Language of document : ECLI:EU:C:2011:389

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Dokumenti u informazzjoni pprovduti fil-kuntest ta’ programm nazzjonali ta’ klemenza – Effetti dannużi eventwali tal-aċċess ta’ terzi għal tali dokumenti fuq l-effikaċja u l-funzjonament tajjeb tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet li jifformaw in-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni”

Fil-Kawża C‑360/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Amtsgericht Bonn (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura

Pfleiderer AG

vs

Bundeskartellamt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Pfleiderer AG, minn T. Kapp, M. Schrödl u M. Kuhlenkamp, avukati,

–        għal Munksjö Paper GmbH, minn H. Meyer-Lindemann, avukat,

–        għal Arjo Wiggins Deutschland GmbH, minn R. Polley u S. Heinz, avukati, kif ukoll minn O. Ban, bħala rappreżentant ad litem,

–        għal Felix Schoeller Holding GmbH & Co. KG u Technocell Dekor GmbH & Co. KG, minn T. Mäger u D. Zimmer, avukati,

–        għal Interprint GmbH & Co. KG, minn T. Veltins, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Kallí, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn Y. de Vries, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Di Bucci, P. Costa de Oliveira u A. Antoniadis, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, minn X. Lewis u M. Schneider, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 08 Vol. 02 p. 205), kif ukoll tal-Artikolu 10(2) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(g) KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Pfleiderer AG (iktar ’il quddiem “Pfleiderer”) u l-Bundeskartellamt (awtorità tal-kompetizzjoni Ġermaniża), dwar talba għal aċċess sħiħ għall-fajl li jirrigwarda proċedura ta’ impożizzjoni ta’ multa wara akkordju fis-settur tal-karti dekorattivi. Pfleiderer, klijenta tal-impriżi ssanzjonati, tressaq din it-talba għal aċċess, li tikkonċerna wkoll id-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ klemenza, sabiex tipprepara kawża ċivili għad-danni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-ewwel frażi tal-premessa 1 tar-Regolament Nru 1/2003 tipprovdi:

“Sabiex jistabbilixxi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq komuni ma tiġix distorta, l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] irridu jiġu applikati effetivament u b’mod uniformi fil-Komunità.”

4        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni qariba.

2.      Il-Kummissjoni ħa tittrażmetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri kopji tad-dokumenti l-aktar importanti miġbura bl‑għan li japplikaw l-Artikoli 7, 8, 9, 10 u l-Artikoli 29(1). Mat-talba ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tipprovdiha b’kopji ta’ dokumenti eżistenti u neċessarji oħra għall‑istima tal-każ.

3.      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa ikollhom, meta jagixxu taħt l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE], tinforma il‑Kummissjoni bil-kitba qabel u mingħajr l-ebda telf ta’ ħin wara il‑bidu ta’ l-ewwel miżuri formali investigattivi. Din l-informazzjoni tista tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra.

4.      Mhux aktar tard min 30 ġurnata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġab fit-temm, aċċetazzjoni ta’ rbit jew irtirar tal‑benefiċju ta’ l-eżenzjoni ġenerali tar-Regolament, l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa tinforma il-Kummissjoni. Għal dak il-għan, ħa jipprovdu l-Kummissjoni b’summarju fuq il-każ, id‑deċiżjoni maħsuba jew, fl-assenza ta’ dan, kwalunkwe dokumenti oħra li jindikaw x’azzjoni ħa tiġi meħuda. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra. Mat-talba tal-Kummissjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni li qed taggixxi ħa tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni dokumenti oħra li huma neċessarji għall-istima tal-każ. L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra. Awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jistgħu ukoll jiskambjaw informazzjoni neċessarja bejniethom għall-istima ta’ każ li qed jinnegozjawh taħt l‑Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE].

5.      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw lil Kummissjoni fuq xi każ li jinvolvi l-applikazzjoni tal‑liġi tal-Komunità.

[…]”

5        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003, li jirregola l-iskambju ta’ informazzjoni, jipprovdi:

“1.      Bil-għan li jiġu applikati l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] il‑Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa jkollhom s-setgħa li jipprovdu lil xulxin u jużaw bħala evidenza kwalunkwe fatt jew liġi, incluż informazzjoni konfidenzali.

2.      L-informazzjoni skambjata ħa tintuża biss bħala evidenza għall‑għan li jiġi applikat ta’ l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 82 [KE] u b’rispett għas-suġġett li għalih inġabar mil-awtorità trasmettenti. Madankollu, fejn liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni hi applikata fl-istess każ u paralel mal-liġi tal-kompetizzjoni Komunità u ma twassalx għar‑riżultat differenti, informazzjoni skambjata taħt dan l-Artikolu jista jiġi intużat għall-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni.

3.      Informazzjoni skambjata skond paragrafu 1 tista’ tiġi intużata biss bħala evidenza biex jiġu imposti sanzjonijiet fuq persuni naturali fejn:

–        il-liġi ta’ l-awtorità trasmettenti tipprevedi sanzjonijijet ta’ tip simili f’relazzjoni għal ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] jew, fl-assenza tiegħu,

–        l-informazzjoni ġiet miġbura b’mod li tirrispetta l-istess livell ta’ protezzjoni tad-dritt għad-difiża tal-persuni naturali kif prevista taħt ir-regoli nazzjonali ta’ l-awtorità riċevitriċi. Madankollu, f’dan il-każ, l-informazzjoni skambjata ma tistax tiġi użata mil‑awtorità riċevitriċi biex timponi sanzjonijiet kustodjali.”

6        L-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi:

“L-Istati Membri ħa jinominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 [KE] u 82 [KE] b’tali mod li id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma effettivament imħarsa. Il-miżuri neċessarji biex tagħti poter lill‑awtoritajiet li japplikaw dawk l-Artikolu għandhom jittieħdu qabel 1 Mejju 2004. L-awtoritajiet nominati jistgħu jinkludu qrati.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        L-Artikolu 406e tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung) huwa fformulat kif ġejt:

“(1) F’isem il-vittma, avukat jista’ jikkonsulta, l-atti li huma ppreżentati lill-qorti jew li għandhom jitressqulha fil-każ ta’ eżerċizzju tal-azzjoni pubblika, u jista’ jeżamina l-provi maqbuda, sa fejn il-vittma turi interess leġittimu għal dan. Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 395, ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi stabbilit interess leġittimu.

(2) L-aċċess għall-atti għandu jiġi rrifjutat, sa fejn l-interessi leġittimi imperattivi tal-akkużat jew ta’ persuni oħra jipprekluduh. Dan jista’ jiġi rrifjutat meta l-għan tal-investigazzjoni anki fi proċeduri kriminali oħra jidher li qed jiġi kompromess jew jekk dan iwassal għal dewmien kunsiderevoli tal-proċeduri.

(3)      Fuq talba tiegħu, l-avukat jista’ jiġi awtorizzat jieħu l-atti fl-uffiċċju jew fid-dar tiegħu, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji li jopponu dan u bl-esklużjoni tal-provi. Id-deċiżjoni ma tistax tiġi kkontestata.

(4)      L-għoti tal-aċċess għall-atti huwa deċiż matul il‑proċedura preliminari kif ukoll wara l-għeluq definittiv tal-proċedura mill‑prosekutur pubbliku u, fil-każijiet l-oħra, mill-imħallef presedenti tal-qorti li quddiem titressaq il-kawża. Skont is-subparagrafi (2) sa (4) tal-Artikolu 161a(3) il-qorti kompetenti tista’ tintalab tadotta deċiżjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-prosekutur pubbliku imsemmija fl-ewwel frażi. […] Dawn id-deċiżjonijiet ma humiex immotivati, sa fejn it-twettiq tal-għan tal-investigazzjoni jista’ jiġi mhedded bl-iżvelar tagħhom.

(5)      Taħt il-kundizzjonijiet previsti fis-subparagrafu (1), informazzjoni u kopji tal-atti jistgħu jiġu pprovduti lill-vittma;

[…]”

8        L-Artikolu 46 tal-Liġi dwar ir-reati amministrattivi (Gesetz über Ordnungswidrigkeiten), fil-verżjoni tagħha tad-19 ta’ Frar 1987 (BGBl. 1987 I, p. 602), emendat l-aħħar permezz tal-Artikolu 2 tal-liġi tad-29 ta’ Lulju 2009 (BGBl.2009 I, p. 2353, iktar ’il quddiem l-“OwiG”), jipprevedi:

“(1)      Salv kif provdut xort’oħra f’din il-liġi, id-dispożizzjonijiet tal‑liġijiet ġenerali dwar il-proċedura kriminali, jiġifieri l-Kodiċi tal‑Proċedura Kriminali, il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja [(Gerichtsverfassungsgesetz)] u l-Liġi dwar il-Qrati tal-Minorenni [(Jugendgerichtsgesetz)] japplikaw għall-proċedura ta’ impożizzjoni ta’ multa.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Fil-21 ta’ Jannar 2008, il-Bundeskartellamt imponiet, skont l-Artikolu 81 KE, multi li jammontaw għal EUR 62 miljun fuq tliet produtturi Ewropej ta’ karti dekorattivi u fuq ħames persuni fisiċi personalment responsabili, minħabba l-konklużjoni ta’ ftehim fuq il-prezzijiet u fuq l-għeluq ta’ kapaċitajiet. L-impriżi kkonċernati ma appellawx u d-deċiżjonijiet li jimponu dawn il-multi saru finali.

10      Wara din il-proċedura, fis-26 ta’ Frar 2008, Pfleiderer talbet lill-Bundeskartellamt tagħtiha aċċess sħiħ għall-fajl dwar il-proċedura ta’ impożizzjoni ta’ multa fis-settur tal-karti dekorattivi, sabiex tipprepara azzjonijiet għad-danni. Din l-impriża tixtri karti dekorattivi u b’mod iktar speċifiku karti speċjali għat-trattament tal-wiċċ ta’ injam sintetiku. Pfleiderer hija waħda mit-tliet produtturi ewlenin fid-dinja ta’ injam sintetiku, ta’ prodotti b’kisja lesta u ta’ art tal-fuljetti. Hija indikat li tul l-aħħar tliet snin hija kienet xtrat oġġetti b’valur ta’ iżjed minn EUR 60 miljun mingħand il-produtturi ta’ karti dekorattivi li kienu ġew issanzjonati.

11      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2008, il-Bundeskartellamt wieġbet għat‑talba għal aċċess għall-fajl billi bagħtet tliet deċiżjonijiet li jimponu multi taħt forma anonima, kif ukoll lista tal-provi miġbura waqt it-tfittxija.

12      Permezz ta’ tieni ittra Pfleiderer espressament talbet lill‑Bundeskartellamt l-aċċess għad-dokumenti kollha tal-fajl, inklużi d-dokumenti dwar l-applikazzjonijiet għal klemenza, mogħtija volontarjament mill-kandidati, u l-provi maqbuda. B’ittra tal-14 ta’ Ottubru 2008 il-Bundeskartellamt ċaħdet parzjalment din it-talba u limitat l-aċċess għall-fajl għal verżjoni li minnha kienu tneħħew informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, dokumenti interni u dokumenti koperti mill-punt 22 tal-Kommunikazzjoni tal-Bundeskartellamt dwar il-klemenza u reġgħet irrifjutat l-aċċess għall-provi li kienu ġew maqbuda.

13      Għaldaqstant Pfleiderer ippreżentat quddiem l-Amtsgericht Bonn rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda parzjali, skont l-Artikolu 62(1) tal-OWiG.

14      Fit-3 ta’ Frar 2009, l-Amtsgericht Bonn, tat deċiżjoni li permezz tagħha ordnat lill-Bundeskartellamt tagħti lil Pfleiderer l-aċċess għall-fajl, permezz tal-avukat tagħha, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 406e(1), tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u l‑Artikolu 46(1) tal-OWiG. Skont l-Amtsgericht Bonn, Pfleiderer hija “vittima” fil-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, peress li hemm lok li jiġi preżunt li, minħabba l-ftehim tal-akkordju, din ħallset prezz għoli wisq għall-prodotti mixtrija mingħand il-membri tal-akkordju. Barra minn hekk, Pfleiderer kellha “interess leġittimu” sabiex tikseb l-aċċess għad-dokumenti, peress li dawn kellhom jintużaw għat-tħejjija ta’ proċeduri ċivili għad-danni.

15      Għaldaqstant l-Amtsgericht Bonn ordnat l-aċċess għall-elementi tal-fajl li l-applikant għall‑klemenza volontarjament poġġa għad-dispożizzjoni tal‑awtorità tal-kompetizzjoni Ġermaniża skont l-Artikolu 22 tal‑Kommunikazzjoni tal-Bundeskartellamt dwar il-klemenza, kif ukoll għall-materjal inkriminanti u għall-provi miġburin. Fir-rigward tal-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali kif ukoll tad-dokumenti interni, jiġifieri n-noti dwar diskussjonijiet legali tal‑Bundeskartellamt u l-korrispondenza fil-kuntest tan-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem in-“NEK”) l‑aċċess għalihom kien ristrett. Skont l‑Amtsgericht Bonn, id-diversi interessi kellhom jiġu bbilanċjati sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ dan id-dritt, li huwa limitat għad-dokumenti neċessarji sabiex jiġi ssostanzjat id-dritt għad-danni.

16      Minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l‑eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kienet ġiet madankollu sospiża minn din l-istess qorti.

17      Min-naħa l-oħra, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li l-Amtsgericht Bonn tixtieq tadotta deċiżjoni identika għal dik tat-3 ta’ Frar 2009. Madankollu, din il-qorti tosserva li d-deċiżjoni li hija tkun imwassla tieħu tista’ tkun li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal‑Artikolu 10 KE u l-Artikolu 3(1)(g) KE kif ukoll l-Artikoli 11 u 12 tar‑Regolament Nru 1/2003, li jipprevedu kooperazzjoni mill-qrib kif ukoll skambju reċiproku ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l‑awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fil-proċeduri għall‑implementazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Biex jiġu żgurati l‑effikaċja u l-funzjonament tajjeb ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet li huma ta’ importanza kruċjali għan-NEK u għall‑applikazzjoni ddeċentralizzata tad-dritt tal‑kompetizzjoni, jista’ jkun neċessarju, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ impożizzjoni ta’ multa fil-qasam ta’ akkordji, li terzi ma jitħallewx ikollhom aċċess għall-applikazzjonijiet għal klemenza u għad-dokumenti mogħtija volontarjament mill‑applikanti għall-klemenza

18      Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Amtsgericht Bonn iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-akkordji, b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 flimkien mal-Artikolu 3(1)(ġ) KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l‑partijiet leżi b’akkordju ma għandhomx, fil-każ fejn jinvokaw talbiet skont id-dritt ċivili, jingħataw aċċess għall-applikazzjonijiet ta’ [għal] klemenza u għall-informazzjoni u dokumenti li ġew innotifikati volontarjament f’dan il-kuntest minn kandidati [applikanti] għal klemenza lill-awtorità ta’ kompetizzjoni ta’ Stat Membru, skont programm nazzjonali ta’ klemenza fil-kuntest ta’ proċedura ta’ multa maħsuba (wkoll) għall-osservanza tal-Artikolu 81 KE?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-qrati tagħhom huma obbligati li japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, meta l-fatti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni u li jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tagħhom fl-interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C‑439/08, li Ġabra p. I‑0000, punt 56).

20      Hemm lok ukoll, li jiġi kkonstatat, li la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il‑kompetizzjoni u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprevedu regoli komuni ta’ klemenza jew regoli komuni dwar id‑dritt ta’ aċċess għad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza mogħtija volontarjament lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni skont programm nazzjonali ta’ klemenza.

21      Fir-rigward tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, waħda dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43) u l-oħra dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17), għandu jiġi osservat li dawn ma humiex vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri. Barra minn hekk, din il-komunikazzjoni tal-aħħar tirrigwarda biss programmi ta’ klemenza implementati mill Kummissjoni stess.

22      Fil-kuntest tan-NEK, programm mudell fil-qasam tal-klemenza, intiż għall-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-programmi nazzjonali f’dan il-qasam, kien ġie wkoll żviluppat u adottat matul is-sena 2006. Madankollu lanqas, dan il-programm mudell ma għandu effett vinkolanti fir-rigward tal-qrati tal-Istati Membri.

23      Għaldaqstant, anki jekk il-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni jistgħu jaffettwaw il-prattika tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu u japplikaw ir-regoli nazzjonali dwar id-dritt ta’ aċċess ta’ persuni leżi minn akkordju għad-dokumenti relatati ma proċeduri ta’ klemenza.

24      Madankollu, għalkemm l-istabbiliment u l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, huma għandhom jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, tat-12 ta’ Novembru 2009 Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑154/08, punt 121 u l‑ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, huma ma jistgħux jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 1998, Oelmühle u Schmidt Söhne, C‑298/96, Ġabra p. I‑4767, punti 23 u 24 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, speċifikament, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiżguraw li r-regoli huma jistabbilixxu jew li huma japplikaw ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 tat-TFUE (ara, f’dan is-sens, VEBIC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

25      Issa, kif sostnew il-Kummissjoni u l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet il-programmi ta’ klemenza jikkostitwixxu għodod utli fil-ġlieda effikaċi biex jinkixef u jintemm il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u jservu, għaldaqstant, l-għan tal-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE.

26      L-effettività ta’ dawn il-programmi tista’, madankollu, tiġi, affettwata mill-għoti ta’ dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza lill-persuni li jixtiequ jibdew azzjoni għad-danni, anki jekk l‑awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jagħtu lill-applikant għall-klemenza eżenzjoni totali jew parzjali mill-multa li huma setgħu jimponu.

27      Fil-fatt, jidher li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li persuna involuta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, quddiem il-possibbiltà ta’ tali komunikazzjoni, tkun skoraġġuta milli tuża l-opportunità offruta minn tali programmi ta’ klemenza, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni pprovduta volontarjament minn dik il-persuna tista’ tiġi skambjata bejn il‑Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni skont l‑Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003.

28      Hija madankollu ġurisprudenza stabbilita li kull persuna hija intitolata titlob kumpens għad-dannu kkaġunat lilha minn imġieba li tista’ tirrestrinġi jew tikkawża distorsjoni lill-kompetizzjoni (ara s‑sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punti 24 u 26, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C 298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 59 u 61).

29      Fil-fatt, dritt bħal dan isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal‑kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi l-ftehim jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni lill‑kompetizzjoni. Fid-dawl ta’ dan, l-azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, jistgħu jikkontribwixxu sostanzjalment għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

30      Għalhekk, fl-eżami ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti relatati ma’ programm ta’ klemenza mressqa minn persuna li tfittex li tikseb danni minn persuna oħra li tkun ibbenefikat minn tali programm, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li r-regoli nazzjonali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw talbiet simili ta’ natura interna u ma jkunux ifformulati b’mod li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb tali kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Courage u Crehan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29) u li jiġu bbilanċjati l-interessi li jiġġustifikaw l-għoti ta’ informazzjoni u l-protezzjoni ta’ dik l-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju mill‑applikant għall-klemenza.

31      Ibbilanċjar bħal dan jista’ jsir mill-qrati nazzjonali biss fuq bażi ta’ każ b’każ, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, u billi jiġu kkunsidrati l-elementi kollha rilevanti tal-kawża.

32      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad‑domanda magħmula hija li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, u b’mod partikolari r‑Regolament Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux li persuna leża minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni u li tfittex li tikseb danni, tikseb l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza li tikkonċerna l-awtur ta’ dan il-ksur. Madankollu, huma l-qrati tal-Istati Membri, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom tali aċċess għandu jingħata jew jiġi rrifjutat billi jibbilanċjaw l-interessi protetti mid-dritt tal-Unjoni.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, u b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar‑regoli tal‑kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux li persuna, leża minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li tfittex li tikseb danni, tikseb l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza li tikkonċerna l-awtur ta’ dan il-ksur. Madankollu, huma l-qrati tal-Istati Membri, fuq il-bażi tad‑dritt nazzjonali tagħhom, li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom tali aċċess għandu jingħata jew jiġi rrifjutat billi jibbilanċjaw l-interessi protetti mid-dritt tal-Unjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.