Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Constanta (ir-Rumanija) fit-23 ta’ Marzu 2017 – Sindicatul Familia Constanța et vs Direcția Generală de Asistență Socială și Protecția Copilului Constanța

(Kawża C-147/17)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Constanţa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Sindicatul Familia Constanța et

Konvenuta: Direcția Generală de Asistență Socială și Protecția Copilului Constanța

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 1 , ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva attività bħal dik tal-assistenti soċjali li jaġixxu bħala ġenituri, li hija l-attività eżerċitata mir-rikorrenti?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li attività bħal dik tal-assistenti soċjali li jaġixxu bħala ġenituri, eżerċitata mir-rikorrenti, tista’ tkun is-suġġett ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva bis-saħħa tal-Artikolu 17(1), (3)(b) u (ċ) jew (4)(b)?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: l-Artikolu 17(1) jew, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 17(3) jew (4) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li tali deroga għandha tkun espliċita jew tista’ tkun anki impliċita, bl-adozzjoni ta’ att normattiv speċjali li jipprevedi regoli differenti dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol fir-rigward ta’ attività professjonali partikolari; fil-każ li tali deroga tista’ ma tkunx espliċita, liema huma l-kundizzjonijiet minimi meħtieġa sabiex ikun jista’ jitqies li dispożizzjoni nazzjonali tintroduċi deroga u tali deroga tista’ tkun espressa bir-regoli ddettaljati li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 272/2004?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel, għat-tieni jew għat-tielet domandi: il-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu li fih assistent soċjali li jaġixxi bħala ġenitur iqatta’ mal-minuri li jkun qiegħed jieħu ħsieb, fid-dar tal-assistent soċjali jew f’post ieħor magħżul minnu, jikkostitwixxi ħin tax-xogħol anki jekk ma jwettaq ebda waħda mill-attivitajiet indikati fil-kuntratt individwali tax-xogħol bħala attivitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tiegħu?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel, għat-tieni jew għat-tielet domandi: l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 122 tal-Liġi Nru 272/2004; u, fil-każ li tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 17(3)(b) u (ċ) jew (4)(b) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli: tali artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali dispożizzjoni nazzjonali?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u, eventwalment, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda: l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jista’ jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, minkejja kollox, li jingħata kumpens ugwali għall-kumpens li l-impjegat kien ikun intitolat għalih matul il-leave annwali sa fejn in-natura tal-attività eżerċitata mill-assistenti soċjali li jaġixxu bħala ġenituri twaqqafhom milli jieħdu dan il-leave jew, minkejja li l-leave ikun formalment ingħata, l-impjegat jibqa’ fil-prattika jwettaq l-istess attività sa fejn matul dan il-perijodu ma jkunx jista’ jissepara ruħu mill-minuri li jkun qiegħed jieħu ħsieb? Fl-affermattiv, sabiex ikun intitolat għal kumpens, huwa meħtieġ li l-impjegat ikun talab awtorizzazzjoni sabiex jissepara ruħu mill-minuri u l-persuna li timpjega tkun irrifjutat li tagħti tali awtorizzazzjoni?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, risposta fl-affermattiv għar-raba’ domanda u risposta fin-negattiv għas-sitt domanda, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jipprekludi dispożizzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 122(3)(d) tal-Liġi Nru 272/2004 f’sitwazzjoni fejn tali liġi tħalli lill-persuna li timpjega l-possibbilta li tiddeċiedi, fid-diskrezzjoni tagħha, jekk tawtorizzax lill-assistent soċjali li jaġixxi bħala ġenitur jissepara ruħu mill-minuri matul il-leave u, fl-affermattiv, l-impossibbiltà ta’ tgawdija de facto tal-leave, minħabba l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni legali, tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jiġi invokat id-dritt tal-impjegat għal kumpens? Fl-affermattiv, tali kumpens għandu jitħallas mill-Istat minħabba ksur tal-Artikolu 7 tad-Direttiva jew mill-entità pubblika li għandha l-kwalità ta’ persuna li timpjega li ma tkunx awtorizzat, matul il-perijodu tal-leave, is-separazzjoni mill-minuri inkwistjoni? F’tali sitwazzjoni, sabiex ikun intitolat għal kumpens, huwa meħtieġ li l-impjegat ikun talab awtorizzazzjoni sabiex jissepara ruħu mill-minuri u l-persuna li timpjega tkun irrifjutat li tagħti tali awtorizzazzjoni?

____________

1 Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta' Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2 Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).