Language of document : ECLI:EU:C:2015:461

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2015 (1)

Kawża C‑201/14

Smaranda Bara et

vs

Președintele Casei Naționale de Asigurări de Sănătate,

Casa Naţională de Asigurări de Sănătate,

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (ANAF)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ekonomika u monetarja – Artikolu 124 TFUE – Aċċess ipprivileġġat għall-istituzzjonijiet finanzjarji – Dispożizzjoni li ma tapplikax għall-kawża prinċipali – Inammissibbiltà manifesta – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 95/46/KE – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali – Artikolu 7 – Kundizzjonijiet ta’ leġittimazzjoni tal-ipproċessar tad-data – Artikoli 10 u 11 – Kunsens u informazzjoni tal-persuni kkonċernati – Artikolu 13 – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-akkwist ta-kwalità ta’ assigurat soċjali – Protokoll ta’ trasferiment, bejn żewġ istituzzjonijiet pubbliċi, ta’ data personali li tirrigwarda d-dħul tal-persuni kkonċernati”





1.        Sa fejn u skont liema modalitajiet l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ Stat Membru huma awtorizzati, fil-qafas tal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tagħhom, li jaqsmu d-data personali ta’ dawk il-persuni li jamministraw, u b’mod partikolari dik li tirrigwarda d-dħul tagħhom, li huma jiġbru għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħhom ta’ interess ġenerali? Din hija, essenzjalment, id-domanda prinċipali li ssir fil-kuntest tal-kawża prinċipali u li titlob mill-Qorti tal-Ġustizzja l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE (2).

2.        Din il-kawża tipprovdi b’mod iktar preċiż lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li teżamina l-kundizzjonijiet li tagħmel id-Direttiva 95/46 għat-trażmissjoni ta’ data personali minn amministrazzjoni għal oħra, filwaqt li tippreċiża l-obbligi li hemm kemm fuq il-persuni pubbliċi involuti f’dan it-trasferiment kif ukoll fuq il-leġiżlatur nazzjonali msejjaħ biex jipprovdi qafas għal dawn il-prattiki, partikolarment għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni tal-persuni kkonċernati.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Id-dispożizzjonijiet prinċipali tad-Direttiva 95/46 li jidhru rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali huma l-Artikoli 7, 10, 11, u 13. Id-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħrajn se jiġu ċċitati skont il-bżonn meta jkunu qed isiru l-kunsiderazzjonijiet.

4.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 jgħid:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

(a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar; jew

(b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti jew biex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jagħmel kuntratt; jew

(ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

(d)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data; jew

(e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data; jew

(f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

5.        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 jistabbilixxi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

(a)      l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b)      l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

(ċ)      informazzjoni oħra bħal

-      ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

-      jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

-      l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru

sakemm din l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.”

6.        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46 jgħid:

“1.      Meta d-data ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, Stati Membru għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom fil-mument li jibdew ir-reġistrazzjoni tad-data personali, jew jekk ikun maħsub li d-data tiġi żvelata lil parti terza, mhux aktar tard miż-żmien li d-data tkun żvelata l-ewwel darba, jagħtu lis-suġġett tad-data għall-inqas l-informazzjoni li ġejja, ħlief meta huwa jkun diġa jaf biha:

(a)      l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b)      l-għanijiet ta’ l-ipproċessar;

(ċ)      informazzjoni oħra bħal:

–        il-kategoriji tad-data in kwistjoni,

–        ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri,

–        l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ data dwaru,

sakemm dik l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.

2.      Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika fejn, partikolarment għal ipproċessar għall-finijiet ta’ statistika jew għall-finijiet ta’ riċerka storika jew xjentifika, ma jkunx possibbli li tingħata dik l-informazzjoni jew biex tingħata jkun meħtieġ sforz sproporzjonat jew jekk ir-reġistrazzjoni jew l-iżvelar ikunu espressament meħtieġa bil-liġi. F’dawn il-każi Stati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa.”

7.        L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 jgħid:

“1.      Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

(a)      sigurtà nazzjonali;

(b)      difiża;

(ċ)       sigurtà pubblika;

(d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

(e)      interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi;

(f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’(ċ), (d) u (e);

(g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

B –    Id-dritt nazzjonali

8.        Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li hija l-Liġi Nru 95/2006 li tirrigwarda r-riforma fil-qasam tas-saħħa, u d-digriet tal-President tal-Fond Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (3) Nru 617/2007, tat-13 ta’ Awwissu 2007 (4), adottat b’implementazzjoni ta’ din il-liġi, li jikkostitwixxu l-qafas ġuridiku li jirregola t-twaqqif tal-kwalità ta’ assigurat taċ-ċittadini Rumeni li għandhom id-domiċilju tagħhom ġewwa l-pajjiż, taċ-ċittadini barranin u ta’ dawk mingħajr Stat li talbu u kisbu l-estensjoni tad-dritt tagħhom ta’ residenza temporanja jew li għandhom id-domiċilju tagħhom fir-Rumanija u l-obbligi li għandhom ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni tal-assigurazzjoni għall-mard.

9.        Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dawn iż-żewġ atti jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-Istat li jittrażmettu liċ-CNAS l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita din il-kwalità ta’ assigurat. L-Artikolu 315 tal-Liġi Nru 95/2006 jipprovdi f’dan ir-rigward:

“Id-data meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ assigurat għandha tiġi trażmessa mingħajr ħlas lill-fondi tal-assigurazzjoni għall-mard mill-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet pubbliċi u istituzzjonijiet oħrajn, fuq il-bażi ta’ protokoll”.

10.      Huwa permezz ta’ protokoll konkluż fis-26 ta’ Ottubru 2007, li għandu n-numru P 5282/26.10.2007/95896/30.10.2007 (5), li l-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (aġenzija nazzjonali ta’ amministrazzjoni fiskali) (6) u ċ-CNAS rregolaw il-modalitajiet ta’ trażmissjoni tad-data rilevanti. L-Artikolu 4 tiegħu jistabbilixxi li:

“Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-protokoll, l-[ANAF], permezz tal-unitajiet speċjalizzati subordinati tagħha, għandha tittrażmetti, f’forma elettronika, id-database inizjali dwar:

a.      id-dħul ta’ persuni li jagħmlu parti mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 1(1) ta’ dan il-protokoll u, kull tliet xhur, l-aġġornament ta’ din id-database, liċ-[CNAS], taħt forma kompatibbli mal-ipproċessar awtomatiku, skont l-Anness I ta’ dan il-protokoll [...]”.

II – Il-kawża prinċipali

11.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma persuni li d-dħul tagħhom jiġi minn attivitajiet indipendenti li ntalbu jħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom lill-Fond Nazzjonali Uniku tal-Assigurazzjoni għall-Mard, b’avviż għall-ħlas tat-taxxa maħruġ mill-fond tal-assigurazzjoni għall-mard ta’ Cluj (ir-Rumanija), li kienu ġew stabbiliti fid-database dwar id-dħul tagħhom ipprovduta liċ-CNAS mill-ANAF.

12.      L-imsemmija rikorrenti jikkontestaw quddiem il-qorti tar-rinviju d-diversi atti amministrattivi li fuq il-bażi tagħhom l-ANAF ittrażmettiet liċ-CNAS d-data meħtieġa biex jiġu stabbiliti dawn l-avviżi, b’mod partikolari dik li tirrigwarda d-dħul tagħhom. Huma jikkunsidraw li t-trasferiment mill-ANAF tad-data personali tagħhom liċ-CNAS sar bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46. Fuq il-bażi ta’ protokoll sempliċi intern, din id-data kienet ġiet trażmessa u użata għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom kienu ġew mibgħuta oriġinarjament liċ-CNAS, mingħajr il-kunsens espress tar-rikorrenti u mingħajr ma kienu ġew informati minn qabel dwar dan.

13.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan r-rigward, li l-leġiżlazzjoni Rumena tistabbilixxi b’mod strett u limitattiv it-trażmissjoni tad-data meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ assigurat, jiġifieri d-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna (isem, kunjom, numru ta’ identità, domiċilju jew residenza fir-Rumanija), u għalhekk bl-esklużjoni ta’ data dwar id-dħul irċevut fir-Rumanija.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Huwa f’dan il-kuntest li, b’digriet tal-31 ta’ Marzu 2014, il- Curtea de Apel Cluj iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn l-erba’ domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-awtorità fiskali nazzjonali bħala rappreżentanta tal-ministeru kompetenti ta’ Stat Membru, hija istituzzjoni finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 124 TFUE?

2)      It-trasferiment tal-bażi ta’ data dwar id-dħul irċevut miċ-ċittadini ta’ Stat Membru, mill-awtorità fiskali lejn istituzzjoni oħra tal-imsemmi Stat Membru, jista’ jiġi rregolat permezz ta’ att simili għall-atti amministrattivi, jiġifieri permezz ta’ protokoll konkluż bejn l-awtorità fiskali nazzjonali u istituzzjoni oħra tal-Istat, mingħajr ma dan ikun jikkostitwixxi aċċess privileġġat, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 124 TFUE?

3)      It-trasferiment tal-bażi ta’ data bil-għan li jitqiegħed oneru ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali fuq iċ-ċittadini ta’ Stat Membru, fir-rigward tal-istituzzjoni tal-Istat Membru li favuriha sar dan it-trasferiment, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kunsiderazzjonijiet prudenzjali fis-sens tal-Artikolu 124 TFUE?

4)      Id-data personali tista’ tiġi pproċessata minn awtorità li ma kinitx destinatarja tal-imsemmija data, fiċ-ċirkustanzi fejn din it-tranżazzjoni retroattivament toħloq danni patrimonjali?”

15.      Iċ-CNAS, il-Gvern tar-Rumanija u dak Ċek kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjoni bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.

16.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-persuni kkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jieħdu pożizzjoni waqt is-seduta fuq tliet punti, jiġifieri fuq il-portata tal-obbligi li hemm, skont l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46, fuq l-ANAF, bħala emittenti tad-data ttrasferita kif ukoll iċ-CNAS, bħala destinatarja ta’ din id-data, dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 għall-finijiet tal-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju, u fl-aħħar nett, fuq il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom il-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 bejn iċ-CNAS u l-ANAF jistgħu jikkostitwixxu “miżura leġiżlattiva” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46.

17.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali u rrispondew id-domandi magħmulin mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta pubblika li saret fid-29 ta’ April 2015.

IV – Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi

18.      Il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja qablu li għandu jiġi kkunsidrat li l-ewwel tliet domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 124 TFUE, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, sa fejn din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju ma hijiex relatata mas-suġġett tal-kawża prinċipali u ma tapplikax fiċ-ċirkustanzi tagħha.

19.      F’dan il-każ, l-Artikolu 124 TFUE, li jagħmel parti mill-kapitolu tat-Trattat dwar il-politika ekonomika, jipprojbixxi kull miżura li tagħti lill-Istati Membri aċċess privileġġat lill-istituzzjonijiet finanzjarji. Din id-dispożizzjoni, li tissottometti l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tas-settur pubbliku għad-dixxiplina tas-suq u b’hekk tikkontribwixxi biex issaħħaħ id-dixxiplina tal-baġit (7), issegwi, flimkien mal-Artikoli 123 TFUE u 125 TFUE, għan li għandu natura preventiva intiż li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tenfasizza, inaqqas kemm jista’ jkun possibbli r-riskju ta’ kriżi tad-dejn sovran (8).

20.      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 3604/93 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kull miżura li tistabbilixxi aċċess privileġġjat” bħala kull liġi, kull regolament jew kull strument legali vinkolanti ieħor adottat fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika li, jobbligaw kemm lil istituzzjonijiet finanzjarji li jakkwistaw jew iżommu obbligi fuq, b’mod partikolari, gvernijiet ċentrali, awtoritajiet reġjonali jew lokali, awtoritajiet pubbliċi oħra jew korpi oħra jew impriżi pubbliċi ta’ Stati Membri, kif ukoll jagħtu vantaġġi ta’ taxxa li jistgħu jibbenefikaw biss lil istituzzjonijiet finanzjarji jew vantaġġi finanzjarji li ma jimxux fuq il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq, sabiex jinkoraġġixxu l-akkwist jew iż-żamma minn dawn l-istituzzjonijiet ta’ obbligi bħal dawn.

21.      Naturalment, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, iktar preċiżament, l-aċċess taċ-CNAS għad-data miġbura mill-ANAF, ma tistax tiġi analizzata f’termini ta’ “aċċess privileġġjat” għall-“istituzzjonijiet finanzjarji” (9), li lanqas ma hija kwistjoni fid-deċiżjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

22.      Għalhekk huwa ċar li l-Artikolu 124 TFUE ma japplikax għall-kawża prinċipali u li l-ewwel tliet domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħudin bħala inammissibbli.

23.      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat għal dak li jirrigwarda r-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju, li din hija fformulata f’termini ġenerali ħafna, li ma ssemmix id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li teħtieġ l-interpretazzjoni tagħha għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u li fiha biss preżentazzjoni fil-qasir tal-qafas ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, b’mod li jista’ jiġi previst ukoll li tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

24.      F’dan ir-rigward il-Gvern Rumen sostna li ma jara l-ebda rabta bejn il-preġudizzju li jinvokaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jirriżulta mill-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u l-annullament tal-atti amministrattivi li huma qed jitolbu fil-qafas tal-proċedura prinċipali.

25.      Ċertament, huwa preċiż li jingħad li dak li ssemmi l-qorti tar-rinviju dwar il-ħsarat patrimonjali kkawżati retroattivament lill-persuni kkonċernati bit-trażmissjoni, huwa, kif jirriżulta mill-eżami fil-mertu tar-raba’ domanda tagħha, mingħajr rilevanza għall-finijiet tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-regoli tad-Direttiva 95/46.

26.      Madankollu, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-raba’ domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li trid tkun taf minn naħa, b’riferiment impliċitu għas-sitwazzjoni rregolata mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46, jekk l-ipproċessar miċ-CNAS tad-data personali miġbura mill-ANAF sarx b’osservanza tal-obbligi ta’ informazzjoni li għandha. Hija, min-naħa l-oħra, trid tkun taf ukoll jekk it-trażmissjoni ta’ data personali fuq il-bażi tal-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 tikkostitwixxix ksur tal-obbligu li għandu Stat Membru li jiggarantixxi l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali b’konformità mad-dispożizzjoni tad-Direttiva 95/46, b’referenza, anki hemm impliċita, għall-Artikolu 13 tagħha, li jawtorizza restrizzjonijiet fuq id-drittijiet iggarantiti mid-direttiva sa fejn huma previsti mil-liġi u koperti b’garanziji legali.

27.      L-espożizzjoni mill-qorti tar-rinviju tad-domandi tagħha tippermetti, b’hekk, li tiġi identifikata biżżejjed il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46 li tqajjem il-kawża prinċipali.

28.      Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li skont ġurisprudenza ferm stabbilita, ir-rifjut li tingħata risposta għal domanda preliminari huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (10).

29.      Għaldaqstant, jiena nikkunsidra li r-raba’ domanda preliminari li tagħmel il-qorti tar-rinviju hija ammissibbli u għandha tiġi eżaminata.

V –    Fuq ir-raba’ domanda

30.      Bir-raba’ domanda tagħha, moqrija fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju u tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju essenzjalment trid tkun taf jekk id-Direttiva 95/46 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil istituzzjoni pubblika ta’ Stat Membru tipproċessa data personali li tagħha ma kinitx destinatarja, u b’mod partikolari d-data li tirrigwarda d-dħul tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu la taw il-kunsens tagħhom f’dan ir-rigward, u lanqas ma jkunu ġew informati minn qabel dwar dan.

A –    Sommarju tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew, matul is-seduta, li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tiddetermina sa fejn il-prattika amministrattiva nazzjonali, riflessa f’dan il-każ fil-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 u li tikkonsisti f’li l-ANAF tittrażmetti liċ-CNAS, b’mod awtomatiku u ripetittiv, id-data personali, li fiha hemm data fiskali, ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli (isem, kunjom, kategoriji ta’ dħul u taxxi mħallsa), hijiex kompatibbli mal-eżiġenzi ta’ natura proċedurali prevista mid-Direttiva 95/46.

32.      B’risposta għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li huwa l-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46 li għandu japplika fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-obbligi li hemm fuq il-kontrollur primarju (l-ANAF) u fuq il-kontrollur sekondarju (iċ-CNAS) tal-ipproċessar tad-data personali, f’dan il-każ l-obbligu li jiġu kkomunikati lill-persuni kkonċernati, b’mod partikolari, l-identità tal-kontrollur tal-ipproċessar sekondarju, l-għan tal-ipproċessar tad-data trażmessa u l-kategoriji tad-data trażmessa. Huwa prinċipalment il-kontrollur tal-ipproċessar sekondarju li għandu dawn l-obbligi billi dawn għandhom jitwettqu mhux iktar tard mid-data tal-ewwel komunikazzjoni tad-data.

33.      Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li l-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 huwa inkoerenti billi, minn naħa, l-Artikolu 4 tiegħu jipprevedi t-trażmissjoni ta’ databases ġenerali li huma suġġetti għal modifiki perijodiċi filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(1) tiegħu jistabbilixxi li d-data għandha tiġi trażmessa individwalment fuq il-bażi ta’ rendikont. Issa, fir-realtà tal-prattika nazzjonali, dawn ir-rendikonti ma jeżistux billi t-trasferimenti jseħħu b’mod awtomatiku bi ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti proċedurali.

34.      Huma jisħqu wkoll li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 ma jaffettwax is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, sa fejn iċ-CNAS ma kellhiex il-kompetenza biex tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-assigurazzjoni għall-mard. Għalhekk, it-trażmissjoni tad-data ma kinitx meħtieġa, ħlief għall-kategorija żgħira ta’ persuni taxxabbli li għalihom kien ġie stabbilit l-obbligu ta’ kontribuzzjoni u li ma kinux wettqu dan l-obbligu volontarjament.

35.      Madankollu huma jsostnu li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 japplika, huma l-ANAF u ċ-CNAS li għandhom jiġġustifikaw il-ħtieġa tat-trażmissjoni tad-data inkwistjoni, u għalhekk li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ miżura leġiżlattiva li tawtorizzaha fin-nuqqas ta’ kunsens tal-persuni kkonċernati. Issa, miżura leġiżlattiva bħal dik ma teżistix billi l-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 ma huwiex tali. Peress li l-protokoll ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, huwa ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali u għaldaqstant ma jipproduċix effett erga omnes.

36.      Il-Gvern Rumen sostna, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, essenzjalment kondiviżi maċ-CNAS, li, minn naħa, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni fuq id-dħul ta’ attivitajiet indipendenti bejn l-ANAF u ċ-CNAS kienet prevista mil-liġi u kienet meħtieġa sabiex iċ-CNAS twettaq il-kompitu tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-ipproċessar minn din tal-aħħar ta’ din l-informazzjoni kien meħtieġ għall-osservanza ta’ obbligu legali li kienet suġġett għalih skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46. Għaldaqstant, la l-kunsens tal-persuni kkonċernati u lanqas l-informazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, skont l-Artikolu 10 bħall-Artikolu 11 tad-Direttiva 95/46, ma huma meħtieġa.

37.      Matul is-seduta, il-Gvern Rumen insista fuq il-fatt li t-trażmissjoni u l-ipproċessar tad-data personali kkontestata jaqa’ fil-qafas tal-obbligi ta’ kollaborazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet pubbliċi bis-saħħa tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 62 tiegħu. F’dan ir-rigward, il-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 ma jikkostitwixxix il-bażi legali ta’ dawn l-obbligi, imma sempliċement jirregola l-modalitajiet ta’ trażmissjoni tad-data tal-ANAF liċ-CNAS. Dawn l-obbligi ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni fiskali, li jeżistu biss bejn istituzzjonijiet pubbliċi u bil-għan biss li jiddefinixxu l-ammont tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet dovuti, fosthom il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-mard, għalhekk isegwu għan leġittimu ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji rilevanti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1)(e) tad-Direttiva 95/46. Għaldaqstant, l-informazzjoni tal-persuni kkonċernati ma hijiex meħtieġa.

38.      Il-Gvern Ċek isostni prinċipalment li t-trażmissjoni mill-ANAF tad-data kkontestata liċ-CNAS tista’ ssir mingħajr il-kunsens tal-persuni kkonċernati, bis-saħħa tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 u mingħajr il-bżonn li jiġu informati, bl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija mill-Artikoli 11(2) u (13) tal-istess direttiva. Barra minn hekk, din id-direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjoni li teżiġi li t-trażmissjoni tad-data personali bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi tkun speċifikament prevista minn dispożizzjoni ta’ portata ġenerali.

39.      L-ewwel nett il-Kummissjoni enfasizzat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li d-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, li ż-żewġ istituzzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, l-ANAF u ċ-CNAS, jistgħu jiġu kklassifikati bħala kontrolluri tal-ipproċessar ta’ dik id-data, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-istess direttiva, u li kemm il-ġbir kif ukoll it-trażmissjoni ta’ din id-data jirrigwardaw il-kwalifikazzjoni ta’ “ipproċessar ta’ data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-istess direttiva.

40.      Dejjem fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni pproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux trażmissjoni tad-data dwar id-dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm din it-trażmissjoni ssir fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali ċari u preċiżi u li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni kkonċernati, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

41.      Madankollu, il-Kummissjoni żviluppat din it-talba fl-osservazzjonijiet orali tagħha, permezz tar-risposti tagħha għad-domandi għas-seduta li għamlitilha l-Qorti tal-Ġustizzja. Hija sostniet, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet dwar il-kunsens u l-informazzjoni tal-persuni kkonċernati, li għalihom id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 7, 10 u 11 u 13 tad-Direttiva 95/46 jissottomettu l-ġbir, it-trażmissjoni u l-ipproċessar ta’ data personali, ma humiex issodisfatti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, u partikolarment il-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 konkluż bejn l-ANAF u ċ-CNAS, ma jissodisfax l-eżiġenzi tal-Artikolu 13 ta’ din l-istess direttiva, kif interpretat fid-dawl tal-Artikoli 8 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

42.      Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 95/46 hija bbażata fuq il-prinċipju li l-persuna kkonċernata mill-ipproċessar tad-data personali tagħha għandha tkun taf, fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet legali ċari, preċiżi u prevedibbli, b’kull limitazzjoni fuq id-drittijiet li tislet mid-Direttiva 95/46. Issa, it-trażmissjoni tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali topera fuq il-bażi ta’ sempliċi protokoll ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet li huwa stess hu bbażat fuq dispożizzjoni tal-Liġi Nru 95/2006 li, b’riferiment għad-data meħtieġa biex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ assigurat, ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti ta’ ċarezza.

43.      Meta teżamina d-diversi domandi għar-risposta orali magħmulin mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tenfasizza li kemm l-ANAF kif ukoll iċ-CNAS kellhom jipprovdu lill-persuni kkonċernati l-informazzjoni rispettivament meħtieġa mill-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46, billi l-leġiżlazzjoni Rumena ma tissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa biex jista’ jkun hemm deroga għal dawn l-obbligi.

44.      L-ewwel nett hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-leġiżlazzjoni Rumena ma tidhirx li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 95/46, li bis-saħħa tagħha d-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tagħha ma japplikawx meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi espressament ir-reġistrazzjoni jew il-komunikazzjoni tad-data, iżda tirreferi dan l-eżami lill-qorti nazzjonali.

45.      Imbagħad hija tenfasizza li kull restrizzjoni fuq id-dritt għall-informazzjoni tal-persuni kkonċernati previst fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46 għandha, skont l-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva, tkun inkluża f’miżura leġiżlattiva, issegwi wieħed mill-għanijiet ta’ interess ġenerali li din id-dispożizzjoni telenka u tkun proporzjonata. Issa, il-leġiżlazzjoni Rumena ma għandha l-ebda miżura li tipprevedi deroga bħal dik, billi d-dispożizzjoni li tipprevedi t-trażmissjoni tad-data tal-ANAF liċ-CNAS ma tistax tiġi kkunsidrata bħala dispożizzjoni li tindika b’mod ċar li l-persuni kkonċernati ma jkunux informati f’dan ir-rigward.

46.      F’dan ir-rigward hija tosserva li l-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 konkluż bejn l-ANAF u ċ-CNAS li jirregola t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet mingħajr ma, madankollu, hemm dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-informazzjoni tal-persuni kkonċernati, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala miżura leġiżlattiva fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46. Dan huwa sempliċi ftehim bilaterali, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti u ma huwiex eżegwibbli kontra terzi. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 f’dan ir-rigward jirrifletti d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) tal-Karta u tal-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni tad-data personali u għalhekk għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

47.      Fi kwalunkwe każ, u jekk wieħed jassumi li jista’ jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Rumena fil-fatt fiha d-deroga legali meħtieġa, hemm bżonn li r-restrizzjoni fuq l-obbligu tal-informazzjoni lill-persuni kkonċernati tissodisfa l-kriterju kemm ta’ neċessità kif ukoll ta’ proporzjonalità. Għalkemm, f’dan ir-rigward, jista’ jiġi ammess li, minn naħa, il-funzjonament tas-servizz pubbliku ta’ assigurazzjoni għall-mard jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46 u li t-trażmissjoni tad-data tal-ANAF liċ-CNAS twassal għat-twettiq ta’ dan l-għan, huwa madankollu diffiċli li wieħed jifhem għaliex huwa meħtieġ li ma jiġux informati l-persuni kkonċernati billi din l-informazzjoni ma tistax ittellef it-twettiq ta’ dan l-għan.

B –    Fuq id-dispożizzjonijiet prinċipali rilevanti tad-Direttiva 95/46

48.      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandi nibda billi nfakkar ir-regoli prinċipali li jistabbilixxu l-Artikoli 5 sa 7 u 10 sa 13 tad-Direttiva 95/46 li, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar u t-trażmissjoni tad-data personali, jidhru bħala rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

49.      Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom obbligu li jippreċiżaw il-kundizzjonijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali huwa legali, fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6 sa 21 tagħha.

50.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ripetutament, bla ħsara għad-derogi ammessi taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46, l-ipproċessar kollu ta’ data ta’ natura personali għandu jkun konformi, minn naħa, mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data, imsemmija fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, u, min-naħa l-oħra, ma’ wieħed mill-prinċipji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu, elenkati fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva (11).

51.      L-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva għalhekk jiddefinixxu, għal dak li jirrigwarda din il-kawża, l-ewwel tliet rekwiżiti li hemm fuq il-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali.

52.      Il-kontrollur tal-ipproċessar (12) għandu, b’mod partikolari, jara li d-data personali tinġabar għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, tiġi pproċessata b’mod ġust u skont il-liġi u ma tiġix ipproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawn il-finijiet (13).

53.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 jistabbilixxi li pproċessar ta’ data ta’ natura personali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala skont il-liġi, u għalhekk imwettaq, ħlief bil-kundizzjoni li jikkorrispondi ma’ każ partikolari li jelenka, u b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda din il-kawża, jekk il-persuna kkonċernata tatx, mingħajr dubji, il-kunsens tagħha f’dak ir-rigward (14), jew jekk huwiex meħtieġ għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur tal-ipproċessar (15) jew ukoll jekk huwiex meħtieġ għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, li jkollu l-kontrollur tal-ipproċessar jew it-terz li lilu tiġi kkomunikata d-data (16).

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni kienet tistabbilixxi lista eżawrjenti u limitattiva ta’ każijiet li fihom ipproċessar ta’ data ta’ natura personali jista’ jiġi kkunsidrat bħala skont il-liġi (17). Hija ppreċiżat ukoll li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 95/46 li jikkonsisti f’li jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri kollha, il-kunċett ta’ neċessità kif jirriżulta mill-Artikolu 7(e) ta’ din id-direttiva ma jistax ikollu kontenut varjabbli skont l-Istati Membri u għalhekk jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (18).

55.      L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxu min-naħa tagħhom l-obbligi ta’ informazzjoni li hemm fuq il-kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali, fejn jiddistingwu l-każ meta din id-data tinġabar mingħand il-persuna kkonċernata minn dak fejn din id-data ma tinġabarx mingħand il-persuna kkonċernata.

56.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-premessa 38 tagħha, għalhekk jistabbilixxi li l-persuni li mingħandhom il-kontrollur tal-ipproċessar tad-data jkun ġabarha għandhom, sakemm ma jkunux ġew informati mod ieħor, ikunu jafu bl-eżistenza tal-ipproċessar u jibbenefikaw minn informazzjoni effettiva u kompleta dwar dan il-ġbir, u b’mod partikolari, sabiex dan l-ipproċessar ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala ġust, tal-informazzjoni dwar l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija intiża d-data kif ukoll lid-destinatarji jew lill-kategoriji ta’ destinatarji ta’ din id-data, kif hemm fl-Artikolu 10(b) u (c) tiegħu.

57.      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-premessi 39 u 40 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-ipoteżijiet li fihom l-ipproċessar jirrigwarda d-data li ma tkunx inġabret mingħand persuni kkonċernati, partikolarment meta din tkun ġiet kkomunikata legalment lil terz minkejja li din il-komunikazzjoni ma kinitx prevista fil-mument li nġabret (19). F’dawn il-każijiet, il-persuni kkonċernati għandhom, sakemm ma jkunux ġew informati mod ieħor, jibbenefikaw ukoll, sa mir-reġistrazzjoni tad-data jew l-iktar tard mal-ewwel komunikazzjoni tad-data meta tkun prevista komunikazzjoni lil terz, mill-informazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-finijiet tal-ipproċessar, il-kategoriji ta’ data kkonċernata u d-destinatarji jew il-kategoriji ta’ destinatarji tad-data, kif hemm fl-imsemmi Artikolu 11(b) u (ċ).

58.      Madankollu, skont l-Artikolu 11(2) ta’ din l-istess direttiva, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tiegħu ma japplikawx meta, b’mod partikolari, ir-reġistrazzjoni jew il-komunikazzjoni tad-data tkun prevista mil-liġi billi l-Istati Membri għandhom imbagħad jistabbilixxu garanziji xierqa.

59.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46, bl-isem “Eżenzjonijiet u restrizzjonijiet”, jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-portata tal-obbligi u d-drittijiet stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 6(1) u 11(1) ta’ dik id-direttiva, meta limitazzjoni bħal dik tikkostitwixxi miżura neċessarja biex tissalvagwardja interessi superjuri u, partikolarment, “interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, magħduda affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-estmi” (20), jew anki “monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’(ċ), (d) u (e)” ta’ dik id-direttiva (21).

60.      Issa għandu jsir l-eżami tas-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali fid-dawl tal-kumpless ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

C –    Fuq il-kwalifikazzjoni tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tad-Direttiva 95/46

61.      Fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li d-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali, trażmessa mill-ANAF liċ-CNAS, hija data ta’ natura personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, din id-data li tinkludi b’mod partikolari l-isem u l-kunjom tal-persuni kkonċernati (22) kif ukoll informazzjoni fuq id-dħul tagħhom (23), tikkostitwixxi bla dubju “informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli”. It-trażmissjoni tagħha mill-ANAF u l-ipproċessar tagħha miċ-CNAS għandha natura ta’ pproċessar ta’ data ta’ natura personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ dik id-direttiva.

62.      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-fatt fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

63.      Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ fuq kollox taqa’ kemm taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 kif ukoll taħt l-Artikolu 11 tagħha. Fil-fatt, u kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ipproċessar ġust mill-ANAF tad-data personali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jimplika li din tal-aħħar kienet tinformahom b’mod partikolari bit-trażmissjoni ta’ din id-data liċ-CNAS, skont l-Artikolu 10(ċ) tad-Direttiva 95/46. Barra minn hekk, l-ipproċessar miċ-CNAS tad-data trażmessa mill-ANAF kien jimplika wkoll li dawn tal-aħħar kienu tal-inqas informati bl-iskop ta’ dak l-ipproċessar kif ukoll bil-kategoriji ta’ data kkonċernata, skont l-Artikolu 11(1)(b)(ċ) tad-Direttiva 95/46.

64.      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-domanda tal-qorti tar-rinviju (24) ma tirrigwardax l-ipproċessar mill-ANAF tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod iktar preċiż, il-kundizzjonijiet tal-legalità u l-leġittimità ta’ dan l-ipproċessar fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46.

65.      Id-domanda tirrigwarda biss it-trażmissjoni ta’ data ta’ istituzzjoni pubblika lil oħra, iktar preċiżament it-trażmissjoni tad-data miġbura mill-ANAF liċ-CNAS u l-ipproċessar ta’ din id-data minn din tal-aħħar, operazzjonijiet li saru, minn naħa fl-assenza ta’ kull kunsens u kull informazzjoni tal-persuni kkonċernati u li twettqu, min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46, speċjalment l-obbligi ta’ informazzjoni tal-persuni kkonċernati stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46.

66.      Ir-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju, li għandha tiġi eżaminata kemm mill-aspett ta’ obbligi li hemm fuq l-ANAF kif ukoll dawk li hemm fuq iċ-CNAS, għandha tiġi hekk eżaminata essenzjalment fir-rigward, l-ewwel nett, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 10 u 11 tad-Direttiva 95/46 u tal-kundizzjonijiet ta’ kunsens u ta’ informazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-ipproċessar tad-data inkwistjoni li dawn ifissru. Jekk ikun il-każ, hija għandha tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tal-istess direttiva, li tiddefinixxi l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-portata tal-obbligi u tad-drittijiet stabbiliti partikolarment fl-Artikoli 10 u 11(1) ta’ dik l-istess direttiva.

D –    Fuq l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-persuni kkonċernati stabbiliti mill-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46

67.      Huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, b’mod iktar ġenerali, il-persuni kkonċernati mit-trażmissjoni mill-ANAF tad-data personali, li hija tiġbor, liċ-CNAS u tal-ipproċessar ta’ din id-data minn din tal-aħħar, minn naħa, ma ġewx informati b’din it-trażmissjoni mill-ANAF, skont dak li jistipula l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46. Min-naħa l-oħra, huma fuq kollox ma tawx formalment il-kunsens tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 95/46 għal dak l-ipproċessar miċ-CNAS, u lanqas ma ġew informati b’dak l-ipproċessar fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) ta’ dik l-istess direttiva.

68.      Għal dak li jirrigwarda l-kunsens, jidher ċar li, kif sostnew il-Gvern Rumen u ċ-CNAS, l-ipproċessar minn din tal-aħħar ta’ data personali ta’ persuni li jkollhom dħul minn attivitajiet indipendenti jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46. Għaldaqstant, il-kunsens ta’ dawn tal-aħħar f’dan ir-rigward ma kienx meħtieġ (25).

69.      Fil-fatt, iċ-CNAS għandha l-obbligu, f’dan il-każ, bis-saħħa tal-Liġi Nru 95/2006, li tistabbilixxi l-kwalità ta’ assigurat tal-persuni li jkollhom dħul minn attivitajiet indipendenti, kwalità li r-rikonoxximent tagħha huwa suġġett għall-ħlas minnhom tal-kontribuzzjonijiet tagħhom ta’ assigurazzjoni għall-mard fil-fondi territorjali tal-assigurazzjoni għall-mard. L-ipproċessar miċ-CNAS tad-data personali ta’ persuni li għandhom dħul minn attivitajiet indipendenti li tintbagħtilha mill-ANAF hija għalhekk meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-kwalità tagħhom bħala assigurati u, fl-aħħar nett, għall-benefiċċju tad-drittijiet li jirriżultaw minn din il-kwalità. Isegwi li l-kunsens tal-persuni kkonċernati mill-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx meħtieġ.

70.      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li d-data hekk trażmessa u pproċessata miċ-CNAS tissodisfa l-kriterju ta’ neċessità previst minn din id-dispożizzjoni, filwaqt li jiġi vverifikat li hija ma taqbiżx dak li huwa strettament meħtieġ għat-twettiq miċ-CNAS tal-kompitu tagħha (26).

71.      Għalhekk, essenzjalment hija il-kwistjoni tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni ta’ persuni kkonċernati mit-trażmissjoni mill-ANAF tad-data personali u l-ipproċessar tagħha miċ-CNAS, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 10 u 11, li għandha tiġbed l-attenzjoni.

72.      Kif issemma iktar ’il fuq, it-trażmissjoni mill-ANAF tad-data personali tal-persuni li jkollhom dħul minn attivitajiet indipendenti liċ-CNAS u l-ipproċessar minn din tal-aħħar ta’ din id-data ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa ir-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 ħlief bil-kundizzjoni li l-persuni kkonċernati ma jkunux ġew informati skont l-Artikoli 10 u 11(1) ta’ din l-istess direttiva.

73.      Għal iktar preċiżjoni, huwa l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa sabiex dawn iż-żewġ istituzzjonijiet, it-tnejn li huma responsabbli mill-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkomunikaw lill-persuni kkonċernati l-informazzjoni meħtieġa, jiġifieri l-ANAF skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 u ċ-CNAS skont l-Artikolu 11 ta’ din l-istess direttiva, sakemm, f’dan l-aħħar każ, ir-reġistrazzjoni jew il-komunikazzjoni tad-data ma tkunx ġiet prevista mil-liġi.

74.      Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, kif qalet il-Kummissjoni matul is-seduta, dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni tal-persuni kkonċernati dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, li jiggarantixxi t-trasparenza tal-ipproċessar kollu, huwa iktar u iktar importanti għax jikkundizzjona l-eżerċizzju mill-persuni kkonċernati tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għal data pproċessata, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 u tad-dritt tagħhom li joġġezzjonaw għall-ipproċessar ta’ dik id-data, iddefinit fl-Artikolu 14 tal-istess direttiva.

75.      F’dan il-każ huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux ġew formalment u individwalment informati mill-ANAF bit-trażmissjoni tad-data personali tagħhom liċ-CNAS, u partikolarment bid-data li tikkonċerna d-dħul tagħhom, kif jeħtieġ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46. Huwa stabbilit ukoll li ċ-CNAS lanqas ma pprovditilhom, waqt ir-reġistrazzjoni tad-data trażmessa mill-ANAF, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 11(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 95/46.

76.      Madankollu, il-Gvern Rumen sostna lil-ANAF għandha, bis-saħħa ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali u tal-Artikolu 315 tal-Liġi Nru 95/206, l-obbligu li tittrażmetti lill-fondi territorjali ta’ assigurazzjoni għall-mard l-informazzjoni meħtieġa biex iċ-CNAS tistabbilixxi l-“kwalità tal-assigurat” ta’ persuni li jkollhom dħul minn attivitajiet indipendenti u li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet dovuti minn dawn tal-aħħar ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat ħlief fuq il-bażi ta’ informazzjoni fuq dak id-dħul miżmuma mill-ANAF li quddiemha dawk il-persuni għandhom kull sena jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ dħul.

77.      Dejjem skont dan il-Gvern, il-liġi tistabbilixxi obbligu għaċ-CNAS li tipproċessa data personali ta’ persuni li jkollhom dħul minn attivitajiet indipendenti, b’mod partikolari biex jagħmlu proċeduri ta’ rkupru furzat tal-kontribuzzjonijiet mhux imħallsin, u l-ANAF, ikollha, korrelattivament, l-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni dwar id-dħul ta’ dawk il-persuni meħtieġa għal dak l-iskop, bil-preċiżazzjoni li l-modalitajiet konkreti tat-trażmissjoni tal-informazzjoni inkwistjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet nazzjonali tkun irregolata mill-protokoll tas‑26 ta’ Ottubru 2007 konkluż miż-żewġ istituzzjonijiet, previst espressament fl-Artikolu 315 tal-Liġi Nru 95/2006.

78.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat l-ewwel nett li l-fatt li t-trażmissjoni tad-data kkontestata ssir bejn istituzzjonijiet pubbliċi li jwettqu obbligi ġenerali ta’ kollaborazzjoni stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi Nru 95/2006 jew tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali fih innifsu ma jeżonerax lill-Istat Membru u l-istituzzjonijiet kkonċernati mill-obbligi ta’ informazzjoni li għandhom skont id-Direttiva 95/46.

79.      Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 315 tal-Liġi Nru 95/2006 jista’ jieħu post l-informazzjoni preventiva tal-persuni kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tirreferi għall-informazzjoni dwar il-kwalità tal-assigurat, mingħajr ma tagħmel ebda riferiment għad-dħul tal-persuni kkonċernati, b’mod li dawn tal-aħħar ma jkunux kkunsidrati bħala informati bit-trażmissjoni tad-data dwar id-dħul tagħhom fis-sens tal-imsemmi Artikolu 10.

80.      Issa, id-data dwar id-dħul tal-persuni kkonċernati għandha importanza li tiġġustifika fil-wisa’ li t-trażmissjoni tagħha mill-istituzzjoni pubblika li tiġborha lil istituzzjoni pubblika oħra tkun is-suġġett ta’ informazzjoni speċifika fl-osservanza tar-regoli stabbiliti mill-Artikolu 10(b) u (ċ) tad-Direttiva 95/46, li ma kienx il-każ fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

E –    Fuq l-osservanza tar-regoli stabbiliti mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46

81.      F’dan l-istadju tal-analiżi tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, jibqa’ biex jiġi eżaminat jekk l-assenza ta’ informazzjoni tal-persuni kkonċernati tistax, alternattivament, taqa’ taħt ir-regoli tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46, dispożizzjoni li tipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jdaħħlu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għall-portata tad-drittijiet u l-obbligi previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 10 u 11(1) ta’ din id-direttiva, fl-osservanza tal-garanziji li jikkorrispondu ma’ dawk previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (27). Din id-dispożizzjoni tfisser li limitazzjoni bħal dik tal-obbligu tal-informazzjoni tal-persuni kkonċernati kienet ġiet prevista minn miżura leġiżlattiva (28), kemm jekk hija ġġustifikata minn wieħed mill-għanijiet ta’ interess ġenerali elenkati minn din id-dispożizzjoni u kemm jekk hija strettament proporzjonata mal-għan segwit.

82.      F’dan il-każ ma huwiex ikkontestat li t-trażmissjoni mill-ANAF tad-data neċessarja sabiex iċ-CNAS tistabbilixxi l-kwalità ta’ assigurat tal-persuni li għandhom dħul minn attivitajiet indipendenti, l-istess fuq kollox bħall-ipproċessar minn din tal-aħħar tal-informazzjoni trażmessa b’dan il-mod, jistgħu jkunu meħtieġa għas-salvagwardja ta’ interess ekonomiku jew finanzjarju importanti fil-qasam fiskali tal-Istat Membru inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(e) tad-Direttiva 95/46.

83.      Madankollu, la jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Rumen li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali fiha dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jeżentaw b’mod ċar u espliċitu lill-ANAF u/jew liċ-CNAS mill-obbligi tagħhom ta’ informazzjoni.

84.      F’dan ir-rigward ma jistax jiġi milqugħ l-argument imressaq mill-Gvern Rumen li d-dispożizzjonijiet legali li jobbligaw lill-ANAF tittrażmetti liċ-CNAS data meħtieġa biex twettaq il-kompitu tagħha u l-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 konkluż bejn iż-żewġ istituzzjonijiet li jorganizzaw din it-trażmissjoni, jikkostitwixxu l-“miżuri leġiżlattivi” meħtieġa mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 sabiex ikun hemm deroga mill-obbligu ta’ informazzjoni li hemm fuq il-kontrolluri tal-ipproċessar ta’ data personali.

85.      Fil-fatt, il-protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007 li jinvoka l-Gvern Rumen b’mod ċar ma jissodisfax, kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-ewwel wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, billi bl-ebda mod ma huwa assimilabbli ma’ miżura leġiżlattiva ta’ portata ġenerali, ippubblikata debitament u eżegwibbli kontra persuni kkonċernati mit-trażmissjoni tad-data kkontestata.

86.      Għaldaqstant nikkunsidra li għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda tal-qorti tar-rinviju billi jiġi deċiż li d-Direttiva 95/46 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti istituzzjoni pubblika ta’ Stat Membru li tipproċessa data personali li tkun ittrażmettitilha istituzzjoni pubblika oħra, u b’mod partikolari data li tirrigwarda dħul tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu ġew informati minn qabel la b’din it-trażmissjoni u lanqas b’dan l-ipproċessar.

VI – Konklużjoni

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari tal-Curtea de Apel Cluj fit-termini li ġejjin:

1)      L-ewwel tliet domandi preliminari għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 124 TFUE huma inammissibbli.

2)      Id-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil istituzzjoni pubblika ta’ Stat Membru tipproċessa data personali li tkun ittrażmettitilha istituzzjoni pubblika oħra, u b’mod partikolari data li tirrigwarda dħul tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma dawn tal-aħħar ikunu ġew informati minn qabel la b’din it-trażmissjoni u lanqas b’dan l-ipproċessar.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


3 – Casa Naţională de Asigurări de Sănătate  (iktar ’il quddiem is-“CNAS”.


4 – Digriet li japprova r-regoli metodoloġiċi dwar it-twaqqif ta’ dokumenti ġustifikattivi biex tinkiseb il-kwalità ta’ assigurat jew ta’ assigurat li ma huwiex kontributur u l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni minħabba somom dovuti rċevuti fil-fond nazzjonali uniku ta’ sigurtà soċjali.


5 – Iktar ’il quddiem il-“protokoll tas-26 ta’ Ottubru 2007”.


6 – Iktar ’il quddiem l-“ANAF”.


7 – Ara l-ewwel premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3604/93, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li jispeċifika definizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ aċċess privileġġjat msemmija fl-Artikolu [124 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 30).


8 – Ara s-sentenzi Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 59) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 93 et seq).


9 – Ara, f’dan ir-rigward, id-definizzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li jagħti l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3604/93.


10 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:363, punt 54).


11 – Ara s-sentenzi Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 65); Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 48); ASNEF u FECEMD (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 26), kif ukoll Worten (C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 33).


12 – Ara l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 95/46.


13 – Ara l-Artikolu 6(1)(a) u (b) tad-Direttiva 95/46.


14 – Ara l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46.


15 – Ara l-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 95/46.


16 – Ara l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46.


17 – Ara s-sentenza ASNEF u FECEMD (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777).


18 – Ara s-sentenza Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 52).


19 – Dwar din id-dispożizzjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Rijkeboer (C‑553/07, EU:C:2009:293, punti 67 u 68); IPI (C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 23 u 24, 45 u 46), kif ukoll Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 34).


20 – Artikolu 13(1)(e) tad-Direttiva 95/46.


21 – Artikolu 13(1)(f) tad-Direttiva 95/46.


22 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 64).


23 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, Ġabra, EU:C:2008:727, punt 35).


24 – U fil-fatt lanqas il-kontestazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


25 – Fuq dan l-aspett, ara b’mod partikolari, id-dokument intitolat “Article 29 Data Protection Working Party (WP29), Opinion 06/2014 on the notion of legitimate interests of the data controller under Article 7 of Directive 95/46/EC, 9 avril 2014” (http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2014/wp217_en.pdf).


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724).


27 – Ara s-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 65).


28 – Ara f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:255, punti 88 et seq) kif ukoll fil-kawża Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2013:845, punti 108 et seq).