Language of document : ECLI:EU:C:2013:224

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ April 2013 (*)

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Artikolu 45 TFUE – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 71 – Ħaddiem transkonfinali atipiku kompletament qiegħed li żamm rabtiet personali u professjonali fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 65 – Dritt għal benefiċċju fl-Istat Membru ta’ residenza – Rifjut ta’ ħlas mill-Istat Membru tal-aħħar impjieg – Ammissibbiltà – Rilevanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1986, Miethe (1/85) – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Artikolu 87(8) – Kunċett ta’ sitwazzjoni li ‘ma nbidlitx’”

Fil-Kawża C‑443/11,

li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Awwissu 2011, fil-proċedura

F. P. Jeltes,

M. A. Peeters,

J. G. J. Arnold

vs

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F. P. Jeltes, minn P. Van der Wulp,

–        għal M. A. Peeters, minn S. van der Beek-Verdoorn,

–        għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen, minn I. Eijkhout, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn D. Hadroušek u M. Smolek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u C. Vang, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Jannar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 65 u 87(8) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5 p. 72), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 284, p. 43, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), kif ukoll tal‑Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kwistjonijiet bejn F. P. Jeltes, M. A. Peeters u J. G. J. Arnold kontra Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen fir-rigward taċ-ċaħda minn din tal-aħħar tat-talbiet tagħhom ta’ kisba jew ta’ żamma ta’ benefiċċji skont il-liġi dwar il-qgħad (Werkloosheidswet, iktar ’il quddiem il-“WW”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 35), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 177, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

[...]

b)      ħaddiem tal-fruntiera jfisser kull impjegat jew wieħed li jaħdem għal rasu li jkollu mpieg fit-territorju ta’ Stat Membru u joqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li fih jirritorna bħala regola jew għall-inqas darba fil-ġimgħa; [...]

[...]

o)      istituzzjoni kompetenti tfisser:

i)      l-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija assigurata fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni għall-benefiċċji;

[...]

[...]

q)      Stat kompetenti jfisser l-Istat Membru fit-territorju ta’ liema tinsab l-istituzzjoni kompetenti;

[...]”

4        L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“1.      Persuna disimpjegata [persuna qiegħda] li qabel kienet impjegata u li, matul l-aħħar impjieg tagħha, kienet tabita fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti tirċievi benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)      i)     Ħaddiem tal-fruntiera [transkonfinali] li huwa bla xogħol parzjalment jew minn żmien għal ieħor fl-intrapriża li timpjegah, jirċievi benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti bħallikieku huwa kien jabita fit-territorju ta’ dak l-Istat; dawn il-benefiċċji jkunu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti.

ii)      Ħaddiem tal-fruntiera [transkonfinali] li huwa kompletament impjegat jirċievi benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabita bħallikieku huwa kien suġġett għal dik il-leġislazzjoni waqt l-aħħar impjieg, dawn il-benefiċċji jkunu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza aspejjeż tagħha.

b)      i)     Persuna impjegata, differenti minn ħaddiem tal-fruntiera [transkonfinali], li huwa parzjalment, jew minn żmien għal żmien inkella kompletament impjegata u li tibqa disponibbli għal min iħaddimha jew għas-servizzi ta’ l-impjieg fit-territorju ta’ l-Istat kompetenti tirċievi benefiċċji skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat bħallikieku hija kienet tabita fit-territorju tiegħu, dawn il-benefiċċji jkunu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti.

ii)      Persuna impjegata, mhux bħala ħaddiem tal-fruntiera [transkonfinali], li hija kompletament impjegata u li tagħmel lilha nfisha disponibbli għax-xogħol mas-servizzi ta’ l-impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru li fih hija tabita, jew li terġa lura f’dak it-territorju, tirċievi benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat bħallikieku l-aħħar li kienet impjegata kien hemm; l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tipprovdi tali benefiċċji a spejjeż tagħha. Madanakollu, jekk tali persuna impjegata tkun saret intitolata għall-benefiċċji a spejjeż ta’ l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li għal-leġislazzjoni tiegħu kienet suġġetta, din tirċievi benefiċċji taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69. Ir-riċeviment ta’ benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat li fih tabita jkun sospiż għal kwalunkwe perjodu matul liema l-persuna impjegata tista’, taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69, tagħmel talba għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni li għaliha hija kienet suġġetta.

[...]”

 Ir-Regolament Nru 883/2004

5        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “ħaddiema bejn il-fruntieri [transkonfinali]”, ta’ “istituzzjoni kompetenti” u ta’ “Stat Membru kompetenti” bi kliem essenzjalment identiċi għal dawk użati fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71.

6        L-Artikolu 11(3)(ċ) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi li “persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru”.

7        L-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Persuni li ma għandhomx xogħol [persuna qiegħda] li kienu residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Persuna li hija parzjalment jew b’mod intermittenti mingħajr xogħol u li, matul l-aħħar attività tagħha bħal persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienet residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għall-persuna li tħaddimha jew għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru kompetenti. Din il-persuna għandha tirċievi benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti bħallikieku hija kienet residenti f’dak l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti.

2.      Persuna li ma għandha l-ebda impjieg u li, matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, kienet residenti fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti u li tibqa’ residenti f’dak l-Istat Membru jew tmur lura lejn dak l-Istat Membru, għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 64, persuna li ma għandha l-ebda impjieg tista, bħala pass supplimentari, tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg ta’ l-Istat Membru fejn hija wettqet l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.

Persuna li ma għandhiex impjieg [persuna qiegħda], minbarra persuna li taħdem bejn il-fruntieri [transkonfinali], li ma tmurx lura lejn l-Istat Membru ta’ residenza tagħha, għandha tagħmel lilha nnifisha disponibbli għas-servizzi ta’ impjieg fl-Istat Membru fejn l-aħħar li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni tiegħu.

3.      Il-persuna li ma għandhiex xogħol [persuna qiegħda] imsemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 2 [subartikolu 2] għandha tirreġistra bħala persuna li qiegħda tfittex impjieg mas-servizzi ta’ impjieg kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn hija għandha r-residenza tagħha. Hija għandha tkun suġġetta għall-proċedura ta’ kontroll użata hemmhekk u għandha tirrispetta l-kondizzjonijiet stabbiliti mil-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru. Jekk din il-persuna tagħżel li tirreġistra wkoll bħala persuna li qiegħda tfittex xogħol fl-Istat Membru fejn hija wettqet l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, hija għandha tirrispetta l-obbligi li japplikaw f’dak l-Istat.

4.      L-implimentazzjoni tat-tieni sentenza tal-paragrafu 2 [subartikolu 2] u tat-tieni sentenza tal-paragrafu 3 [subartikolu 3], kif ukoll l-arranġamenti għal skambji ta’ informazzjoni, koperazzjoni u assitenza reċiproka bejn l-istituzzjonijiet u s-servizzi ta’ l-Istat Membru ta’ residenza u l-Istat Membru fejn il-persuna wettqet l-aħħar attività tagħha, għandhom ikunu stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

5.      (a)   Il-persuna li ma għandhiex impjieg [persuna qiegħda] imsemmija fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 [subartikolu 2] għandha tirċievi benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha bħallikieku kienet suġġetta għal dik il-leġislazzjoni matul l-aħħar attività tagħha bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza.

(b)      Madankollu, ħaddiem, minbarra ħaddiem li jaħdem bejn il-fruntieri [transkonfinali], li rċieva benefiċċji bl-ispejjeż għall-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li l-aħħar li kien suġġett għal-leġislazzjoni tiegħu, għandu malli jmur lura lejn l-Istat Membru fejn għandu r-residenza tiegħu, l-ewwel jirċievi benefiċċji skond l-Artikolu 64. Il-benefiċċji skond (a) għandhom ikunu sospiżi matul il-perjodu li fih jirċievi benefiċċji taħt il-leġislazzjoni li l-aħħar li kien suġġett tagħha.

6.      Il-benefiċċji mogħtija mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza taħt il-paragrafu 5 [subartikolu 5] għandhom jibqgħu bl-ispejjeż għaliha stess. [...]

[...]”

8        L-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji”, jipprovdi:

“1.      L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb taħt dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni tiegħu.

[...]

8.      Jekk, bħala riżultat ta’ dan ir-Regolament, persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru barra minn dak determinat skont it-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, dik il-leġiżlazzjoni għandha tkompli tapplika sakemm is-sitwazzjoni relevanti tibqa’ ma nbidlitx u fi kwalunkwe każ għal perijodu mhux anqas minn 10 snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm il-persuna kkonċernata ma titlobx li hija ssir suġġetta għal-leġiżlazzjoni applikabbli taħt dan ir-Regolament. It-talba għandha tiġi preżentata fi żmien tliet xhur wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hi applikabbli taħt dan ir-Regolament jekk il-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru sa mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk it-talba ssir wara l-limitu taż-żmien indikat, il-bidla tal-leġiżlazzjoni applikabbli għandha ssir fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara.

[...]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009

9        Il-premessa 13 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ta’ implementazzjoni”), hija fformulata kif ġej:

“Dan ir-Regolament jipprevedi miżuri u proċeduri sabiex tkun promossa l-mobbiltà tal-impjegati u ta’ persuni bla impjieg [qiegħda]. Il-ħaddiema tal-fruntiera li sabu rwieħhom għal kollox bla impjieg jistgħu jkunu disponibbli għas-servizzi tal-impjieg kemm tal-pajjiż ta’ residenza kif ukoll tal-Istat Membru fejn kienu impjegati l-aħħar. Madankollu, għandhom ikunu intitolati għall-benefiċċji mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom biss.”

 Id-dritt Olandiż

10      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 19(1)(f) tal-WW jissuġġetta d-dritt tal-ħaddiema għal benefiċċju tal-qgħad għall-kundizzjoni li jirrisjedu fit-territorju nazzjonali.

 Il-fatti li taw lok għall-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

11      F. P. Jeltes, M. A. Peeters u J. G. J Arnold, ħaddiema transkonfinali ta’ nazzjonalità Olandiża, ħadmu fil-Pajjiżi l-Baxxi, meta l-ewwel tnejn minn fosthom kienu jirrisjedu fil-Belġju filwaqt li t-tielet fil-Ġermanja.

12      F. P. Jeltes spiċċa f’sitwazzjoni ta’ qgħad mix-xahar ta’ Awwissu 2010, jiġifieri wara d-data tad-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Mejju 2010, tar-Regolament Nru 883/2004. Huwa talab lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jingħata benefiċċju tal-qgħad, skont il-WW, iżda dawn ċaħdu t-talba tiegħu.

13      M.A. Peeters tilfet l-impjieg tagħha matul ix-xahar ta’ Mejju 2009 u bbenefika minn benefiċċju tal-qgħad mogħti mill-awtoritajiet Olandiżi. Hija reġgħet sabet impjieg fis‑26 ta’ April 2010, qabel ma nstabet mill-ġdid f’sitwazzjoni ta’ qgħad fit‑18 ta’ Mejju 2010. Matul il-perijodu meta l-persuna kkonċernata kienet reġgħet bdiet taħdem, il-benefiċċju tal-qgħad ma baqax jiġi mħallas lilha, iżda dawn l-awtoritajiet informawha li, jekk hija kellha tinsab mill-ġdid mingħajr impjieg qabel il‑25 ta’ Ottubru 2010, hija tkun tista’ titlob it-tkomplija tal-ħlas ta’ dan il-benefiċċju. Meta M.A. Peeters marret quddiem l-imsemmija awtoritajiet, wara li tilfet ix-xogħol tagħha mill-ġdid, huma madankollu rrifjutaw li jkomplu bil-ħlas tal-imsemmi benefiċċju.

14      J.G.J. Arnold tilef l-impjieg tiegħu u kiseb benefiċċju tal-qgħad mill-awtoritajiet Olandiżi skont il-WW, mit‑2 ta’ Frar 2009. Fix-xahar ta’ Marzu 2009, huwa beda jeżerċita attività professjonali bħala ħaddiem indipendenti fil-Ġermanja. Dawn l-awtoritajiet temmew il-ħlas tal-benefiċċju tal-qgħad mogħti lill-persuna kkonċernata filwaqt li informawha li, kieku kellha tieqaf mill-attività professjonali tagħha ta’ ħaddiem indipendenti qabel it‑30 ta’ Awwissu 2011, hija tkun tista’ titlob li l-benefiċċju jkompli jitħallas lilha. J. G. J. Arnold waqaf jeżerċita din l-attività professjonali u talab, fl‑1 ta’ Ġunju 2010, sabiex il-benefiċċju msemmi jitkompla jitħallas lilu. Madankollu, l-awtoritajiet Olandiżi rrifjutaw li jħallsulu dan il-benefiċċju.

15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt Olandiż jeskludi l-ħlas ta’ benefiċċji tal-qgħad lil ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qgħad li ma jirrisjedux fit-territorju nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li, fir-rigward tat-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Olandiżi bbażaw ir-rifjut tagħhom fuq l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004, li jindika lill-Istat Membru ta’ residenza, f’dan il-każ ir-Renju tal-Belġju għall-ewwel tnejn u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għat-tielet rikorrenti, bħala l-Istat Membru inkarigat mill-għoti tal-benefiċċji tal-qgħad.

16      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, quddiem ir-Rechtbank Amsterdam, rikors kontra deċiżjonijiet ta’ rifjut adottati mill-awtoritajiet Olandiżi. Din il-qorti tispeċifika li huwa paċifiku li l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004 ma joffrix possibbiltà lir-rikorrenti li jitolbu mill-imsemmija awtoritajiet l-għoti ta’ benefiċċju tal-qgħad. Madankollu hija żżid tgħid li huwa paċifiku wkoll li dawn il-persuni jikkostitwixxu ħaddiema transkonfinali atipiċi fis-sens tas-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 1986, Miethe (1/85, Ġabra p. 1837), fis-sens li żammew rabtiet personali u professjonali partikolarment stretti fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg tagħhom. Skont din il-qorti, minn dan jirriżulta li milli jidher huwa f’dan l-Istat, f’dan il-każ ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li huma għandhom l-aqwa opportunitajiet li jiġu integrati professjonalment mill-ġdid. Għallhekk hija tistaqsi jekk għandux jiġi kkunsidrat, bħal fis-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, li r-rikorrenti jistgħu jitolbu l-benefiċċji tal-qgħad f’dan l-Istat Membru.

17      Peress li madankollu kellha dubji, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, fir-rigward tal-attwalità tar-rilevanza tas-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Rechtbank Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Is-sentenza Miethe, [iċċitata iktar ’il fuq,] mogħtija meta kien għadu fis-seħħ ir-Regolament Nru 1408/71, għad għandu, taħt ir-Regolament Nru 883/2004, il-portata addizzjonali li kellu, jiġifieri li jagħti lill-ħaddiem transkonfinali atipiku d-dritt li jagħżel l-Istat Membru fejn qiegħed lilu nnifsu disponibbli għad-dipartiment tal-impjiegi u mingħand min huwa jirċievi benefiċċju tal-qgħad, minħabba l-fatt li jkun f’dan l-Istat Membru tal-għażla tiegħu li għandu l-aħjar ċans ta’ reintegrazzjoni fil-ħajja professjonali tiegħu? Jew l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004, eżaminat globalment, diġà jippermetti li jiġi żgurat b’mod suffiċjenti li l-ħaddiem li huwa għal kollox bla xogħol jirċievi benefiċċju f’kundizzjonijiet li huma iktar favorevoli għalih fir-rigward tat-tfittxija tiegħu għal xogħol, u s-sentenza Miethe tilfet dak il-valur addizzjonali tagħha?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u f’dan il-każ l-Artikolu 45 TFUE jew l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, jipprekludi lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti benefiċċju tal-qgħad taħt il-liġi nazzjonali tiegħu fil-każ fejn ħaddiem migrant (ħaddiem transkonfinali) li jinsab għalkollox bla xogħol, li wettaq l-aħħar attività tiegħu f’dan l-Istat Membru u li għalhekk jista’ jiġi preżunt li huwa f’dan l-Istat Membru li, minħabba fil-preżenza ta’ rabtiet soċjali u familjari, huwa għandu ċans ikbar ta’ reintegrazzjoni fil-ħajja professjonali, sempliċement minħabba fil-motiv li dan il-ħaddiem huwa residenti fi Stat Membru ieħor?

3)      Fid-dawl tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali [tal-Unjoni Ewropea] u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, x’risposta għandha tingħata lid-domanda preċedenti meta l-benefiċċju tal-qgħad diġà ngħata lil tali ħaddiem qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, taħt il-liġi tal-Istat fejn qabel kien jaħdem, u li l-limitu massimu tal-perijodu għall-għoti jew it-tkomplija ta’ dan il-benefiċċju għadu ma ntlaħaqx fil-mument ta’ dan id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (il-benefiċċju waqaf milli jingħata minħabba li l-persuna qiegħda aċċettat impjieg ġdid)?

4)      Ir-risposta għad-domanda 2) hija differenti jekk kienu ttieħdu xi impenji fil-konfront tal-ħaddiema transkonfinali kkonċernati, qegħda, li taħthom dawn setgħu jitolbu t-tkomplija tad-dritt tagħhom għal benefiċċju jekk, wara li jkunu sabu impjieg ġdid, kienu għal darb’oħra qiegħda, meta l-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward jidher li ma kinitx korretta jew li ma kinitx nieqsa minn ambigwità minħabba f’inċertezzi tal-prattika tal-implementazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk is-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, tibqax rilevanti, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 65(2) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li ħaddiem, li żamm rabtiet professjonali u personali mal-Istat tal-aħħar impjieg tiegħu tali li fih għandu l-aqwa opportunità ta’ reintegrazzjoni fil-ħajja professjonali, jista’ jagħżel li jqiegħed ruħu għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti ta’ impjieg ta’ dan l-Istat Membru sabiex jirċievi mhux biss għajnuna għall-klassifikazzjoni professjonali mill-ġdid, iżda wkoll benefiċċji tal-qgħad.

19      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jsir riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71 u għall-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, qabel ma jiġi eżaminat il-kontenut tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004.

20      L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-persuni qegħda li, matul l-aħħar impjieg tagħhom, kienu jirrisjedu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti. Hemm distinzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u r-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, li l-persuna li teżerċita attività remunerata fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat.

21      Skont l-Artikolu 71(1)(a)(ii) tal-imsemmi regolament, il-ħaddiema transkonfinali f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma jirrisjedu. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-dispożizzjoni tippreżumi b’mod impliċitu li tali ħaddiem jibbenefika, f’dan l-Istat, mill-iżjed kundizzjonijiet favorevoli għat-tiftixa ta’ impjieg (ara s-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

22      Skont l-Artikolu 71(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/1, il-ħaddiema impjegati minbarra l-ħaddiema transkonfinali, jiġifieri persuni li, bil-kontra tal-ħaddiema transkonfinali, ma jidħlux ta’ kuljum jew mill-inqas darba fil-ġimgħa fl-Istat ta’ residenza tagħhom, għandhom l-għażla, meta jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, minn naħa, jew li jibqgħu għad-dispożizzjoni tal-persuna tad-dipartimenti tal-impjieg fit-territorju tal-Istat Membru kompetenti, jew min-naħa l-oħra jqiegħdu lilhom infushom għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti tal-impjieg fit-territorju tal-Istat Membru fejn jirrisjedu. Fl-ewwel każ, huma jibbenefikaw mill-benefiċċji tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg, filwaqt li fit-tieni każ, huma jibbenefikaw minn dawk tal-Istat Membru ta’ residenza. Il-benefiċċji inkwistjoni ma jinkludux biss allowances fi flus, iżda wkoll l-għajnuna għall-klassifikazzjoni personali mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 18 tas-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, li l-għan segwit mill-Artikolu 71(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, dwar il-ħaddiema transkonfinali f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, jiġifieri li jiġu żgurati lill-ħaddiem migrant il-benefiċċji tal-qgħad fl-iktar kundizzjonijiet favorevoli, madankollu ma jistax jintlaħaq meta ħaddiem transkonfinali f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet ikun eċċezzjonalment żamm fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg tiegħu rabtiet personali u professjonali kif hemm f’dan l-Istat fejn għandu l-aħjar possibbiltajiet ta’ reintegrazzjoni fil-ħajja professjonali. Għalhekk dan il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala “differenti minn ħaddiem tal-fruntiera [transkonfinali]” fis-sens tal-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament u konsegwentement jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-subartikolu 1(b) ta’ dan l-artikolu. Minn dan jirriżulta li dan il-ħaddiem jista’ jagħżel li jqiegħed ruħu għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti tal-impjieg tal-aħħar Stat Membru fejn ħadem u jirċievi benefiċċji minn dan l-Istat, liema benefiċċji jieħdu l-forma kemm ta’ għajuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid kif ukoll ta’ allowances.

24      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 883/2004, il-leġiżlatur xtaq jimmodernizza u jissimplifika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 li kienu saru iktar kumplessi u tqal wara bosta emendi u aġġornamenti.

25      B’hekk l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004 issostitwixxa l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71 billi emenda parti mill-kontenut tiegħu.

26      Mill-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004, jirriżulta li l-ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, li kien jirrisjedi fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru kompetenti u li jkompli jirrisjedi f’dan l-Istat Membru, l-Istat Membru ta’ residenza, jqiegħed ruħu għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti ta’ impjieg tal-imsemmi Stat. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li huwa jista’, barra minn hekk, iqiegħed ruħu għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti ta’ impjieg tal-Istat Membru fejn wettaq l-aħħar attività professjonali tiegħu sew jekk remunerata sew jew mhux remunerata.

27      Fir-rigward tal-ħaddiem li ma huwiex ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, huwa jqiegħed lilu nnifsu għad-dispożizzjoni jew tad-dipartimenti ta’ impjieg fl-Istat ta’ residenza tiegħu, jekk huwa jirritorna f’dan l-Istat, jew tad-dipartimenti tal-aħħar Stat Membru li fih huwa ħadem, jekk ma jirritornax fl-imsemmi Stat.

28      Il-possibbiltà għall-ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, prevista fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004, li jqiegħed lilu nnifsu, barra minn hekk, għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti ta’ impjieg tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg tiegħu tikkostitwixxi element ġdid meta mqabbel mal-kontenut tal-Artikolu 71(1)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71. Il-ħaddiem ikkonċernat, ikunu liema jkunu r-rabtiet li huwa żamm f’dan l-Istat u, b’mod partikolari, jekk fih huwa għandu opportunitajiet aqwa ta’ integrazzjoni professjonali mill-ġdid, jista’ għalhekk jibbenefika wkoll fl-imsemmi Stat minn servizzi ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid. B’hekk, il-leġiżlatur ħa parzjalment inkunsiderazzjoni s-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq.

29      Madankollu, skont din is-sentenza, ħaddiem li r-rabtiet mal-Istat tal-aħħar impjieg tiegħu kienu tali li f’dan l-Istat kellu opportunitajiet aqwa ta’ integrazzjoni professjonali mill-ġdid u kellu, għalhekk, jitqies bħala ħaddiem li ma huwiex ħaddiem transkonfinali, seta’ jibbenefika mhux biss mis-servizzi ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-imsemmi Stat, iżda wkoll mill-benefiċċji tal-qgħad ta’ dan tal-aħħar.

30      Għalhekk tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk il-possibbiltà, għal tali ħaddiem, li jikseb benefiċċji tal-qgħad mill-Istat Membru tal-aħħar impjieg tiegħu nżammitx mir-Regolament Nru 883/2004.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din il-possibbiltà ma tirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 65(2) ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu jipprovdi li ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet għandu jqiegħed lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti ta’ impjieg tal-Istat ta’ residenza tiegħu. Dan huwa obbligu u mhux possibbiltà. Skont is-subartikolu 5(a) tal-imsemmi artikolu, dan il-ħaddiem jibbenefika mis-servizzi pprovduti, u għaldaqstant mill-benefiċċji tal-qgħad, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza bħallikieku huwa kien ġie suġġett għaliha matul l-aħħar attività professjonali tiegħu sew jekk remunerata, sew jekk mhux remunerata. Huwa biss b’mod kumplimentari li huwa jista’, barra minn hekk, jirreġistra ruħu mad-dipartimenti ta’ impjieg tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg tiegħu. Skont l-Artikolu 56(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jagħmel riferiment għall-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004, din ir-reġistrazzjoni tikkonċerna biss it-tiftixa ta’ impjieg.

32      Peress li r-Regolament Nru 883/2004 ġie fis-seħħ wara l-għoti tas-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlatur seta’, li kieku xtaq, fid-dawl tar-rieda tiegħu li jimmodernizza u jissimplifika r-regoli eżistenti, jirrediġi l-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament billi jintegra b’mod sħiħ u b’mod espliċitu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71 mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza. Issa, huwa ma għamilx hekk. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ riferiment espliċitu, fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 883/2004, ta’ possibbiltà li jinkisbu benefiċċji tal-qgħad mill-Istat Membru tal-aħħar impjieg jirrifletti r-rieda intenzjonali tal-leġiżlatur li jillimita t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq, billi jipprovdi biss possibbiltà addizzjonali għall-ħaddiem ikkonċernat li jirreġistra ruħu bħala persuna li qed tfittex impjieg mad-dipartimenti ta’ dan l-Istat Membru sabiex mingħandhom jikseb għajnuna supplimentari għall-klassifikazzjoni mill-ġdid.

33      Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-ħidma preparatorja relatata mar-Regolament Nru 883/2004 u mar-Regolament ta’ implementazzjoni.

34      Fir-rigward tar-Regolament Nru 883/2004, il-Kummissjoni Ewropea kienet ipproponiet li ttemm is-sistema eżistenti, skont liema l-ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad jirċievi l-benefiċċji tal-qgħad mill-Istat ta’ residenza pjuttost milli mill-Istat fejn ħadem fl-aħħar lok. Issa, il-Kummissjoni osservat f’komunikazzjoni tas‑27 ta’ Jannar 2004, li fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 18/2004 deċiża mill-Kunsill fis‑26 ta’ Jannar 2004, bil-għan tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 79 E, p. 15), hija ma kinitx waslet għal ftehim dwar din il-proposta u kienet żammet lill-Istat ta’ residenza bħala responsabbli għall-ħlas tal-allowances.

35      Fir-rigward tar-Regolament ta’ implementazzjoni, il-Parlament Ewropew kien ippropona, f’rapport tal‑10 ta’ Ġunju 2008, li jiġi ppreċiżat fi premessa ta’ dan ir-regolament li l-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni tal-ħaddiem mad-dipartimenti ta’ impjieg tal-Istat tal-aħħar impjieg tiegħu kienet intiża sabiex tiġi ffavorita l-mobbiltà tal-ħaddiema tal-qiegħda, iżda li l-ħaddiem kellu biss dritt għal allowance waħda, fl-Istat Membru ta’ residenza. Il-Parlament kien spjega li l-emendament tiegħu kien intiż li jneħħi kull ambigwità fir-rigward tal-applikazzjoni jew le tas-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq. Issa, il-premessa 13 tal-imsemmi regolament tadotta l-emenda proposta mill-Parlament bi kliem kważi identiku.

36      Konsegwentement, hemm lok sabiex ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament ma għandhomx jiġu interpretati fid-dawl tas-sentenza Miethe, iċċitata iktar ’il fuq. Fir-rigward ta’ ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, li żamm mal-Istat Membru tal-aħħar impjieg tiegħu rabtiet personali u professjonali tali li f’dan l-Istat għandu l-aqwa possibbiltajiet ta’ integrazzjoni professjonali mill-ġdid, dan l-Artikolu 65 għandu jinftiehem fis-sens li jippermetti lil tali ħaddiem iqiegħed lilu nnifsu b’mod kumplimentari għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti ta’ impjieg tal-imsemmi Stat mhux bil-għan li jikseb allowances tal-qgħad f’dan tal-aħħar, iżda biss bil-għan li jgawdi hemmhekk mis-servizzi ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

 Fuq it-tieni domanda

37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 45 TFUE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-fatt li l-Istat Membru tal-aħħar impjieg jirrifjuta, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jagħti lil ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, li f’dan l-Istat Membru għandu opportunitajiet aqwa ta’ integrazzjoni professjonali mill-ġdid, li jibbenefika minn allowances tal-qgħad, minħabba l-fatt li dan il-ħaddiem ma jirrisjedix fit-territorju tiegħu.

38      Din id-domanda għandha tiġi eżaminata fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet bħal dik ta’ F. P. Jeltes. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema bħal M. A. Peeters u J. G. J. Arnold tippreżenta karatteristiċi partikolari li għandhom ikunu s-suġġett ta’ eżami fil-kuntest tar-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi.

39      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-koordinament rikjest mir-Regolament Nru 883/2004, il-fatt li tiġi imposta kundizzjoni ta’ residenza prevista mill-imsemmi dritt nazzjonali ma jagħtix lok, f’sitwazzjon bħal dik ta’ F. P. Jeltes, għal riżultat li ma huwiex dak li jinħoloq bl-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fl-Artikolu 65(2) u (5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, li jipprovdu li l-ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet jirċievi l-benefiċċji skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, bħallikieku kien ġie ssuġġettat għal din il-leġiżlazzjoni matul l-aħħar attività professjonali remunerata jew mhux remunerata tiegħu, u l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tagħtih dawn il-benefiċċji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(3)(ċ) ta’ dan ir-regolament, il-persuna li tibbenefika mill-benefiċċji tal-qgħad skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 65, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali invokaw l-imsemmi Artikolu 65 sabiex jirrifjutaw li jilqgħu t-talbiet għall-kisba jew għat-tiftix ta’ benefiċċji tal-qgħad ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u sabiex jissuġġerixxu lil dawn tal-aħħar sabiex jindirizzaw ruħhom lill-awtoritajiet tal-Istat ta’ residenza tagħhom.

40      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta li, billi adotta r-Regolament Nru 883/2004, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu fir-rigward tal-għażla tal-miżuri l-iktar adegwati sabiex jintlaħaq ir-riżultat imsemmi fl-Artikolu 42 KE, ħeles prinċipalment mill-obbligu, li jirriżulta mill-missjoni li ġie fdat biha permezz ta’ dan l-artikolu, li jistabbilixxi sistema li tippermetti lill-ħaddiema jgħelbu l-ostakli li jistgħu jirriżultaw għalihom mir-regoli nazzjonali stabbiliti fil-qasam tas-sigurtà soċjali (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier‑Glisczinski, C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għalhekk, il-konstatazzjoni li l-applikazzjoni, f’każ inkwistjoni partikolari, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tkun konformi ma’ dispożizzjoni ta’ att ta’ dritt derivat, f’dan il-każ ir-Regolament Nru 883/2004, ma għandhiex neċessarjament bħala effett li tneħħi din il-leġiżlazzjoni mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi von Chamier‑Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66, kif ukoll, fil-qasam tal-benefiċċji tal-qgħad, tat‑18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C‑406/04, Ġabra p. I‑6947, u tal‑11 ta’ Settembru 2008, Petersen, C‑228/07, Ġabra p. I‑6989).

42      F’dan ir-rigward, mill-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-allowances tal-qgħad mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi huma ta’ ammont ogħla minn dawk imħallsa mill-awtoritajiet Belġjani, iżda li dawn tal-aħħar jitħallsu matul perijodu itwal.

43      Madankollu, għandu jitfakkar li peress li l-Artikolu 48 TFUE jipprevedi koordinazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, u mhux l-armonizzazzjoni tagħhom, id-differenzi ta’ mertu u ta’ proċedura bejn is-sistemi ta’ sigurtà soċjali ta’ kull Stat Membru, u għaldaqstant, fid-drittijiet tal-persuni assigurati magħhom, ma humiex milquta minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza von Chamier‑Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu ma jistgħux jiggarantixxu lil persuna assigurata li trasferiment fi Stat Membru ieħor ikun newtrali għal dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali. Fil-fatt, fid-dawl tad-disparitajiet li jeżistu bejn is-sistemi u l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, trasferiment bħal dan jista’, skont il-każ, ikun ftit jew wisq vantaġġjuż jew żvantaġġjuż mill-perspettiva finanzjarja għall-persuna kkonċernata (ara s-sentenzi von Chamier‑Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85, u tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑562/10, punt 57).

45      B’hekk, il-fatt li persuna bħal F. P. Jeltes tirċievi allowances tal-qgħad mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza, f’dan il-każ ir-Renju tal-Belġju, jirriżulta mill-applikazzjoni, skont ir-Regolament Nru 883/2004, tal-liġi ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam ta’ benefiċċji tal-qgħad. Differenza bejn il-benefiċċji previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg u dawk mogħtija skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ma tistax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ġaladarba tirriżulta mill-assenza ta’ armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam (ara, b’analoġija, fil-qasam tal-protezzjoni kontra r-riskju ta’ mard, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et, C‑345/09, Ġabra p. I‑9879, punt 106).

46      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 45 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li l-Istat Membru tal-aħħar impjieg jirrifjuta, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jagħti lil ħaddiem transkonfinali f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, li f’dan l-Istat Membru jgawdi mill-aħjar opportunitajiet ta’ integrazzjoni professjonali mill-ġdid, il-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad, minħabba l-fatt li ma jirrisjedix fit-territorju tiegħu, ġaladarba, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija dik tal-Istat Membru ta’ residenza.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

47      It-tielet u r-raba’ domandi jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta’ persuni bħal M. A Peeters u J. G. J. Arnold li, fid-dawl tan-natura qariba taż-żewġ perijodi ta’ qgħad li għaddew minnhom, talbu, abbażi tal-liġi nazzjonali, it-tkomplija tal-ħlas tal-allowances li minnhom huma kienu jibbenefikaw inizjalment, iżda ġiet irrifjutata lilhom it-tkomplija ta’ dan il-ħlas minħabba d-dħul fis-seħħ, maż-żmien, tar-Regolament Nru 883/2004.

48      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni tali, sabiex tiġi evitata restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta’ proprjetà u l-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ħaddiema kkonċernati jistgħu jkomplu jirċievu benefiċċji tal-qgħad mill-Istat tal-aħħar impjieg tagħhom.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 jipprovdi, favur persuna li, minħabba dan ir-regolament, hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li għal-leġiżlazzjoni tiegħu kien suġġett skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, iż-żamma tal-applikazzjoni ta’ din l-aħħar leġiżlazzjoni matul ċertu perijodu, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004, b’riżerva għall-fatt li s-sitwazzjoni prevalenti baqgħet l-istess.

50      B’hekk din id-dispożizzjoni tapplika, l-ewwel nett, għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni applikabbli tirriżulta mit-titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 u, it-tieni nett, għall-kundizzjoni li s-sitwazzjoni prevalenti baqgħet l-istess.

51      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, huwa paċifiku li M. A. Peeters u J. G. J. Arnold kisbu allowances tal-qgħad mill-awtoritajiet Olandiżi, skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Olandiżi, b’mod konformi mal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71. Issa, dan l-artikolu ma jirriżultax mit-titolu II ta’ dan ir-regolament, dwar ir-regoli ġenerali ta’ determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, iżda mit-titolu III tal-imsemmi regolament, dwar id-dispożizzjonijiet partikolari li jippermettu li tiġi ddeterminata din il-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari, minn benefiċċji tal-qgħad.

52      Għalhekk, l-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala direttament applikabbli, fih innifsu, fil-kawża prinċipali.

53      Għalhekk tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk din iċ-ċirkustanza tostakolax iż-żamma fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li kienet applikabbli taħt ir-Regolament Nru 1408/71.

54      Skont l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex, waħedha, tostakola ż-żamma fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

55      F’dan ir-rigward, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-nuqqas ta’ riferiment, fir-Regolament Nru 883/2004, għal dispożizzjoni tranżitorja applikabbli għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema kkonċernati jista’ jitqies li huwa dovut għal lakuna li seħħet matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u ma jirriflettix rieda intenzjonali tal-leġiżlatur li jissuġġetta immedjatament lil dawn tal-aħħar għal leġiżlazzjoni oħra.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha tiġi interpretata li tapplika, b’analoġija, għal ħaddiema transkonfinali li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet li, fid-dawl tar-rabtiet li żammew fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg tagħhom, jirċievu mingħand dan l-Istat allowances tal-qgħad abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71. Iċ-ċirkustanza li dan l-aħħar artikolu jaqa’ taħt it-titolu III tar-Regolament Nru 1408/71 f’tali każ ma jostakolax din l-applikazzjoni.

57      Fil-kuntest ta’ tali applikazzjoni tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is“-sitwazzjoni relevanti tibqa’ ma nbidlitx”, l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-tifsira li għandha tingħata lil dawn il-kliem huma diverġenti.

58      Għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen kif ukoll għall-gvern Olandiż u Daniż, ġaladarba l-ħaddiema kkonċernati kienu jeżerċitaw attività professjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004 u nstabu f’sitwazzjoni ta’ qgħad biss wara din id-data, is-sitwazzjoni tagħhom għandha titqies li nbidlet, fis-sens tal-Artikolu 87(8) ta’ dan ir-regolament. Għal M. A. Peeters, għall-gvern Ġermaniż u għall-Kummissjoni, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex determinanti u ma jipprekludux neċessarjament iż-żamma fis-seħħ tal-liġi li kienet applikabbli taħt ir-Regolament Nru 1408/71.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ sitwazzjoni li “ma nbidlitx” ma hijiex iddefinita mir-Regolament Nru 883/2004. Madankollu peress li dan ir-regolament ma jikkostitwixxix miżura ta’ armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, iżda att intiż li jikkoordina dawn is-sistemi, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw fil-leġiżlazzjoni tagħhom, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji minn sistema ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak, C‑611/10 u C‑612/10, punt 42). Il-kunċett ta’ sitwazzjoni li “ma nbidlitx”, fis-sens tal-Artikolu 87(8) ta’ dan ir-regolament, għandu, konsegwentement, jiġi interpretat permezz tad-definizzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ sigurtà soċjali (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kelma “impjieg”, fis-sens tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 71, sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2004, Adanez‑Vega, C‑372/02, Ġabra p. I‑10761, punt 33).

60      Fir-rigward ta’ ħaddiema bħal M. A. Peeters u J. G. J. Arnold, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont id-dritt Olandiż, fid-data li fiha dawn il-ħaddiema reġgħu sabu xogħol wara perijodu inizjali ta’ qgħad, jiġifieri, rispettivament, matul ix-xhur ta’ April 2010 u ta’ Marzu 2009, huma kellhomx dritt li jibbenefikaw minn tkomplija ta’ ħlas tal-allowances tal-qgħad jekk kienu jsibu lilhom infushom mill-ġdid f’sitwazzjoni ta’ qgħad qabel l-iskadenza ta’ ċertu perijodu. Ir-riferiment għall-kelma “tkomplija” mill-awtoritajiet Olandiżi jista’ jindika li tali dritt jeżisti skont il-leġiżlazzjoni Olandiża. Fl-affermattiv, hija din il-qorti li għandha tiddetermina jekk, b’mod partikolari fid-dawl tat-tul tal-perijodu li matulu l-partijiet ikkonċernati ħadmu mill-ġdid, dawn jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jibbenefikaw minn din it-tkomplija ta’ ħlas tal-imsemmija allowances, indipendentement mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 883/2004.

61      Għalhekk il-kunċett ta’ sitwazzjoni li “ma nbidlitx” fis-sens tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 2004, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ sigurtà soċjali u hija din il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk ħaddiema bħal M. A. Peeters u J. G. J. Arnold jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti minn din il-leġiżlazzjoni sabiex jistennew it-tkomplija tal-ħlas tal-allowances tal-qgħad li kienu tħallsulhom taħt l-imsemmija leġiżlazzjoni, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi għandha tkun li:

–        Hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004 fir-rigward ta’ ħaddiema transkonfinali li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet li, fid-dawl tar-rabtiet li żammew fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg tagħhom, jirċievu minn dan l-istat allowances tal-qgħad abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71.

–        Il-kunċett ta’ sitwazzjoni li “ma nbidlitx”, fis-sens tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ sigurtà soċjali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk ħaddiema bħal M. A. Peeters u J. G. J. Arnold jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti minn din il-leġiżlazzjoni sabiex jistennew it-tkomplija tal-ħlas tal-allowances tal-qgħad li kienu tħallsu lilhom skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Settembru 2009, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament ma għandhomx jiġu interpretati fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Ġunju 1986 Miethe (1/85). Fir-rigward ta’ ħaddiem transkonfinali li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, li żamm mal-Istat Membru tal-aħħar impjieg tiegħu rabtiet personali u professjonali tali li f’dan l-Istat għandu l-aqwa possibbiltajiet ta’ integrazzjoni professjonali mill-ġdid, dan l-Artikolu 65 għandu jinftiehem fis-sens li jippermetti lil tali ħaddiem iqiegħed lilu nnifsu b’mod kumplimentari għad-dispożizzjoni tad-dipartimenti ta’ impjieg tal-imsemmi Stat mhux bil-għan li jikseb allowances tal-qgħad f’dan tal-aħħar, iżda biss bil-għan li jgawdi hemmhekk mis-servizzi ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

2)      Ir-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 45 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li l-Istat Membru tal-aħħar impjieg jirrifjuta, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jagħti lil ħaddiem transkonfinali f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet, li f’dan l-Istat Membru jgawdi mill-aħjar opportunitajiet ta’ integrazzjoni professjonali mill-ġdid, il-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad, minħabba l-fatt li ma jirrisjedix fit-territorju tiegħu, ġaladarba, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 988/2009, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija dik tal-Istat Membru ta’ residenza.

3)      Hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 998/2009, fir-rigward ta’ ħaddiema transkonfinali li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qgħad komplet li, fid-dawl tar-rabtiet li żammew fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg tagħhom, jirċievu minn dan l-istat allowances tal-qgħad abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 592/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008.

Il-kunċett ta’ sitwazzjoni li “ma nbidlitx”, fis-sens tal-Artikolu 87(8) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 998/2009, għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ sigurtà soċjali. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk ħaddiema bħal M. A. Peeters u J. G. J. Arnold jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti minn din il-leġiżlazzjoni sabiex jistennew it-tkomplija tal-ħlas tal-allowances tal-qgħad li kienu tħallsu lilhom skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 592/2008.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.