Language of document : ECLI:EU:C:2010:266

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fil-11 ta’ Mejju 2010 (1)

Kawża C-162/09

Secretary of State for Work and Pensions

vs

Taous Lassal

[talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit)]

“Direttiva 2004/38/KE – Dritt taċ-ċittadini tal‑Unjoni Ewropea biex jgħixu fit-territorju tal-Istati Membri – Artikolu 16(1) – Dritt ta’ residenza permanenti – Residenza għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ żmien qabel jiskadi t-terminu tat-traspożizzjoni – Effett retroattiv – Applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ dispożizzjoni legali ta’ sitwazzjoni tal-passat – Artikolu 16(4) – Telf tad-dritt ta’ residenza permanenti – Assenza ta’ iktar minn sentejn”





1.        It‑talba preżenti għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE (2) tipprovdi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja b’opportunità li tiddeċiedi fuq il‑kundizzjonijiet tal‑kisba tad‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar id‑dritt taċ‑ċittadini tal‑Unjoni u tal‑familji tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit‑territorju tal‑Istati Membri, li jemenda r‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li jħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (3). Fl‑Artikolu 16(1) ta’ din id‑direttiva, ċittadini tal‑Unjoni Ewropea li għexu kontinwament għal perijodu ta’ ħames snin fi Stat Membru ospitanti għandhom jiksbu d‑dritt ta’ residenza permanenti.

2.        Il‑Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir‑Renju Unit, iktar ’il quddiem il‑“qorti tar‑rinviju”) tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk, meta jkun ikkalkolat il‑perijodu ta’ ħames snin ta’ residenza, hux ukoll neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni perijodu ta’ residenza li jkun spiċċa qabel id‑data li fiha d‑Direttiva kienet trasposta fil‑liġi nazzjonali jew li fiha jkun skada l‑perijodu ta’ traspożizzjoni għad‑Direttiva 2004/38. It‑tweġiba għal din id‑domanda għandha effetti li jmorru lil hinn mill‑kontroversja legali preżenti. Il‑qorti tar‑rinviju tagħmel domanda komparabbli f’Dias, kawża li għadha pendenti quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja (4).

I –  Id‑dritt applikabbli

A –    Id‑dritt Komunitarju (5)

3.        L‑Artikolu 18 KE jipprovdi li:

“1.       Kull ċittadin tal‑Unjoni għandu d‑dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit‑territorju tal‑Istati Membri, salvi l‑limitazzjonijiet u l‑kondizzjonijiet stabbiliti f’dan it‑Trattat u d‑dispożizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq.

2.       Jekk ikun hemm il‑ħtieġa ta’ azzjoni mill‑Komunità biex dan il‑għan jintlaħaq u dan it‑Trattat ma pprovdiex il‑poteri meħtieġa, il‑Kunsill jista’ jadotta dispożizzjonijiet bl‑iskop li jiffaċilita l‑eżerċizzju tad‑drittijiet imsemmija fil‑punt 1. Il‑Kunsill għandu jaġixxi skond il‑proċedura msemmija fl‑Artikolu 251.

3.      Il‑paragrafu 2 m’għandux japplika għad‑dispożizzjonijiet rigward passaporti, karti tal‑identità, permessi ta’ residenza jew xi dokumenti oħra bħalhom jew għal dispożizzjonijiet dwar sigurtà soċjali jew protezzjoni soċjali.”

4.        Il‑premessa 4 tad‑Direttiva 2004/38 tgħid li:

“Bil‑għan li jiġi rrimedjat dan l‑approċċ settorjali u frammentarju tad‑dritt ta’ moviment liberu u residenza u biex jiġi ffaċilitat l‑eżerċizzju ta’ dan id‑dritt, hemm il‑bżonn li jkun hemm att leġiżlattiv uniku li jemenda r‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il‑libertà ta' moviment tal‑ħaddiema fil‑Komunità […] , u li jħassar l‑atti li ġejjin: id‑Direttiva tal‑Kunsill 68/360/KEE tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar it‑tneħħija tar‑restrizzjonijiet fuq il‑moviment u r‑residenza fil‑Komunità għall‑ħaddiema tal‑Istati Membri u għall‑familji tagħhom [...], id‑Direttiva tal‑Kunsill 73/148/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1973 dwar it‑tneħħija tar‑restrizzjonijiet fuq il‑moviment u r‑residenza fil‑Komunità għaċ‑ċittadini tal‑Istati Membri fir‑rigward ta’ stabbiliment u ta’ provvediment ta’ servizzi [...], id‑Direttiva tal‑Kunsill 90/364/KEE tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar id‑dritt ta’ residenza [...], id‑Direttiva tal‑Kunsill 90/365/KEE tat‑28 ta’ Ġunju 1990 dwar id‑dritt ta’ residenza għall‑ħaddiema u għall‑persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l‑attività professjonali tagħhom [...], u d‑Direttiva tal‑Kunsill 93/96/KEE tad‑29 ta’ Ottubru 1993 dwar id‑dritt ta’ residenza għall‑istudenti [...]”.

5.        Il‑premessi 17 u 18 tad‑Direttiva 2004/38 jgħidu hekk:

“(17)      It‑tgawdija ta’ residenza permanenti miċ‑ċittadini tal‑Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl‑Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is‑sens ta’ ċittadinanza tal‑Unjoni u hi element prinċipali fil‑promozzjoni tal‑koeżjoni soċjali, li hi waħda mill‑għanijiet fondamentali tal‑Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ‑ċittadini kollha tal‑Unjoni u għall‑membri tal‑familja tagħhom li għixu fl‑Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il‑kondizzjonijiet stabbiliti f’din id‑Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.

(18)      Sabiex jikkostitwixxi mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis‑soċjetà tal‑Istat Membru ospitanti li fih jgħix iċ‑ċittadin tal‑Unjoni, id‑dritt ta’ residenza permanenti, ġaladarba miksub, m’għandux ikun suġġett għal xi kondizzjonijiet.”

6.        L‑Artikolu 16 tad‑Direttiva jistabbilixxi bħala regola ġenerali d‑dritt għal residenza permanenti. Dan l‑artikolu jipprovdi li:

“Regola ġenerali għaċ‑ċittadini tal‑Unjoni u għall‑membri tal‑familja tagħhom

(1)      Iċ‑ċittadin tal‑Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl‑Istat Membru ospitanti għandu d‑dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id‑dritt m'għandux ikun suġġett għall‑kondizzjonijiet previsti fil‑Kapitolu III.

[...]

(3)      Il‑kontinwità tar‑residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is‑sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

(4)      Meta jinkiseb, id‑dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill‑Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

7.        L‑Artikolu 17 tad‑Direttiva jitkellem favur persuni li ma għadhomx jaħdmu fl‑Istat Membru ospitanti u l‑membri tal‑familji tagħhom. L‑Artikolu jgħid li:

“(1)  B’deroga mill‑Artikolu 16, id‑dritt ta’ residenza permanenti fl‑Istat Membru ospitanti għandu jitgawda qabel it‑tlestija ta’ perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ residenza minn:

[...]

(b)      ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom li għexu kontinwament fl‑Istat Membru ospitanti għal aktar minn sentejn u jieqfu jaħdmu hemm minħabba inkapaċità permenenti għal xogħol.

[...]

(3)      Irrispettivament miċ‑ċittadinanza, il‑membri tal‑familja ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha li qed jgħixu miegħu/magħha fit‑territorju tal‑Istat Membru ospitanti għandhom id‑dritt ta’ residenza permanenti f’dan l‑Istat Membru, jekk il‑ħaddiem jew il‑persuna li taħdem għal rasha j/tikseb id‑dritt ta’ residenza permanenti f’dan l‑Istat Membru skond il‑paragrafu 1.

(4)      Jekk, madankollu, il‑ħaddiem jew il‑persuna li taħdem għal rasha j/tmut waqt li kien/et qed j/taħdem iżda qabel ma j/tikseb l‑istatus ta’ residenza permanent fl‑Istat Membru ospitanti skont il‑paragrafu 1, il‑membri tal‑familja li qed jgħixu miegħu/magħha fl‑Istat Membru ospitanti għandhom jiksbu d‑dritt ta’ residenza permanenti hemm, b’kondizzjoni li:

(a)       il‑ħaddiem jew il‑persuna li taħdem għal rasha kien/et, fil‑ħin tal‑mewt, għex/et kontinwament fit‑territorju ta’ dan l‑Istat Membru għal sentejn

[...]”

8.        L‑Artikolu 38 tad‑Direttiva jipprovdi:

“Abrogazzjonijiet

(1) L‑Artikoli 10 u 11 tar‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 għandhom jitħassru b'effett mit‑30 ta’ April 2006

(2) Id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandhom jitħassru b’effett mit‑30 ta’ April 2006.

(3) Ir‑referenzi li jsiru għad‑disposizzjonijiet u għad‑Direttivi mħassra għandhom jitqiesu bħala li qed isiru għal din id‑Direttiva.”

9.        Skont l‑Artikolu 40(1) tad‑Direttiva, l‑Istati Membri għandhom idaħħlu fis‑seħħ il‑liġijiet, ir‑regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi mad‑Direttiva sat‑30 ta’ April 2006.

10.      L‑Artikolu 6(2) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 68/360/KEE, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar it‑tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il‑moviment u r‑residenza fi ħdan il‑Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l‑familji tagħhom (6), li kien fis‑seħħ sat‑30 ta’ April, ipprovda:

“Waqfien fir‑residenza li ma jaqbżux sitt xhur konsekuttivi u nuqqas milli jsir servizz militari m’għandhomx jaffettwaw il‑validità għal permess ta’ residenza.”

11.      L‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 2(1)(b) tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KEE) Nru 1251/70 dwar id‑dritt tal‑ħaddiema li jibqgħu fit‑territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f’dan l‑Istat tipprovdi:

“1. Dawn li ġejjin għandhom id‑dritt li jibqgħu b’mod permanenti fit‑territorju ta’ Stat Membru:

[…]

(b)       ħaddiem li, wara li jkun qagħad kontinwament fit‑territorju ta’ dak l‑Istat għal aktar minn sentejn, jieqaf jaħdem hemm bħala persuna impjegata bħala riżultat ta’ inkapaċità permanenti biex jaħdem [...]”

12.      L‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 1251/70 ipprovda:

“(1)  Il‑membri tal‑familja tal‑ħaddiem imsemmija fl‑Artikolu 1 ta’ dan ir‑Regolament li qed joqogħdu miegħu fit‑territorju ta’ Stat Membru għandhom ikunu intitolati li jibqgħu hemm għal kollox jekk il‑ħaddiem kiseb id‑dritt li jibqa’ fit‑territorju ta’ dak l‑Istat skond l‑Artikolu 2, u li jagħmlu hekk ukoll wara l‑mewt tiegħu.

(2)       Jekk, iżda, il‑ħaddiem imut matul il‑ħajja tax‑xogħol tiegħu u qabel ma jikseb id‑dritt li jibqa’ fit‑territorju tal‑Istat ikkonċernat, membri tal‑familja tiegħu għandhom ikunu intitolati li jibqgħu hemm għal kollox bil‑kondizzjoni li:

–        il‑ħaddiem, fid‑data tal‑mewt tiegħu, ikun qagħad kontinwament fit‑territorju ta’ dak l‑Istat Membru għal mill‑anqas sentejn;

[...]”.

13.      Skont it‑tieni sentenza tal‑Artikolu 4(1) ta’ dak ir‑regolament, il‑kontinwità ta’ residenza kif ipprovduta fl‑Artikolu 3(2) mhix affettwata minn assenzi temporanji li ma jaqbżux it‑total ta’ tliet xhur kull sena, u lanqas minn assenzi itwal minħabba qadi ta’ obbligazzjonijiet ta’ servizz militari.

14.      L‑Artikolu 6(2) tar‑Regolament Nru 1251/70 ipprovda:

“Perjodi fejn ma jkunx hemm residenza li ma jeċċedux sitt xhur konsekuttivi m'għandhomx jaffettwaw il‑validità tal‑permess ta’ residenza.”

15.      Ir‑Regolament Nru 1251/70 tħassar bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 635/2006, tal‑25 ta’ April 2006, li jirrevoka r‑Regolament (KEE) Nru 1251/70 dwar id‑dritt tal‑ħaddiema li jibqgħu fit‑territorju ta’ Stat Membru wara li kienu impjegati f'dak l‑Istat (7), b’effett mit‑30 ta’ April 2006.

B –    Il‑liġi nazzjonali

1.      Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw appoġġ għad‑dħul (“income support”)

16.      Skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, l‑appoġġ għad‑dħul huwa benefiċċju li jittestja l‑mezzi għal persuni ta’ età bejn is‑16 u d‑59 sena li ma humiex meħtieġa jirreġistraw għal benefiċċju għal persuna li qiegħda tfittex ix‑xogħol, minħabba li, pereżempju jinsabu fi stadju avvanzat ta’ tqala, ma humiex kapaċi jaħdmu jew huma ġenituri waħidhom. Il‑bażi statutorja hija l‑Att dwar Kontribuzzjonijiet ta’ Sigurtà Soċjali u Benefiċċji tal‑1992 (Security Contributions and Benefits Act 1992). Skont l‑Artikolu 124(1)(b) tal‑Att tal‑1992, hija kundizzjoni ta’ intitolament għal appoġġ tad‑dħul li d‑dħul ta’ persuna ma għandux jaqbeż l‑ammont applikabbli, li huwa l‑ammont jew l‑aggregat ta’ dawk l‑ammonti li jkunu relatati ma’ dan il‑benefiċċju (Artikolu 135(1) tal‑Att tal‑1992). Skont l‑Artikolu 135(2) tal‑Att tal‑1992, il‑poter li jiġi stabbilit ammont applikabbli jinkludi l‑poter li l‑ammont applikabbli jkun stabbilit bħala żero.

17.      Skont l‑Artikolu 21 u l‑Anness 7 tar‑Regolament (Ġenerali) tal‑1987 għal Appoġġ ta’ Dħul [Income Support (General) Regulations 1987], l‑ammont applikabbli stabbilit għal “persuna minn barra” huwa żero, bir‑riżultat li din il‑persuna ma tkunx intitolata għal appoġġ ta’ dħul. “Persuna minn barra” hija ddefinita fl‑Artikolu 21AA bħala “persuna li mhix residenti fir‑Renju Unit, fiċ‑Channel Islands, f’Isle of Man jew fir‑Repubblika tal‑Irlanda”. Skont l‑Artikolu 21AA(2), ebda persuna ma għandha tkun ittrattata bħala residenti fir‑Renju Unit sakemm hija ma għandhiex id‑dritt li tgħix hemm. Id‑dritt ta’ residenza mhuwiex espressament iddefinit, però huwa mifhum li dritt ta’ residenza permanenti li jirriżulta mill‑Artikolu 15(1)(a) tar‑Regolament tal‑2006 dwar l‑immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament tal‑2006”], jikkostitwixxi dritt ta’ residenza għall‑iskopijiet imsemmija.

2.      Id‑dispożizzjonijiet dwar l‑immigrazzjoni

18.      Ir‑Regolamenti tal‑2006 daħal fis‑seħħ fit‑30 ta’ April 2006. Dan kien maħsub sabiex tiġi żgurata t‑traspożizzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2004/38 fil‑liġi nazzjonali.

19.      L‑Artikolu 15 tar‑Regolament tal‑2006 jipprovdi:

“15. Dritt permanenti ta’ residenza

1.      Dawn il‑persuni li ġejjin għandhom jiksbu d‑dritt li jirrisjedu permanentament fir‑Renju Unit

(a)      kull ċittadin taż‑Żona Ekonomika Ewropea li għex fir‑Renju Unit skont dan ir‑regolament għal perijodu kontinwu ta’ 5 snin;

[…]

2.      Meta jinkiseb, id‑dritt ta’ residenza permanenti taħt dan ir‑regolament għandu jintilef biss minħabba assenza mir‑Renju Unit għal perijodu ta’ sentejn konsekuttivi.

[…]”

20.      Il‑punt 6 tal‑Anness 4 tar‑Regolament tal‑2006 jipprovdi li:

“Kull perijodu li fih persuna għamlet attività jew kienet residenti fir‑Renju Unit skont ir‑Regolamenti tal‑2000 għandu jkun trattat bħala perijodu li fih il‑persuna għamlet attività jew kienet residenti fir‑Renju Unit meta jkunu kkalkolati l‑perijodi ta’ attività jew residenza taħt dawn ir‑regolamenti.”

21.      Ir‑“Regolament tal‑2000” inkwistjoni huwa r‑Regolament tal‑Immigrazzjoni fir‑Renju Unit (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2000, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament tal‑2000”], li ma għadux fis‑seħħ. Skont dan ir‑regolament, kull persuna li kienet, inter alia, ħaddiema tkun intitolata għal dritt ta’ residenza [Artikoli 5(1) u 14(1)]. Ir‑Regolament tal‑2000 daħal fis‑seħħ fit‑2 ta’ Ottubru 2000. Ir‑Regolament tal‑2006 ma jikkontjeni ebda dispożizzjoni li tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑perijodi ta’ residenza qabel it‑2 ta’ Ottubru 2000 skont id‑dritt ta’ residenza permanenti mogħti bis‑saħħa tal‑Artikolu 15(1)(a).

II –  Il‑fatti

22.      Lassal hija ċittadina Franċiża. Hija marret fir‑Renju Unit fl‑1999. Fil‑perijodu ta’ bejn Settembru 1999 u Frar 2005, Lassal kienet ħaddiema fis‑sens tad‑dritt Komunitarju.

23.      Fi Frar 2005, Lassal telqet mir‑Renju Unit għal 10 xhur biex iżżur lil ommha fi Franza. Meta marret lura r‑Renju Unit f’Diċembru tal‑2005, hija bdiet tfittex xogħol. Minn Jannar sa Novembru tal‑2006, hija rċeviet il‑benefiċċju għal persuna li qiegħda tfittex xogħol. F’Novembru 2006 hija applikat għal dħul ta’ sostenn peress li hija kienet tqila. L‑applikazzjoni ġiet irrifjutata fuq il‑bażi li hija ma kellhiex dritt tgħix fir‑Renju Unit.

24.      Lassal appellat kontra r‑rifjut ta’ dħul ta’ sostenn u l‑appell tagħha ntlaqa’ fit‑Tribunal tal‑Appell fit‑3 ta’ Settembru 2007. It‑Tribunal tal‑Appell iddeċieda li Lassal kienet intitolata għal dħul ta’ sostenn għax hija kellha dritt li tgħix b’mod permanenti fir‑Renju Unit skont l‑Artikolu 15(1)(a) tar‑Regolament tal‑2006.

25.      Is‑Secretary of State for Work and Pensions (Ministru għax‑Xogħol u l‑Pensjonijiet, iktar ’il quddiem is‑“Secretary of State”) appella kontra dik id‑deċiżjoni mas‑Social Security Commissioner u kontra ċ‑ċaħda tal‑appell tiegħu mis‑Social Security Commissioner quddiem il‑qorti tar‑rinviju.

III –  Il‑proċeduri quddiem il‑qorti tar‑rinviju

26.      Skont is‑Secretary of State, Lassal ma għandhiex dritt għal residenza permanenti fir‑Renju Unit skont ir‑Regolament tal‑2006. Hija kienet tgħix konformi mar‑Regolament tas‑sena 2000 fil‑perijodu ta’ bejn meta daħal fis‑seħħ dan ir‑regolament, fit‑2 ta’ Ottubru 2000, u meta hija telqet lejn Franza fi Frar 2005. Sussegwentement, hija madankollu telqet mir‑Renju Unit għal madwar 10 xhur u, għalhekk, ma kinitx għadha f’perijodu ta’ residenza kontinwa. F’Diċembru 2005, hija rritornat lejn ir‑Renju Unit. Għalhekk, meta għamelt it‑talba għal dħul ta’ sostenn f’Novembru 2006, hija kienet kontinwament residenti fir‑Renju Unit għal 11‑il xahar. Skont is‑Secretary of State, din il‑konklużjoni hija konsistenti mad‑Direttiva 2004/38 (8).

27.      Lassal ma dehritx quddiem il‑qorti tar‑rinviju u ma kinitx rappreżentata hemm. Iċ‑Child Poverty Action Group (iktar ’il quddiem iċ‑“CPAG”) ġie awtorizzat biex jintervjeni fil‑proċeduri u ppreżenta sottomissjonijiet f’isem Lassal. Iċ‑CPAG isostni li Lassal għandha dritt għal residenza permanenti. Il‑parti interessata għexet fir‑Renju Unit minn Settembru 1999 sa Frar 2005. Skont iċ‑CPAG, perijodu kontinwu ta’ ħames snin għall‑iskopijiet tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38 jista’ jinkludi perijodi ta’ residenza li ntemmu qabel l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni stabbilit għat‑30 ta’ April 2006. M’għaddewx sentejn bejn Frar 2005 u d‑data li fiha Lassal reġgħet lura fir‑Renju Unit, u għalhekk, hija ma tilfitx konsegwentement id‑dritt tagħha għal residenza permanenti skont l‑Artikolu 16(4) tal‑imsemmija direttiva (9).

28.      Il‑qorti tar‑rinviju tfakkar li l‑Artikolu 16(1) jirrikjedi li persuna tkun għexet “legalment” għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fl‑Istat Membru ospitanti biex tikseb id‑dritt għal residenza permanenti fit‑territorju tiegħu. Skont din il‑qorti, il‑kelma “legalment” tfisser il‑konformità mad‑dritt Komunitarju u mhux il‑konformità mal‑liġi nazzjonali. Fid‑dawl tal‑premessa 17 tad‑Direttiva 2004/38, din il‑kelma għandha tkun interpretata bħala li tirreferi għal residenza għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin “b’konformità mal‑kundizzjonijiet imsemmija f’din id‑Direttiva”.

29.      Jekk “legalment” fl‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva tkun interpretata skont il‑premessa 17, tqum id‑domanda dwar jekk ir‑referenza għall‑“kundizzjonijiet imsemmija f’din id‑direttiva” tirreferix ukoll għall‑kundizzjonijiet imsemmija fl‑istrumenti tad-dritt Komunitarju dwar id‑drittijiet ta’ residenza lill‑ħaddiema. Il‑qorti tar‑rinviju temmen li hekk għandha tkun interpretata. Dan ikun ifisser li r‑residenza ta’ Lassal fir‑Renju Unit issodisfat il‑kundizzjonijiet tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva. Min‑naħa l‑oħra jekk ir‑referenza tkun interpretata bħala li tirreferi biss għal perijodu ta’ residenza skont id‑Direttiva 2004/38, ir‑residenza ta’ Lassal ma tissodisfax dawk il‑kundizzjonijiet.

IV –  Id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

30.      Fid‑dawl tad‑dubji dwar l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38, il‑qorti tar‑rinviju ddeċidiet b’digriet tar‑rinviju li wasal fir‑reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2009, li tirreferi d‑domanda li ġejja lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“F’ċirkustanzi fejn (i) ċittadina tal‑UE waslet fir‑Renju Unit f’Settembru 1999 bħala ħaddiema u baqgħet hemm bħala ħaddiema sa Frar 2005; (ii) iċ‑ċittadina tal‑UE mbagħad telqet mir‑Renju Unit u marret lura fl‑Istat Membru fejn hija ċittadina għal perijodu ta’ għaxar xhur; u (iii) iċ‑ċittadina tal‑UE rritornat lejn ir‑Renju Unit f’Diċembru tal‑2005 u għexet hemm kontinwament sa Novembru 2006, meta hija għamelt talba għal assistenza soċjali:

L‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, għandu jkun interpretat bħala li jintitola lil dik iċ‑ċittadina tal‑UE bid‑dritt ta’ residenza permanenti minħabba l‑fatt li hija kienet residenta legali, skont strumenti tal‑liġi Komunitarja li jagħtu drittijiet ta’ residenza lill‑ħaddiema, għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin li ġie fit‑tmiem tiegħu qabel it‑30 ta’ April 2006 (id‑data li fiha l‑Istati Membri kellhom jagħmlu traspożizzjoni tad‑Direttiva)?”

31.      Fl‑10 ta’ Marzu 2010, inżammet seduta quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja li fiha ħadu sehem ir‑rappreżentanti tar‑Renju Unit, il‑Belġju, iċ‑CPAG, u l‑Kummissjoni, u fejn huma komplew iżidu fuq l‑osservazzjonijiet bil‑miktub u wieġbu għal ċerti mistoqsijiet.

V –  Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑partijiet

32.      Il‑Gvern tar‑Renju Unit jipproponi li d‑domanda rrinvijata għandha titwieġeb fin‑negattiv. Abbażi tal‑approċċ meħud mis‑Secretary of State, dan il‑gvern jibbaża ruħu f’dan ir‑rigward fuq żewġ linji ta’ argument.

33.      L‑ewwel nett, huwa jsostni li skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, perijodu ta’ residenza wara t‑30 ta’ April 2006 jista’ jiġi kkunsidrat. F’dan il‑kuntest, huwa jsemmi li l‑kliem tal‑Artikolu 16(1) tad‑direttiva huwa inkonklużiv. Dan ma jgħidx jekk il‑perijodu ta’ residenza ta’ ħames snin iridx ikun wara t‑30 ta’ April 2006 jew jekk jistax jintemm qabel it‑30 ta’ April 2006. Dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, però, jippresupponi perijodu ta’ residenza legali ta’ ħames snin fir‑Renju Unit. It‑tifsira ta’ “legali” fl‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva hija li l‑perijodu jrid ikun konformi mal‑kundizzjonijiet imsemmija fid‑Direttiva. Dan isegwi mit‑tieni sentenza tal‑premessa 17 tad‑Direttiva 2004/38. Perijodu ta’ residenza b’konformità mal‑kundizzjonijiet imniżżla f’dik id‑Direttiva jistgħu, però biss loġikament, iċaqalqu d‑data tat‑traspożizzjoni mit‑30 ta’ April 2006. Kif tindika l‑komunikazzjoni tal‑Kummissjoni lill‑Parlament Ewropew fit‑30 ta’ Diċembru 2003 (10), it‑tieni sentenza tal‑premessa 17 tiċċara t‑tifsira ta’ residenza legali skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva.

34.      It‑tieni nett, il‑Gvern tar‑Renju Unit għandu interpretazzjoni different tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, li tgħid li perijodu kontinwu ta’ residenza għal ħames snin jista’ jkun ikkunsidrat biss jekk jintemm fit‑30 ta’ April 2006 jew wara dik id‑data. Dik l‑interpretazzjoni hija bbażata fuq il‑kunsiderazzjoni li d‑dritt ta’ residenza permanenti daħal fis‑seħħ biss fit‑30 ta’ April 2006 u għalhekk ma setax eżista qabel dik id‑data. Mhux possibbli li jinkiseb dritt non‑eżistenti. Barra minn hekk, id‑dritt ta’ residenza permanenti, qabel ma beda jeżisti, seta’ ma jintilifx taħt l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva. L‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva, għalhekk, ma jistax japplika għal perijodi ta’ residenza li ntemmu qabel it‑30 ta’ April 2006. Dan huwa problematiku f’dawk il‑każijiet fejn il‑perijodu ta’ residenza ta’ ħames snin huwa ’l bogħod fil‑passat. F’dan il‑każ, skont l‑interpretazzjoni fejn perijodi ta’ residenza li ntemmu qabel it‑30 ta’ April 2006 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, jinkiseb dritt ta’ residenza permanenti. L‑Artikolu 16(4), li taħtu d‑dritt ta’ residenza permanenti jintilef minħabba assenza ta’ sentejn, ma jistax però jiġi applikat, peress li d‑dispożizzjoni tapplika biss għat‑telf ta’ dritt li diġa nkiseb. Interpretazzjoni bħal din, li skontha d‑dritt ta’ residenza permanenti jingħata wkoll lil ċittadini tal‑Unjoni Ewropea li minħabba assenza mill‑Istat Membru ospitanti ma jkunux jistgħu jilħqu l‑livell ta’ integrazzjoni meħtieġ, huwa inkompatibbli mal‑għan li għalih issir referenza fil‑premessa 18 tad‑Direttiva, bażikament il‑promozzjoni ta’ integrazzjoni taċ‑ċittadini tal‑Unjoni Ewropea fl‑Istat Membru ospitanti.

35.      Huwa immaterjali għar‑riżoluzzjoni tal‑kawża preżenti jekk l‑ewwel jew it‑tieni interpretezzjoni tiġix adottatta. It‑tielet interpretazzjoni possibbli tal‑Artikolu 16(1) proposta miċ‑CPAG u l‑Kummissjoni, li skontha perijodu ta’ residenza li ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006 għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni, hija żbaljata minħabba r‑raġunijiet imsemmija hawn fuq. Tajjeb ukoll li jkun innotat li d‑dritt ta’ residenza permanenti msemmi fl‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38 huwa dritt ġdid, li mhux dipendenti fuq l‑attività ekonomika. Barra minn dan, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li d‑Direttiva għandha tkun applikata b’mod retroattiv. Għall‑kuntrarju, huwa ċar mill‑motivazzjoni tal‑punt 50 tas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja f’Givane et (11) li perijodu ta’ residenza kontinwa fl‑Istat Membru ospitanti li ġie fit‑tmiem tiegħu qabel id‑data ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi kkunsidrat. L‑oġġezzjonijiet taċ‑CPAG u l‑Kummissjoni li l‑interpretazzjonijiet imressqa mir‑Renju Unit iwasslu għal riżultati arbitrarji huma infondati. Huwa inevitabbli li regola, li skontha perijodu ta’ residenza li ġie fit‑tmiem tiegħu qabel it‑30 ta’ April 2006 ma titteħidx inkunsiderazzjoni, tippreġudika dawk iċ‑ċittadini tal‑Unjoni Ewropea li r‑residenza tagħhom intemmet qabel dik id‑data.

36.      Il‑Gvern Belġjan jipproponi li d‑domanda rrinvijata titwieġeb fin‑negattiv. Fl‑opinjoni tiegħu, perijodu ta’ residenza permanenti ta’ ħames snin fi Stat ospitanti, li ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006, ma jagħtix id‑dritt għal residenza permanenti skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva.

37.      Fl‑opinjoni tal‑Gvern Belġjan dan iwassal għall‑applikazzjoni retroattiva tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva. Peress li effett retroattiv huwa detrimentali għall‑prinċipju ta’ ċertezza legali, atti Komunitarji ma jistgħux jidħlu fis‑seħħ qabel ma jiġu ppublikati. Eċċezzjonijiet huma possibbli biss fejn meħtieġ skont l‑għan li jrid jintlaħaq u fejn l‑aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati huma debitament osservati. Dawk il‑kundizzjonijiet ma humiex issodisfati fil‑kawża preżenti. L‑Istati Membri kellhom sentejn biex jittrasponu d‑Direttiva f’liġi nazzjonali, sat‑30 ta’ April 2006. Il‑Gvern Belġjan jagħmel referenza għall‑Gwida Prattika Komuni tal‑Parlament Ewropew, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni għal persuni involuti fl‑abbozzar tal‑leġiżlazzjoni fl‑istituzzjonijiet tal‑Komunità dwar l‑abbozzar tal‑leġiżlazzjoni (12). Hemm huwa msemmi li huwa biss eċċezzjoni li att tal‑Komunità jista’ jkollu effett retroattiv. Fejn dan ikun il‑każ, dan għandu jkun espressament previst. Id‑Direttiva 2004/38 ma tipprevedix effett retroattiv.

38.      Skont il‑Gvern Belġjan, l‑applikazzjoni retroattiva tal‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38 twassal għal kull tip ta’ problemi legali u prattiċi addizzjonali li jikkonċernaw il‑kriterju legali applikabbli għall‑perijodu ta’ residenza. L‑applikazzjoni retroattiva tal‑Artikolu 16 tad‑Direttiva twassal għal sitwazzjoni fejn persuna li fid‑29 ta’ April 2006 kienet tgħix illegalment fl‑Unjoni Ewropea u allura ma kellha l‑ebda dritt għal residenza, issa tikseb id‑dritt ta’ residenza permanenti. Però mhux l‑iskop tad‑Direttiva li tirregolarizza residenza illegali passata. Id‑dritt ta’ residenza permanenti għandu jitqies bħala kontinwazzjoni ta’ dritt diġà eżistenti ta’ residenza mhux permanenti. Persuna li fid‑29 ta’ April 2006 ma kellhiex id‑dritt ta’ residenza ma tistax tikseb id‑dritt ta’ residenza fuq l‑iskadenza tal‑perijodu ta’ traspożizzjoni għad‑Direttiva 2004/38 jew a fortiori d‑dritt ta’ residenza permanenti. Għal dawk ir‑raġunijiet, fil‑kawża preżenti jrid ikun iddeterminat jekk Lassal kellhiex dritt ta’ residenza fit‑30 ta’ April 2006. Peress li n‑nuqqas ta’ residenza tagħha fir‑Renju Unit f’dak iż‑żmien kien għal raġunijiet oħra minbarra dawk elenkati fl‑Artikolu 16(3) tad‑Direttiva, il‑perijodu ta’ residenza tagħha fir‑Renju Unit minn Diċembru 2005 biss jista’ jiġi kkunsidrat. Għalhekk hija kienet għadha ma kisbitx id‑dritt ta’ residenza permanenti f’Novembru 2006. B’konnessjoni ma’ dan, tajjeb li niftakru li skont l‑Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 68/360 u l‑Artikolu 6(2) tar‑Regolament Nru 1251/70, li kienu japplikaw qabel it‑30 ta’ April 2006, assenza ta’ sitt xhur konsekuttivi wasslet għat‑telf tad‑dritt ta’ residenza ta’ qabel. L‑assenza ta’ Lassal għal iktar minn sitt xhur, b’hekk affettwat il‑validità tal‑permess tar‑residenza tagħha.

39.      Iċ‑CPAG u l‑Kummissjoni jipproponu li d‑domanda rrinvijata titwieġeb fl‑affermattiv. Id‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva huwa ddisinjat biex jippromwovi l‑integrazzjoni taċ‑ċittadini tal‑Unjoni Ewropea li ilhom jgħixu għal perijodu twil fi Stat Membru ospitanti u li allura żviluppaw konnessjonijiet miegħu. L‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva jsemmi biss li għandu jkun hemm perijodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ residenza legali. Il‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan sabu kundizzjoni oħra fl‑Artikolu 16(1), li mhix koperta bil‑kliem tiegħu. La dan l‑artikolu u ebda dispożizzjoni tad‑Direttiva ma fihom indikazzjoni li perijodi ta’ residenza kompluti fl‑Istat ospitanti qabel id‑data li fiha daħlet fis‑seħħ id‑Direttiva (jiġifieri t‑30 ta’ April 2004), id‑data tat‑traspożizzjoni tagħha jew id‑data meta l‑perijodu ta’ traspożizzjoni skada (jiġifieri t‑30 ta’ April 2006) ma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall‑iskopijiet tad‑Direttiva. Lassal issodisfat il‑kundizzjonijiet tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva u ma tilfitx dan id‑dritt taħt l‑Artikolu 16(4), għaliex hija kienet assenti mir‑Renju Unit għal inqas minn sentejn.

40.      Il‑Kummissjoni, sostnuta miċ‑CPAG, issostni li drittijiet ta’ residenza diġà kienu jeżistu taħt l‑Artikoli 4 u 6 tad‑Direttiva 68/360. Huma ma inkludewx id‑dritt ta’ residenza permanenti, iżda dritt ta’ residenza ta’ ħames snin bi dritt ta’ tiġdid awtomatiku kien mogħti. Barra minn dan, kien hemm dritt ta’ residenza permanenti taħt l‑Artikolu 2(1)(b) tar‑Regolament Nru 1251/70, li sadanittant ġie mħassar. Peress li dik id‑dispożizzjoni ġiet irreplikata verbatim fl‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38, għandha tkun interpretata bħala li tfisser li perijodi ta’ residenza li ntemmu qabel it‑30 ta’ April 2006 għandhom jiġu kkunsidrati. Ma setgħetx kienet l‑intenzjoni tal‑leġiżlatura li persuna takkwista dritt ta’ residenza permanenti taħt l‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38 biss meta hija kienet residenti fl‑Istat Membru ospitanti għal sentejn wara l‑iskadenza tad‑data tat‑traspożizzjoni għad‑Direttiva, jiġifieri wara t‑30 ta’ April 2006. Dan il‑prinċipju, li huwa validu għall‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38 japplika wkoll għad‑dritt ta’ residenza permanenti taħt l‑Artikolu 16 tal‑istess direttiva. Għalkemm dan l‑artikolu jagħti dritt ta’ residenza permanenti li huwa iktar ġeneruż minn dak mogħti mid‑Direttiva 68/360, mhux differenti sal‑punt li jfisser li perijodi ta’ residenza kompluti taħt id‑Direttiva 68/360 ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Il‑leġiżlatura qieset li kien tant ovvju li taħt l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva, perijodi ta’ residenza b’konformità mad‑dispożizzjonijiet preċedenti tad‑Direttiva 2004/38 għandhom jiġu kkunsidrati, li ma ratx il‑bżonn li tgħaddi leġiżlazzjoni espressament fuq dan il‑punt.

41.      Skont il‑Kummissjoni, mis‑sentenza tal‑Qorti f’Givane et (13), li fuqha bbaża ruħu l‑Gvern tar‑Renju Unit, ma jistax jiġi konkluż li, għall‑għanijiet tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, perijodu ta’ residenza fl‑Istat Membru ospitanti li ġie fit‑tmiem tiegħu qabel it‑traspożizzjoni tad‑Direttiva jew qabel l‑iskadenza tal‑perijodu ta’ traspożizzjoni fit‑30 ta’ April 2006 ma jistax jiġi kkunsidrat.

42.      Skont is‑sottomisjonijiet taċ‑CPAG u l‑Kummissjoni, li perijodi ta’ residenza li ntemmu qabel it‑30 ta’ April 2006 jittieħdu inkunsiderazzjoni, huwa wkoll kompatibbli mat‑tieni sentenza tal‑premessa 17 fid‑Direttiva 2004/38. Dik is‑sentenza tirreferi għal residenza konformi mal‑kundizzjonijiet imsemmija fid‑Direttiva 2004/38. Ma tistax tinftiehem bħala li tfisser li r‑rekwiżit ta’ residenza legali huwa ristrett għal perijodi ta’ residenza wara traspożizzjoni tad‑Direttiva jew wara l‑iskadenza tal‑perijodu ta’ traspożizzjoni fit‑30 ta’ April 2006. Skont iċ‑CPAG, it‑tieni sentenza tfisser biss li l‑kalkolu tar‑residenza skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva għandha tikkunsidra r‑regoli msemmija fl‑Artikolu 16, b’mod partikolari d‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 16(3). Anki jekk kien hemm kunflitt bejn il‑kliem tal‑Artikolu 16(1) u l‑premessi tad‑Direttiva, il‑premessi ma jistgħux jintużaw minflok il‑kliem ċar tal‑Artikolu 16 tad‑Direttiva. Skont il‑Kummissjoni, it‑tieni sentenza tfisser li l‑perijodu ta’ residenza fl‑Istat Membru ospitanti kellu jkun legali skont l‑istrumenti applikabbli tald-dritt Komunitarju fiż‑żmien ta’ residenza. Hemm relazzjoni bejn id‑Direttiva u d‑dispożizzjonijiet preċedenti legali li jikkonċernaw id‑dritt ta’ residenza li għandhom jiġu kkunsidrati. Iċ‑CPAG u l‑Kummissjoni jsemmu wkoll li, jekk it‑tieni sentenza tkun interpretata bil‑mod issuġġerit mill‑Gvern tar‑Renju Unit jew mill‑Gvern Belġjan, id‑dritt ta’ residenza permanenti jista’ jqum l‑iktar kmieni fid‑29 ta’ April 2011. Il‑leġislazzjoni tal‑Komunità ma tistax titqies bħala li kkuntemplat dan ir‑riżultat b’sorpriża, fl‑assenza ta’ xi dispożizzjoni fid‑Direttiva għal dan l‑effett.

43.      Iċ‑CPAG u l‑Kummissjoni jsostnu wkoll li billi perijodu ta’ residenza li ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006 jiġi kkunsidrat, dan ma jwassalx għal effett retroattiv li ma jistax jingħata. Anki jekk perijodi ta’ żmien qabel it‑30 ta’ April 2006 huma użati biex jinkiseb id‑dritt ta’ residenza permanenti taħt l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva, dan ma jfissirx – kuntrarjament għas‑sottomissjonijiet tal‑Gvern Belġjan – li d‑dritt jibda jeżisti qabel it‑30 ta’ April 2006. Id‑dritt ta’ residenza permanenti jibda jeżisti biss meta d‑Direttiva tiġi trasposta f’liġi nazzjonali jew fl‑iskadenza tal‑perijodu ta’ traspożizzjoni fit‑30 ta’ April 2006. Perijodi ta’ residenza qabel l‑iskadenza tal‑perijodu ta’ traspożizzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati taħt l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva. Mhux biss l‑Artikolu 16(1), iżda anki l‑Artikolu 16(3) u (4) tad‑Direttiva 2004/38, japplikaw għal dawn il‑perijodi. Għalhekk, ċittadin tal‑Unjoni Ewropea li qabel it‑30 ta’ April 2006 għex kontinwament fi Stat Membru ospitanti għal ħames snin, iżda li fit‑30 ta’ April 2006 kien diġà ilu assenti għal iktar minn sentejn, m’għandux dritt għal residenza permanenti.

44.      Fl‑aħħar nett, iċ‑CPAG u l‑Kummissjoni jgħidu li l‑interpretazzjonijiet proposti mill‑Gvern tar‑Renju Unit iwasslu għal riżultati arbitrarji u ż‑żewġ argumenti huma kontradittorji.

45.      Sussidjarjament, il‑Kummissjoni tirreferi għas‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fi Trojani (14), li skontha ċittadin ta’ Stat Membru li kien resident legali fi Stat Membru ieħor għal ċertu perijodu jista’ jinvoka l‑prinċipju ta’ trattament ugwali. Dan il‑prinċipju japplika wkoll għal benefiċċji ta’ assistenza soċjali. L‑istess japplika fejn ċittadin jitlob id‑dritt ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti bbażat fuq il-dritt Komunitarju.

VI –  Il‑kunsiderazzjonijiet legali

46.      Id‑domanda preliminari tikkonċerna l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38. L‑ewwel se nitkellem dwar id‑dispożizzjoni fl‑iskema stabbilita mid‑Direttiva 2004/38 (A) qabel nindirizza d‑domanda preliminari (B).

A –    Id‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38

47.      Bid‑Direttiva 2004/38, il‑leġiżlazzjoni tal‑Komunità niżżlet fil‑liġi sekondarja tal‑Komunità d‑dritt ta’ ċittadin tal‑Unjoni Ewropea għal residenza fi Stat Membru ieħor, li jirriżulta mil‑liġi primarja ta’ libertajiet fundamentali u r‑regoli ta’ ċittadinanza tal‑Unjoni Ewropea (15). Għal dan l‑iskop, id‑Direttiva tipprovdi tliet forom ta’ drittijiet residenzjali: l‑ewwel, id‑dritt ta’ residenza sa tliet xhur (16); it‑tieni, id‑dritt ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur (17); u t‑tielet, id‑dritt ta’ residenza permanenti. Id‑dritt ta’ residenza permanenti huwa mniżżel fil‑Kapitolu IV tad‑direttiva; id‑dispożizzjonijiet sostantivi dwar il‑kisba ta’ dan id‑dritt jinsabu f’Sezzjoni I ta’ dan il‑kapitolu, fl‑Artikoli 16 sa 18.

48.      Skont l‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, iċ‑ċittadini tal‑Unjoni Ewropea li għexu legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fi Stat Membru ospitanti għandhom ikollhom id‑dritt ta’ residenza permanenti hemm. Il‑kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti huwa dipendenti fuq żewġ kundizzjonijiet. L‑ewwel, iċ‑ċittadin tal‑Unjoni Ewropea jrid ikun għex kontinwament fl‑Istat Membru ospitanti għal ħames snin. It‑tieni, dan il‑perijodu ta’ residenza jrid ikun legali.

B –    Fuq id‑domanda preliminari

49.      Il‑qorti tar‑rinviju għandha tiddeċiedi f’dan il‑każ fejn ċittadina Franċiża tal‑Unjoni Ewropea li għexet kontinwament minn Settembru 1999 sa Frar 2005 fir‑Renju Unit, bir‑residenza tagħha f’dan l‑Istat ospitanti tkun waħda legali skont id‑dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li kienu japplikaw dak iż‑żmien. Però, dan il‑perijodu ta’ residenza ntemm fi Frar 2005 u għalhekk qabel it‑30 ta’ April 2006, meta l‑perijodu ta’ traspożizzjoni għad‑Direttiva 2004/38 skada u l‑leġiżlazzjoni tat‑traspożizzjoni nazzjonali daħlet fis‑seħħ. Il‑qorti tar‑rinviju għandha dubji dwar jekk dan il‑perijodu ta’ residenza jistax ukoll jistabbilixxi d‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva.

50.      L‑oġġezzjoni prinċipali tal‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan li jikkunsidraw dan il‑perijodu ta’ residenza hija li din l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva twassal għal applikazzjoni retroattiva ta’ dik id‑dispożizzjoni. Se nindirizza dik l‑oġġezzjoni, waqt li nikkunsidra wkoll l‑oġġezzjonijiet l‑oħra li saru minn dawk il‑gvernijiet.

51.      Fejn l‑applikazzjoni retroattiva tad‑dispożizzjonijiet legali hija kkonċernata, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddistingwi bejn dispożizzjonijiet tal‑liġi proċedurali jew il‑liġi sostantiva (18). L‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, li jsemmi l‑kundizzjonijiet għall‑kisba u t‑telf tad‑dritt ta’ residenza permanenti, huwa dispożizzjoni ta’ liġi sostantiva. F’dan li ġej se nirristrinġi r‑rimarki għall‑ġurisprudenza dwar il‑permissibbiltà tal‑effett retroattiv ta’ liġi sostantiva.

52.      Fejn id‑dispożizzjonijiet ta’ liġi sostantiva huma kkonċernati, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddistingwi bejn żewġ sitwazzjonijiet differenti.

53.      Il‑Qorti tara li effett retroattiv iseħħ meta miżura tidħol fis‑seħħ qabel tiġi ppubblikata (19). Il‑kawżi kkonċernati huma dawk fejn miżura diġà għandha effetti legali qabel tidħol fis‑seħħ. Bħala prinċipju, dan mhuwiex permess. Issir eċċezzjoni fejn l‑għan li għandu jintlaħaq jitlob hekk u fejn l‑aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati għandhom jiġu osservati (20).

54.      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja wkoll tipproċedi fuq il‑preżunzjoni li, biex ikun żgurat li l‑prinċipji ta’ sigurtà ġuridika u ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi jkunu osservati, id‑dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw biss f’sitwazzjonijiet li jeżistu wara li jkunu daħlu fis‑seħħ (21). Hemm eċċezzjoni għal dan il‑prinċipju li jirriżulta b’mod ċar mit‑termini, l‑għanijiet u l‑iskema ġenerali tad‑dispożizzjonijiet sostantivi li huma japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet li kienu jeżistu qabel daħlu fis‑seħħ (22). F’dik is‑sitwazzjoni, mhux bħas‑sitwazzjoni msemmija iktar ’il fuq, mhemmx effetti legali qabel id‑dispożizzjoni legali daħlet fis‑seħħ; għalhekk mhemmx retroattività fis‑sens strett tal‑kelma (23). Madankollu, il‑prinċipji ta’ sigurtà ġuridika u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi għandhom jiġu kkunsidrati wkoll f’dan il‑kuntest, peress li l‑effetti legali għall‑preżent u għall‑futur joħorġu minn sitwazzjoni li kienet teżisti fil‑passat u li għalhekk ma jistgħux jinbidlu (24).

55.      Fil‑każ preżenti, l‑ewwel irid jintqal li mhux se jkun hemm effetti legali li jmorru lura fil‑passat skont l‑Artikolu 16(1) anki jekk perijodu ta’ residenza li ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006 kellu jiġi kkunsidrat skont id‑dispożizzjoni (1). L‑unika kwistjoni hija allura jekk joħroġx mit‑termini, oġġettivi jew l‑iskema ġenerali ta’ dik id‑dispożizzjoni li dik ukoll tapplika għal perijodi ta’ residenza fl‑Istat Membru ospitanti li ntemmu qabel daħlet fis‑seħħ (2).

1.      L‑ebda effetti legali applikabbli retroattivament

56.      Kuntrarjament għall‑pożizzjoni apparentement adottata mill‑Gvern Belġjan, il‑kawża preżenti ma tikkonċernax effetti legali applikabbli retroattivament. Id‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva joħroġ fil‑kawża preżenti biss fit‑30 ta’ April 2006 u għalhekk wara li d‑Direttiva daħlet fis‑seħħ fid‑29 ta’ Ġunju 2004 u wara t‑traspożizzjoni tad‑Direttiva f’liġi nazzjonali fit‑30 ta’ April 2006. Dan huwa wkoll il‑każ jekk l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva jkun interpretat bħala li jfisser li, għal skopijiet tal‑kisba tad‑dritt ta’ residenza permanenti (mhux qabel it‑30 ta April 2006), jiġi kkunsidrat perijodu ta’ residenza fi Stat Membru ospitanti li ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006.

57.      Ir‑referenza mill‑Gvern Belġjan għall‑paragrafi 20.3.1, 20.8 u 20.9 tal‑Gwida Prattika Komuni tal‑Parlament Ewropew, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni għall‑persuni involuti fl‑abbozzar tal‑leġiżlazzjoni fi ħdan l‑istituzzjonijiet tal‑Komunità (25) hija għalhekk żbaljata. Dawk il‑paragrafi jikkonċernaw sitwazzjoni li mhix inkwistjoni hawnhekk, fejn miżura tal‑Komunità tqajjem effetti legali qabel din tidħol fis‑seħħ.

58.      Safejn il‑Gvern Belġjan oġġezzjona wkoll li interpretazzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, li skontha għandu jiġi kkunsidrat perijodu ta’ residenza li ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006, li jwassal biex perijodu ta’ residenza illegali fil‑passat f’daqqa waħda jsir legali, mhix konvinċenti. Peress li d‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva jista’ joħroġ fil‑każ preżenti biss mit‑30 ta’ April 2006, perijodu ta’ residenza illegali li seħħ qabel id‑data ma jistax retroattivament isir legali.

2.      Il‑kwistjoni dwar jekk l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva għandux ikun interpretat bħala li jfisser li perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April jiġu kkunsidrati.

59.      Fil‑każ preżenti, il‑kwistjoni hija biss jekk l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva għandux ikun interpretat bħala li jfisser li japplika għal perijodu ta’ residenza li kien diġà ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006. Kif intqal hawn fuq, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, fuq bażi tal‑prinċipji ta’ sigurtà ġuridika u l‑protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, tinterpreta dispożizzjonijiet ta’ liġi sostantiva bħala mhux applikabbli għal sitwazzjonijiet li eżistew qabel daħlu fis‑seħħ. Hemm eċċezzjoni fejn jidher biċ‑ċar mit‑termini, l‑għanijiet u l‑iskema ġenerali tad‑dispożizzjoni li għandu jingħata dan l‑effett, u fejn l‑aspettattivi leġittimi ta’ dawk ikkonċernati huma osservati.

60.      Ma tistax toħroġ konklużjoni ċara mill‑kliem tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva (a). Analiżi tal‑iskema tad‑dispożizzjonijiet sostantivi tad‑Direttiva 2004/38 dwar id‑dritt ta’ residenza permanenti (b), u l‑kunsiderazzjoni tal‑oriġini u l‑għan tal‑Artikolu 16 tad‑Direttiva (ċ), però hija favur li perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April 2006 jiġu kkunsidrati. Għall‑kuntrarju, oġġezzjonijiet ibbażati fuq il‑kunċett ta’ residenza legali fl‑isfond tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva (d), dwar in‑nuqqas ta’ applikabbiltà tal‑Artikolu 16(4) tad‑direttiva (e), u fuq id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 68/360 u r‑Regolament Nru 1251/70 (f), ma humiex konvinċenti. Fl‑aħħar nett, il‑prinċipju tal‑protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi ma jipprekludix interpretazzjoni li skontha perijodi ta’ residenza li ntemmu qabel it‑30 ta’ April jiġu kkunsidrati (ġ).

a)      Il‑kliem użat

61.      Kif qalu tajjeb il‑Gvern tar‑Renju Unit, iċ‑CPAG u l‑Kummissjoni, ma tistax toħroġ konklużjoni ċara mill‑kliem tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva. L‑Artikolu 16(1) jiffoka biss fuq perijodu kontinwu ta’ residenza ta’ ħames snin, mingħajr ma jispeċifika meta l‑perijodu ta’ residenza suppost beda.

b)      Ir‑relazzjoni skematika bejn l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38 u dispożizzjonijiet sostantivi oħra dwar id‑dritt ta’ residenza permanenti

62.      Kif indikat hawn fuq (26), minbarra l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva hemm ukoll regoli sostantivi fl‑Artikoli 17 u 18 tad‑Direttiva dwar il‑kisba tad‑dritt ta’ residenza permanenti. L‑Artikolu 17 tad‑Direttiva jipprovdi li ċerti persuni jistgħu jiksbu d‑dritt ta’ residenza permanenti fl‑Istat Membru ospitanti qabel jintemm il‑perijodu kontinwu ta’ residenza ta’ ħames snin fl‑Istat Membru ospitanti. Għalhekk ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom li għexu kontinwament fl‑Istat Membru ospitanti għal iktar minn sentejn u li waqfu jaħdmu minħabba inkapaċità permanenti, għandhom id‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva.

i)      In‑neċessità li jiġu kkunsidrati perijodi ta’ residenza li ntemmu qabel it‑30 ta’ April 2006 fil‑kuntest tal‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38

63.      Skont l‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva, il‑kisba tad‑dritt ta’ residenza hija suġġetta, bħal fil‑każ tal‑Artikolu 16(1), għall‑kundizzjoni li kien hemm perijodu ta’ residenza kontinwa fl‑Istat Membru ospitanti għal ċertu tul ta’ żmien, bl‑Artikolu 17(1) (b) tad‑Direttiva li jirrikjedi perijodu ta’ residenza ta’ sentejn biss. Id‑domanda li toħroġ fir‑rigward ta’ dik id‑dispożizzjoni hija dwar jekk perijodu ta’ residenza li ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006 għandux jiġi kkunsidrat. Fir‑rigward tal‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva, dik id‑domanda tista’ biss titwieġeb fis‑sens li perijodu ta’ residenza li ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006 għandu jiġi kkunsidrat ukoll.

64.      F’dan il‑kuntest, il‑konnessjoni bejn l‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38 u d‑dispożizzjoni ta’ qabilha, l‑Artikolu 2(1)(b) tar‑Regolament Nru 1251/70 għandha tkun ikkunsidrata. L‑Artikolu 2(1)(b) tar‑Regolament Nru 1251/70 pprovda kważi fl‑istess termini għad‑dritt għal ħaddiem li sar inkapaċi biex jaħdem, li jibqa’ fl‑istess Stat Membru ospitanti. Ir‑Regolament Nru 1251/70 tħassar b’effett mit‑30 ta’ April 2006 (27). Dan sar fil‑kuntest tal‑iskadenza tal‑perijodu ta’ traspożizzjoni għad‑Direttiva 2004/38 fit‑30 ta’ April 2006 li rriżultat fil‑bidla tal‑Artikolu 2(1)(b) tar‑Regolament Nru 1251/70 bl‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38, li issa huwa l‑bażi għad‑dritt ta’ residenza għal ħaddiem li ma’għadux kapaċi biex jaħdem (28).

65.      Kieku perijodi ta’ residenza kontinwa għal sentejn fi Stat Membru ospitanti li seħħew qabel bdiet l‑inkapaċità permanenti, u li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April 2006, ma kinux ikkunsidrati f’konnessjoni mal‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38, ma kienx ikun jista’ jiġi eskluż li ħaddiem li kiseb dan id‑dritt taħt ir‑Regolament Nru 1251/70 fuq il‑bażi ta’ perijodu ta’ residenza li ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006 ma jkollux iżjed id‑dritt ta’ residenza. Taħt ir‑Regolament Nru 1251/70, l‑Istati Membri kienu obbligati li joħorġu permessi ta’ residenza għal perijodu determinat biss (29). Fl‑iskadenza tal‑permess ta’ residenza maħruġ skont l‑Artikolu 2(1)(b) tar‑Regolament, ħaddiem li l‑perijodu ta’ residenza ta’ sentejn tiegħu ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006 ma jistax iktar japplika għal estensjoni taħt ir‑Regolament Nru 1251/70, peress li dan tħassar b’effett mit‑30 ta’ April 2006. Ħaddiem li sar inkapaċi biex jaħdem ma jistax jibbaża ruħu fuq l‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva, għax il‑perijodu ta’ sentejn ta’ residenza ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006. Dik id‑dispożizzjoni ma tagħtihx id‑dritt ta’ residenza permanenti. Dan il‑ħaddiem, għalhekk, mal‑iskadenza taż‑żmien tal‑permess ta’ residenza tiegħu, m’għandux iktar id‑dritt ta’ residenza li jikkorrispondi mal‑Artikolu 2(1)(b) tar‑Regolament Nru 1251/70 jew l‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38.

66.      Dan ir‑riżultat huwa eżattament kuntrarju għall‑intenzjoni tal‑leġiżlatur Komunitarju, li adotta d‑Direttiva 2004/38 sabiex jikkonsolida u jsaħħaħ id‑drittijiet ta’ residenza tal‑ħaddiema (30). Wieħed ma jistax jassumi li permezz tal‑adozzjoni tad‑Direttiva 2004/38, il‑leġiżlatur tal‑Komunità xtaq jikseb ir‑riżultat imsemmi hawn fuq. Dan imur kontra l‑Artikolu 38 tad‑Direttiva 2004/38 u l‑għan li jiġi rrimedjat l‑approċċ frammentat settur b’settur għad‑dritt ta’ ċaqliq liberu u ta’ residenza espress fir‑raba’ premessa. Id‑Direttiva għandha l‑għan li ssaħħaħ u tikkodifika d‑drittijiet ta’ residenza msemmija qabel f’numru ta’ atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja (31).

67.      Fil‑kuntest tal‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva 2004/38, il‑kunċett ta’ perijodu ta’ sentejn ta’ residenza kontinwa għandu jkun interpretat bħala li jfisser li perijodu ta’ residenza li ntemm qabel it‑30 ta’ April għandu jkun ikkunsidrat.

ii)    Fuq l‑applikabbiltà tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38

68.      Fl‑iskema tad‑Direttiva 2004/38, l‑Artikolu 16(1) u 17(1)(b) huma marbuta mill‑qrib. Huma t‑tnejn jinsabu f’kapitolu li jipprovdi għad‑dritt ta’ residenza permanenti, fis‑sezzjoni fejn il‑kundizzjonijiet sostantivi għall‑kisba ta’ dan id‑dritt huma msemmija. Barra minn dan, il‑kliem ta’ introduzzjoni fl‑Artikolu 17 tad‑Direttiva – “[b]’deroga mill‑Artikolu 16, id‑dritt ta’ residenza permanenti fl‑Istat Membru ospitanti għandu jitgawda qabel it‑tlestija ta’ perjodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ residenza”– jagħmluha ċara li hemm konnessjoni sostantiva bejn l‑Artikoli 16 u 17 tad‑Direttiva.

69.      Fl‑isfond ta’ din il‑konnessjoni mill‑qrib bejn dawk iż‑żewġ dispożizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l‑kundizzjonijiet imsemmija fi kliem kważi identiċi fl‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38 (“li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl‑Istat Membru ospitanti [...]”) u fl‑Artikolu 17(1)(b) tad‑Direttiva (“li għexu kontinwament fl‑Istat Membru ospitanti għal aktar minn sentejn”) għandhom jiġu interpretati bl‑istess mod. F’dan il‑każ, perijodu ta’ residenza li ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006 għandu jiġi kkunsidrat ukoll fil‑kuntest tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva.

70.      Il‑Gvern tar‑Renju Unit jikkontesta din il‑fehma billi jargumenta li d‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38 huwa dritt li ma kienx ipprovdut qabel fil‑leġiżlazzjoni sekondarja. Din l‑oġġezzjoni mhijiex konvinċenti. Il‑leġiżlatur Komunitarju seta’ faċilment iddeċieda li jagħmel distinzjoni bejn l‑Artikolu 17(1)(b) u l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva dwar l‑applikazzjoni tal‑kundizzjonijiet ta’ dawk id‑dispożizzjonijiet għal perijodi passati ta’ residenza. Huwa m’għamilx hekk. L‑użu ta’ kundizzjonijiet virtwalment identiċi fiż‑żewġ dispożizzjonijiet hija indikazzjoni qawwija li l‑leġiżlatur Komunitarju kien qed isegwi l‑istess approċċ għal dik il‑kwistjoni fiż‑żewġ dispożizzjonijiet.

iii) Fuq is‑sentenza Givane et

71.      Fis‑seduta, il‑Gvern tar‑Renju Unit irrefera għas‑sentenza Givane et (32). Huwa sostna li l‑motivazzjoni f’punt 50 ta’ dik is‑sentenza wriet li l‑perijodu kontinwu ta’ ħames snin ta’ residenza msemmi fl‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva ma jistax ikun perijodu ta’ residenza li ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006. F’dan il‑punt, il‑Qorti tal‑Ġustizzja pproċediet fuq il‑bażi li d‑dritt ta’ residenza għall‑membri tal‑familja tal‑ħaddiem taħt l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1251/70 jista’ joħroġ biss fejn il‑perijodu ta’ sentejn ta’ residenza msemmi seħħ immedjatament qabel il‑mewt tal‑ħaddiem. Dan għandu jkun applikat fl‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva b’tali mod li l‑ebda perijodu ta’ residenza li ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006 ma jistax jiġi kkunsidrat.

72.      Din l‑oġġezzjoni hija mingħajr sustanza. Ma tistax toħroġ konklużjoni ta’ din ix‑xorta minn Givane et. F’dan il‑każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja interpretat l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1251/70. Dik id‑dispożizzjoni pprovdiet li membri tal‑familja ta’ ħaddiem li miet waqt li kien għadu jaħdem u qabel kiseb id‑dritt li jibqa’ fit‑territorju tal‑Istat Membru kkonċernat, kellhom ikunu intitolati biex jibqgħu hemm b’mod permanenti bil‑kundizzjoni li l‑ħaddiem, sad‑data tal‑mewt tiegħu, kien għex kontinwament fit‑territorju ta’ dan l‑Istat Membru għal tal‑inqas sentejn. Skont it‑tieni sentenza tal‑Artikolu 4(1) ta’ dan ir‑regolament, kontinwità ta’ residenza kif ipprovduta fl‑Artikolu 3(2) ma kellhiex tkun affettwata minn assenzi temporanji li ma jaqbżux it‑total ta’ tliet xhur kull sena, u lanqas assenzi itwal minħabba konformità mal‑obbligi tas‑servizz militari.

73.      F’Givane et, il‑ħaddiem għex għal sentejn fl‑Istat Membru ospitanti iżda mbagħad kien assenti mill‑Istat Membru ospitanti għal iktar minn tliet xhur. Wara li mar lura fl‑Istat Membru ospitanti, il‑ħaddiem ma kienx għex għal sentejn oħra fl‑Istat Membru qabel mewtu.

74.      F’dan il‑każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja l‑ewwel sostniet li dan il‑perijodu ta’ residenza ta’ sentejn irid jippreċedi immedjatament il‑mewt. Peress li l‑ħaddiem kien assenti mill‑Istat Membru, wara l‑ewwel perijodu ta’ residenza ta’ iktar minn sentejn, għal iktar minn tliet xhur, dak il‑perijodu ta’ residenza kien interrott skont it‑tieni sentenza tal‑Artikolu 4(1) u ma setax jiġi kkunsidrat. Minħabba li, wara r‑ritorn tiegħu fl‑Istat Membru ospitanti, il‑ħaddiem ma kienx għex għal sentejn oħra hemm immedjatament qabel mewtu, il‑kundizzjonijiet imsemmija fl‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1251/70 ma kinux sodisfatti. Is‑sentenza Givane et, li hija bbażata fuq il‑kundizzjonijiet imsemmija fl‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1251/70, ovvjament ma tistax tkun applikata għall‑kwistjonijiet li għandhom jiġu riżolti f’dan il‑każ. L‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, kuntrarjament għall‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1251/70, mhux ibbażat fuq perijodu ta’ residenza li seħħet qabel eventwalità partikolari.

75.      Għall‑kuntrarju, il‑konnessjoni bejn l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1251/70 u d‑dispożizzjoni ta’ warajh fl‑Artikolu 17(4)(a) tad‑Direttiva 2004/38 tmur kontra l‑oġġezzjoni tal‑Gvern tar‑Renju Unit. Fil‑fatt, li kieku l‑kundizzjoni li perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April 2006 ma jiġux ikkunsidrati applikat mhux biss fil‑kuntest tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38 iżda anki, fid‑dawl tad‑diċitura komparabbli, fil‑kuntest tal‑Artikolu 17(4)(a) tagħha, dan iwassal għal konsegwenzi inammissibbli. Kif diġà msemmi hawn fuq, din l‑interpretazzjoni twassal sabiex il‑membri tal‑familja li jkunu kisbu, skont l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1251/70, dritt li jibqgħu fuq il‑bażi ta’ perijodu ta’ residenza minn ħaddiem li ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April ma jkollhomx iżjed id‑dritt għal residenza li jikkorrispondi għall‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1251/70 jew l‑Artikolu 17(4)(a) tad‑Direttiva 2004/38.

iv)    Konklużjoni

76.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r‑rabta sistematika bejn l‑Artikolu 16 u l‑Artikolu 17 (1)(b) u l‑Artikolu 17(4)(a) tad‑Direttiva 2004/38 hija favur li l‑perijodi ta’ residenza fl‑Istat Membru ospitanti li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April 2006 għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil‑kuntest tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva.

c)      L‑oġġettiv tal‑Artikolu 16 tad‑Direttiva

77.      L‑għan tal‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38 huwa wkoll favur interpretazzjoni li skontha perijodu ta’ residenza li ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006 għandu jiġi kkunsidrat.

78.      Kif jirriżulta mill‑premessa 17, id‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva ddaħħal biex isaħħaħ is‑sentiment ta’ ċittadinanza tal‑Unjoni Ewropea ta’ ċittadin tal‑Unjoni Ewropea li qagħad għal żmien twil fi Stat Membru; jissemma wkoll li huwa element importanti biex jippromwovi l‑koeżjoni soċjali, wieħed mill‑għanijiet fundamentali tal‑Unjoni Ewropea.

79.      Huwa evidenti mill‑istorja wara l‑adozzjoni tal‑Artikolu 16 tad‑Direttiva li l‑leġiżlatur Komunitarju kellu l‑intenzjoni li jagħmel id‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva dipendenti fuq l‑integrazzjoni ta’ ċittadin tal‑Unjoni Ewropea fl‑Istat Membru ospitanti. Barra minn dan, jirriżulta mill‑imsemmija storja li l‑leġiżlatur Komunitarju jikkunsidra livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni bħala miksub safejn ċittadin tal‑Unjoni Ewropea jkun għex kontinwament fl‑Istat Membru ospitanti għal ħames snin (33). Skont il‑leġiżlatur Komunitarju, ir‑rabta bejn iċ‑ċittadin tal‑Unjoni Ewropea u l‑Istat ospitanti hija madankollu mdgħajfa wara sentejn ta’ assenza minn dan l‑Istat, u dan ifisser li l‑livell ta’ integrazzjoni meħtieġ, li hu kundizzjoni għad‑dritt ta’ residenza permanenti, ma jkunx għadu jeżisti (34). Għalhekk, skont l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva, id‑dritt ta’ residenza permanenti jintilef wara perijodu ta’ assenza ta’ sentejn mill‑Istat Membru ospitanti.

80.      Meta tittieħed inkunsiderazzjoni dik il‑motivazzjoni bbażata fuq integrazzjoni wara l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva, mhux ovvju jekk il‑grad ta’ integrazzjoni meħtieġ fl‑Istat Membru għandux ikun iddeterminat skont jekk il‑perijodu ta’ residenza kontinwu għal ħames snin intemmx qabel jew wara t‑30 ta’ April 2006. Li huwa deċiżiv huwa biss jekk kienx hemm perijodu kontinwu ta’ residenza u jekk ir‑rabta stabbilita bejn iċ‑ċittadin tal‑Unjoni Ewropea u l‑Istat Membru ospitanti tkunx sussegwentement iddgħajfet b’assenza ta’ sentejn mill‑Istat Membru ospitanti.

d)      d) L‑oġġezzjoni bbażata fuq il‑kunċett ta’ residenza legali

81.      Il‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan jopponu l‑interpretazzjoni li skontha perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April 2006 għandhom jiġu kkunsidrati skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, fuq il‑bażi li dik id‑dispożizzjoni tirrikjedi perijodu ta’ residenza legali. Residenza legali fit‑tifsira ta’ dik id‑dispożizzjoni tista’ tkun biss perijodu ta’ residenza li huwa skont id‑Direttiva 2004/38. Issir referenza għal‑legalità tal‑perijodu ta’ residenza skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva fit‑tieni sentenza tal‑premessa 17 tad‑Direttiva, li tagħmilha ċara li l‑kwistjoni hija dwar perijodu ta’ residenza “skond il‑kondizzjonijiet stabbiliti f’din id‑Direttiva”. Għalhekk huwa biss perijodu ta’ residenza komplut wara li daħlet fis‑seħħ it‑traspożizzjoni tal‑liġi fit‑30 ta’ April 2006 jew wara l‑iskadenza tal‑perijodu ta’ traspożizzjoni li jista’ jkun ikkunsidrat.

82.      Lanqas din l‑oġġezzjoni ma hija konvinċenti.

83.      L‑ewwel nett, għandha ssir referenza għall‑konstatazzjoni magħmula mill‑qorti tar‑rinviju li, waqt il‑perijodu kontinwu ta’ residenza ta’ iktar minn ħames snin minn Settembru 1999 sa Frar 2005, iċ‑ċittadin tal‑Unjoni Ewropea kkonċernat għex legalment – jiġifieri, skont id‑dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli għaż‑żmien rilevanti – fir‑Renju Unit.

84.      L‑oġġezzjoni tal‑Gvern tar‑Renju Unit però mhix ibbażata fuq l‑argument li ma kien hemm l‑ebda residenza legali skont id‑dispożizzjoni applikabbli f’dan iż‑żmien. L‑argument huwa pjuttost li ma kienx hemm residenza legali fis‑sens tad‑Direttiva 2004/38. Huwa biss perijodu ta’ residenza skont id‑Direttiva 2004/38 li jista’ jikkwalifika bħala residenza legali skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva. Għalhekk fil‑kawża preżenti jista’ jkun hemm biss perijodu ta’ residenza legali wara d‑dħul fis‑seħħ tal‑liġi tat‑traspożizzjoni fit‑30 ta’ April 2006.

85.      Din l‑oġġezzjoni hija infondata. Fl‑opinjoni tiegħi, mit‑tieni sentenza tal‑premessa 17 tad‑Direttiva ma jistax jiġi implikat li huwa biss perijodu ta’ residenza komplut b’konformità mal‑liġi tat‑traspożizzjoni tad‑Direttiva 2004/38 li daħlet fis‑seħħ fit‑30 ta’ April 2006 li jista’ jikkwalifika bħala residenza legali għall‑iskopijiet tal‑Artikolu 16(1) tal‑imsemmija direttiva.

86.      Huwa ċar mill‑istorja tad‑Direttiva 2004/38 li t‑tieni sentenza tal‑premessa 17 ġiet miżjuda sabiex ikun iċċarat il‑kunċett ta’ residenza legali (35). Però dan mhux neċessarjament jinftiehem bl‑istess mod li kien issuġġerit mill‑Gvern tar‑Renju Unit u mill‑Gvern Belġjan.

87.      It‑tieni sentenza tal‑premessa 17 tista’ tinftiehem bħala waħda li tiċċara l‑kunċett ta’ residenza u għalhekk bħala referenza għall‑Artikolu 16(3) tad‑Direttiva, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun ikkalkolat it‑tul ta’ residenza. Skont dik id‑dispożizzjoni, il‑kontinwità tar‑residenza fl‑Istat Membru ospitanti ma għandhiex tkun affettwata minn assenza temporanja li ma taqbiżx it‑total ta’ sitt xhur fi żmien sena, jew minn assenzi ta’ żmien itwal minħabba servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi minħabba raġunijiet importanti bħal tqala u twelid, mard sejru, studju jew taħriġ vokazzjonali, jew xogħol fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

88.      It‑tieni sentenza tal‑premessa 17 tista’ wkoll tinftiehem bħala waħda li tiċċara l‑kunċett ta’ residenza legali. Il‑legalità tista’ tkun determinata skont żewġ approċċi differenti. Skont l‑ewwel approċċ, residenza legali tista’ tkun ibbażata biss fuq konformità mad‑dispożizzjonijiet Komunitarji, iżda t‑tieni approċċ jgħaqqad ir‑residenza legali mal‑konformità mad‑dispożizzjonijiet tal‑liġi nazzjonali. Id‑dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu, kif previst mill‑Artikolu 37 tad‑Direttiva, imorru lil hinn mid‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2004/38. Peress li l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva għandu l‑għan tal‑integrazzjoni taċ‑ċittadini tal‑Unjoni Ewropea fl‑Istat Membru ospitanti (36), il‑kliem tal‑Artikolu 16(1) jistgħu jinftiehmu bħala li jfissru li d‑dritt ta’ residenza permanenti jingħata wkoll meta perijodu ta’ residenza kontinwu għal ħames snin li seħħ qabel kien legali taħt id‑dispożizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu jmorru lil hinn mid‑dispożizzjonijiet Komunitarji. Fl‑opinjoni tiegħi hemm xi ħaġa li trid tintqal dwar l‑interpretazzjoni tat‑tieni sentenza tal‑premessa 17 biex tfisser li d‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva jista’ jitqajjem biss meta perijodu ta’ residenza kontinwu għal ħames snin kien komplut skont id‑dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

89.      Min‑naħa l‑oħra, ir‑raġunijiet li ġejjin jistgħu jitressqu biex jirribattu l‑fehma dwar il‑kwistjoni argumentata mill‑gvernijiet tar‑Renju Unit u tal‑Belġju, li skontha huwa biss perijodu ta’ residenza komplut b’konformità mal‑liġi ta’ traspożizzjoni li daħlet fis‑seħħ fit‑30 ta’ April 2006 li jista’ jkun ikkunsidrat.

90.      L‑ewwel argument kontra dan il‑ħsieb huwa s‑sostituzzjoni u l‑konsolidazzjoni tad‑Direttiva 2004/38, miżura li ġiet iddisinjata biex ikun irrimedjat l‑approċċ leġiżlattiv biċċa biċċa, settur b’settur fir‑rigward tad‑dritt ta’ moviment ħieles u residenza (37). Dan ir‑raġunament huwa espress b’mod partikolari mill‑Artikolu 38(3) tad‑Direttiva, li taħtu referenzi li saru għad‑dispożizzjonijiet irrevokati u d‑direttivi għandhom jiġu interpretati bħala li saru għad‑Direttiva 2004/38. Għalhekk jekk nistrieħu fuq ir‑razzjonal wara l‑Artikolu 38(3), li d‑dispożizzjonijiet revokati għaddew għad‑Direttiva 2004/38 (38), biex ikun hemm kontinwità bejn id‑dispożizzjonijiet preċedenti u d‑Direttiva 2004/38, huwa ċar li r‑referenza għal residenza legali b’konformità mal‑kundizzjonijiet imsemmija fid‑Direttiva 2004/38 tirreferi wkoll għal residenza legali b’konformità mal‑leġiżlazzjoni preċedentement applikabbli.

91.      Argument ieħor skont l‑approċċ tal‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan huwa li dan jinjora r‑relazzjoni sistematika bejn l‑Artikoli 16 u 17 tad‑direttiva deskritta hawn fuq.

92.      Fl‑aħħar nett, f’dan il‑kuntest għandna nżidu li dan l‑approċċ ikun ifisser li d‑dritt ta’ residenza permanenti jista’ jinkiseb biss mid‑29 ta’ April 2011.

93.      Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li irrispettivament mit‑tifsira li se tingħata lit‑tieni sentenza tal‑Premessa 17 tad‑Direttiva 2004/38, bl‑ebda mod ma tista’ tiġi dedotta minn din is‑sentenza l‑konklużjoni li huwa biss perijodu ta’ residenza komplut b’konformità mad‑dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti bl‑għan tat‑traspożizzjoni tad‑Direttiva 2004/38 u applikati mit‑30 ta’ April 2006 li jista’ jikkwalifika bħala perijodu ta’ residenza legali fis‑sens tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva. Għall‑kuntrarju, perijodu ta’ residenza komplut b’konformità mad‑dispożizzjonijiet preċedenti tad‑Direttiva 2004/38 huwa wkoll perijodu ta’ residenza legali skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva. L‑oġġezzjoni bbażata fuq il‑kunċett ta’ residenza legali mressaq mill‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan għalhekk mhijiex konvinċenti.

e)       Oġġezzjoni bbażata fuq l‑inapplikabbiltà tal‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva 2004/38

94.      Il‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan oġġezzjonaw ukoll li meta jiġi kkunsidrat perijodu ta’ residenza fl‑Istat Membru ospitanti li ġie fi tmiemu qabel it‑30 ta’ April 2006, dan iwassal għal konsegwenzi inammissibbli. Skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, id‑dritt ta’ residenza permanenti jqum meta ċittadin tal‑Unjoni Ewropea jkun għex legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fi Stat Membru ospitanti. Ċertament, l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva jgħid li d‑dritt ta’ residenza jintilef permezz ta’ assenza mill‑Istat Membru għal perijodu li jaqbeż sentejn konsekuttivi. Dik id‑dispożizzjoni però mhijiex applikabbli għal perijodi ta’ residenza li seħħew ħafna żmien ilu, peress li dritt ta’ residenza permanenti ma jinkisibx u għalhekk ma jistax jintilef skont l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva.

95.      Din l‑oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.

96.      Ċertament, dan ma jkunx kompatibbli mal‑idea ta’ integrazzjoni wara l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva jekk id‑dritt ta’ residenza permanenti jqum b’konsegwenza ta’ perijodu ta’ residenza fl‑Istat Membru ospitanti li seħħ ħafna żmien ilu, jekk ma jkunx possibbli li jiġi kkunsidrat jekk il‑livell neċessarju ta’ integrazzjoni kienx preżenti fit‑30 ta’ April 2006. Kif issemma hawn fuq, il‑leġiżlazzjoni Komunitarja titlaq mill‑preżunzjoni li l‑livell ta’ integrazzjoni meħtieġ jintlaħaq fejn kien hemm perijodu kontinwu ta’ residenza ta’ ħames snin u li l‑konnessjoni meħtieġa mal‑Istat ma tkunx għadha teżisti wara perijodu ta’ assenza ta’ sentejn (39).

97.      L‑oġġezzjoni tal‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan però hija bbażata fuq preżunzjoni żbaljata li l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva mhux applikabbli għal perijodi ta’ residenza li seħħew ħafna żmien ilu. Din il‑preżunzjoni tidher li sserraħ fuq fehma li f’każ ta’ perijodi ta’ residenza li seħħew ħafna żmien ilu d‑dritt ta’ residenza permanenti jqum diġà qabel it‑30 ta’ April 2006. Kif spjegat hawn fuq, dan mhux korrett. Għall‑kuntrarju, id‑dritt ta’ residenza permanenti jista’ jirriżulta biss fejn id‑Direttiva tiġi trasposta jew mal‑iskadenza tal‑perijodu ta’ traspożizzjoni fit‑30 ta’ April 2006. Fl‑opinjoni tiegħi, mhemm xejn fid‑diċitura tal‑Artikolu 16(4) li jissuġġerixxi li dan ma jistax japplika għal perijodi ta’ residenza li seħħew ħafna żmien ilu. Jekk, fir‑rigward ta’ perijodi ta’ residenza tar‑Renju Unit li seħħew ħafna żmien ilu, dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva jirriżulta fit‑30 ta’ April 2006, allura d‑dritt ta’ residenza permanenti jkun jeżisti. Jekk id‑dritt ta’ residenza permanenti jeżisti, imbagħad ma hemm l‑ebda raġuni għalfejn dan id‑dritt eżistenti ma għandux sussegwentement ikun jista’ jintilef skont l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva, meta jkunu għaddew iżjed minn sentejn minn meta ntemmu l‑ħames snin ta’ residenza fir‑Renju Unit. Ċertament, fil‑każ ta’ perijodi ta’ residenza li seħħew ħafna żmien ilu, dan iwassal għal sitwazzjoni fejn il‑kisba u t‑telf tad‑dritt ta’ residenza permanenti jseħħu fl‑istess żmien, peress li d‑dritt ta’ residenza permanenti joħroġ l‑ewwel mill‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, qabel ma jerġa’ jintilef immedjatament taħt l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva. Sitwazzjoni bħal din però tista’ xorta tkun koperta mill‑Artikolu 16 tad‑Direttiva, sakemm ikun aċċetta li d‑dritt ta’ residenza permanenti jeżisti biss għal “mument loġiku”, qabel sussegwentement jintilef taħt l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva. Jekk l‑Artikolu 16(1) u (4) ikun applikat b’dan il‑mod, ikun qed jiġi kkunsidrat ukoll ir‑raġunament ibbażat fuq integrazzjoni li hemm wara l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva.

98.      Jekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra din l‑interprtazzjoni bħala li inkompatibbli mal‑kliem tal‑Artikolu 16(1) u (4) tad‑Direttiva, l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva għandu jiġi applikat b’analoġija, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l‑intenzjoni tal‑leġiżlatur Komunitarju. F’dan il‑każ, ir‑raġunament legali wara l‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva għandu jkun applikat sabiex jikkumplimenta l‑Artikolu 16(1), bir‑riżultat li f’każ ta’ assenza mill‑Istat Membru għal perijodu li jaqbeż is‑sentejn konsekuttivi, id‑dritt ta’ residenza permanenti taħt l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva ma jirriżultax.

99.      L‑oġġezzjoni bbażata fuq in‑nuqqas ta’ applikabbiltà tal‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva għandha għalhekk tiġi miċħuda.

f)      Fuq l‑oġġezzjoni bbażata fuq id‑Direttiva 68/360 u r‑Regolament Nru 1251/70

100. Barra minn dan, il‑Gvern Belġjan joġġezzjona għall‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva li skontha perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April 2006 jiġu kkunsidrati wkoll, fuq il‑bażi li skont id‑dispożizzjonijiet applikabbli qabel it‑30 ta’ April 2006, perijodu ta’ assenza ta’ għaxar xhur konsekuttivi bħal dak ta’ Lassal kienu jwasslu għat‑telf tad‑dritt preċedenti ta’ residenza. Skont l‑Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 68/360 u l‑Artikolu 6(2) tar‑Regolament Nru 1251/70, li kienu japplikaw qabel it‑30 ta’ April 2006, assenza ta’ iżjed minn sitt xhur konsekuttivi kienet diġà wasslet għat‑telf tad‑dritt ta’ residenza.

101. Lanqas din l‑oġġezzjoni ma hija konvinċenti. Skont id‑dispożizzjonijiet Komunitarji, id‑dritt ta’ residenza permanenti kellu jirriżulta mhux iżjed tard mill‑1 ta’ Mejju 2006, skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38. Fl‑1 ta’ Mejju 2006, il‑kundizzjonijiet biex ikun stabbilit dan id‑dritt ma setgħux iktar jiddependu mill‑Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 68/360 jew mill‑Artikolu 6(2) tar‑Regolament Nru 1251/70. Fil‑fatt, id‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 68/360 u tar‑Regolament Nru 1251/70 ma kinux għadhom fis‑seħħ f’dik id‑data, peress li kienu ssostitwiti bid‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2004/38 (40). Il‑fatt li l‑liġi li tittrasponi d‑Direttiva 2004/38 fir‑Renju Unit kienet diġà daħlet fis‑seħħ fit‑30 ta’ April 2006, u għalhekk ġurnata qabel skada t‑terminu ta’ traspożizzjoni, ma jbiddilx din il‑konklużjoni.

g)      Il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

102. Fl‑aħħar nett, il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi wkoll ma jipprekludix interpretazzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva li skontha perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

103. Għandu l‑ewwel jissemma li l‑prinċipji ta’ sigurtà ġuridika u l‑protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi huma intiżi primarjament li joffru l‑protezzjoni kontra interferenzi eċċessivi mad‑drittijiet tal‑individwi. Billi jkunu kkunsidrati perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April 2006 fil‑kuntest tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva, id‑dritt taċ‑ċittadini tal‑Unjoni Ewropea jkunu msaħħa. Lanqas l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva ma tikkontradixxi dan. L‑applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni ċertament twassal għat‑telf tad‑dritt ta’ residenza permanenti taħt l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva. Dan id‑dritt però huwa ġdid u għalhekk ma kienx jeżisti qabel it‑30 ta’ April 2006, li jfisser li mhemm l‑ebda interferenza ma’ dritt individwali li eżista qabel l‑1 ta’ Mejju 2006.

104. Il‑Gvern tar‑Renju Unit qal fis‑seduta li l‑aspettattivi leġittimi tal‑Istati Membri għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Huma ma jistgħux jipprevedu li l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva jkun applikat retroattivament.

105. Dan l‑argument huwa wkoll infondat. L‑ewwel, fil‑każ preżenti mhemmx aspettattivi leġittimi tal‑Istati Membri biex ikunu protetti. Safejn il‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan sostnew li l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva għal perijodi ta’ residenza li seħħew żmien twil ilu twassal, minħabba n‑nuqqas ta’ applikabbiltà tal‑Artikolu 16(4) tad‑Direttiva, għal riżultati inammissibbli, dan l‑argument, b’referenza għall‑punti 94 sa 99 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, għandu jiġi miċħud. L‑Istati Membri wkoll ma kellhom l‑ebda aspettattiva leġittima li dispożizzjoni bħall‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38 ma tkunx adottata. Ir‑regoli dwar iċ‑ċittadinanza tal‑Unjoni Ewropea kienu diġà japplikaw minn meta daħal fis‑seħħ it‑Trattat ta’ Maastricht fl‑1 ta’ Novembru 1993 (41). Il‑Gvern tar‑Renju Unit u l‑Gvern Belġjan ivvutaw favur il‑proposta għal direttiva waqt il‑proċedura leġiżlattiva (42). Fl‑aħħar nett, Stat Membru ma jistax jistrieħ fuq aspettattiva leġittima li l‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva ma jkunx interpretat bħala li jfisser li perijodu ta’ residenza li ntemm qabel it‑30 ta’ April 2006 huwa kkunsidrat. Meta wieħed jara r‑relazzjoni sistematika bejn l‑Artikoli 16 u 17 tad‑Direttiva 2004/38 kif ġiet spjegata iktar ’il fuq (43), u l‑finalità tal‑Artikolu 16 tad‑Direttiva (44), tali interpretazzjoni kienet prevedibbli.

h)      Konklużjoni

106. Hemm lok li jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38, fid‑dawl tal‑iskema u l‑finalità tad‑Direttiva, għandu jkun interpretat fis‑sens li l‑kundizzjonijiet imsemmija minnu jikkonċernaw ukoll perijodi ta’ residenza li ġew fi tmiemhom qabel it‑30 ta’ April 2006.

VII –  Konklużjoni ġenerali

107. Il‑kunċett ta’ residenza għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, imniżżel fl‑Artikolu 16(1) tad‑Direttiva 2004/38, għandu għalhekk ikun interpretat fis‑sens li r‑residenza ta’ ċittadin tal‑Unjoni Ewropea fit‑territorju ta’ Stat Membru ospitanti, li ġie fi tmiemu qabel l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni, fit‑30 ta’ April 2006, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, l‑Artikolu 16(4) tal‑imsemmija direttiva huwa applikabbli wkoll f’każ bħal dan. Konsegwentement, ċittadin tal‑Unjoni Ewropea li r‑residenza tiegħu għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin intemmet qabel it‑30 ta’ April 2006 għandu d‑dritt ta’ residenza permanenti skont l‑Artikolu 16 tad‑Direttiva biss fejn l‑assenza tiegħu ma qabżitx sentejn konsekuttivi.

VIII –  Konklużjoni

108. Abbażi tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi lid‑domanda preliminari kif ġej:

“L‑Artikolu 16 tad‑Direttiva 2004/38/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tad‑29 ta’ April 2004, dwar id‑dritt taċ‑ċittadini tal‑Unjoni u tal‑familji tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit‑territorju tal‑Istati Membri, li jemenda r‑Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li jħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE għandu jkun interpretat fis‑sens li ċittadin tal‑Unjoni Ewropea li għex legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin fi Stat Membru ospitanti, qabel l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni tal‑imsemmija direttiva fit‑30 ta’ April 2006, għandu dritt għal residenza permanenti, sakemm huwa ma kienx assenti minn dan l‑Istat Membru għal perijodu li jaqbeż is‑sentejn konsekuttivi.”


1 – Lingwa Oriġinali: il‑Ġermaniż.


2 – Skont it‑Trattat ta’ Lisbona tat‑13 ta’ Diċembru 2007, li jemenda t‑Trattat tal‑Unjoni Ewropea u t‑Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ewropea (ĠU 2007 C 306, p. 1), il‑proċedura dwar rinviji għal deċiżjoni preliminari hija mil‑lum ’il quddiem imniżżla fl‑Artikolu 267 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol 5, p. 46.


4 – Kawża C‑325/09, ara l‑Avviż fil‑ĠU 2009 C 256, p. 13. F’Dias, il‑qorti tar‑rinviju rrifjutat li tirrinvija mill‑ġdid din l‑istess domanda lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, filwaqt li tablet lil din tal‑aħħar sabiex tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, fl‑eżami tad‑domanda preliminari fil‑kuntest ta’ din il‑kawża, tal‑fatti li taw lok għas‑sentenza Dias.


5 – F’dawn il‑konklużjonijiet, il‑kunċett ta’ dritt Komunitarju qed jintuża, sa fejn id‑dritt Komunitarju u mhux id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea għadu japplika ratione temporis.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27.


7 – ĠU 2006 L 330, p. 377.


8 – Peress li l‑Gvern tar‑Renju Unit fis‑sottomissjonijiet tiegħu lill‑Qorti tal‑Ġustizzja rrefera għall‑argumenti mressqa mis‑Secretary of State quddiem il‑qorti tar‑rinviju, mhux propost li dawk l‑argumenti jkunu sunti hawnhekk b’mod individwali.


9 – Peress li ċ‑CPAG fis‑sottomissjonijiet tiegħu jirreferi għall‑argumenti mressqa quddiem il‑qorti tar‑rinviju, mhux propost li dawk l‑argumenti jkunu ttrattati hawnhekk.


10 – Komunikazzjoni tat‑30 ta’ Diċembru 2003 tal‑Kummissjoni lill‑Parlament Ewropew skont it‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 251(2) tal‑Trattat tal‑KE dwar il‑Pożizzjoni Komuni tal‑Kunsill fuq l‑adozzjoni ta’ Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar id‑dritt taċ‑ċittadini tal‑Unjoni Ewropea u l‑membri tal‑familji tagħhom li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit‑territorju tal‑Istati Membri, SEC (2003) 1293 finali, p. 10.


11 – Kawża tad‑9 ta’ Jannar 2003 (C‑257/00, Ġabra p. I‑345).


12 – Il‑Gwida Prattika Komuni ġiet ippublikata mill‑Komunitajiet Ewropej fl‑2003 u tista’ tkun ikkonsultata fuq l‑Internet fuq: http://eur‑lex.europa.eu/en/techleg/pdf/en.pdf


13 – Iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 11.


14 – Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2004 (C‑456/02, Ġabra p. I‑7573).


15 – Ara l‑premessi 1 u 2 tad‑Direttiva.


16 – L‑Artikolu 6 tad‑Direttiva.


17 – L‑Artikolu 7 tad‑Direttiva.


18 – Sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1981 Salumi et, (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9), tas‑6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il‑Kummissjoni (C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 22), u tad‑9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, Ġabra p. I‑2263, punti 19 sa 21).


19 – Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, Ġabra p. 69, punt 20), u tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, (C‑74/00 P u C‑75/00 P,Ġabra p. I‑7869, punt 119).


20 – Sentenzi Racke, (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 19, punt 20), kif ukoll Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 19, punt 119).


21 – Sentenzi Salumi et, (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18, punt 9 et seq); GruSa Fleisch, (C‑34/92, Ġabra p. I‑4147, punt 22; Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 19, punt 119), kif ukoll Beemsterboer Coldstore Services (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18, punt 21).


22 – Sentenzi Salumi et, (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18, punt 9 et seq); GruSa Fleisch (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 21, punt 22); Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 19, punt 119), kif ukoll Beemsterboer Coldstore Services (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18, punt 21).


23 – Sentenza tal‑14 ta’ Jannar 1987, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (278/84, Ġabra p. I,, punt 35). Kif diskuss korrettement minn Berger, T., Zulässigkeitsgrenzen der Rückwirkung von Gesetzen, Peter Lang, 2002, p. 180 u b’mod partikolari p. 196 et seq, li ssemmi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra l‑elementi strutturali tad‑dispożizzjonijiet legali billi tiffoka wkoll fuq il‑portata ratione temporis tad‑dispożizzjoni kkonċernata. Effett retroattiv huwa ddeterminat minn riferiment għar‑relazzjoni bejn d‑data li fiha miżura daħlet fis‑seħħ u d‑data li fiha ġiet ippubblikata.


24 – Sentenzi Salumi et, (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18, punt 9), GruSa Fleisch, (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 21, punt 22); Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 19, punt 119), kif ukoll Beemsterboer Coldstore Services, (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 18, punt 21).


25 – Iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 12.


26 – Ara l‑punt 47 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


27 – L‑istrument li rrevoka kien ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 635/2006. Revoka diretta mill‑Artikolu 38 tad‑Direttiva 2004/38 ma kinitx possibbli għax il‑Kummissjoni kienet adottat ir‑Regolament Nru 1251/70 fuq il‑bażi tal‑Artikolu 39(3)(d) KE li ta kompetenza esklużiva lill‑Kummissjoni fir‑rigward ta’ sitwazzjonijiet li jikkonċernaw id‑drittijiet tal‑ħaddiema biex jibqgħu fit‑territorju ta’ Stat Membru.


28 – Kif jirriżulta mill‑ewwel u mit‑tieni premessi tar‑Regolament Nru 635/2006, dan seħħ fil‑kuntest tal‑konsolidazzjoni bid‑Direttiva 2004/38 b’leġiżlazzjoni ta’ test uniku dwar iċ‑ċaqliq ħieles taċ‑ċittadini tal‑Unjoni u l‑inklużjoni fl‑Artikolu 17 ta’ dik id‑direttiva tal‑elementi prinċipali tar‑Regolament (KEE) Nru 1251/70; id‑direttiva wkoll emendat dak ir‑regolament billi tat id‑dritt lill‑benefiċjarji li għandhom id‑dritt jibqgħu jżommu status iktar privileġġjat, bażikament id‑dritt ta’ residenza permanenti fl‑Istat Membru ospitanti. J. Egger, “Die neue Aufenthaltsrichtlinie der EU”, f’Recht, Wirtschaft, Kultur: Herausforderungen an Staat und Gesellschaft im Zeitalter der Globalisierung: Festschrift für Hans Habitzel zum 60. Geburtstag, 2005, p. 95 et seq p, 103 u 111, isemmi li d‑dispożizzjoni applikabbli tad‑Direttiva  2004/38 – suġġetta għal ċerti aġġustamenti – tikkorrispondi essenzjalment għad‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1251/70 u tfittex li tippreservahom.


29 – Ara l‑Artikolu 6(1)(b) tar‑Regolament Nru 1251/70.


30 – Ara l‑premessa 3 tad‑Direttiva 2004/38. Ara wkoll A. Iliopoulou, “Le nouveau droit de séjour des citoyens de l’Union et des membres de leur famille : la directive 2004/38/CE”, Revue du Droit de l’Union Européenne 2004, p. 523 et seq, b’mod partikolari p 530, li, b’riferiment għall‑punt 114 tal‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Geelhoed tal‑5 ta’ Lulju 2001 fil‑kawża Baumbast u R (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, C‑413/99, Ġabra p. I‑7091), jikkunsidra li l‑Artikolu 18 KE jopera bħala garanzija taħt il‑liġi primarja tad‑drittijiet ta’ residenza diġà mogħtija, li l‑leġiżlatur Komunitarju għandu l‑obbligu li josserva.


31 – B. Hofstötter, “Die Aufenthaltsrechtliche Dimension der Unionsbürgerschaft im Spiegel aktueller Entscheidungen”, Annuaire suisse de droit européen, 2005, p. 267 et seq, b’mod partikolari p. 277 et seq, jirreferi għal konsolidazzjoni u żvilupp ieħor.


32 – Iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 11.


33 – Ara l‑espożizzjoni tal‑motivi tal‑Kunsill dwar il‑Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 6/2004 adottata mill‑Kunsill fil‑5 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2004 C 54 E, p. 12, b’mod partikolari p. 31), kif ukoll il‑Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni lill‑Parlament Ewropew tat‑30 ta’ Diċembru 2003 (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 10) p. 13. A. Iliopoulou, iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 30, p. 540, tenfasizza li, wara ħames snin, l‑għan ta’ integrazzjoni jieħu preċedenza fuq il‑preokkupazzjonijiet finanzjarji tal‑Istati Membri u li d‑dritt ta’ residenza ma għadux iktar suġġett għall‑kundizzjonijiet previsti fil‑Kapitolu 3 tad‑direttiva. Wara perijodu ta’ residenza ta’ ħames snin fl‑Istat Membru ospitanti, ċittadin tal‑Unjoni Ewropea jkun issetilja u għandu jitħalla jintegra ruħu fis‑soċjetà ta’ dak l‑Istat Membru fis‑sens ta’ komunità li taqsam il‑piż.


34 – Ara l‑espożizzjoni tal‑motivi tal‑Kunsill fil‑Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 6/2004 stabbilita mill‑Kunsill fil‑5 ta’ Diċembru 2003 (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 33), p. 31, u l‑Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni lill‑Parlament Ewropew tat‑30 ta’ Diċembru 2003 (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 10), p. 13.


35 – Ara l‑Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni lill‑Parlament Ewropew tat‑30 ta’ Diċembru 2003 (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 10), p. 10.


36 – Skont J.‑Y. Carlier, ‑“Le devenir de la libre circulation des personnes dans l’Union Européenne: regard sur la directive 2004/38”, Cahiers de droit européen, p. 13 et seq, b’mod partikolari p. 32, il‑perijodu ta’ ħames snin residenza bħala bażi għad‑dritt ikkonċernat jimplementa l‑ġurisprudenza dwar iċ‑ċittadinanza tal‑Unjoni Ewropea, li tinsisti fuq il‑kundizzjoni li jkun hemm rabta reali bejn iċ‑ċittadini tal‑Unjoni Ewropea u l‑Istat Membru ospitanti.


37 – Ara l‑punt 66 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


38 – J.‑Y. Carlier‑, (iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 36), p. 14 u Iliopoulou, A. (iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 30), p. 530, jirreferu għad‑Direttiva 2004/38 f’dak l‑isfond bħala “direttiva mfassla mill‑ġdid” (recast directive). D. Blázquez Peinado, “El derecho de libre circulación y residencia de los ciudadanos de la Unión y de los miembros de sus familias, últimos desarrollos normativos: La directive 2004/38/CE de 29 de abril”, Gazeta juridica de la Union Europea y de la competencia, 2004, p. 18 et seq, b’mod partikolari p. 20, jirreferi għall‑konnessjoni mill‑qrib bejn id‑Direttiva 2004/38 u d‑direttivi preċedenti.


39 – Ara l‑punt 79 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


40 – Ara l‑Artikolu 38(2) tad‑Direttiva 2004/38 u r‑Regolament Nru 635/2006.


41 – ĠU 2002 C 325.


42 – J. Bezdeka, “Bemerkungen zur Umsetzung der Unionsbürgerrichtlinie in Österreich durch das Fremdenrechtspaket 2005”, Zeitschrift für Ausländerrecht und Ausländerpolitik, 2005, p. 398 et seq, b’mod partikolari p. 398, jiżvela li l‑Awstrija biss ivvutat kontra l‑adozzjoni tad‑Direttiva 2004/38.


43 – Ara l‑punti 59 sa 76 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


44 – Ara l‑punti 77 sa 80 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.