Language of document : ECLI:EU:C:2006:374

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta' Ġunju 2006 (*)

"Sitt Direttiva VAT – Invokabbiltà tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) – Attivitajiet eżerċitati minn persuna taxxabbli privata f’kompetizzjoni ma’ awtorità pubblika – Entità ta’ dritt pubbliku – Nuqqas ta’ ssuġġettar għall-attivitajiet eżerċitati inkwantu awtorità pubblika"

Fil-kawża C-430/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Lulju 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta' Ottubru 2004, fil-kawża

Finanzamt Eisleben

vs

Feuerbestattungsverein Halle eV,

fil-preżenza ta’:

Lutherstadt Eisleben,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk (Relatur), R. Schintgen, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati :

–       għall-Feuerbestattungsverein Halle eV, minn C. Ramme, Rechtsanwalt,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u K. Gross, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud : bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1, iktar ‘il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt Eisleben (iktar ‘il quddiem il-"Finanzamt" u Feuerbestattungsverein Hall eV (iktar ‘il quddiem il-"Feuerbestattungsverein") rigward ir-rifjut ta’ divulgazzjoni ta’ l-informazzjoni fiskali dwar il-komun ta' Lutherstadt Eisleben, li hija l-parti msejħa fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-Sitt Direttiva

3       Skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva :

"Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       Il-punt 1 ta’ l-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-fatturat (Umsatzsteuergesetz) jipprovdi :

"1)      Huma suġġetti għat-taxxa fuq il-fatturat l-operazzjonijiet segwenti :

1.      Il-provvisti u servizzi oħra li kuntrattur, fil-kuntest ta’ l-impriża tiegħu, jeffettwa bi ħlas fuq it-territorju nazzjonali. It-taxxa mhijiex eskluża minħabba l-fatt li l-operazzjoni hija effettwata fuq il-bażi ta’ att legali jew amministrattiv jew li hija kkunsidrata bħala effettwata skond dispożizzjoni legali […]"

5       Skond it-termini ta’ l-Artikolu 2(1) u (3) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-fatturat :

"1)      "Kuntrattur" tfisser dak li jeżerċita, b’mod indipendenti, attività industrijali, kummerċjali jew professjonali […]

[…]

3)      Il-persuni ġuridiċi ta’ dritt pubbliku ma jeżerċitawx attività industrijali, kummerċjali jew professjonali ħlief fil-kuntest ta’ l-impriżi ta’ natura industrijali jew kummerċjali tagħhom […] u ta’ l-azjendi agrikoli jew ta’ forestrija tagħhom."

6       L-Artikolu 30 tal-Kodiċi tat-Taxxa ta’ l-1977 (Abgabenordnung 1977, iktar ‘il quddiem l-"AO") jipprovdi :

"1)      L-aġenti pubbliċi għandhom jirrispettaw is-segretezza dwar it-taxxi.

2)      Aġent pubbliku jikser is-segretezza dwar it-taxxi jekk huwa jagħti jew juża’ mingħajr awtorizzazzjoni […]

1.      is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ ħaddieħor

a)      li tagħha jkun ħa konoxxjenza fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, ta’ proċedura ta’ verifika finanzjarja jew proċedura ġuridika fil-qasam fiskali […]

jew

2.      sigriet industrijali jew kummerċjali ta’ ħaddieħor, li tiegħu jkun ħa konoxxjenza fil-kuntest ta’ wieħed mill-proċeduri msemmija fil-punt 1 […]

4)      Id-divulgazzjoni ta’ l-informazzjoni rċevuta fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-paragrafu 2 hija awtorizzata fil-każ fejn

1.      isservi għall-istruzzjoni ta’ proċedura skond il-paragrafu 2(1)(a) […]"

7       L-Artikolu 40 tal-Kodiċi tal-Proċedura fiskali (Finanzgerichtsordnung) jgħid :

"1)      Sabiex jiġi mitlub, fil-kuntest ta’ rikors, l-annullament ta’ att amministrattiv (azzjoni għal annullament), kif ukoll il-kundanna intiża sabiex jitwettaq att amministrattiv miċħud jew mhux adottat (azzjoni ta’ infurzar amministrattiv), jew sabiex jeffettwa azzjoni oħra.

2)      Salv għal dispożizzjonijiet legali kuntrarji, ir-rikors mhuwiex ammissibbli ħlief jekk l-applikant isostni li huwa ddanneġġjat fid-drittijiet tiegħu minħabba l-att amministrattiv, jew minħabba r-rifjut jew in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ att amministrattiv, jew minħabba r-rifjut jew l-omissjoni ta’ azzjoni oħra."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8       Il-Feuerbestattungsverein hija assoċjazzjoni rikonoxxuta ta’ utilità pubblika li tuża krematorju fil-belt ta’ Halle. Hija ressqet talba quddiem il-Finanzamt, filwaqt li talbet informazzjoni dwar in-numru ta’ identifikazzjoni fiskali li taħtu dan kien adotta l-aħħar deċiżjoni ta’ tassazzjoni fir-rigward tal-Lutherstadt Eisleben, komun li wkoll juża’ krematorju, kif ukoll id-data li fiha l-imsemmija deċiżjoni kienet ġiet adottata. F’din it-talba, il-Feuerbestattungsverein sostniet li n-nuqqas ta’ ssuġġettar eventwali għat-taxxa fuq il-valur miżud (iktar ‘il quddiem il-"VAT"), tal-Lutherstadt Eisleben kien jippermetti lil dan il-komun li joffri s-servizzi ta’ kremazzjoni għal prezzijiet aktar vantaġġjużi minn dawk li hija stess tapplika.

9       Filwaqt li fakkar li għandu l-obbligu tas-segretezza fiskali, il-Finanzamt irrifjuta, permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 1998, li jikkomunika lill-Feuerbestattungsverein l-informazzjoni mitluba.

10     Peress illi l-ilment tal-Feuerbestattungsverein kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut kien bla suċċess, din ta’ l-aħħar b’hekk iddeċidiet li tressaq rikors quddiem il-Finanzgericht, li annulla din id-deċiżjoni u ordna lill-Finanzamt li jiddeċiedi mill-ġdid fuq it-talba għal informazzjoni. Il-Finganzgericht b’mod partikolari rrefera għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 30(4)(1) u 2(1)(a) ta’ l-AO, li skond dawn id-divulgazzjoni ta’ l-informazzjoni rċevuta fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva hija awtorizzata sakemm isservi għall-istruttorja ta’ proċedura ġuridika fil-qasam fiskali. Għandu wkoll jiġi kkonstatat li rikors eventwali tal-Feuerbestattungsverein kontra d-deċiżjonijiet ta’ tassazzjoni meħuda fir-rigward ta’ Lutherstadt Eisleben kien ammissibbli, minħabba li din l-assoċjazzjoni tista’ ssostni li tinsab iddanneġġjata fid-drittijiet tagħha għar-raġuni tan-nuqqas ta’ ssuġġettar għal VAT ta’ l-imsemmi komuni jew l-intaxxar baxx wisq li għalih din il-kollettività territorjali hija suġġetta.

11     Il-Finanzamt ressaq rikors ta’ "reviżjoni" kontra d-deċiżjoni tal-Finanzgericht quddiem il-Bundesfinanzhof. Huwa osserva li l-kwistjoni jekk il-Feuerbestattungsverein, inkwantu kuntrattur privat, huwiex awtorizzat jinvoka l-illegalità tan-nuqqas ta’ ssuġġettar preżunta ta’ Luhterstadt Eisleben jew ta’ l-intaxxar baxx wisq li għalih huwa suġġett dan il-komun tinneċessita l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

12     Skond il-qorti ta rinviju, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-punt 1 ta’ l-Artikolu 30(4) ta’ l-AO, dwar il-possibbiltà ta’ divulgazzjoni ta’ l-informazzjoni bħala prinċipju koperta mis-segretezza fiskali, huma sodisfatti.

13     Minbarra dan, hija ssostni li r-rikors imsemmi fl-Artikolu 40(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura fiskali, li l-Feuerbestattungsverein għandha l-intenzjoni li tintroduċi fil-qasam tal-kompetizzjoni, mhuwiex ammissibbli ħlief jekk l-awtur ta’ tali rikors jippreżenta l-prova li huwa ddanneġġjat fid-drittijiet tiegħu minħabba att amministrattiv, minħabba r-rifjut jew in-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ tali att jew minħabba r-rifjut jew l-omissjoni ta’ azzjoni oħra. Ksur tad-drittijiet ta’ terz, li huwa barrani għad-dejn fiskali, mhuwiex possibbli skond il-qorti tar-rinviju, ħlief jekk in-nuqqas ta’ ssuġġettar jew l-intaxxar baxx wisq jikser norma li mhux biss kienet ġiet adottata fl-interess ġenerali, imma hija wkoll intiża sabiex tipproteġi l-interessi ta’ xi terzi, li huma barranin għad-dejn fiskali in kawża.

14     Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li diġà aċċettat l-invokazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva favur entitajiet ta’ dritt pubbliku sabiex tippreżerva d-drittijiet tagħhom, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ma jidhirx eskluż li din id-dispożizzjoni hija ddestinata tipproteġi wkoll il-kompetituri privati fil-każ fejn in-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ l-entitajiet ta’ dritt pubbliku jista’ jwassal għal distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni ta’ ċerta rilevanza. Madankollu, din il-qorti aċċettat ukoll li interpretazzjoni oħra hija possibbli, li tgħid li l-Artikolu 4(5) huwa intiż biss sabiex jassigura n-newtralità oġġettiva tal-VAT, mingħajr ma l-kompetituri privati jkunu jistgħu jieħdu drittijiet proprji.

15     Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesfinanzhof iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Persuna taxxabbli privata li tinsab f’kompetizzjoni ma’ entità ta’ dritt pubbliku u li tallega n-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ din ta’ l-aħħar jew ta’ l-intaxxar baxx wisq li għalih din hija suġġetta, tista’ tinvoka t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 77/388/KEE ?"

 Fuq id-domanda preliminari

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

16     Il-Feuerbestattungsverein tikkunsidra li għandha tingħata risposta affermattiva għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

17     Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li n-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ entità ta’ dritt pubbliku jimplika li ż-żewġ kundizzjonijiet jiġu sodisfatti kumulativament, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ attivitajiet minn entità pubblika u li dawn l-attivitajiet jiġu mwettqa minn din ta’ l-aħħar li taġixxi inkwantu awtorità pubblika (sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Fazenda Pública, C-446/98, Ġabra p. I-11435, punt 15). Hija tammetti, sabiex tirrispondi għad-domanda magħmula, l-ipoteżi impliċita tal-qorti tar-rinviju li, fil-kawża prinċipali, il-Lutherstadt Eisleben, inkwantu li juża’ krematorju, jaġixxi bħala awtorità pubblika u li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huwa applikabbli.

18     Filwaqt li fakkret il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-prinċipji li jirrigwardaw l-invokazzjoni tad-Direttivi Komunitarji (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1966, Lütticke, 57/65, Ġabra p. 293; ta’ l-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, u tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo, 103/88, Ġabra p. 1839), il-Kummissjoni tikkunsidra li, meta dispożizzjoni fiskali tipproduċi effetti diretti, hija għandha tiġi invokata mhux biss minn kreditur fiskali jew il-persuna intaxxata, imma wkoll, lil hinn mir-relazzjoni binarja eżistenti bejn din ta’ l-aħħar u l-amministrazzjoni fiskali, minn terzi kkonċernati mill-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni.

19     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li rikors imressaq skond il-prinċipju tal-protezzjoni legali li jinsab fid-dritt Komunitarju għandu jkun ammissibbli, anki jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali ma jipprovdux dan f’każ simili (sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli, C-97/91, Ġabra p. I-6313, punt 13).

20     Hija tipproponi, konsegwentement, li tirrispondi għad-domanda magħmula fis-sens li persuna taxxabbli privata, li ssib ruħha f’kompetizzjoni ma’ entità ta’ dritt pubbliku u li tallega l-illegalità tan-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ din ta’ l-aħħar jew ta’ l-intaxxar baxx wisq li għalih din l-entità hija suġġetta, tista’ tinvoka t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

21     Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju li Feuerbestattungsverein tinsab f’kompetizzjoni ma’ komun, li hija entità ta’ dritt pubbliku li teżerċita attività ekonomika inkwantu awtorità pubblika.

22     Filwaqt li titlaq mill-premessa li l-komun ta' Lutherstadt Eisleben mhux taxxabbli għal VAT, jista’ joffri servizzi għal prezzijiet aktar vantaġġjużi milli dawk applikati minn Feuerbestattungsverein, din ta’ l-aħħar ippreżentat talba lill-amministrazzjoni fiskali, jiġifieri l-Finanzamt, għal informazzjoni fuq dan is-suġġett. Għaldaqstant il-kawża prinċipali tirrigarda r-rifjut minn dan ta’ l-aħħar li jiddivulga lil individwu, f’dan il-każ Feuerbestattungsverein, informazzjoni koperta mis-segretezza fiskali li tikkonċerna l-imsemmi komun.

23     Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk persuna taxxabbli privata li ssib ruħha f’kompetizzjoni ma’ entità ta’ dritt pubbliku tistax tinvoka t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva sabiex issostni li hija ddanneġġjata fid-drittijiet tagħha għar-raġuni tan-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ din l-entità jew ta’ l-intaxxar baxx wisq li għalih hija suġġetta.

24     F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huwa intiż sabiex jassigura r-rispett tal-prinċipju tan-newtralità tat-taxxa li jipprekludi b’mod partikolari li l-provvista ta’ servizzi simili, li għalhekk ikunu jikkompetu ma’ xulxin, jiġu ttratati b’mod differenti għall-finijet tal-VAT (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Monetecello, C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 41) u li din id-dispożizzjoni hija intiża għas-sitwazzjoni li fiha entitajiet ta’ dritt pubbliku jeżerċitaw fi kwalità ta’ suġġetti ta’ dritt pubbliku, jiġifieri fil-kuntest tas-sistema ġuridika li hija partikolari għalihom, attivitajiet jew operazzjonijiet li jistgħu wkoll jitwettqu, f’kompetzzjoni magħhom, minn individwi taħt sistema ta’ dritt privat jew fuq il-bażi ta’ konċessjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, 231/87 u 129/88, Ġabra p. 3233, punt 22).

25     L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi deroga għar-regola tan-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ l-entitajiet ta’ dritt pubbliku għall-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jwettqu inkwantu awtoritajiet pubbliċi fil-każ fejn tali nuqqas ta’ ssuġġettar iwassal għal distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni ta’ ċerta rilevanza (sentenza Comune di Carpaneto Piacentino et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22).

26     Konsegwentement, jekk in-nuqqas ta’ ssuġġettar għal VAT ta’ l-attività ekonomika in kawża kellu jagħti lok għal distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, l-użu ta’ krematorju mil-Lutherstadt Eisleben ikun taxxabbli skond din l-istess dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal, C-276/98, Ġabra p. I-1699, punt 28).

27     Hija kompetenza tal-qorti nazzjonali li tipproċedi għal evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ekonomiċi tali li jiġġustifikaw, skond il-każ, eċċezzjoni għar-regola tan-nuqqas ta’ ssuġġettar ta’ l-entitajiet ta’ dritt pubbliku.

28     Fit-tieni lok, hija ġurisprudenza kostanti li d-dispożizzjonijiet inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi ta’ Direttiva jistgħu jiġu invokati mill-individwi, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ applikazzjoni meħuda fit-termini, fir-rigward ta’ kull dispożizzjoni nazzjonali mhux konformi għad-Direttiva, jew ukoll inkwantu li huma ta’ natura li jiddeffinixxu drittjiet li l-individwi huma fil-pożizzjoni li jsostnu fir-rigward ta’ l-Istat Membru kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 25, u ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I-4989, punt 98).

29     Għaldaqstant, l-individwi huma ġġustifikati li jinvokaw quddiem il-qorti nazzjonali, kontra l-Istat Membru in kawża, id-dispożizzjonijiet ta’ Direttiva li jidhru, għall-finijiet tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, fil-każijiet kollha fejn l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva mhijiex biżżejjed assigurata, jiġifieri mhux biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni jew ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ din id-Direttiva, imma wkoll fil-każ fejn il-miżuri nazzjonali li jittrasponu korrettment l-imsemmija Direttiva mhumiex applikati b’mod li jilħqu r-riżultat li huwa l-għan tagħha (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 27).

30     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-każ fejn l-entitajiet u l-attivitajiet li għalihom ir-regola tan-nuqqas ta’ ssuġġettar tapplika huma b’mod ċar iddeterminati mill-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, din id-dispożizzjoni tirrispondi għall-kriterji ta’ l-effett dirett (sentenza Comune di Carpaneto Piacentino et, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 31 u 33).

31     Konsegwentement, peress illi l-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza huma sodisfatti, individwu li jsib ruħu f’kompetizzjoni ma’ entità ta’ dritt pubbliku u li jallega n-nuqqas ta’ ssuġġettar tal-VAT ta’ din l-entità jew l-intaxxar baxx wisq li għalih din ta’ l-aħħar hija suġġetta, għall-attività li hija teżerċita inkwantu awtorità pubblika, huwa ġġustifikat li jinvoka quddiem il-qorti nazzjonali t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, fil-kuntest ta’ kawża, bħal dik prinċipali, li tipprekludi individwu mill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali.

32     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, id-domanda għandha tingħatalha risposta fis-sens li li individwu li jsib ruħu f’kompetizzjoni ma’ entità ta’ dritt pubbliku u li jallega n-nuqqas ta’ ssuġġettar għal VAT ta’ din l-entità jew l-intaxxar baxx wisq li għalih din ta’ l-aħħar hija suġġetta, għall-attivitajiet li hija teżerċita inkwantu awtorità pubblika, huwa ġġustifikat li jinvoka t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, fil-kuntest ta’ kawża, bħal dik prinċipali, li tipprekludi individwu mill-amministrazzjoni fiskali nazzonali.

 Fuq l-ispejjeż

33     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi :

Individwu li jsib ruħu f’kompetizzjoni ma’ entità ta’ dritt pubbliku u li jallega n-nuqqas ta’ ssuġġettar għal VAT ta’ din l-entità jew l-intaxxar baxx wisq li għalih din ta’ l-aħħar hija suġġetta, għall-attivitajiet li hija teżerċita inkwantu awtorità pubblika, huwa ġġustifikat li jinvoka t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, fil-kuntest ta’ kawża, bħal dik prinċipali, li tipprekludi individwu mill-amministrazzjoni fiskali nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.