Language of document : ECLI:EU:T:2011:117

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna favur l-ajruport ta’ Leipzig-Halle – Finanzjament ta’ investimenti relatati mal-bini tar-runway ġdida fin-nofsinhar tal-ajruport – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni – Rikors għal annullament – Nuqqas ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà – Kunċett ta’ impriża – Kunċett ta’ attività ekonomika – Infrastruttura tal-ajruporti”

Fil-Kawżi T‑443/08 u T‑455/08,

Freistaat Sachsen (il-Ġermanja),

Land Sachsen-Anhalt (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn U. Soltész, avukat,

rikorrenti fil-kawża T‑443/08,

Mitteldeutsche Flughafen AG, stabbilita f’Leipzig (il‑Ġermanja),

Flughafen Leipzig-Halle GmbH, stabbilita f’Leipzig,

irrappreżentati minn M. Núñez-Müller, avukat,

rikorrenti fil-kawża T‑455/08,

sostnuti minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti,

Arbeitsgemeinschaft Deutscher Verkehrsflughäfen eV (ADV), irrappreżentata minn L. Giesberts, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Gross, B. Martenczuk u E. Righini, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/948/KE, tat-23 ta’ Lulju 2008, dwar miżuri mill-Ġermanja għall-benefiċċju tad-DHL u tal-ajruport Leipzig/Halle (ĠU L 346, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-grupp DHL (iktar ’il quddiem “DHL”) huwa wieħed mill-gruppi prinċipali li joperaw fis-settur tal-kunsinna ta’ pakketti espress. Huwa kkontrollat 100 % minn Deutsche Post AG.

2        Wara li nnegozja ma’ diversi ajruporti, fl-2005, DHL iddeċieda li jitrasferixxi ċ-ċentru amministrattiv Ewropew għall-ġarr bl-ajru tiegħu minn Brussell (il-Belġju) lejn Leipzig-Halle (il-Ġermanja), mill-2008.

3        L-ajruport ta’ Leipzig-Halle jitħaddem minn Flughafen Leipzig-Halle GmbH (iktar ’il quddiem “FLH”), li hija sussidjarja ta’ Mitteldeutsche Flughafen AG (iktar ’il quddiem “MF”). MF għandha 94 % tal-azzjonijiet f’FLH. L-azzjonisti l-oħra ta’ FHL huma l-Land Sachsen (5.5 %), il-Landkreis Nordsachsen (0.25 %) u l-belt ta’ Schkeuditz (0.25 %). L-azzjonisti ta’ MF huma l-Land Sachsen (76.64 %) u l-Land Sachsen-Anhalt (18.54 %), kif ukoll il-bliet ta’ Dresde (2.52 %), ta’ Halle (0.2 %) u ta’ Leipzig (2.1 %). MF ma għandha l-ebda azzjonist privat.

4        Fl-4 ta’ Novembru 2004, MF iddeċidiet li tibni runway ġdida fin-nofsinhar tal-ajruport (iktar ’il quddiem ir-“runway fin-nofsinhar tal-ajruport”. Din kellha tiġi ffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital, fl-ammont ta’ EUR 350 miljun, lil MF jew lil FLH mill-azzjonisti pubbliċi tagħhom (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni ta’ kapital”).

5        Fil-21 ta’ Settembru 2005, FLH, MF u DHL Hub Leipzig GmbH iffirmaw ftehim qafas (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”). Skont il-ftehim qafas, FLH hija obbligata tibni r-runway fin-nofsinhar tal-ajruport u tosserva impenji oħra matul dan iż-żmien kollu. Fost dawn l-impenji hemm, b’mod partikolari, il-garanzija li topera b’mod kontinwu fuq ir-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, 24 siegħa fuq 24 siegħa u 7 jiem fuq 7, u l-garanzija li mill-inqas 90 % tat-trasport bl-ajru mwettaq minn jew għal DHL ikun jista’ jsir fi kwalunkwe mument mill-imsemmija runway. Il-ftehim qafas jiffissa l-kundizzjonijiet li FLH u MF jiggarantixxu li jwettqu għall-bidu tal-bini u għat-tħaddim tar-runway il-ġdida, kif ukoll għall-funzjonament ulterjuri tagħha. Huwa jinkludi wkoll ftehim dwar il-kundizzjonijiet għall-użu, it-taxxi tal-ajruport u l-kiri tal-artijiet. Fir-rigward tal-garanziji ta’ wara li jibda t-tħaddim taċ-ċentru amministrattiv ġdid, il-ftehim qafas jipprovdi li jekk FLH, wara l-imsemmi tħaddim, ma tosservax il-kundizzjonijiet għall-użu inklużi fih, FLH u MF ikunu obbligati jikkumpensaw lil DHL Hub Leipzig għal kwalunkwe dannu u kwalunkwe telf li hija tkun subiet. Fil-każ ta’ limitazzjoni sostanzjali tal-attivitajiet tagħha, DHL Hub Leipzig tkun tista’ wkoll ixxolji l-ftehim qafas u titlob kumpens għall-ispejjeż kollha li huma direttament jew indirettament marbuta mat-trasferiment lejn ajruport ieħor. Jekk DHL Hub Leipzig ikollha tibdel l-ajruport minħabba projbizzjoni regolatorja tat-titjiriet ta’ bil-lejl, FLH tista’ tkun obbligata li tagħti kumpens.

6        Fil-21 ta’ Diċembru 2005, il-Land Sachsen ħarġet dikjarazzjoni mill-Istat favur FLH u DHL Hub Leipzig (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni mill-Istat”). Din għandha l-għan li tiżgura l-effiċjenza finanzjarja ta’ FLH waqt il-perijodu tal-ftehim qafas u tobbliga lil Land Sachsen tikkumpensa lil DHL Hub Leipzig, fil-każ li l-ajruport ta’ LeipzigHalle ma jkunx jista’ jintuża kif previst.

7        Fil-5 ta’ April 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bil-ftehim qafas u bid-dikjarazzjoni mill-Istat, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

8        Fis-27 ta’ April 2006, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali u l-awtoritajiet Ġermaniżi kkomunikawilha fl-24 ta’ Lulju 2006.

9        Fis-26 ta’ Lulju u fil-21 ta’ Awwissu 2006 saru laqgħat li għalihom ipparteċipaw id-dipartimenti tal-Kummissjoni, FLH, MF, DHL u l-awtoritajiet Ġermaniżi.

10      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2006 il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura pprovduta fl-Artikolu 88(2) KE. Din kienet tirrigwarda l-ftehim qafas, id-dikjarazzjoni mill-Istat kif ukoll il-kontribuzzjoni ta’ kapital. Din id-deċiżjoni u s-sejħa lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna msemmija ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tat-2 ta’ Marzu 2007 (ĠU C 48, p. 7).

11      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-23 ta’ Frar 2007. Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn terzi kkonċernati li hija kkomunikat lill-awtoritajiet Ġermaniżi permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2007, filwaqt li tathom il-possibbiltà li jirrispondu fi żmien xahar. Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tal-imsemmija awtoritajiet permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ġunju 2007.

12      Fuq talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġew organizzati laqgħat fit-18 ta’ Ġunju u fil-25 ta’ Settembru 2007. Wara dawn il-laqgħat, l-awtoritajiet Ġermaniżi kkomunikaw informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni, fid-19 ta’ Ottubru u fis-7 u t-18 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll fis-17 ta’ Marzu u fid-9 ta’ April 2008.

 Id-deċiżjoni

13      Fit-23 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/948/KE dwar miżuri mill-Ġermanja għall-benefiċċju ta’ DHL u tal-ajruport Leipzig-Halle (ĠU L 346,  p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”).

14      Fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni qieset li l-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 350 miljun li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-intenzjoni li tagħti lil FLH għall-finijiet tal-bini tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport u tal-infrastrutturi tal-ajruport konnessi magħha, kienet kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

15      Fir-rigward tal-ftehim qafas u tad-dikjarazzjoni mill-Istat, il-Kummissjoni qieset li, minn naħa, il-garanziji mingħajr restrizzjonijiet mogħtija f’dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija ittra, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE sa fejn il-Land Sachsen, MF u FLH koprew ir-riskji tal-operat ta’ DHL taħt kundizzjonijiet li investitur privat li jopera f’kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“investitur privat”) ma kienx jaċċetta. Peress li DHL kien diġà bbenefika mill-ammont massimu ta’ għajnuna għall-investiment kompatibbli skont l-Artikolu 87(3)(a) KE, il-Kummissjoni qieset li l-garanziji mingħajr restrizzjonijiet tal-ftehim qafas u tad-dikjarazzjoni mill-Istat ma kinux kompatibbli mas-suq komuni.

16      Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni jipprovdi dan li ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat ta’ 350 miljun euro li [r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja trid tagħti lill-ajruport Leipzig/Halle għall-bini tal-karreġġjata l-ġdid għat-tlugħ u l-inżul fin-nofsinhar u għal faċilitajiet tal-ajruport marbuta magħha hija skont l-Artikolu 87 paragrafu 3(c) [KE].

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat li [r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja trid tagħti għall-benefiċċju tad-DHL permezz ta’ dikjarazzjoni mill-Istat mhijiex konformi mas-Suq Kommuni. Konsegwentament din l-għajnuna ma tistax tingħata.

Artikolu 3

L-għajnuna mill-Istat ta[r-Repubblika Federali ta]l-Ġermanja għall-benefiċċju tad-DHL dwar l-aċċettazzjoni ta’ garanziji mingħajr restrizzjonijiet (skont il-paragrafi 8 u 9 tal-ftehim strutturali [qafas]) mhijiex konformi mas-Suq Kommuni. Għalhekk dawn il-garanziji bla restrizzjonijiet stipulati fil-ftehim strutturali [qafas] għandhom jiġu annullati.

Artikolu 4

1. [Ir-Repubblika Federali tal-]Ġermanja tiġbor lura l-parti mill-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 li kienet diġà disponibbli għad-DHL (jiġifieri l-ħlasijiet għall-garanziji għall-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2007 sa meta jiġu annullati l-garanziji mingħajr restrizzjonijiet).

[…]”

 Il-fatti li ġraw wara d-Deċiżjoni

17      Fit-18 u s-27 ta’ Novembru 2008, l-azzjonisti ta’ MF u ta’ FLH ikkonkludew ftehim dwar il-finanzjament tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport għall-ammont ta’ EUR 350 miljun.

18      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2008, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn il-ftehim.

19      Din in-notifika ġiet irreġistrata taħt ir-referenza Nru 665/2008.

20      Fit-30 ta’ Settembru 2009, wara skambju ta’ korrispondenza u laqgħa mal-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 7185, dwar l-għajnuna mill-Istat N 665/2008 (Il-Ġermanja – Ajruport ta’ Leipzig-Halle), li permezz tagħha hija tiddikjara li l-miżura nnotifikata ma tikkostitwixxix għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999. Essenzjalment hija qieset, minn naħa, li peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu kkonfermaw li n-notifika kienet tirrigwarda l-istess miżuri ta’ finanzjament bħal dawk approvati mid-Deċiżjoni, l-imsemmija notifika kienet tirrigwarda miżura ta’ għajnuna li hija diġà awtorizzata fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, li din in-notifika ma tirrigwardax emenda ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

 Il-proċedura

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) fis-6 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti Freistaat Sachsen, Land Sachsen-Anhalt, MF u FLH, ippreżentaw dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali, fit‑28 ta’ Jannar 2009, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tintervjeni fil-kawżi preżenti insostenn tat‑talbiet tar‑rikorrenti.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fil-Qorti Ġenerali, fit-30 ta’ Jannar 2009, l-Arbeitsgemeinschaft Deutscher Verkehrsflughäfen eV (ADV) talbet li tintervjeni fil-kawżi preżenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

24      Permezz ta’ digrieti tat-30 ta’ Marzu 2009, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-ADV.

25      L-ADV ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fil-11 ta’ Mejju 2009. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ppreżentax nota ta’ intervent fit-terminu mogħti.

26      Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-noti ta’ intervent tal-ADV fis-26 (Kawża T‑455/08) u fis-27 ta’ Mejju 2009 (Kawża T‑443/08).

27      Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-ADV fit-29 ta’ Lulju 2009.

28      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Ġunju 2010, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li nstemgħu l-partijiet, iddeċieda li jgħaqqad il-kawżi preżenti għall-finijiet tal-proċedura orali.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

30      Matul is-seduta, li seħħet fit-2 ta’ Lulju 2010 u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pparteċipatx fiha, instemgħu it-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. Matul din is-seduta huma ppreżentaw ukoll sentenza tal-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tal-4 ta’ April 2003, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tinkludiha fil-proċess.

31      Wara li nstemgħu il-partijiet fuq dan il-punt matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali qieset li hemm lok li l-kawżi preżenti jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

 It-talbiet tal-partijiet

32      Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ADV, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, sa fejn il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija għajnuna mill-Istat tammonta għal EUR 350 miljun.

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

34      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-ADV, il-Kummissjoni talbet ukoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-ADV għall-ispejjeż marbuta mal-intervent.

 Fuq l-ammissibbiltà

35      Mingħajr ma qajmet formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors fil-Kawża T‑443/08 huwa inammissibbli peress li r-rikorrenti f’din il-kawża ma humiex ikkonċernati indiviwalment u ma għandhomx interess ġuridiku, iżda huma jikkontestaw dan. F’dan il-kuntest, il-partijiet jopponu wkoll il-konsegwenzi ġuridiċi tad-Deċiżjoni.

36      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li, qabel kollox, teżamina l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ibbażata fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku.

 L-argumenti tal-partijiet

37      Preliminarjament, fir-rigward tal-konsegwenzi ġuridiċi tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 jsostnu, l-ewwel nett, li l-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat twassal, skont id-dritt Ġermaniż, għall-invalidità tagħha. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof jirriżulta li kuntratt li jagħti għajnuna qabel ma din tkun ġiet innotifikata huwa invalidu b’mod irrimedjabbli, skont l-Artikolu 134 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż, minħabba l-ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 88(3) KE. Din l-invalidità ma tistax tiġi rregolarizzata a posteriori permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni jew minn konferma kuntrattwali tal-att li huwa null. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tindika l-Kummissjoni, din l-invalidità ma teliminax l-effett utili tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, jekk l-imsemmija invalidità tiġi annullata, din ikollha effett dissważiv u għaldaqstant preventiv, li jsaħħaħ l-effettività tal-projbizzjoni ta’ implementazzjoni prevista fl-Artikolu 88(3) KE.

38      Fit-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 jesponu l-konsegwenzi li jista’ jkollha l-invalidità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dritt tal-kumpanniji u tal-insolvenza. Fl-ewwel lok huma jindikaw li, jekk id-Deċiżjoni tkun definittiva, FLH u MF ikunu mhedda b’insolvenza. L-invalidità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital timplika, fil-fatt, il-ħlas ta’ interessi għolja għall-perijodu bejn l-għoti tal-għajnuna u d-Deċiżjoni, kif ukoll talba ta’ ħlas lura sa EUR 350 miljun. Din tal-aħħar tista’ twassal għall-insolvenza ta’ FLH. F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-fatt li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix il-ħlas lura tal-għajnuna kollha, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 jirrispondu li dan ma jfissirx li huwa jipprojbixxih, peress li l-Istati Membri jistgħu josservaw l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni billi jmorru lil hinn minn dawn. L-insolvenza ta’ FLH tista’ twassal għall-insolvenza ta’ MF, peress li din hija obbligata, skont id-dritt Ġermaniż, li tkopri l-iżbilanċ annwali tas-sussidjarja tagħha. L-insolvenza ta’ MF tista’, min-naħa tagħha, twassal għall-insolvenza ta’ sussidjarji oħrajn, fid-dawl tal-eżistenza ta’ kuntratti li jipprevedu l-kontroll u t-trasferiment ta’ profitti konklużi bejn MF u s-sussidjarji tagħha. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 jenfasizzaw li l-insolvenza ta’ FLH tista’ ċċaħħad lill-ajruport ta’ Leipzig-Halle mil-liċenzja sabiex jopera. Fil-fatt, skont id-dritt Ġermaniż, liċenzja sabiex topera hija rrevokata meta l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja, fosthom dik tal-qligħ ekonomiku tal-operatur, ma jkunux iktar sodisfatti. Issa, dan ikun il-każ jekk FLH tkun falluta. Jekk l-ajruport ma jkollux liċenzja sabiex jopera, huwa jkun fil-perikolu li jagħlaq, u dan jirriżulta f’telf ta’ numru kbir ta’ xogħlijiet. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 jikkunsidraw l-eventwali konsegwenzi tal-invalidità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital fuq l-eżattezza tal-kontijiet annwali antiki ta’ FLH u MF u r-rettifika tagħhom, kif ukoll l-eventwali ksur, mid-diretturi tagħhom, tal-obbligu li jiddikjaraw l-insolvenza ta’ dawn il-kumpanniji. Fir-raba’ lok, huma jirrilevaw li d-diretturi ta’ FLH u ta’ MF jistgħu jkunu responsabbli ċivilment, skont id-dritt Ġermaniż, minħabba l-waqfien tal-ħlas jew id-dejn eċċessiv tal-kumpannija.

39      Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 isostnu, li huma għandhom interess ġuridiku f’dan il-każ.

40      Fl-ewwel lok, huma jsostnu li jeżisti interess ġuridiku meta deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tissodisfax it-talbiet tal-persuni li pparteċipaw fil-proċedura amministrattiva. Issa, f’dan il-każ, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 ddefendew it-teżi li l-finanzjamenti ta’ infrastrutturi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-istat, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li dan huwa l-każ. Fil-fehma tagħhom, l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna hija distinta mill-konstatazzjoni li ma ngħatat ebda għajnuna. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, hija rilevanti peress li tagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk il-miżura hijiex kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE u sabiex tissuġġetta l-awtorizzazzjoni tagħha għal ċerti kundizzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Kummissjoni tista’, billi tawtorizza miżura, iċċaħħad lill-persuna interessata minn kull rimedju, ma huwiex kompatibbli mas-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji prevista mit-Trattati.

41      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 isostnu li l-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat tirriżulta f’numru sostanzjali ta’ konsegwenzi dannużi għalihom, li jistgħu jiġu rrimedjati biss permezz tal-annullament parzjali tad-Deċiżjoni.

42      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, huma jsostnu li skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi deċiżjoni li tikkawża preġudizzju. Għaldaqstant, l-annullament ta’ deċiżjoni relattiva, b’mod partikolari, għall-klassifikazzjoni bħala miżura ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreżenta interess, inkluż jekk l-għajnuna hija sussegwentement iddikjarata kompatibbli. Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-interess ġuridiku jista’ jiġi rikonoxxut meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tidher prima facie li tagħti benefiċċju, iżda li sussegwentement tirriżulta f’żvantaġġ, minħabba fatti li ma kinux inklużi fiha. Fl-aħħar nett, il-partikolarità ta’ dan il-każ, meta mqabbel mal-ġurisprudenza li hija l-iktar restrittiva, tirriżulta min-natura imprevedibbli, skont id-dritt Ġermaniż, tal-konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ notifika tal-kontribuzzjoni ta’ kapital.

43      It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 jsostnu li teżisti inċertezza dwar l-ammont tal-għajnuna. Fil-fatt, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni tqis li l-EUR 350 miljun tal-kontribuzzjoni ta’ kapital ma jaqax kollu kemm hu taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, peress li ċerti spejjeż jaqgħu taħt missjoni ta’ servizz pubbliku, hija madankollu tindika, fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, li għajnuna ta’ EUR 350 miljun hija kompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ liema hija l-parti minn din is-somma li ma taqax taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat tibqa’ miftuħa. Issa, l-invalidità, skont id-dritt nazzjonali, tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, kif ukoll il-konsegwenzi tagħha, tista’ tapplika biss għall-parti li hija kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet, il-persuni interessati ma jistgħux ikunu jafu liema somma taqa’ taħt l-Aritkolu 87 KE u liema hija l-portata tal-konsegwenzi inkwistjoni. Fil-fehma tar-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08, dan iwassal għal inċertezza legali li tirriżulta direttament mid-Deċiżjoni. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni fid-Deċiżjoni, ir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 ma jistgħux jippreċiżaw, b’mod ġudizzjarju, il-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan fid-dritt Ġermaniż u sentenza tal-Qorti Ġenerali biss tippermettilhom jaġixxu sussegwentement skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

44      Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ preġudizzju għad-drittijiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 jfakkru li l-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat tikkawża l-invalidità tal-kuntratt li fuqu hija bbażata, flimkien mal-konsegwenzi li jistgħu joħolqu preġudizzju, li jirriżultaw minn dan. Barra minn hekk, din il-klassifikazzjoni tinvolvi ksur tal-Artikolu 88(3) KE u għaldaqstant “difett ta’ illegalità”. Apparti dan, l-imsemmija klassifikazzjoni tippreġudika s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 sa fejn huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-finanzjamenti futuri tal-infrastrutturi tal-ajruporti. Barra minn hekk, il-kwistjoni jekk tali finanzjamenti jaqgħux taħt dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u jekk il-Kummissjoni għandhiex il-kompetenzi previsti fl-Artikolu 88 KE tiddependi wkoll minn din il-klassifikazzjoni. Apparti dan, minn naħa, il-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u dawk li ma jikkostitwixxux dan huma suġġetti għal regoli differenti. Min-naħa l-oħra, peress li l-għajnuna awtorizzata kienet għajnuna eżistenti, kull tibdil fil-finanzjament tal-infrastrutturi għandu jiġi nnotifikat. Fl-aħħar nett, il-klassifikazzjoni inkwistjoni għandha riperkussjonijiet negattivi fuq il-legalità tal-għajnuna futura minħabba l-akkomulazzjoni li din tinvolvi.

45      Il-Kummissjoni tikkontesta d-deskrizzjoni tal-konsegwenzi ġuridiċi tad-Deċiżjoni, magħmula mir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08, u ssostni li huma ma għandhomx interess ġuridiku fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

46      Għandu jitfakkar li rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrenti jkollha interess fl-annullament tal-att ikkontestat. Dan l-interess għandu jkun effettiv u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal‑14 ta’ April 2005, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T-141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 25 u tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II‑4063, punt 34).

47      F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 jitolbu l-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, sa fejn hija ssostni, minn naħa, li l-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitiwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija għajnuna tammonta għal EUR 350 miljun.

48      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-imsemmi artikolu, l-għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 350 miljun, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lill-ajruport ta’ Leipzig-Halle għall-bini tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport u għall-infrastrutturi tal-ajruport konnessi magħha, hija kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

49      Madankollu, is-sempliċi fatt li d-Deċiżjoni tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni u għaldaqstant, bħala prinċipju, ma hijiex ta’ preġudizzju għar-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08, ma teżonerax lill-qorti tal-Unjoni milli teżamina jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tipproduċix effetti legali vinkolanti tali li jaffettaw l-interessi tal-imsemmija rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Jannar 2002, Nuove Industrie Molisane vs Il‑Kummissjoni, T‑212/00, Ġabra p. II‑347, punt 38, u Salvat père & fils et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 36).

50      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 jqajmu argumenti ta’ natura proċedurali. F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, huma jallegaw li d-Deċiżjoni ma kinitx tissodisfa t-talbiet li huma għamlu matul il-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura tal-istħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat hija, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura disponibbli biss fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 81; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 29). L-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna u l-entitajiet territorjali infrastatali li jagħtu l-għajnuna, l-istess bħall-kompetituri tal-benefiċjarji tal-għajnuna, jitqiesu biss bħala persuni “interessati” f’din il-proċedura (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 122, u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn il-ġurisprudenza essenzjalment tagħti lil dawn tal-aħħar ir-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni (sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 125). Barra minn hekk, il-fatt li d-Deċiżjoni ma tikkorrispondix mal-pożizzjoni espressa mir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 matul il-proċedura amministrattiva, fih innifsu, ma jipproduċi l-ebda effett ġuridiku vinkolanti tali li jaffettwa l-interessi tagħhom. Għaldaqstant, l-interess ġuridiku tagħhom ma jistax jibbaża fuqu biss.

51      It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat timplika li r-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 għandhom jinnotifikaw il-finanzjamenti futuri ta’ infrastrutturi tal-ajruport, għandu jiġi kkonstatat li dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-obbligu li l-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat jiġu nnotifikati joħroġ direttament mit-Trattat KE, u b’mod partikolari, mill-Arikolu 88(3) KE u mhux mid-Deċiżjoni li tikkonstata li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

52      It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-argument li l-imsemmija klassifikazzjoni ppermettiet lill-Kummissjoni sabiex teżerċita s-setgħat mogħtija lilha permezz tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat u sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet, wara li kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, teżamina l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni ma huwiex, fih innifsu, determinanti fil-kuntest tal-isħarriġ tal-interess ġuridiku, peress li l-Kummissjoni ddikjarat, mingħajr ebda kundizzjoni, li l-imsemmija għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni u dan, bħala prinċipju, ma jistax ikun ta’ preġudizzju, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq.

53      Imbagħad, sa fejn l-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti u l-obbligi li jirriżultaw minnhom, b’mod partikolari mill-obbligu li jiġu ppreżentati rapporti annwali dwar l-iskema, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, il-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna individwali u mhux skema ta’ għajnuna, tali li ladarba tiġi approvata, hija ma tistax titqies bħala skema ta’ għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti u l-obbligi li jirriżultaw minnhom ma humiex rilevanti għal dan il-każ.

54      Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi miċħud l-argument li l-klassifikazzjoni inkwistjoni jista’ jkollha influwenza fuq għajnuna futura minħabba l-applikazzjoni ta’ regola ta’ nuqqas ta’ akkumulazzjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 ma invokaw l-ebda dispożizzjoni li, fil-kuntest tal-infrastrutturi tal-ajruport, tipprojbixxi l-akkumulazzjoni ratione temporis ta’ għajnuna. Barra minn hekk, la l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 KE u 88 KE kif ukoll tal-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għal għajnuna mill-Istat għat-trasport bl-ajru (ĠU 1994, C 350, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-1994”) u lanqas il-Linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament ta’ ajruporti u l-għajnuna għall-bidu mill-Istat mogħtija lil linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2005”) ma jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw regola kontra l-akkumulazzjoni għal dak li jikkonċerna l-għajnuna mill-Istat favur l-infrastrutturi tal-ajruporti.

55      Ir-raba’ nett, għal dak li jikkonċerna l-argument li, billi tawtorizza l-kontribuzzjoni ta’ kapital, il-Kummissjoni ma tistax iċċaħħad lir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 minn rimedju kontra l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li l-Unjoni hija Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt fejn l-istituzzjonijet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat KE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li minnhom jagħmlu parti d-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni peress li d-dritt għal protezzjoni bħal din jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Dan id-dritt huwa stabbilit ukoll mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18; tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑424/99, Ġabra p. I‑9285, punt 45, u tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punti 38 u 39). Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 ma huma, bl-ebda mod, imċaħħda minn kull protezzjoni ġuridizzjarja effettiva. Fil-fatt, anki jekk dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, xejn ma jipprekludihom milli jissuġġerixxu lill-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ kawża quddiem din tal-aħħar, fejn huma ser ikunu eventwalment imsejħa sabiex jassumu l-konsegwenzi tal-allegata invalidità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital li huma jevokaw, sabiex isir rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE bl-għan li jimminaw mill-ġdid il-validità tad-Deċiżjoni sa fejn hija tikkonstata li l-miżura inkwistjoni hija għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata) u sa fejn hija tikkonstata li l-imsemmija għajnuna tammonta għal EUR 350 miljun.

56      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 jirreferu għan-numru sostanzjali ta’ konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, huma jieħdu bħal sostenn, minn naħa, in-natura imprevedibbli tal-konsegwenzi ġuridiċi li joħorġu mill-imsemmija klassifikazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-inċertezza fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna.

57      L-ewwel nett, għal dak li jikkonċerna l-imsemmija natura imprevedibbli, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tistax tkun il-bażi tal-interess ġuridiku fil-Kawża T‑443/08.

58      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżula li rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament tal-att ikkontestat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II‑2181, punt 33; Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 26 u Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 47).

59      Issa, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 sempliċement isostnu li, skont il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof dwar l-għajnuna illegali, il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat twassal għall-invalidità tagħha mingħajr ebda rimedju, fid-dritt Ġermaniż, u jiddeskrivu l-konsegwenzi “possibbli” ta’ dan. Madankollu, huma ma jipproduċu l-ebda prova li tippermetti li jitqies li l-invalidità u l-allegati konsegwenzi tagħha jikkostitwixxu, f’dan il-każ, interess effettiv u attwali fis-sens tal-ġurisprudenza.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar preliminarjament li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-għajnuna tkun ingħatat lill-benefiċjarju bi ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, il-qorti nazzjonali, fuq talba ta’ operatur ieħor, tista’ tiddeċiedi, anki wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni pożittiva, dwar il-validità tal-atti ta’ implementazzjoni u dwar l-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti. Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C-199/06, Ġabra p. I-469, iktar ’il quddiem is-“sentenza CELF”, punt 46) jirriżulta li, f’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-qorti nazzjonali tordna l-miżuri adegwati sabiex jingħata rimedju effettiv għall-effetti tal-illegalità, iżda li, anki fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, dan ma jobbligahiex tirkupra l-għajnuna illegali kollha. Fl-istess każ, skont id-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna sabiex iħallas l-interessi għall-perijodu tal-illegalità. Barra minn hekk, fil‑kuntest tad‑dritt nazzjonali hija tista’, jekk ikun il‑każ, tordna l‑irkupru tal‑għajnuna illegali, bla ħsara għad‑dritt tal‑Istat Membru li jerġa’ jimplementa l‑għajnuna sussegwentement. Hija tista’ wkoll tasal sabiex tilqa’ talbiet għal kumpens minħabba n‑natura illegali tal‑għajnuna. Jidher għaldaqstant li, fl-ipoteżi ta’ implementazzjoni illegali ta’ għajnuna segwita minn deċiżjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-benefiċjarju, minn naħa, jista’ jitlob il-ħlas tal-għajnuna dovuta fil-futur, u, min-naħa l-oħra, jista’ jżomm il-parti tal-għajnuna mogħtija preċedentement għad-deċiżjoni pożittiva, bla ħsara għall-konsegwenzi li joħorġu mill-illegalità tal-għajnuna mħallsa b’mod prematur, fil-kundizzjonijiet deskritti mis-sentenza CELF (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Diċembru 2008, Wienstrom, C‑384/07, Ġabra p. I‑10393, punti 27 sa 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-allegata invalidità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, għandu jiġi rrilevat mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-konsegwenzi ġuridiċi skont id-dritt Ġermaniż, tal-illegalità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, li r-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 ma jindikawx kif, minbarra l-allegati konsegwenzi li jirriżultaw minn din l-invalidità (ara punt 62 iktar ’il fuq), din tal-aħħar hija, fiha nnifisha, f’pożizzjoni li taffettwa l-interessi tagħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq.

62      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-allegati konsegwenzi tal-invalidità, l-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, il-konsegwenzi msemmija, fil-każ li jseħħu, ma jkollhomx impatt dirett fuq l-imsemmija rikorrenti iżda jaffettwaw lil FLH u MF. Barra minn hekk, kif indikaw dawn tal-aħħar bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, huma fil-fatt huma stess u mhux ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 li kellhom iħallsu l-interessi fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ kapital għall-perijodu bejn l-għoti ta’ din tal-aħħar u d-Deċiżjoni kkontestata, u dan skont is-sentenza CELF, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Settembru 2009 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). Issa, l-inammissibbiltà ta’ talba għal annullament magħmula minn persuna fiżika jew ġuridika hija suġġetta għall-kundizzjoni li din tiġġustifika interess personali sabiex jinkiseb l-annullament tal-att ikkontestat (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ April 1999, Unjonie provinciale degli agricoltori di Firenze et vs Il-Kummissjoni, T‑78/98, Ġabra p. II‑1377, punt 30).Fir-rigward tal-fatt, imsemmi mir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08, li dawn tal-aħħar huma azzjonisti ta’ FLH u MF u jipparteċipaw fil-ħatra tad-diretturi tagħhom, ma hemm xejn li juri li dan jagħtihom interess ġuridiku speċifiku għalihom, li huwa distint minn dak tal-benefiċjarju, sabiex jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni. Issa, minbarra li tinvoka interess ġuridiku li huwa distint minn dak ta’ impriża kkonċernata minn att tal-Unjoni u li fiha hija żżomm parti mill-kapital, persuna ma tistax tiddefendi l-interessi tagħha fir-rigward ta’ dan l-att ħlief billi teżerċita d-drittijiet ta’ membru ta’ din l-impriża, li min-naħa tagħha għandha d-dritt li tippreżenta rikors (sentenza, tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Ġunju 2000, Euromin vs Il-Kunsill, T‑597/97, Ġabra p. II‑2419, punt 50).

63      Fi kwalunkwe każ, imbagħad, għandu jiġi rrilevat li l-konsegwenzi msemmija mir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 huma futuri ipotetiċi u inċerti b’tali mod li ma jistgħux jibbażaw l-interess ġuridiku tagħhom fuqhom, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq. Preliminarjament, għandu fil-fatt jiġi rrilevat li, fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 jirreferu għal konsegwenzi “possibbli” tal-allegata invalidità tal-kontribuzzjoni ta’ kapital fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji u tal-insolvenza, u mhux għal konsegwenzi ċerti. Fir-rigward, qabel kollox, tar-riskju ta’ insolvenza ta’ FLH, dawn ir-rikorrenti jqisu li huwa l-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni li “jista’ jwassal [għal dan]”, kif ukoll konsegwentement għal dik ta’ MF. Madankollu, meta kienu mistoqsija rigward dan mill-Qorti Ġenerali, l-imsemmija rikorrenti ma rreferew għall-ebda azzjoni li ġiet imressqa quddiem qorti nazzjonali li għandha bħala għan il-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni, fejn barra minn hekk, din ma hijiex imposta mid-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 60 iktar ’il fuq. Apparti dan, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 ma pproduċew l-ebda prova li tippermetti li jintwera li l-ħlas tal-interessi, għall-perijodu bejn l-għoti tal-għajnuna u d-Deċiżjoni, jista’ jhedded lil FLH jew lil MF bl-insolvenza. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-insolvenza tirriskja li ċċaħħad lill-ajruport ta’ LeipzigHalle mil-liċenzja sabiex jopera, dan għandu jiġi miċħud peress li r-riskju ta’ insolvenza ma huwiex stabbilit. Imbagħad, fir-rigward tal-konsegwenzi msemmija fil-qasam tal-kontabbiltà, mir-rikors jirriżulta li s-sitwazzjoni ġuridika ma hijiex ċerta fid-dritt Ġermaniż, kemm fil-livell tal-ġurisprudenza kif ukoll dak tad-dottrina, u li r-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 jirreferu biss għal sitwazzjonijiet ipotetiċi, inkluż il-ksur tal-obbligu li tiġi ddikjarata l-insolvenza (ara l-punt 38 iktar ’il fuq), iżda li ma humiex ċerti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 ma rreferew għal ebda proċedura li ġiet mibdija quddiem il-qorti nazzjonali u li hija intiża sabiex timmina lil FLH, MF jew id-diretturi tagħhom f’dan ir-rigward.

64      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza dwar l-għajnuna mill-Istat li jirreferu għaliha r-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 sabiex jiġġustifikaw l-ammissibbiltà tar-rikorsi tagħhom ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Għaldaqstant, fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ April 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T‑233/04, Ġabra p. II‑591), din kienet tikkonċerna r-rikors ta’ Stat Membru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-miżura inkwistjoni f’din il-kawża kienet tinkludi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Aritkolu 87(3) KE. Issa, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 230 KE jagħti lil kull Stat Membru d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għall-kundizzjoni li jkun iġġustifikat minn interess ġuridiku, tali li din is-sentenza tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik eżaminata f’dan il-każ. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawża  T‑443/08 fir-replika tagħhom, minn din is-sentenza ma jirriżultax li l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat hija suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex jiġi rikonoxxut interess ġuridiku meta l-Istat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni b’miżura filwaqt li jitlob lil din tal-aħħar sabiex tikkonstata li din ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Imbagħad, għall-kuntrarju ta’ dan il-każ, il-miżura inkwistjoni fis-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kienet skema ta’ għajnuna, tali li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tinvolvi applikazzjoni sussegwenti tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti. Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dan il-każ ukoll, il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni fl-imsemmija kawża kienet tipproduċi konsegwenzi fid-dawl tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-akkumulazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

65      Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni (T‑296/97, Ġabra p. II‑3871), għandu jiġi enfasizzat li, bħal fil-kawża inkwistjoni fl-imsemmija sentenza, il-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat ippermettiet lill-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni. Madankolu, b’differenza għas-sitwazzjoni inkwistjoni f’din is-sentenza, f’dan il-każ il-Kummissjoni awtorizzat il-kontribuzzjoni ta’ kapital mingħajr ma imponiet l-iċken kundizzjoni.

66      Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/01, Ġabra p. II‑1753), huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tikklassifika l-miżura inkwistjoni f’din il-kawża bħala għajnuna mill-Istat, irriżultat fl-issuġġettar tal-ħlas tat-tielet parti ta’ din l-għajnuna għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni.

67      Għal dak li jikkonċerna, it-tieni nett, l-inċertezzi rigward l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li sa fejn l-iffissar ta’ dan l-ammont jista’ jkollu impatt fuq l-irkupru tal-għajnuna illegali jew fuq il-ħlas ta’ interessi, dan ikollu impatt fuq is-sitwazzjoni ta’ FLH u ta’ MF, li huma l-uniċi li jistgħu jkunu suġġetti għal dan l-irkupru jew għal dan il-ħlas u mhux direttament fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jibbażaw l-interess ġuridiku tagħhom fuq dawn l-inċertezzi.

68      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 ma wrewx li jeżisti interess ġuridiku effettiv u attwali kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni sa fejn din issostni, minn naħa, li l-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u min-naħa l-oħra, li l-imsemmija għajnuna tammonta għal EUR 350 miljun.

69      Għaldaqstant, ir-rikors fil-Kawża T‑443/08 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma jkun meħtieġ l-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ interess individwali tar-rikorrenti f’din il-kawża.

 Fuq il-mertu

70      Insostenn tar-rikors tagħhom fil-Kawża T‑455/08, ir-rikorrenti f’din il-kawża (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) iressqu tmien motivi bbażati, essenzjalment, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE, it-tieni wieħed fuq li FLH ma setgħetx tkun il-benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, it-tielet wieħed fuq l-impossibbiltà li FLH tiġi kklassifikata simultanjament bħala min jagħti u min jibbenefika mill-għajnuna mill-Istat, ir-raba’ wieħed fuq ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali, il-ħames wieħed fuq ksur tad-dritt primarju mil-Linji gwida tal-2005, is-sitt wieħed, imressaq bħala motiv sussidjarju, fuq difett proċedurali, is-seba’ wieħed fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi li jirriżulta mit-Trattat KE u t-tmien wieħed fuq in-natura kontradittorja u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-ammont tal-allegata għajnuna.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

 L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-finanzjament tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

72      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, ma japplikax għall-ajruporti reġjonali, għall-anqas għal dak li jikkonċerna l-finanzjament tal-infrastrutturi tal-ajruport.

73      Fil-fatt, l-ewwel nett, il-bini ta’ dawn l-infrastrutturi ma jikkostitwixxux attività ekonomika iżda jaqgħu taħt il-politika tat-trasport, il-politika ekonomika u l-politika reġjonali. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan ir-rwol politiku tal-bini tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport (premessi 261 u 262 tad-Deċiżjoni). Barra minn hekk, mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2007 intitolata “Pjan ta’ azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ ajruporti fl-Ewropa” [KUMM(2006) 819 finali] jirriżulta li l-iżvilupp tal-ajruporti huwa wkoll fl-interessi tal-Unjoni.

74      It-tieni nett, il-bini tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport ma jikkostitwixxix attività ekonomika peress li kieku investitur privat ma jwettaqx din l-attività. Fil-fatt, ma jeżisti l-ebda prospett ta’ qligħ tal-investiment, minħabba li huwa impossibbli li l-ispejjeż tal-bini jiġu mgħoddija lil utenti tal-ajruport permezz ta’ imposti tal-ajruporti. Skont ir-rikorrenti dan huwa impossibbli minħabba li, fil-Ġermanja, dawn l-imposti huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità tal-ajruport tal-Land li fiha jkun jinsab l-ajruport, fejn l-investituri privati ma għandhom l-ebda influwenza fuq l-ammont tagħhom. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu ffissati b’mod ħieles mill-operatur skont kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, u fil-fatt, ma humiex relatati mal-ispejjeż tal-investiment. Għaldaqstant, l-imposti mħallsa mill-utenti tal-infrastrutturi tal-ajruporti ma jikkostitwixxux, bħalma tagħti x’tifhem b’mod żbaljat il-Kummissjoni, ħlas inkambju għall-bini tagħhom. Fir-rigward tal-ispazji mikrijin għal finijiet kummerċjali li ma jirrigwardawx operazzjoni ta’ titjiriet, dawn huma irrilevanti peress li l-kawża preżenti tikkonċerna r-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, li hija użata esklużivament għall-operazzjoni ta’ titjiriet.

75      Skont ir-rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li t-tħaddim ma jagħtix qligħ lil investitur privat, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa impossibbli li jinbena ajruport reġjonali, bħal dak ta’ Leipzig-Halle, billi jiġi bbażat biss fuq investimenti privati, b’tali mod li din l-attività ma tikkostitwixxix attività ekonomika iżda taqa’ taħt miżura ta’ politika strutturali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li billi qabblet, mingħajr ebda distinzjoni, l-ajruporti pubbliċi ma’ impriżi privati, il-Kummissjoni injorat il-missjoni speċifika tagħhom, ikkaratterizzata minn marġni ta’ manuvra ekonomika dgħajjef. Fil-fatt, qabel kollox, huma jsostnu spejjeż fissi ogħla mill-medja, għal dak li jirrigwarda installazzjonijiet, tħaddim u persunal. Barra minn hekk, il-marġni ta’ manuvra tagħhom huwa limitat mill-kobor tal-piżijiet u l-kundizzjonijiet legali stretti. Fl-aħħar nett, l-ispejjeż tal-infrastrutturi pubbliċi għandhom, bħala prinċipju, jiġu sostnuti mill-komunità, u li barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan b’mod partikolari fir-rigward tal-portijiet. Issa, il-Kummissjoni ma tistax tapplika trattament differenti għall-portijiet u għall-ajruporti.

76      It-tielet nett, l-attività ekonomika ma tikkostitwixxix l-għan prinċipali tal-ajruporti u l-fatt li huma jkunu eventwalment f’kompetizzjoni ma jippermettix li jiġi dedott li huma jikkostitwixxu impriżi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess tikkunsidra li għandha ssir distinzjoni bejn id-diversi attivitajiet tal-operatur tal-ajruport (premessa 178 tad-Deċiżjoni), minħabba li mhux kollha huma ta’ natura ekonomika. F’din il-kawża, l-investiment jirrigwarda biss l-infrastruttura, li f’dan il-każ, hija r-runway fin-nofsinhar tal-ajruport. L-ebda investitur privat qatt ma huwa ser jinvesti fiha. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħaditx dan inkunsiderazzjoni iżda bbażat ruħha fuq stampa globali tal-ajruport, meqjus bħala impriża.

77      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu wkoll, fir-replika tagħhom, li l-attività ta’ bini ta’ infrastrutturi tal-ajruport u dik tat-tħaddim ta’ dawn l-infrastrutturi jikkostitwixxu żewġ attivitajiet differenti li l-Kummissjoni trid tipproduċi prova tan-natura ekonomika tagħhom, b’mod pożittiv għal kull waħda fosthom, fejn in-neċessità ta’ din id-distinzjoni kienet ikkonfermata b’mod partikolari mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni (T‑196/04, Ġabra p. II‑3643). F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għamlitx din id-distinzjoni u, billi ddeduċiet in-natura ekonomika tal-bini tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport min-natura ekonomika tat-tħaddim tal-ajruport, hija ma wrietx in-natura ekonomika tal-imsemmi bini.

78      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova tan-natura inseparabbli tal-attivitajiet ta’ bini u tat-tħaddim tal-infrastrutturi tal-ajruport. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jirribattu l-argument li l-bini huwa l-kundizzjoni sine qua non tat-tħaddim, filwaqt li jindikaw b’mod partikolari, li l-kwistjoni rilevanti tirrigwarda n-natura inseparabbli tal-attivitajiet fihom infushom u mhux il-kwistjoni tan-natura tagħhom. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa żbaljat peress li jeżisti numru vast ta’ kundizzjonijiet preliminari li mingħajrhom attività ekonomika ma tistax tkun imwettqa, peress li l-implementazzjoni tal-imsemmija kundizzjonijiet preliminari ma tikkostitwixxix awtomatikament attività ekonomika. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jirribattu d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-operatur ta’ installazzjoni għandu neċessarjament jiffinanzja l-bini tagħha, fuq il-bażi ta’ eżempji konkreti (mużewijiet, skejjel jew universitajiet pubbliċi, restoranti fuq l-awtostrada). Sussegwentement, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-bini u t-tħaddim jikkonċernaw operaturi u setturi differenti. Barra minn hekk, huma jsostnu li d-distinzjoni bejn il-bini, it-tħaddim u l-użu tal-infrastrutturi hija prinċipju fundamentali tal-prattika tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, tal-finanzjament tal-infrastrutturi mill-awtoritajiet pubbliċi. Issa, f’dan il-każ, il-kriterju għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju huwa sodisfatt peress li l-utenti potenzjali kollha għandhom aċċess ugwali u nondiskriminatorju għar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, b’tali mod li, jekk l-imsemmi prinċipju jiġi applikat, il-kontribuzzjoni ta’ kapital tkun eżenti mid-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ separazzjoni tal-attivitajiet jista’ jwassal għal stħarriġ ġeneralizzat tal-politika tal-infrastrutturi tal-Istati Membri, peress li l-Kummissjoni tista’ tistħarreġ, fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-finanzjament ta’ infrastrutturi fis-setturi kollha. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw id-dikjarazzjoni li l-fatt li l-finanzjament tal-bini tal-infrastrutturi ma għandux in-natura ta’ għajnuna mill-Istat, jippermetti lill-Istati Membri joħolqu kontinwament kompetituri ġodda, filwaqt li indikaw li din ma tikkorrispondix għar-realtà, peress li l-bini ta’ ajruport huwa eċċezzjonali.

79      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-bini ta’ ajruporti ma huwiex ipprovdut minn operaturi privati. Għaldaqstant, fi ħdan l-Unjoni ma jeżisti l-ebda każ fejn l-investituri privati ffinanzjaw huma stess il-bini ta’ ajruport jew ta’ estensjoni sostanzjali ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni qieset li l-kriterju tal-investitur privat kien sodisfatt. Min-naħa l-oħra, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/393/KE, tat-12 ta’ Frar 2004, dwar il-vantaġġi mogħtija mir-Reġjun tal-Vallonja u Brussels South Charleroi Airport lill-kumpannija tal-ajru Ryanair meta hija stabbilixxiet ruħha f’Charleroi (ĠU L 137, p. 1), il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma kien jeżisti l-ebda każ fl-Ewropa fejn ajruport privat inħoloq ex nihilo, mingħajr ma ntużaw fondi pubbliċi. Għaldaqstant, il-bini ta’ infrastrutturi tal-ajruport jagħmel parti mill-attivitajiet li dejjem twettqu minn stabbilimenti pubbliċi u għandhom neċessarjament jitwettqu minnhom. Għalhekk, in-natura ekonomika tiegħu hija eskluża minħabba n-nuqqas ta’ suq korrispondenti.

80      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jirrilevaw li fir-rigward tad-dikjarazzjoni, li tinsab fil-premessa 169 tad-Deċiżjoni, li xi investituri privati wrew interess qawwi sabiex jinvestu f’xi ajruporti, il-Kummissjoni la tindika jekk dan l-interess jirrigwardax ajruporti reġjonali jew ajruporti prinċipali, u lanqas jekk kienx jirrigwarda sehem f’ajruporti diġà eżistenti jew ajruporti li għadhom ma nbnewx. Apparti dan, hija ma tagħti l-ebda eżempju sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, hija ma tagħmel ebda distinzjoni dwar jekk kinux investimenti fl-ajruporti kollha kemm huma, jew investimenti fl-infrastrutturi tat-trasport biss bħala tali, fejn dan il-każ tal-aħħar huwa madankollu l-uniku wieħed paragunabbli mal-kawża preżenti.

81      It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkonstataw li l-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova dwar l-allegazzjoni tagħha, li tidher fil-premessa 170 tad-Deċiżjoni, li l-awtoritajiet biddlu l-pożizzjoni tagħhom fid-dawl tas-sehem tal-investituri privati fl-ajruporti.

82      It-tielet nett, ir-rikorrenti jirribattu, fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2004/393 u ta’ studju universitarju tal-2001 intitolat “Kompetizzjoni bejn l-ajruporti u l-applikazzjoni ta’ regoli dwar għajnuna mill-Istat” (iktar ’il quddiem l-“istudju tal-2001”), id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-ajruporti huma fil-parti l-kbira tagħhom mibnija permezz ta’ fondi privati. Dan huwa żbaljat anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fil-Ġermanja biss. Fil-fatt, qabel kollox, is-sehem tal-imsieħba privati fl-ajruporti, inklużi dawk li joffru titjiriet internazzjonali, huma minoritarji. Imbagħad, għalkemm ċerti ajruporti huma parzjalment ipprivatizzati, madankollu, investituri privati ma pparteċipawx fil-bini tagħhom. Fl-aħħar nett, it-tentattivi sabiex l-ajruporti reġjonali jitħaddmu b’mod privat fallew diversi drabi. Għaldaqstant, fil-Ġermanja huwa fil-fatt impossibbli li jinbena ajruport reġjonali fuq bażi privata, mingħajr għajnuna pubblika.

83      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jirribattu r-rilevanza tal-eżempji ta’ infrastrutturi tal-ajruport mibnija permezz ta’ fondi privati ċċitati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-ajruport ta’ Ciudad Real (Spanja), it-terminal 5 tal-ajruport ta’ Heathrow (ir-Renju Unit) u l-ajruporti ta’ Vjenna (l-Awstrija) u ta’ Francfort-sur-le-Main (il-Ġermanja).

84      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu bħala ineffettiv ir-riferiment, fil-Linji gwida tal-2005 u fid-Deċiżjoni, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T‑128/98, Ġabra p. II‑3929), ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, Ġabra p. I‑9297, iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza ADP”). Fil-fatt, qabel kollox, hija ma tirrigwardax il-bini ta’ infrastrutturi tal-ajruport, iżda t-tħaddim tagħhom. Barra minn hekk, hija ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 87 KE iżda tikkonċerna ksur tal-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Fl-aħħar nett, hija tikkonċerna l-attività ta’ ajruport internazzjonali kbir, li hija distinta minn dik ta’ ajruporti reġjonali, bħal dak ta’ Leipzig-Halle.

85      L-ADV qablet mal-osservazzjonijiet sottomessi mir-rikorrenti. L-ewwel nett, hija ssostni li l-bini ta’ infrastrutturi tal-ajruporti ma jikkostitwixxix attività ekonomika. It-tieni nett, l-ADV issostni li s-separazzjoni bejn it-twettiq ta’ missjoni ta’ awtorità pubblika fil-kuntest tal-finanzjament tal-infrastruttura, u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, fil-kuntest tat-tħaddim tagħha, ma tikkontradixxix il-ġurisprudenza ADP. It-tielet nett, l-ADV tirrileva li din is-separazzjoni fl-operat hija rrikonoxxuta mill-ġurisprudenza u mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Ir-raba’ nett, l-ADV tqis li l-finanzjament pubbliku ta’ proġetti ta’ interess ġenerali għandhom jibqgħu possibbli.

86      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

87      Għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmija minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. L‑ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l‑Istati Membri. It-tielet nett, din l-għajnuna għandha tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti. Ir-raba’ nett, din għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02, Ġabra p. II‑267, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istat ġuridiku ta’ din l-entità u l-mod kif hija ffinanzjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 107, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni, C‑205/03 P, Ġabra p. I‑6295, punt 25, u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra p. I‑4863, punt 21).

89      Skont ġurisprudenza stabbilta, kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 88 iktar ’il fuq, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenzi FENIN vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 25, u MOTOE, punt 88 iktar ’il fuq, punt 22).

90      Għandu jitfakkar ukoll li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat KE, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl tal-elementi konkreti tal-kawża mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Minn dan jirriżulta li hija l-qorti li għandha tivverifika jekk il-fatti invokati mill-Kummissjoni humiex materjalment eżatti u jekk humiex tali li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet li jippermettu l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE humiex sodisfatti. Fir-rigward ta’ evalwazzjoni ekonomika kumplessa, għandu wkoll jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ att tal-Kummissjoni li jinvolvi tali evalwazzjoni għandu jillimita lilu nnifsu għall-verifika tal-osservazzjoni tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punti 141 sa 143).

91      Fl-aħħar nett, peress illi l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jikkorrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li tiġi evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, huma l-evalwazzjonijiet magħmula f’din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq dan l-istħarriġ ġudizzjarju (sentenza Chronopost vs UFEX et, punt 90 iktar ’il fuq, punt 144).

92      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipju li għandu jiġi eżaminat dan il-motiv, li fil-kuntest tiegħu, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li, fir-rigward tal-estensjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruport, l-ajruporti reġjonali ma jikkostitwixxux impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, inkwantu din l-attività ma hijiex attività ekonomika.

93      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tħaddim tal-ajruport ta’ Leipzig-Halle, FLH twettaq attività ekonomika. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruporti tikkostitwixxi attività ekonomika (ara s-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, dan huwa kkonfermat mill-fatt li FLH toffri servizzi tal-ajruport bi ħlas, b’mod partikolari, ta’ taxxi tal-ajruport, fejn dawn tal-aħħar għandhom jiġu analizzati bħala l-kontroparti ta’ servizzi pprovduti mill-konċessjonarju tal-ajruport (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 90). Il-fatt li FLH tamministra ajruport reġjonali u mhux ajruport internazzjonali ma jistax jimmina n-natura ekonomika tal-attività tagħha, peress li din tikkonsisti f’li jiġu offruti servizzi bi ħlas fis-suq tas-servizzi tal-ajruporti reġjonali. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali suq hija, f’dan il-każ, murija mill-fatt li l-ajruport ta’ Leipzig-Halle kien f’kompetizzjoni ma’ ajruporti reġjonali oħra, b’mod partikolari, dak ta’ Vatry (Franza), għat-twaqqif taċ-ċentru amministrattiv għat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru ta’ DHL, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari, mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-ajruport inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, kien ukoll ajruport reġjonali. Fir-rigward tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 89 hawn fuq, dawn l-elementi kollha jippermettu li l-attività tat-tħaddim tal-ajruport ta’ Leipzig-Halle minn FLH tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika.

94      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-tħaddim tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport ser jagħmel parti mill-attività ekonomika ta’ FLH. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 177 tad-Deċiżjoni, ir-runway fin-nofsinhar tal-ajruport hija infrastruttura li ser tkun imħaddma minn FLH għal finijiet kummerċjali, peress li FLH ma tippermettix l-użu tal-imsemmija runway bla ħlas, fl-interess komuni, iżda teżiġi li jitħallsu taxxi bħala kontraparti tal-użu tagħha. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li t-taxxi tal-ajruport ser jikkostitwixxu s-sors prinċipali tad-dħul għall-finanzjament tar-runway il-ġdida fin-nofsinhar tal-ajruport, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 15 tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, il-bini u l-estensjoni tal-imsemmija runway ser jippermettu lil FLH tkabbar il-kapaċità tagħha u l-attività ekonomika ta’ tħaddim tal-ajruport ta’ Leipzig-Halle.

95      Fit-tielet lok, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet tal-eżami tan-natura ekonomika tal-attività ta’ FLH fil-kuntest tal-finanzjament pubbliku tal-estensjoni tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, ma hemmx lok li jiġu sseparati l-attività li tikkonsisti fil-bini jew fit-tkabbir ta’ infrastruttura, f’dan il-każ, ir-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, mill-użu sussegwenti li jsir minnha u li n-natura ekonomika jew le tal-użu sussegwenti tal-infrastruttura mibnija jiddetermina neċessarjament in-natura tal-attività ta’ estensjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, punt 26).

96      Fil-fatt, ir-runways huma elementi essenzjali għall-attivitajiet ekonomiċi mmexxija minn operatur ta’ ajruport. Il-bini ta’ runways jippermetti, għaldaqstant, lil ajurport sabiex iwettaq l-attività ekonomika prinċipali tiegħu jew fil-każijiet meta jkun jirrigwarda l-bini ta’ runway addizzjonali jew ta’ estensjoni ta’ runway eżistenti, jippermettilu li jiżviluppha.

97      Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu li n-natura ekonomika ta’ attività ma tippermettix li tiġi stabbilita n-natura ekonomika ta’ attività oħra ħlief bil-kundizzjoni li ż-żewġ attivitajiet ma jkunux isseparati u li ssir differenza bejniethom u li għandhom jiġu pprovduti mill-istess entità, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tipprova li dawn iż-żewġ kriterji huma sodisfatti. Barra minn hekk, dan l-argument ma huwiex sostnut b’mod espliċitu mill-ġurisprudenza.

98      Ċertament, mhux l-attivitajiet kollha ta’ amminstratur ta’ ajruport huma neċessarjament ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika, li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat KE (ara s-sentenza MOTOE, punt 88 iktar ’il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, il-klassifikazzjoni bħala attività li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew bħala attività ekonomika għandha ssir separatament għal kull attività mwettqa minn entità partikolari (sentenza MOTOE, punt  88 iktar ’il fuq, punt 25).

99      Madankollu, f’dan il-każ, peress li fid-dawl tan-natura u tal-għan tagħhom, il-bini u l-estensjoni tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport ma jaqgħux, bħala tali, taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, ħaġa li barra minn hekk ir-rikorrenti ma jallegawx espressament, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tan-natura ekonomika tal-attività ta’ FLH, hija ma għamlet ebda differenza bejn il-bini u l-estensjoni tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, minn naħa, u t-tħaddim tagħha, min-naħa l-oħra. Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li, fil-premessa 178 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet in-neċessità li ssir distinzjoni bejn id-diversi attivitajiet tal-operatur, din għandha tiġi miċħuda peress li fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni sempliċement fakkret, essenzjalment, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 98 hawn fuq.

100    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, sa fejn hija tħaddem ir-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, FLH twettaq attività ekonomika, u l-attività li tikkonsisti fil-bini tal-imsemmija runway ma tistax tiġi sseparata minnha. Għaldaqstant, l-argument li l-estensjoni ta’ infrastrutturi tal-ajruport ma tikkostitwixxix attività ekonomika għandu jiġi miċħud peres li n-natura ekonomika ta’ din l-attività ma tistax tiġi eżaminata b’mod separat minn dik tat-tħaddim tal-infrastruttura.

101    L-ebda argument mressaq mir-rikorrenti ma jinvalida din il-konkużjoni.

102    Fl-ewwel lok, l-argument li l-bini jew l-estensjoni tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport jaqa’ taħt il-politika reġjonali, il-politika ekonomika u l-politika tat-trasport, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilta jirriżulta li, minn naħa, l-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi u l-għanijiet tal-interventi mill-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra. p. 709, punt 27, u tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑241/94, Ġabra p. I‑4551, punt 20; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Settembru 2006, L-Italja u Wam vs Il-Kummissjoni, T‑304/04 u T‑316/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63) u, min-naħa l-oħra, li l-kontribuzzjoni ta’ kapital min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għandha tiġi evalwata skont il-kriterju tal-investitur privat, bl-esklużjoni ta’ kull kunsiderazzjoni ta’ natura soċjali jew ta’ politika reġjonali jew settorjali (ara s-senteza tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Settembru 2008, Kahla/Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, T‑20/03, Ġabra p. II‑2305, punt 242, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-fatt li l-bini u t-tħaddim tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport jissodisfaw interess ġenerali, u b’mod partikolari l-iżvilupp reġjonali, ġie aċċettat mill-Kummissjoni u huwa kriterju li ttieħed inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, kif jirriżulta mill-premessi 258 sa 263 tad-Deċiżjoni.

103    Għandu ċertament jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 12 tal-Komunikazzjoni tal-1994, fil-passat il-Kummissjoni qieset li t-twettiq ta’ proġetti ta’ infrastrutturi kienu jikkostitwixxu miżura ta’ politika ġenerali li hija ma setgħetx tistħarreġ skont ir-regoli tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat.

104    Madankollu, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-kwistjoni dwar jekk għajnuna hijiex għajnuna mill-Istat fis-sens tat-Trattat KE għandha tiġi deċiża abbażi ta’ elementi oġġettivi li jiġu evalwati fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 137, u Chronopost vs UFEX et, punt 90 iktar ’il fuq, punt 95) u min-naħa l-oħra, li għalkemm il‑Kummissjoni hija marbuta mil‑linji gwida u mill‑komunikazzjonijiet li hija tadotta fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat, dan jgħodd biss sa fejn dawn it‑testi ma jmorrux lil hinn minn applikazzjoni korretta tar‑regoli tat‑Trattat KE, peress li l‑imsemmija testi ma jistgħux jiġu interpretati f’sens li jnaqqas il‑portata tal‑Artikoli 87 KE u 88 KE jew li jikser l‑għanijiet previsti minnhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Issa, is-settur tal-ajruporti għadda minn evoluzzjonijiet, imsemmija fil-premessi 169 sa 171 tad-Deċiżjoni, b’mod partikolari, dwar l-organizzazzjoni tiegħu u s-sitwazzjoni ekonomika u kompetittiva tiegħu. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ADP irrikonoxxiet, mis-sena 2000, li l-amministratturi ta’ ajruporti jwettqu, bħala prinċipju, attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li taqa’ fi ħdan id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, u dan ġie kkonfermat mis-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq (punt 88).

106    Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 104 hawn fuq, matul l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni din l-evoluzzjoni u din l-interpretazzjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE għall-finanzjament tal-infrastrutturi marbuta mat-twettiq tal-attivitajiet ta’ amministrazzjoni tal-ajruport, anki jekk ma jiġix applikat il-punt 12 tal-Komunikazzjoni tal-1994. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni ma wettqetx żball meta fil-premessa 174 tad-Deċiżjoni qieset li, mis-sena 2000, ma kienx hemm iktar lok, a priori, li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar għajnuna mill-Istat għall-ajruporti.

107    F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li, peress li operatur tal-ajruport ma jwettaqx biss missjonijiet li jaqgħu b’mod partikolari taħt il-politika tal-iżvilupp tat-territorju jew tat-trasport, iżda wkoll, kif ġie rrilevat, iwettaq anki attività ekonomika, huwa għandu jiffinanzja permezz tar-riżorsi tiegħu stess, l-ispejjeż tal-binjiet li fuqhom hija bbażata l-attività ekonomika tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li l-ispejjeż ta’ infrastrutturi pubbliċi għandhom jiġu sostnuti mill-komunità, għandu jiġi miċħud. Barra minn hekk, il-fatt li l-finanzjament ta’ infrastrutturi jeħtieġ riżorsi pubbliċi ma huwiex, fih innifsu u waħdu, rilevanti. Fil-fatt, huwa biss fil-każ li l-kapital jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, li dan l-intervent minn awtoritajiet pubbliċi jkun jista’ ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

108    Fit-tieni lok, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata separazzjoni tal-attivitajiet ta’ bini u ta’ tħaddim ta’ infrastrutturi tal-ajruport, għandu jiġi miċħud ukoll.

109    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegazzjoni mressqa mir-rikorrenti fir-replika tagħhom, li d-distinzjoni bejn il-bini, it-tħaddim u l-użu ta’ infrastruttura hija prinċipju fundamentali fil-prassi tal-Kummissjoni, inkluż f’setturi oħra minbarra s-settur tal-ajruport, li f’dan il-każ il-kriterju għall-applikazzjoni tiegħu huwa sodisfatt, għandu jiġi kkonstatat li hija għandha tiġi miċħuda peress li l-kriterju tal-implementazzjoni ta’ dan l-allegat prinċipju fundamentali, kif imsemmi mir-rikorrenti (ara l-punt 78 hawn fuq), ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li l-użu ta’ infrastruttura huwa miftuħ għall-utenti potenzjali kollha b’mod ugwali u nondiskriminatorju jista’ jkun kriterju rilevanti li jippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ għajnuna favur utenti tal-infrastruttura inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, huwa ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk f’dan il-każ, il-finanzjament pubbliku ta’ din l-infrastruttura jikkostitwixxix għajnuna favur it-tħaddim ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza tal-allegata prassi, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, hija ma tistax timmina l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 100 hawn fuq li FLH twettaq attività ekonomika, li minnha l-attività li tikkonsisti fil-bini tal-imsemmija runway ma tistax tiġi sseparata. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat li għandu natura legali u li għandu jiġi interpretat fuq bażi ta’ elementi oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chronopost vs UFEX et, punt 90 iktar ’il fuq, punt 141), ma jistax jiddependi fuq evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni u għandu jiġi ddeterminat indipendentement minn kull prassi preċedenti ta’ din l-istituzzjoni.

110    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-eżempji konkreti pprovduti mir-rikorrenti, bħat-tħaddim ta’ kafetterija f’mużew jew restorant fuq l-awtostrada, dawn ma jippermettux li jitqies li t-tħaddim, minn naħa, u l-bini, min-naħa oħra, għandhom jiġu analizzati separatament. Fil-fatt, huma ma jagħmlux distinzjoni bejn l-attività prinċipali u l-attivitajiet relatati li jiddependu fuqha. Huwa għalhekk li l-attività prinċipali ta’ mużew ma hijiex it-tħaddim ta’ kafetterija u dik ta’ amminsitratur ta’ awtostrada ma hijiex it-tħaddim ta’ restorant fuq l-awtostrada. Min-naħa l-oħra, il-bini ta’ runway huwa marbut mal-attività ekonomika prinċipali ta’ ajruport, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi tal-ajruporti.

111    Fir-rigward, it-tielet nett, tal-argument li l-attivitajiet ta’ bini u ta’ tħaddim jikkonċernaw operaturi u setturi differenti, ma jaffettwax il-ħtieġa li tiġi eżaminata n-natura tal-attività preparatorja għat-twettiq ta’ attività ekonomika b’mod konġunt ma’ dik tal-aħħar, minħabba r-rabta li teżisti bejn it-tnejn, peress li l-bini u l-estensjoni tar-runway huma kundizzjonijiet preliminari għat-tħaddim tagħha. Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest speċifiku tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, l-entitajiet inkwistjoni huma l-istess, peress li huma MF u FLH (din tal-aħħar hija kkontrollata mill-ewwel waħda) li bbenifikaw mill-imsemmija kontribuzzjoni intiża għall-bini tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport u li, barra minn hekk, ser iħaddmuha.

112    Fir-rigward, fir-raba’ nett, tal-argument li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi tan-natura inseparabbli tal-bini u tat-tħaddim ta’ infrastrutturi tal-ajruport, għandu jiġi rrilevat li meta huma ma jkollhomx natura ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tipproduċi provi tan-natura ekonomika tal-partijiet kollha ta’ attività ta’ impriża, meta dawn jagħmlu parti mill-attività ekonomika ġenerali tagħha u jkun hemm rabta bejniethom. Fil-fatt, f’tali każ, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tesponi l-motivi li minħabba fihom hija tqis li l-impriża twettaq attività ekonomika u tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-partijiet tal-attività inkwistjoni jagħmlu parti mill-imsemmija attività.

113    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-evoluzzjonijiet imsemmija fil-premessi 169 sa 171 tad-Deċiżjoni, fil-premessa 172 il-Kummissjoni tindika li l-bini u t-tħaddim tal-ajruporti ma jistgħu jibqgħu jitqiesu bħala missjoni ta’ natura pubblika, li bħala prinċipju, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-għajnuna. Imbagħad għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 177 tad-Deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni kklassifikat lil FLH bħala impriża, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, billi bbażat ruħha fuq il-fatt li l-infrastruttura inkwistjoni hija mħaddma minn FLH għal finijiet kummerċjali u li għaldaqstant, din hija infrastruttura li tintuża għal finijiet kummerċjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni pproduċiet biżżejjed provi li jippermettu li tissostanzja r-rabta bejn l-estenzjoni u t-tħaddim tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat.

114    Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-argumenti li l-bini ta’ ajruporti ma huwiex ipprovdut minn operaturi privati u li l-bini tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport ma jistax jikkostitwixxi attività ekonomika, peress li kieku investitur privat ma jwettaqx din l-attività, minħabba li ma għandhiex qligħ, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn dak li ntqal, l-estensjoni tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport hija attività marbuta direttamet mal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport, li tikkostitwixxi attività ekonomika.

115    Barra minn hekk, il-fatt li attività ma tkunx ipprovduta minn operaturi privati jew li ma tipprovdix qligħ ma humiex kriterji rilevanti fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tagħha bħala attività ekonomika. Fil-fatt, għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni, il-ġurisprudenza la teżiġi b’mod espliċitu (ara l-punt 89 hawn fuq) li l-attività inkwistjoni tkun imwettqa minn operaturi privati, u lanqas li tkun tipprovdi qligħ. Barra minn hekk, dan japplika wkoll għall-klassifikazzjoni bħala impriża (ara l-punt 88 hawn fuq).

116    Dawn l-argumenti għandhom għaldaqstant jiġi miċħud bħala ineffettivi.

117    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti intiżi sabiex jimminaw ir-rilevanza tal-ġurisprudenza ADP, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li l-kunċetti ta’ impriża u ta’ attività ekonomika huma identiċi fl-oqsma kollha tad-dritt tal-kompetizzjoni, sew jekk huma dispożizzjonijiet li jindirizzaw lill-impriżi u sew jekk dawk li jindirizzaw lill-Istati Membri, peress li dawn id-dispożizzjonijiet kollha jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-istess għan, jiġifieri dak imsemmi fl-Artikolu 3(g) KE, li jikkonsisti fil-kisba ta’ sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta fis-suq intern. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 88 hawn fuq tirreferi għall-kunċett ta’ impriża fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni mingħajr ma tagħmel distinzjoni jekk humiex dispożizzjonijiet li jindirizzaw lill-impriżi jew li jindirizzaw lill-Istati Membri. Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni tenfasizza, il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha rreferiet, fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, għall-kunċett ta’ impriża applikat fil-kuntest ta’ akkordji (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 88 iktar ’il fuq, punt 107). Għaldaqstant, il-fatt li l-ġurisprudenza ADP tikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE u mhux l-Artikolu 87 KE huwa irrilevanti. Għall-istess raġuni, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw ir-rilevanza tas-sentenza FENIN vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda.

118    Sussegwentement, anki jekk il-ġurisprudenza ADP tikkonċerna ċerti ajruporti internazzjonali kbar, hija ġiet madankollu kkonfermata mis-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda ajruport reġjonali.

119    Fl-aħħar nett, għalkemm għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza inkwistjoni ma tirreferix għall-attivitajiet ta’ bini ta’ infrastrutturi, xorta jibqa’ l-fatt li dan ma jimminax il-konklużjonjiet preċedenti, li huma bbażati fuq in-natura inseparabbli tal-attivitajiet ta’ amministrazzjoni u ta’ tħaddim ta’ ajruport u dik tal-bini jew tal-estensjoni tal-infrastrutturi tiegħu.

120    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

121    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq li FLH ma tistax tkun benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat

 L-argumenti tal-partijiet

122    Ir-rikorrenti jsostnu li FLH ma tistax tkun benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat peress li din hija mezz pubbliku ta’ investiment (“single purpose vehicle”, iktar ’il quddiem is-“SPV”). Fil-fatt, huma jsostnu li anki jekk FLH hija persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, distinta mill-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha, l-uniku skop li jrid jintlaħaq bil-ħolqien tagħha u l-uniku għan tagħha huma l-amministrazzjoni u t-tħaddim tal-infrastrutturi pubbliċi tal-ajruport ta’ Leipzig-Halle. Għaldaqstant, FLH inħolqot biss għall-amministrazzjoni ta’ dan l-ajruport u sabiex jitwettqu l-operazzjonijet neċessarji għal dan il-għan. Għaldaqstant hija għandha titqies bħala SPV. Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li FLH għandha numru kbir ta’ kompiti, ir-rikorrenti jirrispondu li l-Kummissjoni tinjora l-fatt li l-bini tal-infrastruttura ta’ ajruport għandu jitqies b’mod distint mit-tħaddim tiegħu.

123    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-prinċipju tal-ħolqien ta’ SPV, li għandha biss detenturi tal-azzjonijiet pubbliċi, bħal kumpanniji li jamministraw fondi. Fil-fehma tagħhom, dawn is-SPV jinħolqu minn awtoritajiet pubbliċi sabiex jilħqu għan wieħed u għandhom il-kapital neċessarju sabiex jiġu amministrati fl-interess pubbliku. Għaldaqstant, huma jintervjenu b’mod awtonomu fil-konfront ta’ terzi, iżda mhux ta’ awtoritajiet pubbliċi li jagħmlulhom disponibbli l-fondi tagħhom. Apparti dan, minkejja t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kapital pubbliku li huma jridu jamministraw, dawn il-kumpanniji ma humiex ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala benefiċjari ta’ għajnuna mill-Istat. Skont ir-rikorrenti, is-sitwazzjoni ta’ FLH u dik ta’ dawn il-kumpanniji hija simili, peress li hija għandha l-obbligu li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ utenti potenzjali, l-infrastruttura tal-ajruport b’mod miftuħ u nondiskriminatorju. FLH ma għandhiex il-funzjoni ta’ imprenditur fir-rigward ta’ dawn l-infrastrutturi, billi dawn ma ġewx fdati lilha għal użu ħieles iżda sabiex jitħaddmu għan-nom u skont l-istruzzjonijiet tal-azzjonisti.

124    Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, peress li l-Land ta’ Sachsen u l-assoċjati tagħha għażlu li jawtorizzaw lil FLH sabiex twettaq l-estensjoni tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, huma kellhom jipprovdulha l-mezzi finanzjarji neċessarji sabiex tkun tista’ twettaq dan. Bħala assoċjat, l-Istat kien ukoll obbligat jagħmel l-istess, skont id-dritt Ġermaniż. Għaldaqstant, il-finanzjamenti pprovduti mill-Istat bħala proprjetarju tas-SPV u li kienu ddedikati għall-iżvilupp tal-infrastrutturi, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza ADP, li ma tirrigwardax il-provvista ta’ infrastrutturi għal kumpanniji li joperaw l-ajruport, iżda li hija dwar l-azzjonijet tal-kumpanniji li joperaw l-ajruport fil-konfront ta’ terzi. Fi kwalunkwe każ, anki jekk ajruport jitqies bħala operatur fis-suq, fil-konfront ta’ terzi, dan ma jfissirx li l-kumpannija responsabbli mill-infrastrutturi għandha titqies ukoll bħala impriża fir-relazzjonijet tagħha mal-proprjetarji tagħha, li f’dan il-każ huma l-awtoritajiet pubbliċi.

125    Ir-rikorrenti jgħidu wkoll li l-kunsiderazzjonijiet dwar l-istħarriġ ta’ FLH juri kemm ma kienx eżatt l-approċċ tal-Kummissjoni. Fil-fatt, FLH hija kkontrollata 100 % mill-awtoritajiet pubbliċi. Issa, għalkemm kienu dawn stess li bnew u amministraw l-ajruport, il-finanzjament tal-infrastrutturi ma kienx tqies bħala għajnuna mill-Istat, iżda bħala sempliċi finanzjament intern għall-amministrazzjoni, ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku. Skont ir-rikorrenti, l-istess japplika meta l-awtoritajiet pubbliċi jafdaw din il-missjoni lil entità ġuridika awtonoma maħluqa għal dan il-għan biss, li f’dan il-każ hija FLH. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 2967, tal-5 ta’ Ottubru 2001, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 86/2001 (L-Irlanda – Aer Rianta).

126    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li, billi qieset li hija kompetenti sabiex twettaq stħarrig fuq il-miżuri adottati mill-amministrazzjoni pubblika, il-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi mogħtija lilha. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi lill-Unjoni, l-organizzazzjoni amministrattiva tibqa’ taqa’, skont l-Artikolu 5(1) u (2) KE, taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri, inkluż għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu jekk l-infrastrutturi tagħhom għandhomx jiġu amministrati direttament minn awtorità pubblika jew minn impriża maħluqa għal dan il-għan. Skont ir-rikorrenti, jekk tali impriża kellha titqies bħala benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, dan iwassal sabiex l-Istati jiġu miċħuda mill-possibbiltà li joħolqu kumpanniji għall-operat. Għaldaqstant, dan ikollu influwenza fuq l-istrutturi amministrattivi tal-Istati Membri, u dan ma jaqax taħt il-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni.

127    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argument tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

128    Għandu jitfakkar mill-ġdid li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li twettaq attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridika ta’ din l-entità u tal-mod kif tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, punt 88 iktar ’il fuq, punt 107, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikoli 87 KE jkopri l-impriżi kollha, privati jew pubbliċi u l-produzzjonijiet kollha tal-imsemmija impriżi, bl-unika eċċezzjoni tal-Artikolu 86(2) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 11).

129    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-eżistenza jew le ta’ personalità ġuridika distinta minn dik tal-Istat, mogħtija mid-dritt nazzjonali, lil korp li jwettaq attivitajiet ekonomiċi, ma għandux influwenza fuq l-eżistenza ta’ relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u dan il-korpi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Ġabra p. 2599, punt 10 u 13), u għaldaqstant fuq il-possibbiltà li l-imsemmi korp jibbenefika minn għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

130    Bħalma wkoll ma jistax jiġi aċċettat li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni ta’ għajnuna, jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 23), lanqas ma jista’ jiġi ttollerat li s-sempliċi fatt li tinħoloq SPV jista’ jippermetti lil din tal-aħħar illi tevita l-imsemmija regoli. Fil-fatt, għandu jiġi eżaminat jekk din l-entità twettaqx attività ekonomika, għaldaqstant tistax tiġi kklassifikata bħala impriża u jekk ibbenefikatx minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

131    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-mezzi u tal-fondi ta’ investiment, li barra minn hekk, jirreferu għalihom ir-rikorrenti stess. Fil-fatt, kif jirriżulta mil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat gћall-promozzjoni ta’ investmenti ta’ kapital ta’ riskju fl-impriżi żgћar u ta’ daqs medju (ĠU 2006, C 194, p. 2), il-Kummissjoni ma teskludix li fond jew mezz ta’ investiment ikun jista’ jitqies bħala impriża li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, fl-ewwel paragrafu tal-punt 3.2 tal-imsemmija Linji gwida, hija tqis li għandu jiġi ddeterminat jekk dan jistax ikun il-każ. Fil-ħames paragrafu ta’ dan il-punt, il-Kummissjoni tindika li, b’mod ġenerali, hija għandha tendenza tqies fond jew mezz ta’ investiment bħala struttura intermedjarja li tippermetti t-trasferiment ta’ għajnuna lill-investituri u/jew lill-impriżi li fihom isir l-investiment, u mhux bħala l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Madankollu, hija ma teskludiex li dan jista’ jkun hekk f’ċerti każijiet, kif jirriżulta mill-ħames paragrafu tal-punt 3.2 tal-imsemmija Linji gwida, b’mod partikolari, taħt ċerti kundizzjonijiet, meta jkun hemm miżuri li jinvolvu trasferimenti diretti favur il-mezz ta’ investiment jew il-fond eżistenti li jgħaqqad flimkien numru kbir ta’ investituri differenti u li tippreżenta ruħha bħal impriża indipendenti.

132    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, FLH twettaq attività ekonomika u konsegwentement għandha titqies bħala impriża, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li hija attiva fis-suq tal-ajruporti. Huwa stabbilit ukoll li hija d-destinatarja tal-finanzjament pubbliku kkostitwit mill-kontribuzzjoni ta’ kapital, li huwa mogħti direttament lil FLH minn entitajiet pubbliċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk FLH hijiex SPV, u fid-dawl tal-prinċipju msemmi fil-punt 130 hawn fuq, l-argument ibbażat fuq li FLH ma tistax titqies bħala benefiċjarja tal-kontribuzzjoni ta’ kapital minħabba l-fatt li din hija SPV, għandu jiġi miċħud. Dan japplika bl-istess mod għall-argument ibbażat fuq il-fatt li, jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi bnew u amministraw huma stess l-ajruport, il-finanzjament ma kienx ikun meqjus bħala għajnuna mill-Istat.

133    Għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni C (2001) 2967, li jirreferu għaliha r-rikorrenti (ara l-punt 125 hawn fuq), din ma tippermettilhomx li jsostnu l-argument tagħhom. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tirrigwarda, b’mod partikolari, il-bidla fis-sid tal-ajruport, fejn l-Istat ittrasferixxa l-proprjetà lil amministratur, u dan ma kienx jikkostitwixxi, f’dan il-każ, għajnuna mill-Istat peress li l-Kummissjoni kienet qieset li l-Artikolu 87 KE ma kienx jipprekludi lill-Istati Membri milli jużaw ir-riżorsi tal-Istat sabiex joħolqu u jipposjedu impriża. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ma tippermettix li jiġi meqjus li, trasferiment ta’ riżorsi ta’ Stat lil impriża, ikkostitwita mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex tamministra ajruport tevita, minħabba dan is-sempliċi fatt, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat.

134    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu li FLH ma setgħetx tkun benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat. Għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-fatt li, billi qieset li hija kompetenti sabiex twettaq stħarriġ fuq il-miżuri adottati mill-amministrazzjoni pubblika, il-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi mogħtija lilha, dan jaqa’ taħt l-eżami tal-ewwel ilment tas-seba’ motiv (ara l-punti 203 sa 206 iktar ’il quddiem), li għaldaqstant huwa rrinvijat għalih.

135    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-impossibbiltà li FLH tiġi kklassifikata simultanjament bħala min jagħti u min jibbenefika mill-għajnuna mill-Istat

 L-argumenti tal-partijiet

136    Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni hija kontradittorja, peress li FLH hija meqjusa simultanjament bħala min jibbenefika u min jagħti l-għajnuna. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li FLH, minn naħa, kienet benefiċjarja tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, u min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-ftehim qafas, kienet l-entità li tat l-għajnuna lil DHL. Issa, dawn iż-żewġ funzjonijiet huma irrikonċiljabbli. Fil-fatt, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kapital ta’ riskju turi li waħda teskludi lill-oħra, peress li min jagħti għajnuna jista’ biss jagħti jew jittrasferixxi l-għajnuna lil impriża oħra.

137    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, jekk it-teżi tal-Kummissjoni li investitur privat ma kienx jagħti l-garanzija mingħajr restrizzjonijiet lil DHL hija fondata, dan juri li FLH ma taġixxix bħala imprenditur fis-suq. Għaldaqstant, FLH tista’ eventwalment tagħti għajnuna iżda ma tistax tkun simultanjament il-benefiċjarja ta’ għajnuna. Barra minn hekk, it-teżi li FLH tat għajnuna turi li ma hijiex impriża, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, impriża ma tagħtix għajnuna peress li, per natura, din tirrigwarda sussidju li ma jiġix rimborsat u li ebda impriża ma tipprovdi servizz mingħajr kontroparti.

138    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li hija eżaminat separatament id-diversi miżuri inkwistjoni, ir-rikorrenti jirrispondu li l-fatt li, fir-realità, il-Kummissjoni ma għamlitx id-distinzjonijiet meħtiega, jirriżulta mill-fatt li stabbilixxiet b’mod żbaljat, fuq il-bażi tan-natura ekonomika tal-attività ta’ tħaddim tal-ajruport, li kienet teżisti natura ekonomika tal-attività ta’ bini ta’ infrastrutturi. Billi torbot lil dawn iż-żewġ attivitajiet, hija tpoġġi lil FLH f’rwol doppju ta’ min jagħti u min jibbenifika mill-għajnuna, filwaqt li din il-funzjoni doppja hija loġikament eskluża.

139    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

140    Qabel kollox għandu jitfakkar li FLH kienet il-benefiċjarja tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, fejn din tal-aħħar tqieset bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kif jirriżulta mill-premessi 165 sa 224 tad-Deċiżjoni.

141    Imbagħad għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessi 225 sa 252 tad-Deċiżjoni, DHL kien il-benefiċjarju tal-garanziji mingħajr restrizzjonijiet mogħtija skont il-paragrafi 8 u 9 tal-ftehim qafas u tad-dikjarazzjoni mill-Istat, li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, mogħtija mil-Land ta’ Sachsen, MF u FLH. B’mod partikolari għandu jiġi rrilevat li l-ftehim qafas ġie konkluż bejn FLH u MF, minn naħa, u DHL, min-naħa l-oħra.

142    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni qieset li FLH kienet il-benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, li f’dan il-każ, kienet il-kontribuzzjoni ta’ kapital, kif ukoll, barra minn hekk, waħda mill-impriżi li taw għajnuna mill-Istat oħra, jiġifieri l-garanziji li jirriżultaw mill-ftehim qafas u mid-dikjarazzjoni mill-Istat.

143    Madankollu, peress li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni hija distinta, u peress li barra minn hekk hija kienet suġġetta għal eżami separat fid-Deċiżjoni, ma jistax jitqies, bħalma jallegaw ir-rikorrenti, li l-klassifikazzjonijiet bħala min jibbenefika u min jagħti l-għajnuna huma, f’dan il-każ, inkompatibbli. Fil-fatt, impriża pubblika tista, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 128 hawn fuq, tkun benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, meta din tkun impriża attiva f’suq. Madankollu, xejn ma jeskludi li, fil-kuntest ta’ miżura distinta, l-imsemmija impriża tista’ wkoll tagħti għajnuna. Għaldaqstant, għajnuna mill-Istat tista’ tingħata mhux biss direttament mill-Istat, iżda wkoll minn korpi pubbliċi jew privati li l-Istat jistabbilixxi jew jaħtar sabiex l-għajnuna tiġi amministrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-Istat huwa perfettament f’pożizzjoni, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq impriżi pubbliċi, li jorjenta l-użu tar-riżorsi tagħhom sabiex jiffinanzjaw, skont il-każ, vantaġġi speċifiċi favur impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 38). Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu li impriżi, fis-sens tal-Artikolu 87 KE, ma jistgħux jagħtu għajnuna, u li FLH għandha jew tiġi konnessa mal-Istat, jew titqies bħala impriża.

144    Għandu jingħad ukoll li, għall-kuntarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ kapital ta’ riskju ma tippermettix li tintwera l-inkompatibbiltà tal-funzjonijiet ta’ min jibbenefika mill-għajnuna u min jagħti din l-għajnuna. L-ebda element tal-imsemmija prassi ma tippermetti, fil-fatt, li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni eskludiet, mingħajr ebda kundizzjoni, li benefiċjarju ta’ miżura li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jista’, fl-istess waqt, ikun dak li jagħti miżura oħra li tikkostitwixxi wkoll għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet imsemmija mir-rikorrenti kif ukoll mil-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat gћall-promozzjoni ta’ investmenti ta’ kapital ta’ riskju fl-impriżi żgћar u ta’ daqs medju essenzjalment jirriżulta li l-Kummissjoni teżamina, f’kull każ u fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi għal kull miżura proposta, jekk tistax teżisti għajnuna mill-Istat fil-livell ta’ investituri, fil-livell tal-fond ta’ investiment u fil-livell ta’ impriżi li fihom isir l-investiment. Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 2329, tad-29 ta’ Mejju 2007, dwar l-għajnuna mill-Istat N 732/2006 (Il-Pajjiżi l-Baxxi – Skema ta’ kapital ta’ riskju “BioGeneration Venture Fund”), il-Kummissjoni qieset li ma jistax jiġi eskluż li teżisti għajnuna fil-livell tal-fond u fil-livell ta’ impriżi li fihom isir l-investiment.

145    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, kif ukoll tal-fatt li l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni huma distinti minn xulxin, għandu jiġi kkunsidrat li xejn ma jipprekludi li FLH, minn naħa, bħala entità pubblika tista’ tkun min jagħti l-għajnuna riċevuta minn DHL permezz tal-ftehim qafas u tad-dikjarazzjoni mill-Istat u, min-naħa l-oħra, bħala impriża attiva fis-suq tal-ajruporti, tkun min jibbenefika minn għajnuna mill-Istat, li f’dan il-każ hija l-kontribuzzjoni ta’ kapital. Issa, mill-eżami tal-ewwel u tat-tieni motiv jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament qieset, minn naħa, li FLH twettaq attività ekonomika u hija impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u, min-naħa l-oħra, li hija l-benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat ikkostitwita mill-kontribuzzjoni ta’ kapital. Barra minn hekk, ebda element ma jippermetti li jiġi mminat il-fatt li, bħala l-firmatarja tal-ftehim qafas, FLH għandha titqies bħala entità li tagħti l-għajnuna relatata miegħu, u lanqas l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni, li tgħid li l-ftehim qafas u d-dikjarazzjoni mill-Istat huma ffinanzjati minn riżorsi pubbliċi u li d-deċiżjonijiet tal-għoti ta’ dawn ir-riżorsi tal-Istat huma tal-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx dan.

146    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni ma hijiex kontradittorja sa fejn hija tikklassifika lil FLH bħala min jibbenefika u min jagħti l-għajnuna simultanjament. Minn dan jirriżulta wkoll li l-argument li, peress li l-Kummissjoni qieset li investitur privat ma kienx jagħti garanziji lil DHL, FLH ma tistax titqies bħala imprenditur fis-suq, b’tali mod li hija ma tistax tkun benefiċjarja ta’ għajnuna, għandu jiġi miċħud.

147    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali

 L-argumenti tal-partijiet

148    Ir-rikorrenti jallegaw li l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Linji gwida tal-2005 tikser il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali.

149    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, ir-rikorrenti jsostnu qabel xejn li, għall-kuntrarju ta’ dak li hija ssostni, f’dan il-każ il-Kummissjoni applikat il-Linji gwida tal-2005. Dan jirriżulta mill-premessa 30 tad-Deċiżjoni kif ukoll min-natura kontradittorja, f’diversi aspetti tagħha, fir-rigward tar-riferimenti għal-Linji gwida tal-2005 (premessi 30, 174, 176 u 195).

150    Ir-rikorrenti mbagħad isostnu li l-Linji gwida tal-2005 ma setgħux jiġu applikati peress li d-data rilevanti sabiex jiġi evalwat l-għoti tal-kontribuzzjoni ta’ kapital hija qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom. Fil-fatt, huma jipprovdu li japplikaw għal għajnuna mogħtija wara l-pubblikazzjoni tagħhom, id-9 ta’ Diċembru 2005, billi għaldaqstant jeskludu espressament il-possibbiltà ta’ applikazzjoni retroattiva. F’dan il-każ, kien wara deċizjoni tal-bord tad-diretturi ta’ MF, tal-4 ta’ Novembru 2004, li l-azzjonisti ta’ din tal-aħħar iddeċidew li jagħmlu disponibbli l-kontribuzzjoni ta’ kapital għad-dispożizzjoni ta’ FLH. Għaldaqstant din ingħatat lil FLH wara d-dħul fis-seħħ tal-Linji gwida tal-2005, f’data fejn il-Komunikazzjoni tal-1994 biss kienet fis-seħħ. Konsegwentement, billi poġġiet il-kontribuzzjoni ta’ kapital taħt il-Linji gwida tal-2005, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività.

151    Ir-rikorrenti jgħidu wkoll li, skont il-ġurisprudenza, leġiżlazzjoni ġdida li l-Istat Membru jsir jaf biha fl-istadju tal-abbozz, ma hijiex intiża sabiex tapplika b’mod retroattiv. Għaldaqstant, il-Linji gwida tal-2005, li emendaw il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, iktar minn sena wara l-għoti tagħha u li l-abbozz tagħhom ma ġiex ikkomunikat lill-Istati Membri ħlief diversi xhur wara li saret l-imsemmija kontribuzzjoni, jistgħu ħafna inqas ikollhom effett retroattiv.

152    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, ir-rikorrenti jsostnu li, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar ir-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, fl-4 ta’ Novembru 2004, ma kienx prevedibbli li l-Kummissjoni tbiddel l-evalwazzjoni tagħha, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, li tikkonċerna l-finanzjament tal-infrastrutturi tal-ajruporti reġjonali. It-teżi li dan il-finanzjament jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat dehret biss fl‑2005, jiġifieri wara l-għoti tal-kontribuzzjoni ta’ kapital. Fil-fatt, sa l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-2005, ma kien hemm ebda prassi stabbilita tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward u kienet teżisti inċertezza legali kbira. Anki jekk jingħad li kienet teżisti prassi, l-awtoritajiet Ġermaniżi jew ir-rikorrenti ma setgħux isiru jafu bihom peress li d-deċiżjonijiet inkwistjoni, minn naħa, kienu jkunu ppubblikati biss fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni, iżda mhux fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u min-naħa l-oħra, ma kinux ikunu ppubblikati bil-Ġermaniż, u għaldaqstant ir-rikorrenti ma kinux jistgħu jifhmuhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti jqisu li l-bidla li saret fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, ma kinitx prevedibbli.

153    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li din l-evoluzzjoni ma setgħatx tiġi dedotta mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jew mill-istudju tal-2001. F’dan ir-rigward hija tenfasizza b’mod partikolari li, jekk il-ġurisprudenza ADP kellha l-intenzjoni li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri kollha meħuda fis-settur tal-ajruporti, il-Kummissjoni kellha, sa minn dan iż-żmien, tirrevoka l-Komunikazzjoni tal-1994 jew temendaha, sabiex tiżgura ċ-ċertezza legali. Madankollu, dan ma kienx il-każ, b’tali mod li qabel id-Deċiżjoni, il-ġurisprudenza ma setgħetx tiġi interpretata fis-sens li l-bini tal-infrastrutturi reġjonali kien jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, iżda li l-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-1994 kienu jkomplu japplikaw. Għal dak li jirrigwarda l-fatt, imsemmi mill-Kummissjoni, li qabel l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-2005 l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw miżuri li jikkonċernaw il-bini jew l-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali (għajnuna mill-Istat N 644i/2002), ir-rikorrenti jirrispondu li l-Istati Membri jinnotifikaw regolarment miżuri minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, anki meta huma jqisu li dawn ma jirrigwardawx għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, minn din in-notifika ma jistax jiġi dedott li, qabel l-impenn dwar il-finanzjament tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu jitilqu mill-prinċipju li seta’ jirrigwarda għajnuna mill-Istat.

154    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li peress li l-Linji gwida tal-2005 jirregolaw b’mod dettaljat l-applikazzjoni ratione temporis tagħhom, billi l-Kummissjoni applikathom għal data qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, hija kisret il-kriterji ta’ eżami tagħhom stess, kriterji li hija obbligat ruħha li tosserva u li fuq l-osservanza tagħhom l-operaturi ekonomiċi u l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddependu. F’dan ir-rigward, fir-replika tagħhom huma jippreċiżaw li, billi l-kontribuzzjoni ta’ kapital ġiet suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat filwaqt li hija ma setgħetx tapplika l-Linji gwida tal-2005, il-Kummissjoni kisret il-Komunikazzjoni tal-1994 u għaldaqstant, il-prinċipju ta’ patere legem quam ipse fecisti. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata mil-linji gwida li tadotthom sakemm ma jmorrux kontra d-dritt primarju. Issa, fid-data tad-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjoni ta’ kapital, il-Komunikazzjoni tal-1994 ma kinitx tikser id-dritt primarju, billi l-ġurisprudenza ma teżiġix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri relattivi għall-infrastrutturi tal-ajruport, u dan kien ikkonfermat mill-Kummissjoni.

155    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, ir-rikorrenti jsostnu li numru kbir ta’ ajruporti Ewropej ibbenefikaw minn għajnuna pubblika għall-bini u għal-iżvilupp ta’ infrastrutturi. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, FLH ma tistax tkun għaldaqstant l-unika waħda kkonċernata mill-bidla fil-politika tal-Kummissjoni, li tikkonsisti fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti reġjonali.

156    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

157    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, l-ebda element tad-Deċiżjoni ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni applikat id-dispożizzjonijiet tal-Linji gwida tal-2005.

158    Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna l-ewwel nett, il-kriterju tal-impriża u tal-attività ekonomika, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 173 tad-Deċiżjoni, li mill-ġurisprudenza ADP jirriżulta li l-amministraturi tal-ajruporti jwettqu, bħala prinċipju, attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li taqa’ fi ħdan id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat. Fid-dawl tal-evoluzzjonijiet reċenti fis-settur, il-Kummissjoni tqis, kif indikat fil-premessa 174 tad-Deċiżjoni, li sa mis-sena 2000, is-sena tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Aéroports de Paris vs Il‑Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, ma kienx hemm iktar lok, a priori, li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar għajnuna mill-Istat għall-ajruporti. Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 176 tad-Deċiżjoni, li minn wara din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat kellhom japplikaw għal dan is-settur, filwaqt li enfasizzat li dan ma kienx jikkostitwixxi applikazzjoni retroattiva tal-Linji gwida tal-2005, peress li din kienet biss kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

159    Dan l-approċċ għandu jiġi approvat peress li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija limitata biss sabiex tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata tagħha, kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 159, u l-ġurisprudenza ċċitata).

160    Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kriterju tal-attività ekonomika, il-Kummissjoni setgħet timplementa, b’mod validu, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ADP, billi tapplikhom għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, b’mod partikolari, f’dak li jitratta l-finanzjament ta’ infrastrutturi tal-ajruport, u dan ma jikkostitwixxix applikazzjoni retroattiva tal-Linji gwida tal-2005.

161    Barra minn hekk, l-ebda premessa tad-Deċiżjoni dwar il-kriterji ta’ impriża u ta’ attività ekonomika ma tindika b’mod espliċitu, li l-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv, il-Linji gwida tal-2005, fejn barra minn hekk, il-premessa 176 tindika espressament il-kuntrarju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment għall-imsemmija linji gwida li jinsab fil-premessa 30 tad-Deċiżjoni jikkonċerna l-evalwazzjoni, matul l-eżami preliminari, tal-kompatibbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mas-suq komuni u mhux il-klassifikazzjoni ta’ din bħala għajnuna mill-Istat. Bl-istess mod, id-dikjarazzjoni li tinsab fil-premessa 174 tad-Deċiżjoni li tgħid li, fid-dawl tal-evoluzzjonijiet fis-settur tal-ajruporti, fil-Linji gwida tal-2005 tagħha, hija “estendiet” l-approċċ segwit fil-ġurisprudenza ADP għall-ajruporti ta’ kull tip, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat l-imsemmija linji gwida, billi din id-dikjarazzjoni fil-fatt tindika li dawn jikkodifikaw is-sitwazzjoni legali eżistenti sa mill-imsemmija ġurisprudenza, filwaqt li tispjega numru minn dawn l-implikazzjonijiet, b’mod partikolari għall-ajruporti reġjonali.

162    Imbagħad, għal dak li jikkonċerna l-kriterju tal-vantaġġ ekonomiku, id-Deċiżjoni ma tindikax li l-Linji gwida tal-2005 kienu ġew applikati. Għall-kuntrarju, hija tindika fil-premessa 195 tagħha, li l-applikar tal-prinċipju tal-investitur privat ma jirriżultax mil-Linji gwida tal-2005, iżda mill-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza u ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, u barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx dan l-aspett tad-Deċiżjoni.

163    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-kriterji ta’ imputabbiltà lill-Istat, ta’ partikolarità, ta’ distorsjoni ta’ kompetizzjoni, u ta’ impatt fuq il-kummerċ, id-Deċiżjoni ma tinkludi ebda element li jindika li l-Kummissjoni applikat elementi relattivi għall-imsemmija kriterji li jinsabu fil-Linji gwida tal-2005, u barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas jallegaw dan.

164    Minn dak li ntqal jirriżulta li, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni ma applikatx il-Linji gwida tal-2005. Għandu jingħad ukoll li peress li r-rikorrenti ma kkontestawx id-Deċiżjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-kontribuzzjoni ta’ kapital mas-suq komuni, ma hemmx lok li jiġi eżaminat, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jekk billi għamlet din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni applikatx b’mod retroattiv il-Linji gwida tal-2005.

165    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-Linji gwida tal-2005 għall-bini u għall-finanzjament tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport għandu jiġi miċħud.

166    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilmenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, peress li l-Kummissjoni ma applikatx il-Linji gwida tal-2005 fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, l-imsemmija lmenti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, huma jibbażaw ruħhom fuq il-premessa żbaljata ta’ applikazzjoni retroattiva tal-imsemmija linji gwida.

167    Fi kwalunkwe każ, dawn l-ilmenti jidhru infondati. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ADP, li minnha jirriżulta li t-tħaddim ta’ ajruport jikkostitwixxi attività ekonomika, tmur lura għas-sena 2000. Barra minn hekk, is-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ qabel il-Linji gwida tal-2005, ikkonfermat il-ġurisprudenza ADP fil-kuntest tat-tħaddim ta’ ajruport reġjonali. Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG (2001) D/286839, tat-13 ta’ Marzu 2001, dwar l-għajnuna mill-Istat N 58/2000 (L-Italja – Promozzjoni tas-sistema tal-ajruporti ta’ Piemonte), jirriżulta li f’din id-data, il-Kummissjoni ma kinitx teskludi li miżura favur l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-ajruporti reġjonali tista’ possibbilment tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, li għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, kienet tikkonċerna wkoll il-finanzjament ta’ infrastrutturi tal-ajruporti, il-Kummissjoni essenzjalment qieset, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 17, li jekk il-miżura inkwistjoni kellha titqies bħala għajnuna mill-Istat, hija tkun kompatibbli mas-suq komuni bis-saħħa tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw, fis-sena 2002, l-għajnuna mill-Istat N 644i/2002, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali bħalma jsostnu r-rikorrenti (ara l-punt 153 hawn fuq), dan sar minħabba li huma raw il-possibblità li l-miżuri inkwistjoni, li kellhom l-għan li jtejbu l-infrastruttura tal-ajruport reġjonali, setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-imsemmija għajnuna, il-Kummissjoni essenzjalment indikat lill-awtoritajiet Ġermaniżi, fit-30 ta’ Ġunju 2003, billi rreferiet għall-ġurisprudenza ADP, li ma kienx hemm ċertezza li “l-għajnuna għall-bini u għall-iżvilupp ta’ ajruporti reġjonali tista’ tkun [...] ikkunsidrata bħala miżura ġenerali dwar l-infrastrutturi rilevanti għall-finijiet tal-għajnuna mill-Istat”.

168    F’dawn iċ-ċirkustanza, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu li, fid-data tad-deċiżjoni dwar il-bini tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, f’Diċembru 2004, ma kienx prevedibbli li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, l-evalwazzjoni tal-miżuri ta’ finanzjament ta’ infrastrutturi tal-ajruporti reġjonali, jinbidlu. Dan japplika wkoll għall-allegazzjoni dwar il-fatt li t-teżi li l-finanzjament tal-bini tal-ajruporti reġjonali jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat dehret biss fl-2005, wara l-għoti tal-kontribuzzjoni ta’ kapital.

169    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali għandhom jiġu miċħuda.

170    Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-finanzjament ta’ infrastrutturi tal-ajruporti reġjonali jistgħu possibbilment jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat jikkonċerna lill-ajruporti kollha, sa mis-sena 2000, b’tali mod li FLH ma tistax titqies bħala l-unika operatriċi tal-ajruport ikkonċernat minn dan it-tibdil, bħalma jallegaw ir-rikorrenti. Il-fatt li qabel din id-data l-ajruporti bbenefikaw minn miżuri ta’ finanzjament, ma jimminax il-fatt li issa l-fnanzjament tal-infrastrutturi tal-ajruporti kollha reġjonali jistgħu jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat.

171    Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jiġi miċħud.

172    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt primarju mil-Linji gwida tal-2005

 L-argumenti tal-partijiet

173    Ir-rikorrenti jqisu li l-Linji gwida tal-2005 jiksru d-dritt primarju għal żewġ raġunijiet.

174    Fl-ewwel lok, il-Linji gwida tal-2005 ma humiex eżatti, peress li l-bini u l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-ajruporti ma jikkostitwixxux attività ekonomika. Għaldaqstant, huma jmorru kontra d-dritt primarju u ma jistgħux jikkostitwixxu bażi legali adatta għad-Deċiżjoni.

175    Fit-tieni lok, il-Linji gwida tal-2005 huma kontradittorji u, konsegwentement, jiksru l-prinċipji ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, il-punt 12 tal-Komunikazzjoni tal-1994, li jsemmi li t-twettiq ta’ proġetti ta’ infrastrutturi jikkostitwixxi miżura ta’ politika ekonomika ġenerali li l-Kummissjoni ma tistax tistħarreġ skont ir-regoli tat-trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, ma ġiex imħassar. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jkun magħruf sa liema punt il-bini u l-iżvilupp ta’ infrastrutturi tal-ajruporti jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna.

176    F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jenfasizzaw li, billi qieset li l-Linji gwida tal-2005 “jikkomplimentaw” il-Komunikazzjoni tal-1994, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ma xtaqitx timmina l-prinċipju stabbilit f’din tal-aħħar, li barra minn hekk hija tirreferi għalih fil-Linji gwida tal-2005. Madankollu, il-Kummissjoni pproċediet biex timminah sa fejn il-Linji gwida tal-2005 japplikaw għall-attivitajiet tal-ajruport kollha, fejn fosthom jinsab il-bini tal-infrastrutturi. Barra minn hekk, dawn il-linji gwida jindikaw, b’kontradizzjoni mal-Komunikazzjoni tal-1994, li “meta operatur tal-ajruport iwettaq attività ekonomika […] huwa għandu jiffinanzja l-ispejjeż għall-użu jew għall-bini tal-infrastruttura li jamministra mir-riżorsi tiegħu stess”[traduzzjoni mhux uffiċjali]. Filwaqt li jirrelevaw li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza ADP, ir-rikorrenti jfakkru li l-imsemmija ġurisprudenza ppreċiżat li t-tħaddim ta’ ajruport internazzjonali kbir jista’ jitqies bħala attività ekonomika, iżda ma tat l-ebda indikazzjoni dwar l-ajruporti reġjonali. Skont ir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni donnha ma tixtieqx iktar teskludi l-bini ta’ infrastrutturi minn taħt l-istħarriġ tagħha, bħalma kien il-każ bis-saħħa tal-Komunikazzjoni tal-1994, il-Linji gwida tal-2005 huma kontradittorji. Jekk il-Kummissjoni kienet tqis li l-miżuri ta’ finanzjament tal-bini jew tal-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-ajruporti reġjonali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, hija messha ħassret, b’mod espress, il-Komunikazzjoni tal-1994 u adottat waħda ġdida.

177    Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-punt 12 tal-Komunikazzjoni tal-1994 kien ġie injorat u annulat mil-Linji gwida tal-2005, ir-rikorrenti jqisu li dawn huma żbaljati. Fil-fatt, il-punti 18 u 19 tal-Linji gwida tal-2005 ma jiċċarawx b’mod espliċitu r-relazzjoni tagħhom mal-Komunikazzjoni tal-1994. Skont ir-rikorrenti, il-Linji gwida tal-2005 fihom konfużjoni, peress li minn naħa, huma ma jannullawx b’mod espliċitu l-punt 12 tal-Komunikazzjoni tal-1994 u, min-naħa l-oħra, jinjorawh. Din il-kontradizzjoni twassal sabiex il-Linji gwida tal-2005 ma jkunux applikabbli għall-finanzjamenti ta’ infrastrutturi u tikkonferma li huma jiksru l-Artikolu 87 KE.

178    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li d-Deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq il-Linji gwida tal-2005, ir-rikorrenti jfakkru li l-Kummissjoni effettivament applikathom (ara l-punt 149 hawn fuq).

179    L-ADV taqbel mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. Fil-fehma tagħha, il-Linji gwida tal-2005 ma humiex applikabbli. F’dan ir-rigward hija ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tiddetermina, f’linji gwida, l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, f’dan il-każ, il-kunċett ta’ eżistenza ta’ attività ekonomika, bi ksur tad-dritt primarju.

180    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argument tar-rikorrenti u tal-ADV.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

181    Peress li, kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv, il-Kummissjoni ma applikatx il-Linji gwida tal-2005, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa ineffettiv.

182    Fil-fatt, permezz ta’ dan il-motiv, li huwa simili għal eċċezzjoni ta’ illegalità, ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li l-Linji gwida tal-2005 ma humiex eżatti, peress li l-bini u l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-ajruporti ma jikkostitwixxux attività ekonomika u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija linji gwida huma kontradittorji u, konsegwentement, jiksru l-prinċipju ta’ ċarezza u ta’ ċertezza legali, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjamenti ta’ infrastrutturi tal-ajruport. Issa, peress li f’dan ir-rigward, il-Linji gwida tal-2005 ma ġewx applikati f’dan il-każ, l-ilmenti esposti mir-rikorrenti li huma relatati magħhom huma ineffettivi.

183    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq difett proċedurali

 L-argumenti tal-partijiet

184    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma applikatx il-proċedura adatta. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li, għal dak li jikkonċerna l-ajruporti reġjonali, bħal dak ta’ Leipzig-Halle, ma kienx jeżisti suq fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-iżvilupp tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport fl-2004. Dawn l-ajruporti ma kinux iwettqu attività ekonomika u ma kinux f’kompetizzjoni ma’ ajruporti oħrajn. Barra minn hekk, kieku l-ajruporti reġjonali f’dan il-mument jinsabu f’kompetizzjoni, li jeżisti suq u li d-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat huma għaldaqstant applikati, dan jirriżulta fi kwalunkwe każ, f’evoluzzjoni reċenti, bħalma tammetti l-Kummissjoni fil-Linji gwida tal-2005. Għaldaqstant, anki jekk jiġi meqjus li l-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din għandha fi kwalunkew każ, tiġi kklassifikata bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999. Konsegwentement, peress li l-Kummissjoni ma applikatx, f’dan il-każ, il-proċedura prevista mill-imsemmi regolament għall-għajnuna eżistenti, b’mod partikolari, fis-sens tal-Artikoli 17 sa 19, id-Deċiżjoni hija vvizzjata minn difett proċedurali.

185    Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 659/1999 japplikaw biss għall-iskemi ta’ għajnuna u mhux għall-għajnuna individwali, fil-każ li tkun eżatta, din twassal għall-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex tistħarreġ il-miżura inkwistjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, ma kinux jeżistu miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata sabiex tistħarreġ għajnuna individwali eżistenti skont ir-Regolament Nru 659/1999.

186    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

187    Għandu jitfakkar li t-Trattat KE jintroduċi proċeduri distinti skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna ġdida għandha, skont l-Artikolu 88(3) KE, tiġi nnotifikata bil-quddiem lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implementata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali, l-għajnuna eżistenti tista’, skont l-Artikolu 88(1) KE, tiġi eżegwita b’mod regolari kemm-il darba l-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha (sentenza Banco Exterior de España, punt 128 iktar ’il fuq, punt 22, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta et vs Il-Kummissjoni, T‑298/97, T‑312/97, T‑313/97, T‑315/97, T‑600/97 sa T‑607/97, T‑1/98, T‑3/98 sa T‑6/98 u T‑23/98, Ġabra p. II‑2319, punt 148). Għaldaqstant, l-għajnuna eżistenti tista’ biss tkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà li toħloq effetti fil-ġejjieni (sentenza Alzetta et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 147).

188    Skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna eżistenti hija kull għajnuna “li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu”. Dan il-kunċett ta’ “evoluzzjoni tas-suq komuni” jista’ jinftiehem bħala bidla fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni. Tali bidla tista’ b’mod partikolari, tirriżulta mil-liberalizzazzjoni ta’ suq inizjalment magħluq għall-kompetizzjoni.

189    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 174 u 176 tad-Deċiżjoni, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-settur tal-ajruporti u tal-ġurisprudenza ADP, il-Kummissjoni qieset li, mis-sena 2000, ma kienx hemm iktar lok, a priori, li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar għajnuna mill-Istat għall-ajruporti. Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni SG (2001) D/286839 (ara l-punt 167 hawn fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni pprevediet, fl-2001, li l-finanzjament tal-infrastrutturi tal-ajruport jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. L-awtoritajiet Ġermaniżi wkoll ipprevedew din il-possibbiltà peress li fl-2002 huma nnotifikaw l-għajnuna mill-Istat N 644i/2002, fejn barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura dwar din l-għajnuna, il-Kummissjoni informat lill-imsemmija awtoritajiet, fl-2003, bid-dubji tagħha dwar il-possibbiltà li l-miżuri inkwistjoni jistgħu jikkostitwixxu miżura ta’ infrastrutturi ġenerali (ara l-punt 167 hawn fuq).

190    Issa, il-kontribuzzjoni ta’ kapital ingħatat f’Novembru 2004, jiġifieri fi żmien meta l-Kummissjoni kienet diġà indikat li hija kienet tqis li tali finanzjament seta’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

191    Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li, fir-rigward tal-ajruporti bħal dak ta’ Leipzig-Halle, ma kienx jeżisti suq meta ġiet adottata d-deċiżjoni tal-iżvilupp tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, dawn l-ajruporti ma jwettqux attività ekonomika u peress li ma humiex f’kompetizzjoni bejniethom, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ġie stabbilit li FLH twettaq attività ekonomika u li hija f’kompetizzjoni ma’ ajruporti oħrajn (ara l-punt 93 hawn fuq), u li jiġi kkonstatat li l-ebda prova ma tippermetti li jitqies li dan ma kienx il-każ meta ngħatat il-kontribuzzjoni ta’ kapital. Għal dak li jikkonċerna l-evoluzzjoni msemmija mill-Kummissjoni fil-Linji gwida tal-2005, din tmur lura għal qabel id-deċiżjoni tal-iffinanzjar tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport fl-2004. Fil-fatt, fil-punt 5 ta’ dawn il-linjji gwida, il-Kummissjoni tirreferi għal evoluzzjoni li seħħet “dawn l-aħħar snin”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet diġà ssemmi din l-evoluzzjoni fl-2001 fid-Deċiżjoni SG (2001) D/286839 tagħha, b’mod partikolari, fil-premessa 11.

192    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-kontribuzzjoni ta’ kapital ma kienx jikkostitwixxi għajnuna fil-mument meta ngħata, iżda li sar hekk wara minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni.

193    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-kontribuzzjoni ta’ kapital ma kinitx għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

194    Għandu jingħad ukoll li, għalhemm huwa minnu li d-Deċiżjoni ma tirrispondix speċifikament l-argument li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu qajmu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jgħid li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti (premessa 70 tad-Deċiżjoni), xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa biżżejjed li l-fatti jiġu esposti u li l-kunsiderazzjonijiet legali jingħataw importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punti 63 u 64, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, id-Deċiżjoni tinkludi elementi neċessarji, b’mod partikolari, fil-premessi 174 sa 176, li jippermettu li jinftiehmu l-motivi li għalihom l-għajnuna ma tistax titqies bħala għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

195    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tat-tqassim ta’ kompetenzi li jirriżulta mit-Trattat KE

 L-argumenti tal-partijiet

196    Ir-rikorrenti jsostnu li, permezz tal-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ impriża, il-Kummissjoni tikser id-dritt primarju, peress li hija tissuġġetta għall-istħarrig ta’ għajnuna mill-Istat, miżuri tal-Istat li ma jaqgħux taħtu.

197    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni injorat il-kompetenzi tal-Istati Membri. Fil-fatt, fir-rigard ta’ miżuri ta’ politika reġjonali u ekonomika, l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva għal dak li jikkonċerna l-bini ta’ infrastrutturi, filwaqt li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza f’dan il-qasam. Issa, pemezz tad-definizzjoni estensiva tal-kunċett ta’ impriża li tidher fil-Linji gwida tal-2005, il-Kummissjoni twaqqa’ tali miżuri taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni, li għalihom ingħatat il-kompetenzi. B’dan il-mod, hija tagħti lilha nnifisha setgħa ta’ stħarriġ, li tippermettilha li tivverifika, u eventwalment li tiċħad, il-proġetti mwettqa mill-Istati Membri. Din is-setgħa hija anki ikbar minn dak tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi. Għaldaqstant, billi ddefinixxiet il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, b’tali mod li daħlet fuq il-kompetenza tal-Istati, kif jirriżulta b’mod partikolari, mill-premessa 261 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Barra minn hekk, peress li hija ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi stħarriġ aħjar fil-livell tal-Unjoni minn dak li jista’ jsir fil-livell nazzjonali, hija tikser ukoll l-Artikolu 5(2) KE. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-garanzija ta’ aċċess mingħajr diskriminazzjoni tal-utenti għall-infrastrutturi ma jiġġustifikax l-istħarriġ tal-Kummissjoni. Fil-fatt, minn naħa, tali aċċess huwa żgurat permezz tal-obbligu ta’ servizz pubbliku, u min-naħa l-oħra, l-imposti huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, wara konsultazzjoni mal-utenti u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

198    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma tistax testendi, b’mod vinkolanti, il-kriterji tal-Artikolu 87(1) KE permezz tal-linji gwida. Fil-fatt, dawn huma miżuri xierqa, fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE jew rakkomandazzjonijiet, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 249 KE, li għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni. Issa, billi fil-Linji gwida tal-2005 estendiet il-kunċett ta’ impriża għall kull tip ta’ ajruport, hija eċċediet dan il-limitu u kisret l-Artikolu 88(1) KE.

199    L-ADV taqbel mal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. Fil-fehma tagħha, it-tqassim tal-kompetenzi previst mid-dritt tal-Unjoni ma jippermettix li bini tal-infrastrutturi tal-ajruporti jiġi suġġett sistematikament għall-iskema ta’ għajnuna tal-Istat.

200    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argument tar-rikorrenti u tal-ADV.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

201    Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 7(1) KE jeżiġi li kull istituzzjoni taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha bit-Trattat KE.

202    Imbagħad għandu jitfakkar li billi, permezz tal-Artikolu 88 KE, it-Trattat KE jipprovdi għall-eżami kostanti u l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Kummissjoni, l-intenzjoni tiegħu hija li r-rikonoxximent tal-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni ssir permezz ta’ proċedura xierqa li l-implementazzjoni tagħha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u li tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali jew mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, l-Artikoli 87 KE u 88 KE jirriżervaw rwol ċentrali lil din tal-aħħar fir-rikonoxximent tal-inkompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna (ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C-354/90, Ġabra p. I-5505, punti 9 u 14).

203    F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment li l-Kummissjoni injorat il-kompetenzi tal-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Konsegwentement, hija kellha s-setgħa li tisħarriġha skont l-artikolu 87(2) u (3), f’konformita mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti. Għaldaqstant, hija ma setgħetx tinjora l-kompetenzi tal-Istati Membri f’dawn ir-rigward.

204    Għal dak li jirrigwada l-allegazzjoni li l-politika reġjonali u ekonomika, li jagħmel parti minnha l-iżvilupp tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport, jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dan kien il-każ, dan il-fatt ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni tiċċaħħad mis-setgħa tagħha ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat li huma mogħti lilha mill-Artikoli 87 KE u 88 K, fil-każ fejn il-finanzjamenti mogħtija fil-kuntest tal-imsemmija politika jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

205    Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-fatt li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi stħarriġ aħjar minn dak li jista’ jitwettaq fil-livell nazzjonali, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2) KE, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex rilevanti, peress li huwa stabbilit li, bis-saħħa tat-Trattat KE, il-Kummissjoni kellha s-setgħa tistħarreġ il-miżura inkwistjoni f’dan il-każ, billi tirrigwarda għajnuna mill-Istat.

206    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud. Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-ilment, espost fil-kuntest tat-tieni motiv, li jgħid li billi qieset li hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-miżuri adottati mill-amministrazzjoni pubblika, il-Kummissjoni teċċedi l-kompetenzi mogħtija lilha, minħabba li l-Istati Membri huma liberi sabiex jiddeċiedu jekk l-infrastrutturi tagħhom għandhomx jiġu amministrati direttament minn awtorità pubblika jew minn impriża maħluqa għal dan il-għan.

207    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tistax testendi l-kriterji tal-Artikolu 87(1) KE permezz tal-linji gwida, huwa biżżejjed li jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma applikatx il-Linji gwida tal-2005 fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kapital bħala għajnuna mill-Istat.

208    Fi kwalunkew każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jallegaw ir-rikorrenti, linji gwida bħal dawn ma jikkostitwixxux miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE. Fil-fatt, minn naħa, il-miżuri xierqa msemmija f’dan l-artikolu jirreferu għall-miżuri meħtieġa għall-iżvilupp progressiv jew għall-funzjonament tas-suq komuni li l-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri fil-kuntest tal-eżami kostanti tal-iskemi kollha ta’ għajnuna eżistenti f’dawn l-Istati. Issa, f’dan il-każ, il-kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxi għajnuna ġdida invidiwali u mhux skema ta’ għajnuna eżistenti. Min-naħa l-oħra, min-natura u mill-kontenut tagħhom jirriżulta ċarament li l-Linji gwida tal-2005 jikkostitwixxu, għall-Kummissjoni, att ta’ gwida għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-ajruporti, li permezz tiegħu hija llimitat hija stess din is-setgħa. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha gwidi għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, permezz ta’ atti bħal linji gwida, sakemm dawn l-atti jinkludu regoli indikattivi fuq id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sakemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat KE. Meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi sabiex jippreċiżaw, fl-osservanza tat-Trattat KE, il-kriterji li għandha l-intenzjoni li tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, minn dan jirriżuta limitazzjoni minnha nnifisha ta’ din is-setgħa peress li din timponi fuqha stess l-obbligu li tikkonforma mar-regoli indikattivi li hija tkun imponiet fuqha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-1 ta’ Diċembru 2004, Kronofrance vs Il-Kummissjoni, T‑27/02, Ġabra p. II‑4177, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, kif essenzjalment jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, xejn ma jippermetti li jitqies li, billi estendiet il-kunċett ta’ impriża lill-ajruporti kollha, inklużi dawk reġjonali, il-Kummissjoni eċċediet is-setgħa tagħha.

209    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu wkoll jiġi miċħud, kif ukoll konsegwentement, is-seba’ motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq in-natura kontradittorja u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-ammont tal-allegata għajnuna

 L-argumenti tal-partijiet

210    Ir-rikorrenti jsostnu li d-Deċiżjoni hija kontradittorja. Fil-fatt, minn naħa, hija tiffissa l-ammont tal-allegata għajnuna għal EUR 350 miljun (Artikolu 1) u, min-naħa l-oħra, hija tindika li ċerti spejjeż, li jaqgħu taħt missjoni ta’ servizz pubbliku, stmati għal EUR 108.2 miljun, ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessa 182 et seq). Din il-kontradizzjoni twassal għal konsegwenzi legali serji għar-rikorrenti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, huma għandhom iħallsu l-interessi fuq l-ammont tal-għajnuna għall-perijodu ta’ bejn l-għoti u l-awtorizzazzjoni tiegħu, fejn dan ma huwiex il-każ għall-rimbors tal-ispejjeż ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku. F’dan il-każ, id-differenza tammonta għal madwar EUR 25 miljun. Barra minn hekk, din il-kontradizzjoni tipprekludi li r-rikorrenti u l-assoċjati tagħhom jistgħu jikklassifikaw b’mod legalment korrett, il-finanzjamenti tal-infrastrutturi futuri, peress li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tikklassifika l-għajnuna mill-Istat bħala ħlas ta’ kumpens magħmul għal missjoni ta’ servizz pubbliku, li għaldaqstant tissuġġetahom għall-obbligu ta’ notifika.

211    Ir-rikorrenti jqisu li n-natura kontradittorja tad-Deċiżjoni għandha twassal għall-annullament tagħha, fejn tqum anki l-kwistjoni jekk din għandhiex titqies bħala legalment ineżistenti, minħabba s-serjetà tal-irregolarità tagħha. Barra minn hekk, huma jqisu li l-indikazzjonijiet kontradittorji tad-Deċiżjoni jikkostitwixxu żball ta’ motivazzjoni u għaldaqstant ksur tal-Artikolu 253 KE li għandu wkoll iwassal għall-annullament tagħha. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti kif ukoll il-Land ta’ Sachsen u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw, abbażi tad-Deċiżjoni, liema parti tal-miżura inkwistjoni hija kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat u liema parti hija kklassifikata bħala miżura ta’ kumpens li ma tikkostitwixxix tali għajnuna u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tagħmel l-istħarriġ tagħha minħabba n-natura kontradittorja tad-Deċiżjoni.

212    Għal dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li setgħet tħalli miftuħa l-kwistjoni tal-kwantifikazzjoni tal-ispejjeż li jaqgħu taħt il-missjoni ta’ servizz pubbliku, ir-rikorrenti jirrispondu li l-Kummissjoni stmat b’mod espress l-ammont tal-allegata għajnuna fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda min-naħa l-oħra, hija ma naqsitx il-ħlasijiet ta’ kumpens li hija tirrikonoxxi li jeżistu. Konsegwentement, il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti setgħux jistmaw l-ammont tal-allegata għajnuna ma hijiex importanti ħafna.

213    Għal dak li jikkonċerna l-ġurisprudenza li tgħid li huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha li jistabbilixxi huwa stess l-ammont tal-għajnuna mingħajr diffikultajiet eċċessivi, ir-rikorrenti jsostnu li hija ma tippermettix li l-ilment ibbażat fuq in-natura kontradittorja tad-Deċiżjoni jiġi miċħud. Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza tirrigwarda biss id-deċiżjonijiet negattivi u mhux id-deċiżjonijiet pożittivi, b’tali mod li ma hijiex rilevanti. Fi kwalunkwe każ, hija toffri sostenn lill-argument tar-rikorrenti peress li d-Deċiżjoni ma tinkludix indikazzjonijiet li ma humiex kontradittorji li jippermettu lid-destinartarju tagħha jew lir-rikorrenti li jistabbilixxu l-ammont tal-għajnuna, mingħajr diffikultajiet eċċessivi. Konsegwentement, anki qorti nazzjonali ma tistax twettaq il-kompiti fdati lilha, iżda trid tieħu l-għajnuna tal-Kummissjoni. Madankollu, din il-possibblità ma tagħtix rimedju għan-natura kontradittorja tad-Deċiżjoni kkontestata.

214    Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-ħlasijiet ta’ kumpens ġew invokati biss fi stadju avvanzat, dan ma jiġġustifikax l-adozzjoni ta’ deċiżjoni kontradittorja. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma kellhom ebda influwenza f’dan ir-rigward u min-naħa l-oħra, l-informazzjoni inkwistjoni ġiet inkluża fil-fajl xhur qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni u għaldaqstant setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni. Anki jekk dawn l-argumenti ma ġewx ippreżentati ħlief ftit żmien qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni madankollu kienet obbligata li tmexxi l-proċedura bl-iktar mod xieraq u għaldaqstant, skont il-każ, li twettaq riċerki addizzjonali mingħajr ma tkun marbuta b’ebda terminu.

215    Qabel kollox, il-Kummissjoni ssostni li fid-Deċiżjoni hija setgħet tħalli sospiża l-kwantifikazzjoni tal-ispejjeż li jaqgħu taħt il-missjonijiet ta’ servizz pubbliku, peress li din ma kinitx ser tinfluwenza r-riżultat tal-eżami tagħha. Għaldaqstant, tkun xi tkun il-parti ammissibbli tal-ispejjeż invokati mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-finanzjament tal-imsemmija missjonijiet, hija ma tqajjem l-ebda oġġezzjoni kontra dan il-finanzjament. Konsegwentement, hija ma kellhiex għalfejn tiddetermina b’mod definittiv sa fejn dan il-finanzjament pubbliku ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jew kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat awtorizzata.

216    Imbagħad, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-ebda dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni ma teżiġi li, meta tordna l‑ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas‑suq komuni, il‑Kummissjoni tistabbilixxi l‑ammont eżatt tal‑għajnuna li għandha titħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddetermina dan l-ammont hu stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi. Issa, jekk anki fil-każ ta’ għajnuna illegali, ma huwiex obbligatorju li l-ammont eżatt tal-għajnuna jkun indikat fid-deċiżjoni, tali rekwiżit ma jistax ikun impost fil-każ ta’ deċiżjoni pożittiva.

217    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma allegawx ħlief fi stadju avvanzat tal-proċedura li parti kunsiderevoli tal-finanzjament pubbliku kien intiż għat-twettiq tal-missjonijiet li jaqgħu taħt prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għaldaqstant, analiżi kompleta tal-kalkolu tal-ispejjeż ippreżentati mill-imsemmija awtoritajiet kienet tittardja l-adozzjoni tad-Deċiżjoni.

218    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ għajnuna illegali li hija tawtorizza, qorti nazzjonali hija obbligata tordna l-ħlas tal-interessi għall-perijodu ta’ bejn l-għoti tal-għajnuna u l-awtorizzazzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Apparti dan, sabiex tkun tista’ twettaq dan il-kompitu, din il-qorti trid tkun tista’ tikkwantifika l-parti tal-għajnuna li hija illegali imma kompatibbli. Madankollu, f’tali każ, hija tkun tista’ tindirizza lill-Kummissjoni sabiex tikseb għajnuna min-naħa tagħha, skont il-prinċipju ta’ għajnuna reċiproka li joħroġ mill-Artikolu 10 KE u tirreferi għall-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 1995, C 312, p. 8). Barra minn hekk, skont it-tqassim tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni previst mill-ġurisprudenza, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tindika l-kriterji rilevanti, bħalma għamlet fid-Deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li hija tistabbilixxi fid-dettall, fid-deċiżjoni pożittiva tagħha, il-parti tal-għajnuna illegali iżda kompatibbli fis-somma totali mogħtija, jew anki li tiffissa l-ammont tal-interessi li jridu jiġu rkuprati minħabba l-għoti prematur tal-għajnuna.

219    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Deċiżjoni ma hijiex kontradittorja, billi l-Kummissjoni tista’ sempliċement tiddikjara l-ammont massimu tal-għajnuna mogħtija, jiġifieri EUR 350 miljun, kompatibbli mas-suq komuni, mingħajr ma jkollha għalfejn tiddetermina, b’mod definittiv, sa fejn ċerti partijiet minn dan l-ammont għandu jitqiesu bħala li ma jikkostitwixxux għajnuna.

220    Il-Kummissjoni tgħid ukoll li, meta d-dispożittiv tad-Deċiżjoni jiġi interpretat fid-dawl tal-premessi tagħha, huwa evidenti li hija awtorizzat għajnuna fl-ammont massimu ta’ EUR 350 miljun għall-iżvilupp tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport. Meta d-Deċiżjoni tinqara kompletament, ma jibqa’ ebda dubju għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-dispożittiv. Għaldaqstant, id-diffikultajiet esperjenzati mir-rikorrenti ma jikkonċernawx l-interpretazzoni tad-Deċiżjoni, iżda l-kwistjoni ta’ jekk, fil-kuntest ta’ proċeduri eventwali quddiem il-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni jkollhiex tikkwantifika b’mod preċiż il-parti tal-kontribuzzjoni li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Issa, il-Kummissjoni tiċħad tali ipoteżi, minħabba t-tqassim tal-kompiti bejn il-qorti tal-Unjoni u l-qorti nazzjonali kif ukoll il-ġurisprudenza li tgħid li, anki fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva, hija ma hijiex obbligata li tikkwantifika l-ammont tal-għajnuna li trid tingħata lura.

221    Fl-aħħar nett, peress li fid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija eżaminat il-kwalità ta’ impriża ta’ FLH u għaldaqstant, l-applikabbiltà tal-Artikolu 87(1) KE u li hija rreferiet għall-applikabbiltà tat-test tal-investitur privat, il-Kummissjoni tirrifjuta l-argument li r-rikorrenti ma għamlux disponibbli l-informazzjoni korrispondenti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni. Kieku hija indirizzat din il-kwistjoni f’dan l-istadju tal-proċedura, dan kien iwassal għal dewmien fil-proċedura. Għal dak li jirrigwarda l-kumment li hija ma hijiex marbuta b’termini vinkolanti, il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-prinċipju, hija tipprova tiddeċiedi malajr kemm jista’ jkun.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

222    Għandu jitfakkar li kontradizzjoni fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi ksur tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 252 KE, tali li jaffettwa l-validità tal-att inkwistjoni jekk ikun stabbilit li, minħabba din il-kontradizzjoni, id-destinatarju tal-att ma huwiex f’pożizzjoni li jifhem, kompletament jew parzjalment, il-motivi veri tad-deċiżjoni u li, minħabba dan, id-dispożittiv tal-att huwa, kompletament jew parzjalment, nieqes minn kull sostenn ġuridiku (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 85).

223    Barra minn hekk, id-dispożittiv ta’ att biss jista’ jipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549, punt 21, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, Ġabra p. II‑4825, punt 67).

224    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, l-għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 350 miljun li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lill-ajruport ta’ Leipzig-Halle għall-finijiet tal-bini ta’ runway ġdida fin-nofsinhar tal-ajruport u ta’ infrastrutturi tal-ajruport konnessi hija kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

225    Għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 12 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li, meta fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hija kkalkolat li l-bini tar-runway il-ġdida fin-nofsinhar tal-ajruport, li kien jirrappreżenta s-somma ta’ EUR 350 miljun, kien ser ikun iffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital pubbliku. Barra minn hekk, wara li fil-premessa 180 tad-Deċiżjoni hija fakkret li l-finanzjament ta’ funzjonijiet li jagħmlu parti mill-missjonijiet tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku, jew ta’ infrastrutturi marbuta magħhom ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fil-premessa 182 tad-Deċiżjoni l-Kummissjoni rrikonoxxiet li, f’dan il-każ, ċerti spejjeż jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-missjonijiet pubbliċi. Dawn l-ispejjeż huma marbuta ma’ funzjonijiet għas-sigurtà u tal-pulizija, ma’ miżuri għall-protezzjoni minn ħruq u għas-sigurtà pubblika, mas-sigurtà marbuta mal-operat, mas-servizzi meteoroloġiċi Ġermaniżi u mal-istituzzjoni Ġermaniża għall-kontroll tat-traffiku fl-ajru. Għaldaqstant, fil-premessa 183 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sakemm dawn il-miżuri jaqgħu taħt il-missjonijiet pubbliċi, l-ispejjeż inkwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward hija qieset li, anki fil-każ li hija ssegwi l-argument tal-awtoritajiet Ġermaniżi li l-ispejjeż ma jistgħu, fl-ebda każ, jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, din l-evalwazzjoni ma taffettwa bl-ebda mod, il-kwistjoni ta’ dan il-każ u li, anki jekk dawn l-ispejjeż kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dik tkun għajnuna awtorizzata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li ma kienx neċessarju li din il-kwistjoni tiġi deċiża b’mod definittiv.

226    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li fil-premessi 182 u 183 tad-Deċiżjoni hija ammettiet li ċerti spejjeż involuti fil-kontribuzzjoni ta’ kapital jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-missjonijiet pubbliċi u għaldaqstant ma setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni madankollu qieset li l-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet kollha kemm hi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

227    Huwa minnu li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha tingħata lura. Huwa biżżejjed illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li tippermetti lid-destinatarju tagħha jiddetermina dan l-ammont huwa stess, mingħajr diffikultà eċċessiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il‑Kummissjoni, 102/87, Ġabra p. I‑4067, punt 33).

228    Madankollu, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk tali prinċipju japplikax ukoll meta l-Kummissjoni tiddikjara għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, għandu jitqies li, fil-każ fejn hija tiddeċiedi li tindika l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tindika l-ammont eżatt tagħha.

229    Il-preċiżjoni tal-ammont ta’ għajnuna illegali indikat mill-Kummissjoni fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni finali li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87 KE hija ħafna iktar importanti meta jista’ jkollha konsegwenza fuq l-ammont tal-interessi li l-benefiċjarju jista’ jkun mitlub li jħallas. Fil-fatt, skont id-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali eventwalment adita, hija obbligata li tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna li jħallas l-interessi għall-perijodu tal-illegalità (sentenza CELF, punt 60 iktar ’il fuq, punt 55). Issa, l-ammont ta’ dawn l-interessi jiddependi, b’mod partikolari, mill-ammont tal-għajnuna mill-Istat bħala tali. Fil-fatt, huwa abbażi tal-ammont totali tal-għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE u mhux fuq dak tal-unika parti tal-ammont tal-għajnuna illegali kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni li għandhom jiġu kkalkolati l-interessi inkwistjoni. Barra minn hekk, f’dan il-każ, matul is-seduta r-rikorrenti indikaw li kien abbażi tal-ammont kollu kemm hu ta’ EUR 350 miljun, indikat fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni, li huma ħallsu l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità.

230    Madankollu, l-ammont tal-għajnuna mill-Istat imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jidher żbaljat fid-dawl tar-raġunijiet li jinsabu fil-premessi 182 u 183, peress li, kif ġie rrilevat, minn dawn tal-aħħar jirriżulta li s-somom li jkopru l-missjonijiet ta’ servizzi pubbliċi ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u għaldaqstant kellhom jiġu mnaqqsa mill-ammont totali tal-kontribuzzjoni ta’ kapital, jiġifieri EUR 350 miljun, ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat.

231    L-argument tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma allegawx ħlief fi stadju avvanzat tal-proċedura li parti kunsiderevoli tal-finanzjament pubbliku kien intiż għat-twettiq ta’ missjonijiet li jaqgħu taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, mill-premessa 183 tad-Deċiżjoni jirriżulta b’mod espliċitu li l-Kummissjoni deliberatament qieset li ma kienx hemm iktar lok li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-finanzjament ta’ ċerti spejjeż setax jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, minħabba li, jekk dan jittieħed li huwa l-każ, dan ikun għajnuna awtorizzata. Min-naħa l-oħra, hija ma invokatx il-komunikazzjoni tardiva tal-informazzjoni. Minn naħa, bħalma rrilevaw ir-rikorrenti u kif jirriżulta mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, meta jkun hemm għajnuna illegali, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għandha tkun marbuta bl-ebda terminu imperattiv jew indikattiv għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha.

232    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li, billi interpretat id-dispożittiv tad-Deċiżjoni fid-dawl tal-premessi tagħha, huwa evidenti li hija awtorizzat għajnuna fl-ammont massimu ta’ EUR 350 miljun għall-iżvilupp tar-runway fin-nofsinhar tal-ajruport. Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ntqal, il-kwistjoni rilevanti għal dan il-każ ma hijiex li jsir magħruf l-ammont tal-għajnuna kompatibbli, iżda l-ammont tal-għajnuna, bħala tali. Issa, meta l-premessi 182 u 183, kif ukoll l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jinqraw flimkien, jidher li hemm kontradizzjoni, rrilevata fil-punt 226 hawn fuq, tali li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li d-Deċiżjoni ma kienet tħalli ebda dubju għal dak li jirrigwarda l-kontenut tad-dispożittiv tagħha. Fi kwalunkwe każ, peress li d-dispożittiv tad-Deċiżjoni huwa ċar u mhux ekwivoku sa fejn jiffissa l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni għal EUR 350 miljun, ma hemmx lok li l-imsemmi dispożittiv jiġi interpretat fid-dawl tal-motivi tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, huwa biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ kjarezza tat-termini użati fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni li dan għandu jiġi interpertat billi jsir riferiment għall-motivi tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni, T-59/99, Ġabra p. II‑5257, punt 31).

233    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni għandu jiġi annullat sa fejn jiffissa l-ammont tal-għajnuna mill-Istat, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lill-ajruport ta’ Leipzig-Halle għall-finijiet tal-bini ta’ runway ġdida fin-nofsinhar tal-ajruport u ta’ infrastrutturi tal-ajruport konnessi, għal EUR 350 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

234    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar kapi, jew għal motivi eċċezzjonali. Fl-aħħar nett, skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, u min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

235    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti fil-Kawża T‑443/08 tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għall-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni f’din il-kawża.

236    Peress li r-rikorrenti fil-Kawża T‑455/08 tilfu parzjalment, il-Qorti Ġenerali tqis li tkun saret evalwazzjoni ġusta tal-fatti tal-kawża billi jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

237    Fl-aħħar nett, skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ADV u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom fil-Kawżi T‑443/08 u T‑455/08.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑443/08 u T-455/08 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikors fil-Kawża T‑443/08 huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/948/KE, tat-23 ta’ Lulju 2008, dwar miżuri mill-Ġermanja għall-benefiċċju tad-DHL u tal-ajruport Leipzig/Halle, huwa annullat sa fejn jiffissa l-ammont tal-għajnuna mill-Istat, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha l-intenzjoni li tagħti lill-ajruport ta’ Leipzig-Halle għall-finijiet tal-bini ta’ runway ġdida fin-nofsinhar tal-ajruport u ta’ infrastrutturi tal-ajruport konnessi, għal EUR 350 miljun.

4)      Il-kumplament tar-rikors fil-Kawża T-455/08 huwa miċħud.

5)      Freistaat Sachsen u l-Land ta’ Sachsen-Anhalt huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawża T‑443/08.

6)      Mitteldeutsche Flughafen AG u Flughafen Leipzig-Halle GmbH huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

7)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha sostnuti fil-Kawża T-455/08.

8)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Arbeitsgemeinschaft Deutscher Verkehrsflughäfen eV (ADV) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom sostnuti fil-Kawżi T‑443/08 u T‑455/08.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Marzu 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni

Il-fatti li ġraw wara d-Deċiżjoni

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq li FLH ma tistax tkun benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-impossibbiltŕ li FLH tiġi kklassifikata simultanjament bħala min jagħti u min jibbenefika mill-għajnuna mill-Istat

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ trattament ugwali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt primarju mil-Linji gwida tal-2005

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq difett proċedurali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tat-tqassim ta’ kompetenzi li jirriżulta mit-Trattat KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq in-natura kontradittorja u fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-ammont tal-allegata għajnuna

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż



** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.