Language of document : ECLI:EU:C:2011:556

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Settembru 2011 (*)

“Trasport bl-ajru – Direttiva 2002/30/KE – Restrizzjonijiet fuq l-operat marbuta mal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità – Limiti tal-livell tal-ħoss li għandhom jiġu osservati f’titjiriet fuq territorji urbani li jinsabu viċin ajruport”

Fil-Kawża C‑120/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

European Air Transport SA

vs

Collège d’environnement de la Région de Bruxelles-Capitale,

Région de Bruxelles-Capitale,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal European Air Transport SA, minn P. Malherbe u T. Leidgens, avukati,

–        għall-Collège d’environnement de la Région de Brussell-Capitale u r-Région de Brussell-Capitale, minn F. Tulkens u N. Bonbled, avukati,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vrignon u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(e), 4(4) u 6(2) tad-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Marzu 2002, dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 96).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn European Air Transport SA (iktar ’il quddiem “EAT”), kumpannija tat-trasport bl-ajru, u l-Collège d’environnement de la Région de Bruxelles-Capitale u r-Région de Bruxelles-Capitale, dwar multa li tammonta għal EUR 56 113 imposta fuq EAT mill-Institut bruxellois pour la gestion de l’environnement (iktar ’il quddiem l-“IBGE”) għan-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħoss fl-ambjent urban.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 7 u 10 tad-Direttiva 2002/30 jipprovdu:

“(7)      Qafas komuni ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni fl-ajruporti ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat, bħala metodu bilanċjat ta’ l-immaniġjar tal-ħoss, għandu jgħin biex iħares il-kondizzjonijiet meħtieġa mis-suq intern billi jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq l-operat simili fl-ajruporti li jkollhom bejn wieħed u ieħor l-istess problemi ta’ ħoss. Dan jinkludi l-istima ta’ l-impatt tal-ħoss f’ajruport u l-evalwazzjoni tal-miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jitnaqqas dak il-ħoss, u l-għażla tal-miżuri addattati sabiex jittaffa l-ħoss bil-għan li jinkiseb l-akbar benefiċċju ambjentali bl-anqas nefqa.

[...]

(10)      It-33 Assemblea ta’ l-ICAO adottat ir-Risoluzzjoni A33/7 li tintroduċi l-kunċett ta’ “metodu bilanċjat”; għat-tnaqqis tal-ħoss, b’hekk twaqqaf politika għat-tnaqqis tal-ħoss ġenerat mill-ajruplani, inkluża l-għajnuna internazzjonali għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat skond l-ajruport. Il-kunċett ta’ “metodu bilanċjat” sabiex jitnaqqas il-livell ta’ ħoss ġenerat mill-ajruplani jinvolvi erba’ elementi prinċipali u jitlob evalwazzjoni bir-reqqa ta’ l-għażliet kollha possibbli sabiex jitnaqqas il-ħoss, inkluż it-tnaqqis tal-ħoss ta’ l-ajruplani minn fejn ikun joriġina, l-ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art u l-miżuri ta’ amministrazzjoni, il-proċeduri operattivi ta’ tnaqqis tal-ħoss u r-restrizzjonijiet fuq l-użu, bla ħsara għall-obligi legali relevanti, il-liġijiet li jkunu fis-seħħ u l-politika f’dan ir-rigward.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/30, intitolat “L-għanijiet”, jipprovdi:

“L-għanijiet ta’ din id-Direttiva huma:

(a)      li jiġu stabbiliti regoli sabiex il-Komunità tiffaċilita l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-użu b’mod konsistenti fl-ajruporti sabiex jiġi llimitat jew jitnaqqas l-ammont ta’ persuni li jkunu milquta ħażin ħafna mill-effetti ħżiena tal-ħoss;

[...]”

5        L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/30 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

e)      ‘Ir-restrizzjonijet fuq l-operat’ tfisser il-miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-ħoss li jillimitaw jew inaqqsu l-aċċess ta’ l-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili għal ajruport. Dan jinkludi r-restrizzjonijiet fuq l-operat mmirati sabiex jiġu rtirati l-ajruplani li jkunu jikkonformaw bi ftit f’ċerti ajruporti kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-operat ta’ natura parzjali, li jeffettwaw l-użu ta’ ajruplani subsonici ċivili skond il-perjodu.”

6        Skont l-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva, intitolat “Ir-regoli ġenerali fuq l-immaniġjar tal-ħoss ta’ l-ajruplani”:

“Ir-restrizzjonijiet ta’ l-operat skond il-prestazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-prestazzjoni tal-ħoss ta’ l-ajruplani skond il-proċeduri ta' ċertifikazzjoni li tkun saret skond il-Volum 1 sa 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċiviili Internazzjonali, it-tielet edizzjoni, (1993) [konkluża f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni OACI’)].”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/30, intitolat, “Ir-regoli ta’ l-istima”, jipprovdi:

“1.      Meta tkun qed tiġi kkunsidrata deċiżjoni fuq ir-restrizzjonijiet ta’ l-operat, għandu jittieħed kont ta’ l-informazzjoni kif tkun msemmija fl-Anness II, sa fejn ikun possibbli, għar-restrizzjonijiet fuq l-operat u għal karatteristiċi ta’ l-ajruport.

2      Fejn il-proġetti ta’ l-ajruporti jkunu soġġetti għal studju fuq l-impatt ambjentali b’mod konformi mad-Direttiva [tal-Kunsill] 85/337 [dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248)] l-istudju mwettaq skond dik id-Direttiva għandu jitqies li jilħaq il-kondizzjonijiet mitluba fil-paragrafu 1, diment li dak l-istudju jkun ikkunsidra sa fejn possibbli l-informazzjoni msemmija fl-Anness II ma’ din id-Direttiva.”

8        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/30, intitolat, “Ir-regoli fuq l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat mmirati sabiex jiġu rtirati l-ajruplani li jkunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji bi ftit” jipprovdi:

“1.      Jekk l-evalwazzjoni tal-miżuri kollha disponibbli, inklużi r-restrizzjonijiet parzjali fuq l-operat, mwettqa b’mod konformi mal-kondizzjonjiet neċessarji skond l-Artikolu 5 turi li l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva jitolbu l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet mmirati sabiex jiġu rtirati l-ajruplani li jkunu jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji bi ftit, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw […]

2.      Bla ħsara għar-regoli fuq kif issir l-istima ta’ l-Artikolu 5, l-ajruporti fl-ibliet elenkati fl-Anness I jistgħu jintroduċu miżuri li huma aktar stretti, f’dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni ta’ ajruplani li jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji bi ftit diment li dawk il-miżuri ma jeffettwawx l-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili li jkunu konformi, jew permezz ta’ ċertifikazzjoni oriġinali jew ċertifikazzjoni mill-ġdid, ma’ l-istandards ta’ ħoss fil-Volum 1, Part II, Kapitolu 4 sa 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.”

 Id-dritt nazzjonali

9        Fuq il-livell federali, id-Direttiva 2002/30 ġiet trasposta permezz ta’ Digriet Irjali tal-25 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli u proċeduri dwar l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat tal-ajruport ta’ Bruxelles-National (Moniteur belge tas-26 ta’ Settembru 2003, p. 47538).

10      Skont l-Artikolu 9 tad-digriet tar-Région de Bruxelles-Capitale tas-17 ta’ Lulju 1997 dwar il-ġlieda kontra l-istorbju f’ambjent urban (Moniteur belge tat-23 ta’ Ottubru 1997, p. 28215, iktar ’il quddiem id-“digriet tas-17 ta’ Lulju 1997”):

“Il-Gvern għandu jieħu l-miżuri kollha intiżi sabiex:

1o      jillimitaw il-ħsejjes ikkawżati minn ċerti sorsi permezz ta’ definizzjoni ta’ normi ta’ emissjoni jew ta’ immissjoni massimi;

2o      jiġu stabbiliti għas-sorsi tal-ħoss, limiti aċċettabbli skont l-oriġini, l-lokalità urbanistika, l-karatterstiċi akustiċi tagħhom u l-ħtieġa li jiġu protetti b’mod partikolari l-persuni li joqogħdu fil-bini li jinsab fiż-żoni determinati;

3°      jirregola l-użu ta’ apparat, tagħmir jew oġġetti skont iċ-ċirkustanzi fejn il-ħoss jew vibrazzjonijiet prodotti jew li jistgħu jiġu prodotti jkunu partikolarment fastidjużi;

[...]”

11      L-Artikolu 32 tad-digriet tar-Région de Bruxelles-Capitale tal-25 ta’ Marzu 1999 dwar ir-riċerka, il-konstatazzjoni, l-investigazzjoni, ir-repressjoni tal-ksur fil-qasam tal-ambjent (Moniteur belge tal-24 ta’ Ġunju 1999, p. 23850, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-25 ta’ Marzu 1999”), jipprovdi:

“Huwa suġġett għal multa amministrattiva ta’ EUR 62.50 sa EUR 625 kull min iwettaq wieħed mill-ksur segwenti:

[…]

8°      fis-sens tad-digriet tas-17 ta’ Lulju 1997 dwar il-ġlieda kontra l-istorbju f’ambjent urban:

a)      jikkawża storbju jew frakass fi triq pubblika b’mod li jiddisturba t-trankwillità jew is-saħħa tal-abitanti mingħajr bżonn jew b’nuqqas ta’ prekawzjoni;

b)      jikkawża storbju jew frakass b’mod li jiddisturba t-trankwillità jew is-saħħa tal-abitanti bejn l-għaxra ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu;

c)      jaġixxi b’mod storbjuż barra min-normal jew ma jostakolax aġir tal-istess tip ta’ persuni jew annimali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.”

12      Skont l-Artikolu 33 ta’ dan id-digriet:

“Huwa suġġett għal multa amministrattiva ta’ EUR 625 sa EUR 62 500 kull min iwettaq wieħed mill-ksur segwenti:

[...]

7°      fis-sens tad-digriet tas-17 ta’ Lulju 1997 dwar il-ġlieda kontra l-istorbju f’ambjent urban:

a)      jikkawża, fi triq pubblika jew f’post pubbliku, storbju suġġett għal awtorizzazzjoni preliminari mingħajr ma jkollu din l-awtorizzazzjoni jew mingħajr ma jirrispetta l-kundizzjonijiet li jkunu imposti fiha;

b)      bħala proprjetarju, detentur jew utent ta’ sors ta’ ħoss, joħloq direttament jew indirettament, jew jippermetti fastidju li jiġi minn storbju li jaqbeż in-normi stabbiliti mill-Gvern;

[...]”

13      L-Artikolu 35 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“Il-ksur elenkat fl-Artikoli 32 u 33 għandhom bħala konsegwenza jew azzjoni kriminali jew multa amministrattiva.

[...]”

14      L-Artikolu 2 tal-ordni tar-Région de Bruxelles-Capitale tas-27 ta’ Mejju 1999 dwar il-ġlieda kontra l-ħsejjes ikkawżati mit-traffiku bl-ajru (Moniteur belge tal-11 ta’ Awwissu 1999, p. 30002, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 1999”), jipprovdi l-valuri limiti li l-livelli ta’ storbju ma jistgħux jaqbżu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-IBGE kkonstata li, matul ix-xahar ta’ Ottubru tal-2006, EAT wettqet 62 ksur għad-digriet tas-17 ta’ Lulju 1997, għad-digriet tal-25 ta’ Marzu 1999 kif ukoll għall-ordni tas-27 ta’ Mejju 1999. EAT ġiet akkużata minħabba emissjoni ta’ ħsejjes mill-ajruplani tagħha, matul il-lejl, li huma superjuri għall-valuri limiti previsti minn dawn ir-regolamenti.

16      Fl-24 ta’ Novembru 2006, l-IBGE stabbilixxa proċess verbali li jikkonstata dawn il-ksur li ntbagħat lill-EAT fl-4 ta’ Diċembru 2006.

17      Fl-24 ta’ Awwissu 2007, l-IBGE beda proċeduri sabiex jimponi sanzjoni amministrattiva lill-EAT, li wassal għall-iffissar ta’ multa kontra din il-kumpannija, li tammonta għal EUR 56 113, li tikkorrispondi għal 48 mit-62 ksur imwettqa matul ix-xahar ta’ Ottubru tal-2006, bejn is-sagħtejn u l-ħamsa ta’ filgħodu.

18      EAT ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Collège d’environnement de la Région de Bruxelles-Capitale li kkonferma, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2008, is-sanzjoni imposta mill-IBGE.

19      Għalhekk, fl-20 ta’ Marzu 2008 l-imsemmija kumpannija ppreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État kontra l-Collège d’environnement de la Région de Bruxelles-Capitale u r-Région de Bruxelles-Capitale sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2008. F’dan ir-rigward hija sostniet li, l-ordni tas-27 ta’ Mejju 1999 tikser l-Artikoli 4 u 6 tad-Direttiva 2002/30, li skont dawn, minn naħa, il-miżuri kollha ta’ restrizzjoni tal-użu adottati mill-awtoritajiet kompetenti, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, l-IBGE, għandhom ikunu bbażati fuq l-istorbju emess mill-ajruplan, iddeterminat permezz tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni mmexxija skont il-Volum I tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni OACI, u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jillimitaw l-użu tal-ajruplani li jissodisfaw in-normi tal-Kapitolu 3 tal-imsemmi volum, sakemm dawn ma jkunux ajruplani b’konformità minima mal-imsemmi kapitolu 3.

20      Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li din id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/30, li jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma jistgħu, fl-ebda każ, jieħdu miżuri li jillimitaw l-użu ta’ ajruplani li jkunu jissodisfaw in-normi stabbiliti fil-Volum I, it-tieni parti, Kapitolu 4 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni OACI.

21      Kien f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘restrizzjoni fuq l-operat’ imsemmi fl-Artikolu 2(e) tad-[Direttiva 2002/30] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi regoli li jistabbilixxu limiti fil-livell tal-ħoss imkejjel mill-art, li għandhom jiġu osservati matul it-titjiriet fuq territorji li jinsabu fil-viċinanzi tal-ajruport, u li min jaqbeż dawn il-limiti jkun suġġett għal sanzjoni, bil-premessa li l-ajruplani huma marbuta li josservaw ir-rotot u li jikkonformaw ruħhom mal-proċeduri ta’ nżul u ta’ tlugħ stabbiliti minn awtoritajiet amministrattivi oħrajn mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-limiti tal-ħoss?

2)      L-Artikoli 2(e) u 4(4) tal-istess direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ‘kull restrizzjoni fuq l-operat’ għandha tkun ‘ibbażata fuq il-prestazzjoni’, jew dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li dispożizzjonijiet oħra, dwar il-protezzjoni tal-ambjent, jillimitaw l-aċċess għall-ajruport skont il-livell tal-ħoss imkejjel mill-art, li għandhom jiġu osservati matul it-titjiriet fuq territorji li jinsabu fil-viċinanzi tal-ajruport, u li min jaqbeż dawn il-limiti jkun suġġett għal sanzjoni?

3)      L-Artikolu 4(4) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi li minbarra r-restrizzjonijiet fuq l-operat ibbażati fuq il-prestazzjonijiet li huma stabbiliti skont il-ħoss magħmul mill-ajruplan, regoli dwar il-protezzjoni tal-ambjent jistabbilixxu limiti fuq il-livell tal-ħoss imkejjel mill-art, li għandhom jiġu osservati matul it-titjiriet fuq territorji li jinsabu fil-viċinanzi tal-ajruport?

4)      L-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi li regoli jistabbilixxu limiti fil-livell tal-ħoss imkejjel mill-art, li għandhom jiġu osservati matul it-titjiriet fuq territorji li jinsabu fil-viċinanzi tal-ajruport, u li min jaqbeż dawn il-limiti jkun suġġett għal sanzjoni, liema regoli jkunu jistgħu jinkisru minn ajruplani li jissodisfaw ir-regoli tal-Volum 1, it-tieni parti, Kapitolu 4 tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni fuq l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “restrizzjoni fuq l-operat” msemmi fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/30 għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi regoli li jiffissaw il-limiti ta’ livell ta’ ħoss imkejjel fuq l-art, li għandu jiġi rrispettat meta jsiru titjiriet fuq territorji li jinsabu qrib l-ajruport, li meta jinqabżu l-awtur tagħhom jista’ jiġi ssanzjonat.

23      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jaqbel li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-Direttiva 2002/30, din tipprovdi li “[q]afas komuni ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni fl-ajruporti ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat, bħala metodu bilanċjat ta’ l-immaniġjar tal-ħoss, għandu jgħin biex iħares il-kondizzjonijiet meħtieġa mis-suq intern billi jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq l-operat simili fl-ajruporti li jkollhom bejn wieħed u ieħor l-istess problemi ta’ ħoss.”

24      F’dan ir-rigward, il-premessa 10 ta’ din id-direttiva tippreċiża li l-approċċ ekwilibrat jikkostitwixxi metodu attiv sabiex jiġi trattat il-ħoss iġġenerat mill-ajruplani li jinkludi, b’mod partikolari, il-linji gwida internazzjonali għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat skont kull ajruport. Il-kunċett ta’ “metodu bilanċjat”, definit mir-Riżoluzzjoni A33/7, adottata mit-33 Assemblea tal-OACI, jinvolvi erba’ elementi prinċipali u jitlob evalwazzjoni bir-reqqa ta’ l-għażliet kollha possibbli sabiex jitnaqqas il-ħoss, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-ħoss tal-ajruplani minn fejn ikun joriġina, l-ippjanar tal-użu tal-art u l-miżuri ta’ amministrazzjoni, il-proċeduri operazzjonali ta’ “tnaqqis tal-ħoss” u r-restrizzjonijiet fuq l-operat, bla ħsara għall-obbligi legali rilevanti, il-ftehimiet, il-liġijiet u l-politiki li jkunu fis-seħħ (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑422/05, Ġabra p. I‑4749, punt 38).

25      Minn dan isegwi li r-restrizzjonijiet fuq l-operat huma permessi biss meta kwalunkwe miżura oħra ta’ ġestjoni tal-ħoss ma tkunx ippermettiet li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2002/30, bħal ma indikat fl-Artikolu 1 tagħha.

26      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/30, li jiddefinixxi ir-“restrizzjonijiet fuq l-operat” bħala miżuri li għandhom x’jaqsmu mal-ħoss li jillimitaw jew inaqqsu l-aċċess tal-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili għal ajruport, jippreċiża li jistgħu jeżistu jew restrizzjonijiet parzjali, li jillimitaw l-użu tal-ajruplani bil-jet subsoniċi ċivili skont il-perijodu ta’ żmien ikkunsidrat, jew restrizzjonijiet li jaslu sabiex jipprojbixxu totalment l-użu ta’ ajruplani li jkollhom marġni żgħir ta’ konformità f’ajruporti partikolari.

27      Din il-gradazzjoni barra minn hekk hija kkonfermata mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li jippermetti l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-operat intiżi għall-irtirar miċ-ċirkulazzjoni tal-ajruplani biss meta l-miżuri kollha possibbli, inkluż il-miżuri ta’ restrizzjoni parzjali tal-operat, ma jkunux ippermettew li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2002/30.

28      Konsegwentement, kif irreleva l-Avukat Ġenereali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, restrizzjoni fuq l-operat fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva timplika projbizzjoni ta’ aċċess għall-ajruport ikkonċernat, projbizzjoni li tista’ tkun totali jew parzjali.

29      Issa, leġiżlazzjoni ambjentali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi limiti massimi ta’ ħoss imkejjel mill-art, li għandu jiġi osservat fit-titjiriet fuq territorji li jinsabu viċin l-ajruport, ma tikkostitwixxix bħala tali, projbizzjoni ta’ aċċess għall-ajruport ikkonċernat.

30      Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ metodu li jikkonsisti fit-tkejjil mill-art tal-ħoss prodott minn ajruplan waqt li jkun qed itir jikkostitwixxi element ta’ approċċ ekwilibrat, bħal dak invokat fil-punti 23 u 24 ta’ din is-sentenza, sa fejn tista’ tforni iktar data li tippermetti li jiġu kkonċiljati l-interessi opposti tal-persuni affettwati mill-ħsejjes, il-protagonisti ekonomiċi li joperaw l-ajruplani u s-soċjetà fit-totalità tagħha.

31      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li tali leġiżlazzjonijiet, minħabba kuntesti ekonomiki, tekniċi u legali rilevanti li jaqgħu taħthom, jista’ jkollhom l-istess effetti bħal projbizzjoni ta’ aċċess.

32      Jekk, fil-fatt, il-limiti imposti minn dawn il-leġiżlazzjonijiet huma daqstant restrittivi li jwasslu konkretament sabiex jobbligaw lill-operaturi tal-ajruplani jirrinunċaw li jeżerċitaw l-attività ekonomika tagħhom, tali leġiżlazzjonijiet għandhom jiġu kunsidrati bħala projbizzjoni ta’ aċċess u għalhekk jikkostitwixxu “restrizzjonijiet fuq l-operat” fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva.

33      Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverfika jekk il-miżuri adottati mir-Région de Bruxelles-Capitale għandhomx tali effetti.

34      F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmulha tkun li l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/30 għandu jiġi interpretata fis-sens li “restrizzjoni fuq l-operat” tikkostitwixxi miżura projbittiva totali jew temporanja li tipprojbixxi l-aċċess ta’ ajruplan bil-jet subsoniku ċivili għal ajruport ta’ Stat Membru tal-Unjoni. Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-ambjent, li timponi limiti massimi ta’ ħoss imkejjel mill-art, li għandu jiġi rrispettat f’titjiriet fuq territorji li jinsabu qrib l-ajruport, ma tikkostitwixxix, bħala tali, “restrizzjoni fuq l-operat” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, sakemm, minħabba l-kuntest ekonomiku, tekniku u ġuridiku rilevanti, ma jkollhiex l-istess effetti bħal projbizzjoni ta’ aċċesss għall-imsemmi ajruport.

 Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi

35      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2002/30 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Marzu 2002, dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li “restrizzjoni fuq l-operat” tikkostitwixxi miżura projbittiva totali jew temporanja li tipprojbixxi l-aċċess ta’ ajruplan bil-jet subsoniku ċivili għal ajruport ta’ Stat Membru tal-Unjoni. Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-ambjent, li timponi limiti massimi ta’ ħoss imkejjel mill-art, li għandu jiġi rrispettat f’titjiriet fuq territorji li jinsabu qrib l-ajruport, ma tikkostitwix, bħala tali, “restrizzjoni fuq l-operat” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, sakemm, minħabba l-kuntesti ekonomiċi, tekniki u ġuridiċi rilevanti, ma jkollhiex l-istess effetti bħal projbizzjoni ta’ aċċesss għall-imsemmi ajruport.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.