Language of document : ECLI:EU:C:2014:54

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Frar 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 52 TFUE u 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Għoti ta’ liċenzja nawtika għar-rikreazzjoni — Rekwiżit ta’ residenza fil-pajjiż li joħroġ il-liċenzja — Restrizzjoni għal persuni mhux residenti — Preżervazzjoni tas-sigurtà fil-baħar — Ordni pubbliku”

Fil-Kawża C‑509/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Central Administrativo Norte (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

Instituto Portuário e dos Transportes Marítimos (IPTM)

vs

Navileme – Consultadoria Náutica Lda,

Nautizende – Consultadoria Náutica Lda,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Portugal, M. Moreno kif ukoll minn E. Gonçalves, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u P. Guerra e Andrade, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari essenzjalment tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 52 TFUE u 56 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Instituto Portuário e dos Transportes Marítimos (IPTM) u l-iskejjel Navileme — Consultadoria Náutica Lda (iktar ’il quddiem “Navileme”) u Nautizende — Consultadoria Náutica Lda (iktar ’il quddiem “Nautizende”), dwar ir-rifjut tal-IPTM li jippermetti l-aċċess għall-eżami, sabiex tinkiseb liċenzja nawtika għar-rikreazzjoni (iktar ’il quddiem il-“liċenzja nawtika”), liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li ma jirrisjedux fil-Portugall.

 Id-dritt Portugiż

3        L-Artikolu 29(1) tar-Regolament tan-Navigazzjoni għar-Rikreazzjoni, approvat permezz tad-Digriet-Liġi Nru 124/2004 (Regulamento da Náutica de Recreio, aprovado pelo Decreto-Lei n.° 124/2004), tal-25 ta’ Mejju 2004 (Diário da República I, serje A, Nru 122, tal-25 ta’ Mejju 2004, iktar ’il quddiem ir-“RTR”) jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-artikolu ta’ wara dan, il-[liċenzji nawtiċi] għandhom jinħarġu mill-IPTM lill-persuni li għandhom ir-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali u li jipproduċu ċertifikat li jiċċertifika li huma temmew b’suċċess it-taħriġ neċessarju għall-kisba tagħhom, taħt ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 35. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Navileme u Nautizende ppreżentaw, quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto, azzjoni amministrattiva kontra l-IPTM, li huwa l-organu inkarigat, fil-Portugall, mill-organizzazzjoni tal-eżamijiet u tal-ħruġ tal-liċenzji nawtiċi. Dawn iż-żewġ skejjel nawtiċi għandhom is-sede tagħhom fil-Portugall u l-għan tagħhom jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jipprovdu t-taħriġ obbligatorju tal-kandidati li jixtiequ jippreżentaw ruħhom għall-eżami bil-għan li jiksbu din il-liċenzja. Skont dawn l-iskejjel, sa mix-xahar ta’ Diċembru 2004, l-IPTM irrifjuta li jaċċetta li jagħmlu l-eżami tal-imsemmija liċenzja studenti tal-iskejjel tagħhom li ma jirrisjedux fil-Portugall, minħabba li dawn ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 29(1) tar-RTR. Huwa stabbilit li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-RTR, persuni mhux residenti setgħu jippreżentaw ruħhom għal dan l-eżami.

5        Navileme u Nautizende sostnew li r-rekwiżit ta’ residenza, previst fl-Artikolu 29(1) tar-RTR, la josserva d-dritt tal-Unjoni u lanqas ma josserva l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bbażati fuq in-nazzjonalità u r-residenza. Dan ir-rekwiżit għandu l-effett li jirrestrinġi l-libertà tal-istudenti li jmorru fi Stati Membri li ma humiex l-Istat ta’ residenza tagħhom, f’dan il-każ il-Portugall, sabiex jibbenefikaw mis-servizzi ta’ taħriġ sabiex jippreparaw għall-eżami tal-liċenzja nawtika. Huma jallegaw li din ir-restrizzjoni tnaqqas in-numru ta’ studenti li jinkitbu għat-taħriġ tagħhom. Skont Navileme u Nautizende, tali restrizzjoni ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tat-Trattat FUE.

6        Huwa abbażi ta’ dan l-argument li Navileme u Nautizende talbu lit-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto, minn naħa, jikkundanna lill-IPTM iħallashom id-danni u, min-naħa l-oħra, jobbligah jaċċetta ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx ir-residenza tagħhom fil-Portugall għall-eżami tal-liċenzja nawtika u, fil-każ li jgħaddu minn dan l-eżami, jawtorizza lil dawn iċ-ċittadini jsuqu l-bċejjeċ tal-baħar li jikkorrispondu mal-liċenzja li jkunu kisbu. It-Tribunal Administrativo e Fiscal do Porto laqa’ t-talbiet tagħhom.

7        L-IPTM appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

8        Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Central Administrativo Norte ddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dritt tal-[Unjoni], fid-dawl tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn ċittadini nazzjonali ta’ Stat Membru u ċittadini nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor [Artikolu 18 TFUE], fid-dawl tal-moviment liberu tal-persuni fl-[Unjoni u] l-eċċezzjonijiet tiegħu [Artikolu 45(3) TFUE], u fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u r-restrizzjonijiet possibbli tagħha [Artikoli 52 TFUE u 62 TFUE], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tirrikjedi reżidenza fit-territorju rispettiv sabiex tkun tista’ tinħareġ [liċenzja nawtika]?”

 Fuq id-domanda preliminari

9        Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 52 TFUE u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi rekwiżit ta’ residenza fit-territorju nazzjonali għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jiksbu liċenzja nawtika minn dan l-Istat Membru.

10      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, minn naħa, id-dritt ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jiġi invokat minn impriża fir-rigward tal-Istat fejn din tkun stabbilita, meta s-servizzi jiġu pprovduti lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u, għaldaqstant, dan id-dritt jinkludi l-libertà tad-destinatarji ta’ servizzi li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex, hemmhekk, jibbenefikaw minn servizz, mingħajr ma jkunu limitati minn restrizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Ciola, C‑224/97, Ġabra p. I‑2517, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata).

11      Bl-istess mod, il-persuni stabbiliti fi Stat Membru, li jmorru fi Stat Membru ieħor bħala turisti jew fil-kuntest ta’ vjaġġ ta’ studju, għandhom jitqiesu li huma destinatarji ta’ servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, Ġabra p. I‑5267, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

12      Konsegwentement, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikoli 56 TFUE sa 62 TFUE japplikaw, minn naħa, għall-provvista tas-servizzi ta’ taħriġ bil-għan li tinkiseb liċenzja nawtika proposti minn skejjel nawtiċi, bħalma huma Navileme u Nautizende, lil studenti ta’ Stati Membri oħra li ma jirrisjedux fil-Portugall u jixtiequ jiksbu l-liċenzja nawtika tagħhom f’dan l-Istat Membru, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-kisba ta’ dawn l-istess servizzi mill-imsemmija studenti.

13      Għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tillimita l-ħruġ ta’ liċenzja nawtika għar-residenti tal-Istat Membru inkwistjoni biss, tmur kontra l-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 56(1) TFUE, ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

14      Fil-fatt, minkejja li tali dispożizzjoni tad-dritt Portugiż tapplika, mingħajr distinzjoni, għall-persuni ta’ nazzjonalità Portugiża u għal dawk li ma humiex ta’ nazzjonalità Portugiża u, għaldaqstant, ma hijiex ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-kandidati sabiex tinkiseb il-liċenzja nawtika, hija tadotta madankollu bħala kriterju deċiżiv il-post tar-residenza tagħhom. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi distinzjoni bbażata fuq il-kriterju tar-residenza għandha r-riskju li topera, prinċipalment, għad-detriment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra sa fejn il-persuni mhux residenti fi Stat Membru partikolari spiss ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice, C‑350/96, Ġabra p. I‑2521, punt 29; Ciola, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; u tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, Ġabra p. I‑139, punt 34).

15      Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għaldaqstant tista’ taffettwa ċerti destinatarji tas-servizz ikkonċernat, jiġifieri l-istudenti li ma jirrisjedux fil-Portugall, li rċevew taħriġ ipprovdut minn Navileme jew Nautizende u li, bl-għarfien miksub minn dan it-tagħlim, ikunu jixtiequ sussegwentement jiksbu l-liċenzja nawtika tagħhom fil-Portugall.

16      Bl-istess mod, l-imsemmija leġiżlazzjoni toħloq xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ taħriġ nawtiku pprovduti minn skejjel bħalma huma Navileme jew Nautizende, peress li l-istudenti li ma jirrisjedux fil-Portugall ma jistgħux ikunu interessati fit-taħriġ tagħhom, billi dawn l-istudenti ma jkunux jistgħu, sussegwentement, jiksbu l-liċenzja nawtika.

17      Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha l-effett, minn naħa, li tiskoraġġixxi ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma jirrisjedux fil-Portugall milli jmorru f’dan l-Istat Membru sabiex, hemmhekk, jirċievu taħriġ bil-għan li jiksbu liċenzja nawtika maħruġa minn dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, li tirrendi inqas attraenti s-servizzi offruti mill-iskejjel tan-navigazzjoni lill-istudenti li ma jirrisjedux fil-Portugall, billi dawn ma jkunux jistgħu jippreżentaw ruħhom għall-eżami bil-għan li jiksbu liċenzja nawtika f’dan l-Istat Membru u lanqas ma tkun tista’ tinħarġilhom tali liċenzja, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56(1) TFUE.

18      Sussegwentement, jaqbel li jiġi eżaminat sa fejn ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun ammessa bħala waħda mill-miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikolu 52 TFUE, applikabbli għall-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew tista’ tiġi ġġustifikata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, HIT u HIT LARIX, C‑176/11, punt 20). Madankollu, xorta huwa meħtieġ li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u li hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan il-għan jintlaħaq (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C‑379/11, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dan ir-rigward, il-Gvern Portugiż isostni li r-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija neċessarja għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, f’dan il-każ in-neċessità, għal dan l-Istat Membru, li jiggarantixxi livell ta’ sigurtà għoli fil-baħar, li jeżiġi, b’mod partikolari, li jiġi żgurat il-kontroll effettiv tad-detenturi ta’ liċenzja nawtika. Il-rekwiżit ta’ residenza, previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, huwa essenzjali għal dan il-għan. Dan il-gvern josserva, barra minn hekk, li d-dritt sekondarju tal-Unjoni stess jaċċetta l-prinċipju ta’ impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ residenza, u f’dan ir-rigward jagħmel riferiment għall-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317).

20      Ċertament, l-għan ta’ sigurtà u ta’ ordni pubbliku, previst espressament fl-Artikolu 52 TFUE u li għalih jagħmel riferiment il-Gvern Portugiż, jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’, bħala prinċipju, jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni dan il-gvern, ir-rekwiżit ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax ikun iġġustifikat minn dan l-għan. Fil-fatt, l-użu ta’ tali ġustifikazzjoni jippreżupponi l-eżistenza ta’ theddida reali u gravi biżżejjed, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑546/07, Ġabra p. I‑439, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-Gvern Portugiż bl-ebda mod ma jallega li tali ċirkustanzi huma stabbiliti f’dan il-każ.

21      Barra dan, għandu jiġi kkonstatat li rekwiżit, bħalma huma r-rekwiżit ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma għandu ebda rabta mat-taħriġ segwit u mal-kapaċità nawtika, minnu nnifsu ma huwiex idoneu sabiex jikkontribwixxi għall-għan imfittex, jiġifieri li tiġi żgurata s-sigurtà tan-navigazzjoni fil-baħar.

22      Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Portugiż, il-fatt li l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439, u issa l-Artikolu 7(1)(e) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, p. 18), jawtorizza l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan Ewropea biss lill-applikanti li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew li jistgħu jistabbilixxu li, hemmhekk, huma ilhom isegwu xi studji għal tal-inqas sitt xhur, ma għandux rilevanza. Fil-fatt, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit ta’ residenza msemmi minn dawn id-direttivi jiddetermina, f’qasam armonizzat tad-dritt tal-Unjoni, il-kompetenza ta’ kull Stat Membru f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ liċenzja tas-sewqan Ewropea.

23      Fi kwalunkwe każ, l-għan li jiġi ggarantit livell aħjar ta’ sigurtà fil-baħar jista’ jiġi sodisfatt permezz ta’ mezzi li jirrestrinġu inqas il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, b’mod partikolari permezz tal-iffissar ta’ livell għoli tar-rekwiżit limitu tal-eżami għall-kisba tal-liċenzja nawtika.

24      Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 52 TFUE u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi rekwiżit ta’ residenza fit-territorju nazzjonali fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu jixtiequ jiksbu liċenzja nawtika mingħand dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

25      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Permezz ta’ dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 52 TFUE u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi rekwiżit ta’ residenza fit-territorju nazzjonali fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jkunu jixtiequ jiksbu liċenzja nawtika għar-rikreazzjoni mingħand dan l-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.