Language of document : ECLI:EU:C:2009:694

KonkluŻjonijiet tal-Avukat Ġenerali

MAZÁK

ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2009 1(1)

Kawża C-518/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali – Issuġġettar tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni għas-sorveljanza mill-Istat – Eżerċizzju tal-funzjonijiet b’indipendenza sħiħa”





1.        Permezz tar-rikors tagħha (2), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li billi, bis-saħħa tal-liġi tal-Länders, issuġġettat l-awtoritajiet inkarigati li jissorveljaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3) (iktar ’il quddiem “l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali”) għas-superviżjoni mill-Istat fir-rigward tas-superviżjoni ta’ entitajiet li ma humiex pubbliċi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tiggarantixxi l-indipendenza sħiħa ta’ dawn l-awtoritajiet, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

2.        L-għan tad-Direttiva 95/46 huwa li l-Istati Membri, filwaqt li jippermettu l-moviment liberu ta’ data ta’ natura personali, jiżguraw il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar tal-imsemmija data. Fi kliem ieħor, id-Direttiva 95/46 hija intiża li tistabbilixxi ekwilibriju bejn, minn naħa, il-moviment liberu ta’ data ta’ natura personali, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tat-tħaddim tas-suq intern, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi.

3.        L-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-istħarriġ tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 jikkontribwixxu wkoll sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi iktar ’il fuq. Mill-premessa 26 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li t-twaqqif fl-Istati Membri ta’ awtoritajiet ta’ superviżjoni li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’independenza sħiħa, huwa element essenzjali tal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fdati lilhom.” (4)

4.        Dan ir-rikors huwa dovut għal diverġenza bejn il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-espressjoni “b’indipendenza sħiħa” li tinsab fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 u li tirreferi għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali.

5.        Ir-rikors tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq żewġ ipoteżi. Skont l-ewwel ipoteżi, l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali jkunu “totalment indipendenti”. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni speċifikat li dan ma jirrigwardax indipendenza istituzzjonali u ta’ natura organizzattiva, iżda indipendenza funzjonali totali, li tfisser li fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħhom l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe influwenza esterna.

6.        Skont it-tieni ipoteżi, is-superviżjoni eżerċitata mill-Istat Membru fuq l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tiegħu fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali fis-settur mhux pubbliku, li l-eżistenza tagħha ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, minbarra dan, żiedet xi kjarifiki mad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tipi ta’ din is-superviżjoni (5), hija ta’ natura li tippreġudika l-indipendenza totali, fis-sens ippreżentat mill-Kummissjoni, tal-imsemmija awtoritajiet ta’ superviżjoni.

7.        Id-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tistrieħ fuq interpretazzjoni differenti tal-espressjoni “b’indipendenza sħiħa” li hija marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali. Hija tqis li din l-espressjoni tirrigwarda indipendenza funzjonali ta’ dawn l-awtoritajiet, li tfisser l-indipendenza istituzzjonali ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tal-organizzazzjoni biss fir-rigward tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza. Fil-kontroreplika tagħha, hija żiedet li s-superviżjoni eżerċitata mill-Istat ma tippreżenta ebda influwenza esterna, ġaladarba l-awtoritajiet ta’ superviżjoni ma humiex servizzi esterni iżda korpi ta’ superviżjoni interni għall-amministrazzjoni.

8.        Għalkemm huwa possibbli li wieħed jidentifika kunflitt bejn iż-żewġ kunċetti ta’ eżerċizzju tas-setgħa eżekuttiva fi ħdan l-Istat (6) fuq il-mertu tar-rikors preżenti, jiena ser nipprova nipproponi soluzzjoni li, l-ewwel nett, tibda bil-kjarifika tal-kontenut tal-espressjoni “indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet” u, it-tieni nett, bl-evalwazzjoni dwar jekk l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali suġġetti għat-tali superviżjoni eżerċitata mill-Istat, hekk kif deskritta mill-Kummissjoni, jistgħux effettivament jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa.

 Indipendenza sħiħa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46

9.        Abbażi ta’ eżami tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jiġi kkonstatat li l-użu tat-terminu “indipendenza” jintuża ta’ sikwit, mhux biss fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll fil-konfront ta’ ċerti gruppi ta’ persuni li għandhom bżonn ta’ ċerta indipendenza fir-rigward tal-funzjonijiet li huma jaqdu fis-sistema jew fis-sottosistema soċjali.

10.      Bħala eżempju, nista’ niċċita l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (7), li jeżiġi li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, jew l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007, tal-15 ta’ Frar 2007, li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (8), li jeżiġi li din l-aġenzija taqdi l-funzjonijiet tagħha b’indipendenza sħiħa, jew ukoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/21/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (9), li jeżiġi li l-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji.

11.      It-terminu “indipendenza” jidher ukoll fir-registru soft law. B’hekk niċċita l-Artikolu 8(1) tal-Kodiċi Ewropea ta’ Mġieba Tajba [Kodiċi Ewropew għal Imġieba tajba] approvat mill-Parlament Ewropew fis-6 ta’ Settembru 2001 (10) li jipprovdi li l-uffiċjal huwa imparzjali u indipendenti.

12.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li teżamina l-indipendenza fir-rigward tal-Bank Ċentrali Ewropew (11), jew fir-rigward tal-Membri tal-Parlament Ewropew (12), jew ukoll fir-rigward tal-avukati (13).

13.      Minkejja l-użu frekwenti tat-terminu “indipendenza”, id-determinazzjoni tal-kontenut ta’ dan it-terminu ma huwiex faċli. Peress li l-indipendenza hija tradizzjonalment marbuta mas-setgħa ġudizzjarja, ċerti indikazzjonijiet jeżistu fir-rigward tal-indipendenza ġudizzjarja. Fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ippropona wkoll li jiġu stabbiliti l-kriterji sabiex jiġi evalwat jekk organu jistax jiġi kkunsidrat bħala indipendenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza tal-qrati (14).

14.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kriterji ma jistgħux jintużaw fil-każ inkwistjoni. Fil-fatt, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet dawn il-kriterji, iddistingwiet il-qrati minn forom oħra ta’ setgħat tal-Istat. Fil-każ preżenti, qed jiġu diskussi l-awtoritajiet ta’ superviżjoni u ħadd ma jikkontesta l-fatt li dawn l-awtoritajiet huma strutturi amministrattivi u, f’dan ir-rigward, li jagħmlu parti mill-isfera tas-setgħa eżekuttiva. Minn dan jirriżulta li l-ħtieġa tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa għandha tiġi ddefinita biss fil-kuntest tas-setgħa eżekuttiva u mhux fir-rigward tal-forom oħra ta’ setgħat tal-Istat.

15.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 ma jobbligax lill-Istati Membri li joħolqu awtoritajiet li jkunu separati mis-sistema amministrattiva organizzata b’mod ġerarkiku. Madankollu, għandu jingħad ukoll li ma hemm xejn li jżommhom milli jagħmlu dan. Peress li l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jeħtieġ li l-Istati Membri jiggarantixxu l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni b’indipendenza sħiħa, u mhux li jiggarantixxu l-indipendenza ta’ tali awtoritajiet, dan iħallilhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-mod kif għandhom jissodisfaw din il-ħtieġa.

16.      Huwa wkoll meħtieġ li ma jintesiex il-fatt li t-terminu “indipendenza” huwa terminu relattiv, fejn għaldaqstant jeħtieġ li jiġi speċifikat fir-rigward ta’ min jew ta’ xiex u fuq liema livell għandha teżisti din l-indipendenza.

17.      Ċertament, wieħed jista’ jaħseb li prima facie din ir-relattività tisparixxi minħabba ż-żieda tal-frażi “sħiħa” mat-terminu “indipendenza”. Madankollu naħseb li tali konklużjoni hija żbaljata. Li kieku wieħed kellu jammetti li hija korretta, dan ikun ifisser li billi jipprovdi għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali b’indipendenza sħiħa, l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 jeżiġi indipendenza fid-dimensjonijiet kollha possibbli tagħha, jiġifieri indipendenza istituzzjonali, organizzattiva, finanzjarja, funzjonali, deċiżjonali, personali u indipendenza fir-rigward tal-baġit.

18.      Jiena tal-fehma li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46 ma tistax tiġi adottata u li, għaldaqstant, minkejja l-frażi “b’indipendenza sħiħa”, l-indipendenza meħtieġa tibqa’ relattiva u għad trid tiġi stabbilita.

19.      Matul il-proċedura sabiex tiġi stabbilita din l-indipendenza li, b’mod parallel, tinvolvi proċedura ta’ riċerka tal-kontenut tal-ħtieġa tal-“eżerċizzju ta’ funzjonijiet b’indipendenza sħiħa”, jiena tal-fehma li wieħed għandu jibbaża ruħu fuq l-għan li minħabba fih inħolqu l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali.

20.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dan l-għan għandu rabta mill-qrib mal-għan prinċipali tad-Direttiva 95/46 innifisha. B’hekk, l-imsemmija awtoritajiet ta’ superviżjoni huma wieħed mill-mezzi li jippermettu t-twettiq tal-għanijiet li tfittex li tilħaq id-Direttiva 95/46 u minn dan jirriżulta li l-indipendenza fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandha tkun ta’ natura li tippermettilhom jikkontribwixxu sabiex jistabbilixxu l-ekwilibriju bejn, minn naħa, il-moviment liberu ta’ data ta’ natura personali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-libertajiet kif ukoll tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom.

21.      Il-livell ta’ indipendenza li minnu għandhom jibbenefikaw l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali sabiex ikunu jistgħu effettivament iwettqu l-funzjonijiet tagħhom jiddependi mill-għan tal-eżistenza ta’ dawn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni mifhum f’dan is-sens.

22.      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar fir-rigward ta’ min għandha tiġi żgurata l-indipendenza sabiex l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali jkunu jistgħu effettivament jeżerċitaw il-funzjonijiet mogħtija lilhom, ma naqbilx mat-teżi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tgħid li din hija biss indipendenza fil-konfront tal-korpi ta’ superviżjoni.

23.      Inqis li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali għandhom ikunu indipendenti wkoll fir-rigward ta’ korpi oħra tas-setgħa eżekuttiva li jagħmlu parti integrali minnhom, u dan fuq livell li jiggarantixxi l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet tagħhom.

24.      Huwa diffiċli u, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, ftit utili, li jiġu ddefiniti l-elementi kollha li huma neċessarji sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi b’indipendenza sħiħa. Sabiex tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tal-Kummissjoni, ikun aħjar li kieku kellu jiġi adottat metodu negattiv.

25.      Għaldaqstant titqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza tas-superviżjoni eżerċitata mill-Istat hijiex kompatibbli mal-livell meħtieġ ta’ indipendenza fid-dawl tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali.

 Kompatibbilità tas-superviżjoni eżerċitata mill-Istat mal-ħtiega tal-eżerċizzju b’indipendenza sħiħa tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali

26.      Kemm il-Kummissjoni, kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jammettu li l-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE huwa r-riżultat ta’ kompromess. Madankollu, iż-żewġ partijiet isostnu li dan il-kliem jikkorrobora l-argumenti tagħhom fir-rigward tal-portata tal-eżerċizzju b’indipendenza sħiħa tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali.

27.      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jiġifieri li waqt id-diskussjonijiet li ġew qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 95/46 (15), ir-rappreżentant tar-rikorrenti kkonferma l-interpretazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, jeħtieġ sempliċement li tinġibed l-attenzjoni għas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1987, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (16), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li wieħed ma jistax jinterpreta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju fid-dawl tan-negozjati bejn Stat Membru u wieħed mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Dan japplika b’iktar saħħa li kieku wieħed kellu jikkunsidra li l-iskambju bejn wieħed mill-Istati Membri u r-rappreżentant ta’ istituzzjoni Komunitarja responsabbli mir-redazzjoni ta’ proposta għal att Komunitarju, ma jistax iservi bħala bażi għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju.

28.      Il-każ preżenti jinvolvi korp li ma huwiex indipendenti mill-aspett istituzzjonali u li, bħala konsegwenza, jifforma parti minn ċerta sistema li, f’dan il-każ, hija dik tas-setgħa eżekuttiva. F’każ bħal dan, it-tensjoni bejn, min-naħa l-indipendenza tal-organu u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà tiegħu, tidher realment. Fil-fehma tiegħi, is-superviżjoni tista’ tkun waħda mis-soluzzjonijiet biex tiġi ffaċċjata din is-sitwazzjoni.

29.      L-indipendenza ma tistax tiġi konfuża man-nuqqas ta’ possibiltà li wieħed jiġi ssorveljat. Fil-fehma tiegħi, is-superviżjoni eżerċitata mill-Istat hija waħda mill-mezzi ta’ superviżjoni.

30.      Biex nirrispondi għall-kwistjoni dwar jekk is-superviżjoni eżerċitata mill-Istat hijiex kompatibbli mal-ħtieġa tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali b’indipendenza sħiħa, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li t-tali superviżjoni tixtieq tilħaq. Mill-preżentazzjoni tas-superviżjoni mogħtija mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-imsemmija superviżjoni hija intiża sabiex tivverifika jekk is-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni hijiex raġonevoli, legali u proporzjonata. Minn din il-perspettiva, jidhirli li s-superviżjoni eżerċitata mill-Istat tikkontribwixxi għall-funzjonament ta’ sistema ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont id-Direttiva 95/46. Fil-fatt, jidher li jekk l-awtoritajiet ta’ superviżjoni ma jimxux b’mod raġonevoli, legali u proporzjonat, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni fiżiċi u għaldaqstant it-twettiq tal-għan imfittex mid-Direttiva 95/46, ikun mhedded.

31.      Għandu jiġi osservat li mill-proċess ma jirriżulta ebda element ta’ natura li jaffettwa t-twettiq tal-għan imfittex mis-superviżjoni. Barra minn hekk, xejn ma jindika li s-superviżjoni hija eżerċitata b’mod li jista’ jkollha inċidenza fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni b’indipendenza sħiħa. Il-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha b’allegazzjonijiet f’dan ir-rigward. Hija għandha tistabbilixxi li tali effetti jirriżultaw mis-superviżjoni.

32.      Il-Kummissjoni ma pprovatx il-konsegwenzi negattivi tas-superviżjoni għall-eżerċizzju b’indipendenza sħiħa tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni. Fil-fehma tagħha, l-eżistenza tas-superviżjoni eżerċitata mill-Istat hija biżżejjed biex jiġi konkluż li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali ma jeżerċitawx il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tippreżupponi biss li s-supervizjoni xxekkel l-eżerċizzju b’indipedenza sħiħa tal-funzjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni.

33.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu introdotta bis-saħħa tal-Artikolu 226 KE, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (17).

34.      Inqis li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha. Hija ma pprovatx la l-falliment tas-sistema ta’ superviżjoni u lanqas l-eżistenza ta’ prattika stabbilita tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni li tikkonsisti f’abbuż tal-kompetenzi tagħhom li timplika li l-eżerċizzju b’indipendenza sħiħa tal-funzjonijiet mogħtija lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali ġie mxekkel.

35.      Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni bħal dawk inkwistjoni fil-każ preżenti jaqaw taħt is-superviżjoni eżerċitata mill-Istat ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-imsemmija awtoritajiet ta’ superviżjoni ma jeżerċitawx il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46.

36.      Il-Kummissjoni ma ppruvatx li s-superviżjoni eżerċitata fuq l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali tipprekludi lil dawn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa. Għaldaqstant dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

37.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tal-motivi tagħha, inqis li hemm lok li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Konklużjoni

38.      Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)         Ir-rikors huwa miċħud.

2)         Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)         Il-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Fir-rigward tal-fażi prekontenzjuża tal-proċedura, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din żvolġiet skont l-Artikolu 226 KE u l-ebda argument li jpoġġi fid-dubju l-legalità ta’ din il-fażi tal-proċedura ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355.


4 –      Atti oħra tad-dritt Komunitarju jipprovdu wkoll l-eżistenza ta’ awtoritajiet bħal dawn. Dawn huma, pereżempju, l-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perijodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, p. 60) jew ukoll l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/24/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika, u li temendi[temenda] d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54).



5 – Fil-fatt, il-Kummissjoni spjegat li fil-Länder ta’ Bremen u ta’ Hamburg, hija biss is-superviżjoni ta’ servizz li hija prevista espliċitament. Issa, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja speċifikat li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali għas-settur mhux pubbliku fil-Länder kollha Ġermaniżi, jiġifieri anki fil-Länder ta’ Bremen u ta’ Hamburg, jinkludu mhux biss superviżjoni ta’ servizz, iżda wkoll superviżjoni tal-legalità.


6 – Dawn jirrigwardaw, min-naħa, il-kunċett “klassiku” jew “tradizzjonali” ibbażat fuq l-eżerċizzju ta’ setgħa eżekuttiva mill-amministrazzjoni organizzata b’mod ġerarkiku u, min-naħa l-oħra, il-kunċett ibbażat fuq id-deċentralizzazzjoni tal-amministrazzjoni li twassal għall-ħolqien ta’ awtoritajiet amministrattivi independenti.


7 – ĠU L 218, p. 30.


8 – ĠU L 53, p. 1.


9 – ĠU L 108, p. 33.


10 – Il-Kodiċi Ewropea ta’ Mġiba Tajba [Kodiċi Ewropew għal Imġiba Tajba] huwa disponibbli fis-sit internet http://www.ombudsman.europa.eu/resources/code.faces.


11 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, Ġabra p. I‑7147).


12 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2004, Rothley et vs Il‑Parlament (C‑167/02, Ġabra p. I‑3149).


13 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, Ġabra p. I‑5305).


14 – Din tirrigwarda s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult Ingenieursgesellschaft vs Bundesbaugesellschaft Berlin (C-54/96, Ġabra p. I‑4961, punt 35) kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C-53/03, Ġabra p. I‑4609, punt 31).


15 – Iktar preċiżament, dan jirrigwarda diskussjonijiet li ppreċedew il-laqgħa tal-grupp “Kwistjonijiet ekonomiċi (protezzjoni ta’ data)” tax-xahar ta’ Settembru 1994.


16 – 278/84, Ġabra p. 1, punt 18.


17– Ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑183/05, Ġabra p. I-137) u l-ġurisprudenza ċċitata.