ta’ konfini esterni, jagħmel meħtieġ li jinstab bilanċ bejn kriterji ta’ responsabbiltà u spirtu ta’ solidarjetà.

[…]

(41)      F’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, mehmuż mat-TUE u mat-TFUE, dawk l-Istati Membri innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

19      L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).”

20      L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

m)      ‘viża’ tfisser l-awtorizzazzjoni jew deċiżjoni ta’ Stat Membru rekwiżita għal transitu jew dħul għal soġġorn intenzjonat f’dak l-Istat Membru jew f’diversi Stati Membri. In-natura tal-viża għandha tkun iddeterminata skont id-definizzjonijiet li ġejjin:

–        ‘viża għal soġġorn twil’ tfisser awtorizzazzjoni jew deċiżjoni maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu jew il-liġi tal-Unjoni rekwiżita għal dħul għal soġġorn intenzjonat f’dak l-Istat Membru ta’ aktar minn tliet xhur;

–        ‘viża għal soġġorn qasir’ tfisser awtorizzazzjoni jew deċiżjoni ta’ Stat Membru bil-ħsieb ta’ transitu minn jew soġġorn intenzjonat fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew kollha ta’ tul ta’ mhux aktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur li jibda fid-data tal-ewwel dħul fuq it-territorju tal-Istati Membri;

–        ‘viża għal transitu f’ajruport’ tfisser viża valida għal transitu miż-żoni ta’ transitu internazzjonali f’ajruport wieħed jew aktar tal-Istati Membri.

[…]”

21      L-Artikolu 3(1) u (2) tal-istess regolament jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.      Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

[…]”

22      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej:

“Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.”

23      L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew viża” jispeċifika, fil-paragrafi 2 sa 5 tiegħu:

“2.      Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-viża ma tkunx inħarġet f’isem Stat Membru ieħor taħt arranġament ta’ rappreżentanza kif stipulat fl-Artikolu 8 [tal-Kodiċi dwar il-Viżi]. F’każ bħal dan, l-Istat Membru rappreżentat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

3.      Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ aktar minn dokument wieħed ta’ residenza validu jew viża maħruġin minn Stati Membri differenti, ir-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jassumuha l-Istati Membri fl-ordni li ġejja:

[…]

(b)      l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-aktar tard id-data ta’ skadenza fejn il-viżas varji huma tal-istess tip;

(c)      fejn viżas huma ta’ xorta differenti, l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-itwal perijodu ta’ validità, jew, fejn il-perjodi ta’ validità huma identiċi, l-Istat Membru li ħareġ il-viża li għandha l-aktar tard id-data ta’ skadenza.

4.      Fejn l-applikant ikun fil-pussess biss ta’ […] viża waħda jew aktar li jkunu skadew inqas minn sitt xhur qabel u li ppermettwelu jew ippermettwelha biex attwalment jidħol/tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw għal tali żmien li l-applikant ma jkunx ħareġ mit-territorji tal-Istati Membri.

Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ […] viża waħda jew aktar li jkunu skadew aktar minn sitt xhur qabel u li ppermettwelu jew ippermettwelha biex attwalment jidħol/tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru u fejn huwa/hija ma ħarġitx mit-territorji tal-Istati Membri, l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali hija ddepożitata għandu jkun responsabbli.

5.      Il-fatt li dokument ta’ residenza jew viża jkun inħareġ fuq bażi ta’ identita falza jew assunta jew fuq sottomissjoni ta’ dokumenti ffalsifikati, simulati jew invalidi m’għandux jimpedixxi li r-responsabbilità tkun allokata lill-Istat Membru li jkun ħarġu/ħariġha. Madankollu, l-Istat Membru li joħroġ id-dokument ta’ residenza jew viża m’għandux ikun responsabbli jekk jista’ jkun stabbilit li l-frodi kienet kommessa wara li d-dokument jew viża kien inħareġ/kienet inħarġet.”

24      Taħt it-titolu “Dħul u/jew permanenza”, l-Artikolu 13 tar-Regolament Dublin III jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) ta’ dan ir-Regolament, inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-istabbiliment tal-‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Nru 604/2013 u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1)] li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dik ir-responsabbilità għandha tieqaf 12‑il xahar wara d-data li fiha l-qsim irregolari tal-konfini jkun seħħ.”

25      L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi:

“Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru li fih il-ħtieġa li jkollu viża tkun irrinunzjata, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu.”

26      L-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

L-Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. […]

[…]”

27      L-Artikolu 33 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi mekkaniżmu għal twissija bikrija, tħejjija u ġestjoni ta’ kriżijiet li jkopri s-sitwazzjonijiet li fihom l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tista’ titqiegħed fil-perikolu minħabba l-identifikazzjoni ta’ riskju ssostanzjat ta’ pressjoni partikolari li titpoġġa fuq is-sistema ta’ ażil ta’ Stat Membru u/jew minħabba problemi fil-funzjonament tas-sistema ta’ ażil ta’ Stat Membru.

28      L-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament jipprevedi mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29      K. u Z. Jafari telqu mill-Afganistan fix-xahar ta’ Diċembru 2015, bit-tfal tagħhom, u sussegwentement ivvjaġġaw minn ġewwa l-Iran, it-Turkija, il-Greċja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja. Huma qasmu l-fruntiera bejn dan l-Istat tal-aħħar u l-Kroazja fl‑2016. L-awtoritajiet Kroati organizzaw it-trasport tagħhom, bil-pullman, sal-fruntiera Slovena.

30      K. u Z. Jafari u t-tfal tagħhom sussegwentement daħlu fis-Slovenja. L-awtoritajiet Sloveni tawhom, fil‑15 ta’ Frar 2016, dokumenti mill-pulizija li jindikaw li d-destinazzjoni tal-vjaġġ tagħhom kienet, għal waħda minnhom, il-Ġermanja, u għall-oħra, l-Awstrija. Dik il-ġurnata stess, wara li daħlu fl-Awstrija, K. u Z. Jafari ppreżentaw, għalihom stess u għat-tfal tagħhom, applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru tal-aħħar.

31      L-uffiċċju indirizza talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Sloveni, skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Dublin III, billi urew id-dokumenti mill-pulizija mogħtija lil K. u Z. Jafari. L-awtoritajiet Sloveni wieġbu għal din it-talba li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati ma kienu rreġistrati fis-Slovenja taħt l-ebda titolu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li huma kienu qasmu s-Slovenja billi ġew mill-Kroazja.

32      Fis‑16 ta’ April 2016, l-uffiċċju talab lill-awtoritajiet Kroati jieħdu r-responsabbiltà ta’ K. u Z. Jafari u t-tfal tagħhom abbażi tal-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament. L-awtoritajiet Kroati ma wieġbux għal din it-talba. Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ġunju 2016, l-uffiċċju indika lil dawn tal-aħħar li, skont l-Artikolu 22(7) tal-istess regolament, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn K. u Z. Jafari u t-tfal tagħhom kienet issa taqa’ fuq ir-Repubblika tal-Kroazja.

33      Fil‑5 ta’ Settembru 2016, l-uffiċċju ddikjara l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn K. u Z. Jafari inammissibbli, ordna t-tkeċċija tagħhom kif ukoll tat-tfal tagħhom, u kkonstata li r-ritorn tagħhom lejn il-Kroazja kien leċitu. Dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq il-fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati daħlu irregolarment fil-Greċja u fil-Kroazja u li t-trasferiment tagħhom lejn il-Greċja huwa eskluż minħabba nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil f’dan l-Istat Membru.

34      K. u Z. Jafari kkontestaw dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, l-Awstrija). Fl‑10 ta’ Ottubru 2016, dik il-qorti ċaħdet ir-rikorsi tagħhom billi rrilevat, b’mod partikolari, li, fl-assenza ta’ viża, id-dħul tagħhom fil-Kroazja kellu jitqies bħala irregolari fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u li ma seta’ jinsilet ebda argument mill-ammissjoni tal-persuni kkonċernati fil-Kroazja bi ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

35      K. u Z. Jafari appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi argumentaw b’mod partikolari li huma daħlu fil-Kroazja, fis-Slovenja u fl-Awstrija skont l-Artikolu 5(4)(c) ta’ dan il-kodiċi.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2(m), l-Artikolu 12 u l-Artikolu 13 tar-Regolament [Dublin III], għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni strumenti legali oħra marbuta mar-Regolament Dublin III, jew dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw tifsira awtonoma?

2)      Fil-każ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati b’mod indipendenti minn strumenti legali oħra:

a)      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, ikkaratterizzati mill-fatt li mmaterjalizzaw fi żmien li fih l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati prinċipalment involuti kienu qegħdin jaffrontaw numru eċċezzjonalment għoli ta’ persuni li kienu qegħdin jitolbu jitħallew jgħaddu mit-territorju tagħhom, id-dħul fit-territorju, ittollerat de facto minn Stat Membru għall-finijiet biss tat-tranżitu minn dan l-Istat Membru u tat-tressiq ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, għandu jitqies daqslikieku huwa ‘viża’ fis-sens tal-Artikolu 2(m) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dulbin III?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a):

b)      Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, il-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni għandu jitqies li jwassal sabiex il-‘viża’ ma tibqax valida?

c)      Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, għandu jitqies li l-‘viża’ tibqa’ valida meta l-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx għadu seħħ jew il-‘viża’ ma tibqax valida, irrispettivament mill-assenza ta’ ħruġ mit-territorju, hekk kif l-applikant jabbanduna definittivament kull ħsieb li jmur fi Stat Membru ieħor?

d)      Il-fatt li l-applikant jabbanduna kull ħsieb li jmur fl-Istat Membru inizjalment magħżul bħala destinazzjoni jwassal sabiex jitqies li hemm frodi wara l-ħruġ tal-‘viża’, fis-sens tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li l-Istat Membru li jkun ħareġ il-‘viża’ ma jkunx responsabbli?

Jekk tingħata risposta negattiva għad-domanda 2(a):

e)      L-espressjoni ‘qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz’, li tinsab fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandha tinftiehem fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi speċjali deskritti tal-kawżi prinċipali, għandu jitqies li ma kienx hemm qsim irregolari tal-fruntiera esterna?

3)      Fil-każ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni strumenti legali oħra:

a)      Sabiex jiġi evalwat jekk kienx hemm ‘qsim irregolari’ tal-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandu jitqies b’mod partikolari jekk id-dħul fit-territorju jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u b’mod partikolari l-Artikolu 5 [tiegħu], dispożizzjoni din li tapplika għall-kawżi prinċipali minħabba d-data tad-dħul fit-territorju?

Jekk tingħata risposta negattiva għad-domanda 3(a):

b)      Liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jittieħdu partikolarment inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ikunx hemm ‘qsim irregolari’ tal-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 3(a):

c)      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, ikkaratterizzati mill-fatt li mmaterjalizzaw fi żmien li fih l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati prinċipalment involuti kienu qegħdin jaffrontaw numru eċċezzjonalment għoli ta’ persuni li kienu qegħdin jitolbu jitħallew jgħaddu mit-territorju tagħhom, id-dħul fit-territorju, ittollerat de facto, mingħajr eżami taċ-ċirkustanzi individwali, minn Stat Membru, għall-finijiet biss tat-tranżitu minn dan l-Istat Membru u tat-tressiq ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, għandu jitqies daqslikieku huwa awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju fis-sens tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a) u 3(c):

d)      L-awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju taħt l-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen twassal sabiex ikollu jitqies li hemm awtorizzazzjoni ekwivalenti għal viża fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u, għaldaqstant, ‘viża’ li tissodisfa l-Artikolu 2(m) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li jkollhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli taħt ir-Regolament Dublin III billi jittieħed inkunsiderazzjoni ukoll l-Artikolu 12 tiegħu?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a), 3(c) u 3(d):

e)      Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, il-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni għandu jitqies li jwassal sabiex il-‘viża’ ma tibqax valida?

f)      Jekk id-dħul fit-territorju għall-finijiet ta’ tranżitu jkun ittollerat de facto, għandu jitqies li l-‘viża’ tibqa’ valida meta l-ħruġ mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx għadu seħħ jew il-‘viża’ ma tibqax valida, irrispettivament mill-assenza ta’ ħruġ mit-territorju, hekk kif l-applikant jabbanduna definittivament kull ħsieb li jmur fi Stat Membru ieħor?

g)      Il-fatt li l-applikant jabbanduna kull ħsieb li jmur fl-Istat Membru inizjalment magħżul bħala destinazzjoni jwassal sabiex jitqies li hemm frodi wara l-ħruġ tal-‘viża’, fis-sens tal-Artikolu 12(5) tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li l-Istat Membru li jkun ħareġ il-‘viża’ ma jkunx responsabbli?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi 3(a) u 3(c) iżda [risposta fin-negattiv] għad-domanda 3(d):

h)      L-espressjoni ‘qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz’, li tinsab fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, għandha tinftiehem fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi speċjali deskritti fil-kawżi prinċipali, għandu jitqies li l-qsim tal-fruntiera, li jiġi kklassifikat bħala awtorizzazzjoni ta’ dħul fit-territorju fis-sens tal-Artikolu 5(4)(ċ) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ma għandux jitqies li huwa qsim irregolari tal-fruntiera esterna?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

37      Fid-deċiżjoni ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju għamlet talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

38      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Frar 2017, Jafari (C‑646/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:138), dan tal-aħħar laqa’ din it-talba.

 Fuq id-domandi preliminari

39      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn l-Artikolu 2(m) u l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Dublin III jirrigwardaw aspetti tal-politiki dwar il-kontrolli fil-fruntieri u dwar l-immigrazzjoni li huma rregolati b’atti tal-Unjoni separati, għandha, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, tiġi evalwata b’mod separat ir-rilevanza ta’ dawn l-atti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(m) u tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, minn naħa, u għal dik tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra.

 Fuq l-ewwel domanda, il-punt (a) tat-tieni domanda, u l-punt (d) tat-tielet domanda

40      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, u tal-punt (d) tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 2(m) ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għall-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru ikkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, li jittolleraw id-dħul fit-territorju ta’ tali ċittadini, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul meħtieġa bħala prinċipju f’dan l-ewwel Stat Membru, għandux jiġi kklassifikat bħala “viża” fis-sens tal-Artikolu 12.

41      B’mod partikolari mill-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Dublin III, jirriżulta li l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali huwa, bħala prinċipju, dak indikat mill-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 42).

42      L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, li jinsab fil-Kapitolu III tiegħu, jipprevedi li, fejn l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun fil-pussess ta’ viża valida jew skaduta, l-Istat Membru li jkun ħareġ din il-viża għandu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikun responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

43      L-Artikolu 2(m) tal-istess regolament jistipula definizzjoni ġenerali tal-kelma “viża” u jispeċifika li n-natura tal-viża għandha tiġi evalwata skont definizzjonijiet iktar speċifiċi li jirrigwardaw il-viża għal soġġorn twil, il-viża għal soġġorn qasir u l-viża għal tranżitu f’ajruport, rispettivament.

44      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “viża”, fis-sens tar-Regolament Dublin III, ikopri mhux biss il-viżi għal soġġorn qasir u għal tranżitu f’ajruport, li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom huma armonizzati mill-Kodiċi dwar il-Viżi, iżda wkoll il-viżi għal soġġorn twil li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi u jistgħu, fl-assenza attwali ta’ miżuri ġenerali adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 79(2)(a) TFUE, jinħarġu b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punti 41 u 44).

45      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jenfasizzaw il-premessi 36 u 37 tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-premessa 41 tar-Regolament Dublin III, uħud mill-Istati Membri li ma humiex marbuta b’dan il-kodiċi huma min-naħa l-oħra marbuta b’dan ir-regolament. Minn dan isegwi li viżi għal soġġorn qasir jew għal tranżitu maħruġa minn dawn l-Istati Membri mingħajr ma jsegwu r-regoli stipulati fl-imsemmi kodiċi għandhom madankollu jitqiesu bħala “viża”, fis-sens tal-Artikolu 2(m) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III.

46      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-kelma “viża”, fl-Artikolu 2(m) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, mingħajr ma semma l-Kodiċi dwar il-Viżi jew atti oħrajn tal-Unjoni li jirregolaw speċifikament il-qasam tal-viżi, filwaqt li għamel riferiment dirett għal diversi atti tal-Unjoni fid-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(a), (b), (d), (e) jew (f) tar-Regolament Dublin III.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-atti adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-viżi jikkostitwixxu elementi ta’ kuntest li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(m) u tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III, xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ “viża” fis-sens ta’ dan ir-regolament ma jistax jiġi dedott direttament minn dawn l-atti u għandu jinftiehem billi wieħed jibbaża ruħu fuq id-definizzjoni speċifika fl-Artikolu 2(m) tal-imsemmi regolament kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tiegħu.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-definizzjoni tispeċifika li viża hija “awtorizzazzjoni jew deċiżjoni ta’ Stat Membru” li hija “rekwiżita għal transitu jew għal soġġorn” fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ diversi Stati Membri. Għaldaqstant mill-kliem użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta li, minn naħa, il-kunċett ta’ viża jagħmel riferiment għal att adottat formalment minn amministrazzjoni nazzjonali, u mhux għal sempliċi tolleranza, u li, min-naħa l-oħra, il-viża ma għandhiex tiġi konfuża mal-ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, għaliex il-viża hija ġustament meħtieġa sabiex din l-ammissjoni tiġi permessa.

49      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mid-distinzjoni magħmula mill-Artikolu 2(m) tar-Regolament Dublin III bejn il-kategoriji differenti ta’ viżi. Fil-fatt, dawn il-kategoriji, identifikati b’mod ġenerali bis-saħħa tal-informazzjoni fuq l-istickers tal-viża, huma distinti minn xulxin inkwantu l-viżi li jirriżultaw minn dawn il-kategoriji huma meħtieġa sabiex jiġi permess dħul fit-territorju fid-dawl ta’ tipi differenti ta’ soġġorn jew ta’ tranżitu.

50      Il-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jikkorrobora din l-analiżi. B’dan il-mod, il-ħruġ ta’ viża, li jirrigwarda dan l-artikolu flimkien mal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, huwa distint mid-dħul u mis-soġġorn bħala tali, li huma s-suġġett tal-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, il-kriterju stipulat fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, jiġifieri d-dħul eżentat minn viża, juri l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddistingwa d-dħul mill-viża nfisha.

51      Din id-distinzjoni hija barra minn hekk koerenti mal-istruttura ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-oqsma kkonċernati. Fil-fatt, filwaqt li r-regoli dwar l-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri kienu previsti, meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-viżi huma ddefiniti f’atti differenti bħal, fir-rigward tal-viżi għal soġġorn qasir, il-Kodiċi dwar il-Viżi.

52      Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest iddefinit minn din il-leġiżlazzjoni, l-Istati Membri li jipparteċipaw fih huma obbligati joħorġu l-viżi taħt format uniformi, magħmul minn tikketta li teħel, fir-rigward ukoll tal-viżi għal soġġorn qasir, skont l-Artikoli 27 sa 29 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, kif ukoll tal-viżi għal soġġorn twil, skont l-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen. Il-ħruġ ta’ viża fis-sens tal-imsemmija leġiżlazzjoni għandu għalhekk forma differenti minn dak tal-adozzjoni ta’ awtorizzazzjoni għal dħul li, konformement mal-Artikolu 10(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, hija magħmula minn timbru fuq dokument tal-ivvjaġġar.

53      Fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, għandu jitqies li ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, skont il-każ sempliċement ittollerata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, ma tikkostitwixxix “viża” fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 2(m) ta’ dan ir-regolament.

54      Il-fatt li l-ammissjoni fit-territorju tal-Istat Membru meħud inkunsiderazzjoni tidħol f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali ma huwiex ta’ natura li jbiddel din il-konklużjoni.

55      Fil-fatt, minn naħa, ebda punt tar-Regolament Dublin III ma jindika li l-kunċett ta’ “viża” għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti f’tali sitwazzjoni.

56      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li atti dwar l-ammissjoni fit-territorju u dwar il-ħruġ ta’ viżi jistgħu jkunu bbażati fuq raġunijiet umanitarji, huwa żamm, f’dan il-qafas, distinzjoni ċara bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ atti.

57      B’dan il-mod, huwa ddistingwa espressament il-possibbiltà li jiġi awtorizzat id-dħul fit-territorju għal raġunijiet umanitarji, prevista fl-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, minn dik li tinħareġ, għall-istess raġunijiet, viża b’validità territorjali limitata, prevista fl-Artikolu 25(1)(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi. Minkejja li l-Artikolu 35(4) ta’ dan il-kodiċi ċertament jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tinħareġ tali viża fil-fruntiera, id-dħul fit-territorju għandu għaldaqstant, f’ċerti każijiet, jiġi awtorizzat abbażi tal-Artikolu 5(4)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u mhux abbażi tal-Artikolu 5(4)(c) ta’ dan il-kodiċi. Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 5(4)(b) tal-imsemmi kodiċi ma jistax ikun applikabbli.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda, għall-punt (a) tat-tieni domanda u għall-punt (d) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 2(m) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għall-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, li jittolleraw id-dħul fit-territorju ta’ tali ċittadini, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul meħtieġa bħala prinċipju f’dan l-ewwel Stat Membru, ma għandux jiġi kklassifikat bħala “viża” fis-sens tal-Artikolu 12.

 Fuq l-ewwel domanda, il-punt (e) tat-tieni domanda, u l-punti (a) sa (c) u (h) tat-tielet domanda

59      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, tal-punt (e) tat-tieni domanda tagħha, u tal-punti (a) sa (c) u (h) tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III moqri, jekk ikun il-każ, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tad-Direttiva dwar ir-ritorn, għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” l-fruntiera ta’ dan l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

60      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, li jinsab fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”, jipprevedi b’mod partikolari li, meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun qasam b’mod irregolari l-fruntiera ta’ Stat Membru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, dan l-Istat Membru għandu jkun responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

61      Il-kunċett ta’ “qsim irregolari” tal-fruntiera ta’ Stat Membru ma huwiex iddefinit minn dan ir-regolament.

62      Lanqas ma hemm tali definizzjoni fl-atti l-oħrajn tal-Unjoni, fis-seħħ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, dwar il-kontroll fil-fruntieri jew dwar l-immigrazzjoni.

63      B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-atti msemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva dwar ir-ritorn tiddefinixxi biss, fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tagħha, il-kunċett ta’ “soġġorn illegali”, li ma għandux jiġi konfuż ma’ dak ta’ “dħul irregolari” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 60).

64      Bl-istess mod, il-kunċett ta’ “qsim irregolari” tal-fruntiera ta’ Stat Membru ma jistax jiġi ekwiparat ma’ dak ta’ “soġġorn illegali”.

65      Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva dwar ir-ritorn isemmi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi arrestati jew interċettati meta jseħħ “qsim irregolari” tal-fruntiera esterna ta’ Stat Membru, dan ma jipprovdi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-portata preċiża ta’ dan il-kunċett.

66      Fit-tieni lok, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 127 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen lanqas ma jiddefinixxi l-kunċett ta’ “qsim irregolari” tal-fruntiera ta’ Stat Membru.

67      Filwaqt li huwa jipprevedi, ċertament, fl-Artikolu 4(3) tiegħu, l-istabbiliment ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni f’postijiet li ma humiex punti ta’ qsim jew f’ħinijiet li ma humiex il-ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti, hawnhekk huwa jagħmel riferiment għal sitwazzjoni speċifika ħafna li ma tistax tkopri l-każijiet kollha ta’ qsim irregolari ta’ fruntiera.

68      Bl-istess mod, minkejja li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tistipula regola applikabbli għal “persuna li tkun qasmet fruntiera illegalment”, hija ma tispeċifika b’ebda mod id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “qsim illegali” u ma tispeċifikax, b’mod partikolari, jekk dan japplikax meta jiġu miksura r-regoli dwar il-qsim tal-fruntieri esterni, previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan il-kodiċi, dawk li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ dħul, previsti fl-Artikolu 5 tiegħu, jew anki dawk dwar il-kontroll fil-fruntieri esterni, li huma s-suġġett tal-Kapitolu II tat-Titolu II tal-imsemmi kodiċi.

69      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “qsim irregolari” tal-fruntiera jintuża, fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, b’rabta mal-għan speċifiku ta’ dan ir-regolament, jiġifieri d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Issa, tali għan huwa nieqes minn kull rabta mat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għaliex din hija intiża li tispeċifika r-relazzjoni bejn is-sorveljanza tal-fruntieri u l-implementazzjoni tal-proċeduri ta’ ritorn previsti bid-Direttiva dwar ir-ritorn.

70      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jispeċifikaw il-premessi 27 u 28 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-premessa 41 tar-Regolament Dublin III, uħud mill-Istati Membri li ma kinux marbuta b’dan il-kodiċi huma min-naħa l-oħra marbuta b’dan ir-regolament. Minn dan isegwi li l-qsim tal-fruntieri ta’ dawn l-Istati Membri għandu, jekk ikun il-każ, jiġi kklassifikat bħala “regolari” jew “irregolari”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, filwaqt li l-ammissjoni fit-territorju tal-imsemmija Stati Membri ma hijiex irregolata bir-regoli dwar il-qsim tal-fruntieri u d-dħul stabbiliti bil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

71      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li ma jsemmix, fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, id-Direttiva dwar ir-ritorn jew il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, filwaqt li għamel riferiment espress għar-Regolament Nru 603/2013.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li l-atti adottati mill-Unjoni fl-oqsma tal-kontroll fil-fruntieri u tal-immigrazzjoni jikkostitwixxu elementi ta’ kuntest li hemm lok jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, xorta jibqa’ l-fatt li l-portata tal-kunċett ta’ “qsim irregolari” tal-fruntiera ta’ Stat Membru fis-sens ta’ dan ir-regolament ma tistax, bħala prinċipju, tiġi direttament dedotta minn dawn l-atti.

73      Konsegwentement, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett fl-imsemmi regolament, hemm lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi ddeterminata t-tifsira u l-portata tagħhom konformement mas-sens abitwali tal-kliem użat, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fid-dawl tas-sens abitwali tal-kunċett ta’ “qsim irregolari” ta’ fruntiera, għandu jitqies li l-qsim ta’ fruntiera mingħajr ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat għandu neċessarjament jitqies bħala “irregolari”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

75      Minn dan isegwi li, fil-każ li l-fruntiera maqsuma hija dik ta’ Stat Membru marbut bil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, in-natura irregolari tal-qsim tagħha għandha tiġi eżaminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-regoli stabbiliti minn dan il-kodiċi.

76      Dan huwa l-każ, fil-kawża prinċipali, għaliex minbarra l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1, l-Artikolu 5(4)(a), it-Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan il-kodiċi u tal-annessi tiegħu li jagħmlu riferiment għas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kodiċi japplikaw għar-Repubblika tal-Kroazja, skont l-Artikolu 4(1) u (2) tal-att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21), moqri flimkien mal-punt 8 tal-Anness II tiegħu.

77      Għaldaqstant, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 74 ta’ din is-sentenza ma hijiex biżżejjed għad-definizzjoni kompleta tal-kunċett ta’ “qsim irregolari” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

78      Għaldaqstant, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-leġiżlazzjonijiet dwar il-qsim tal-fruntieri esterni jistgħu jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-possibbiltà li jidderogaw, billi jinvokaw motivi umanitarji, mill-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jiżguraw ir-regolarità tas-soġġorn futur tagħhom fl-Istati Membri.

79      Possibbiltà ta’ dan it-tip hija b’mod partikolari prevista fl-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jippermetti lill-Istati Membri li jipparteċipaw f’dan il-kodiċi jawtorizzaw, bħala eċċezzjoni, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx kundizzjoni waħda jew diversi ta’ dħul bħala prinċipju imposti fuq dawn iċ-ċittadini sabiex jidħlu fit-territorju tagħhom għal raġunijiet umanitarji jew ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali.

80      Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika, b’differenza għall-Artikolu 5(4)(b) ta’ dan il-kodiċi, li tali awtorizzazzjoni tapplika biss għat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u mhux għat-territorju “tal-Istati Membri” fit-totalità tagħhom. Għaldaqstant, din l-ewwel dispożizzjoni ma tistax twassal sabiex tagħmel regolari l-qsim tal-fruntiera minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ammess mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru għas-sempliċi għan li jiġi permess it-tranżitu ta’ dan iċ-ċittadin lejn Stat Membru ieħor sabiex iressaq hemmhekk applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.

81      Sussegwentement, u fi kwalunkwe każ, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, għall-punt (a) tat-tieni domanda, u għall-punt (d) tat-tielet domanda, l-użu ta’ possibbiltà bħal dik prevista fl-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jistax jiġi ekwiparat mal-ħruġ ta’ viża, fis-sens tal-Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III.

82      Bl-istess mod, peress li dan l-użu ma għandux effett fuq l-eżistenza eventwali ta’ obbligu ta’ pussess ta’ viża għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, dħul awtorizzat f’dan il-kuntest ma jistax jitqies bħala dħul fit-territorju ta’ Stat Membru li fih il-persuna kkonċernata hija eżentata mill-obbligu ta’ viża, fis-sens tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

83      Għaldaqstant, jekk jiġi aċċettat li d-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz awtorizzat, billi jiġu invokati raġunijiet umanitarji, minn Stat Membru b’deroga għall-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ma jikkostitwixxix qsim irregolari tal-fruntiera ta’ dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, dan ikun jimplika li meta l-imsemmi Stat Membru juża din il-possibbiltà, huwa ma jkunx responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mressqa minn dan iċ-ċittadin fi Stat Membru ieħor.

84      Issa, tali konklużjoni hija inkompatibbli mal-istruttura ġenerali u mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

85      B’dan il-mod, il-premessa 25 tar-Regolament Dublin III issemmi b’mod partikolari r-rabta diretta bejn il-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti fi spirtu ta’ solidarjetà u l-isforzi komuni ta’ ġestjoni tal-fruntieri esterni li jsiru, bħalma tfakkar il-premessa 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, mhux biss fl-interess tal-Istat Membru mal-fruntieri esterni fejn isir il-kontroll mal-fruntieri, iżda wkoll fl-interess tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontroll mal-fruntieri fil-fruntieri interni tagħhom.

86      F’dan il-kuntest, mir-rabta bejn l-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li dawn l-artikoli jkopru, bħala prinċipju, is-sitwazzjonijiet kollha ta’ dħul regolari fit-territorju tal-Istati Membri, għaliex id-dħul regolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’dan it-territorju huwa normalment ibbażat jew fuq viża jew permess ta’ residenza, jew fuq eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża.

87      L-applikazzjoni tal-kriterji differenti stipulati f’dawn l-artikoli, kif ukoll fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, għandha, bħala regola ġenerali, tippermetti li l-Istat Membru li minnu joriġina d-dħul jew is-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri jiġi attribwit ir-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali eventwalment ippreżentata minn dan iċ-ċittadin.

88      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li din l-idea hija stipulata espressament fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni, tat‑3 ta’ Diċembru 2008 [COM(2008) 820 final], li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Dublin III, li jżomm, dwar dan il-punt, dak li kien diġà ġie espress fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni [COM(2001) 447 final] li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat‑18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109). Din l-espożizzjoni tal-motivi tal-aħħar kienet tispeċifika wkoll li l-kriterji stabbiliti b’dan ir-regolament, li fosthom kien hemm il-qsim irregolari tal-fruntiera ta’ Stat Membru, kienu bbażati b’mod partikolari fuq l-idea li kull Stat Membru huwa responsabbli, fil-konfront tal-Istati Membri l-oħrajn kollha, għall-azzjoni tiegħu fil-qasam ta’ dħul u ta’ soġġorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għandu jassumi l-konsegwenzi ta’ dan fi spirtu ta’ solidarjetà u ta’ kooperazzjoni leali.

89      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-kriterji stipulati fl-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament Dublin III ma jistgħux, mingħajr ma jqiegħdu inkwistjoni l-istruttura ta’ dan ir-regolament, jiġu interpretati b’mod li l-Istat Membru li jkun iddeċieda li jawtorizza, billi jinvoka raġunijiet umanitarji, id-dħul fit-territorju tiegħu ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr viża u li ma jgawdix minn eżenzjoni minn viża, jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu.

90      Barra minn hekk, il-fatt li, bħal f’dan il-każ, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun daħal fit-territorju tal-Istati Membri taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet kompetenti mingħajr ma evita b’ebda mod il-kontroll fil-fruntieri, ma jistax ikun determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament.

91      Fil-fatt, il-kriterji ta’ responsabbiltà stipulati fl-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament Dublin III ma għandhomx l-għan li jippenalizzaw aġir illegali taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, iżda li jiddeterminaw liema huwa l-Istat Membru responsabbli billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol li għandu dan l-Istat Membru fil-preżenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istati Membri.

92      Minn dan isegwi li ċittadin ta’ pajjiż terz ammess fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-Istat Membru, sabiex jittranżita lejn Stat Membru ieħor biex hemmhekk iressaq applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” l-fruntiera ta’ dan l-ewwel Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, kemm jekk dan il-qsim ġie ttollerat jew awtorizzat bi ksur tar-regoli applikabbli, jew jekk ġie awtorizzat billi ġew invokati raġunijiet umanitarji u b’deroga mill-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju imposti fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

93      Il-fatt li l-qsim tal-fruntiera seħħ f’sitwazzjoni kkaratterizzata bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

94      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni r-riskju li tqum tali sitwazzjoni u, konsegwentement, qiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għodod sabiex ikunu jistgħu jwieġbu għaliha b’mod xieraq, mingħajr madankollu ma ppreveda l-applikazzjoni, f’din is-sitwazzjoni, ta’ sistema speċifika sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli.

95      B’dan il-mod, l-Artikolu 33 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi mekkaniżmu għal twissija bikrija, tħejjija u ġestjoni ta’ kriżijiet bl-għan li jiġu implementati azzjonijiet preventivi intiżi, b’mod partikolari, li jiġi evitat li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tkun imminata minħabba riskju serju ta’ pressjoni partikolari eżerċitata fuq is-sistema tal-ażil ta’ Stat Membru.

96      B’mod parallel, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-applikazzjoni tal-proċedura ddefinita bl-istess regolament għal kull applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, mingħajr ma jiġu esklużi l-applikazzjonijiet li huma ppreżentati f’sitwazzjoni kkaratterizzata bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali.

97      Fit-tieni lok, dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet huwa speċifikament irregolat bid-Direttiva 2001/55, li l-Artikolu 18 tagħha jistipula li, fil-każ ta’ influss kbir ta’ persuni spostati, għandhom japplikaw il-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istati Membru responsabbli.

98      Fit-tielet lok, l-Artikolu 78(3) TFUE jippermetti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq proposta tal-Kummissjoni Ewropea u wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta’ Stat Membru wieħed jew diversi li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ urġenza kkaratterizza minn influss f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

99      Għaldaqstant, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1523, tal‑14 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146), u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601, tat‑22 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80).

100    Fir-raba’ lok, indipendentement mill-adozzjoni ta’ tali miżuri, l-immaniġġjar fi Stat Membru, ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali jista’ wkoll jiġi ffaċilitat bl-eżerċizzju minn Stati Membri oħrajn, b’mod unilaterali jew bi ftehim mal-Istat Membru kkonċernat fl-ispirtu ta’ solidarjetà li, konformement mal-Artikolu 80 TFUE, qiegħed fil-bażi tar-Regolament Dublin III, tal-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, li jiddeċiedu li jeżaminaw applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li huma ppreżentati lilhom, anki jekk dan l-eżami ma huwiex responsabbiltà tagħhom skont il-kriterji stabbiliti b’dan ir-regolament.

101    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-istess regolament u tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma għandux isir it-trasferiment ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali lill-Istat Membru responsabbli meta dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali li l-persuna kkonċernata ssofri trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 65). Għaldaqstant trasferiment ma jistax jiġi eżegwit jekk, wara l-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jiksbu protezzjoni internazzjonali, kien hemm tali riskju fl-Istat Membru responsabbli.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda, għall-punt (e) tat-tieni domanda, u għall-punti (a) sa (c) u (h) tat-tielet domanda, għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq il-punti (b) sa (d) tat-tieni domanda, kif ukoll il-punti (e) sa (g) tat-tielet domanda

103    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domandi l-oħrajn, ma hemmx lok li tingħata risposta, la għall-punti (b) sa (d) tat-tieni domanda, u lanqas għall-punti (e) sa (g) tat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

104    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri flimkien mal-Artikolu 2(m) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt, għall-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, li jittolleraw id-dħul fit-territorju ta’ tali ċittadini, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dħul meħtieġa bħala prinċipju f’dan l-ewwel Stat Membru, ma għandux jiġi kklassifikat bħala “viża” fis-sens tal-Artikolu 12.

2)      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li d-dħul tiegħu ġie ttollerat, mill-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru kkonfrontati bil-wasla ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jittranżitaw minn dan l-Istat Membru sabiex iressqu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dħul bħala prinċipju meħtieġa f’dan l-ewwel Stat Membru, għandu jitqies li “qasam b’mod irregolari” il-fruntiera tal-imsemmi l-ewwel Stat Membru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.