Language of document : ECLI:EU:C:2015:260

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ April 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Artikolu 6(1) u Artikolu 8(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’każ ta’ residenza irregolari, l-impożizzjoni, skont iċ-ċirkustanzi, jew ta’ multa jew ta’ tneħħija”

Fil-Kawża C‑38/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad utónoma del País Vasco (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Subdelegación del Gobierno en Gipuzkoa - Extranjeria

vs

Samir Zaizoune,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President ta’ Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra S. Zaizoune dwar ir-residenza irregolari tiegħu fit-territorju Spanjol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2008/115

3        Il-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedu:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-5 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[...]

(4)      Hemm bżonn d jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni l għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [irregolarment], skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi termini differenti għall-finijiet tagħha. B’hekk fil-punt 4 ta’ dan l-artikolu, id-“deċiżjoni ta’ ritorn” għall-finijiet ta’ din id-direttiva, bħala “deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn”.

6        Fil-punt 5 tal-imsemmi artikolu, it-“tneħħija” għandha tfisser “l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru”.

7        Bit-titolu “Dispożizzjonijiet aktar favorevoli”, l-Artikolu 4 tad- Direttiva 2008/115 fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu, jipprevedi:

“2.      Din id-Direttiva m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil.

3.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ d-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

8        Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”:

“1.      l-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment [jirresedji irregolarment] fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi d qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza [awtorizzazzjoni ta’ residenza] validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn [residenza] maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak d-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

3.      L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment [jirresjedi irregolarment] fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

4.      L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu d jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment [irregolarment] fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess [awtorizzazzjoni] ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn [residenza].

5.      Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment [irregolarment] fit-territorju ta’ Stat Membru jkun is-suġġett ta’ proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu jew tagħha jew ta’ xi permess ieħor li joffri d-dritt ta’ soġġorn [residenza], dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra li joqgħod lura milli joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn sakemm tintemm il-proċedura pendenti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6.

[...]”

9        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolata “Tluq volontarju”, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu jipprovdi:

“1.      Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4.

[...]

4.      Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju [...]”

10      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva intitolat “Tneħħija” fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.”

 Id-dritt Spanjol

11      L-Artikolu 28(3)(c) tal-Liġi Qafas 4/2000 fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-barranin fi Spanja u fuq l-integrazzjoni soċjali tagħhom (Ley Orgánica 4/2000, sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social), tal-11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 10, tat-12 ta’ Jannar 2000, p. 1139), fil-verżjoni tagħha tal-paragrafu 28 tal-Artikolu Uniku, tal-Liġi Qafas 2/2009 (Ley Orgánica 2/2009, BOE Nru 103, tat-30 ta’ April 2011), fis-seħħ mit-13 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”) jipprevedi:

“It-tluq [mit-territorju Spanjol] huwa obbligatorju fis-sitwazzjonijiet segwenti:

[...]

c)      fil-każ ta’ ċaħda amministrattiva tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-barrani sabiex ikun jista’ jibqa’ fit-territorju Spanjol jew fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni li tawtorizzah ikun fi Spanja.”

12      Skont l-Artikolu 51(2) tal-Liġi dwar il-Barranin, il-ksur previst minn din il-liġi huma kklassifikati skont il-gravità f’“żgħar” u “serji” u “serji ħafna”.

13      L-Artikolu 53(1)(a) tal-Liġi dwar il-Barranin tiddefinixxi bħala ksur “serju” “[I]l-fatt li persuna tkun f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Spanjol minħabba li l-estensjoni tar-residenza, il-permess ta’ residenza jew dokumenti simili, ma jkunux inkisbu jew ikunu ilhom iktar minn tliet xhur li skadew mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun talbet it-tiġdid tagħhom fit-terminu previst mil-liġi”.

14      Skont l-Artikolu 55(1)(b) tal-Liġi dwar il-Barranin, f’każ ta’ ksur serju tista’ tiġi imposta multa fl-ammont ta’ bejn EUR 501 sa EUR 10 000.

15      Il-paragrafu 3 tal-istess artikolu jipprevedi li waqt l-impożizzjoni tas-sanzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tapplika l-kriterji ta’ proporzjonalità, bħala kompetenti billi tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ ħtija, id-dannu prodott, ir-riskju li jirriżulta mill-ksur kif ukoll il-konsegwenzi tiegħu.

16      Skont tal-Artikolu 57 tal-Liġi dwar il-Barranin:

“1.      Meta dawk li jwettqu l-ksur huma barranin u l-aġir inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘serju ħafna’ jew ‘serju’, skont l-Artikolu 53(1)(a) (b), (c), (d) u (f) ta’ din il-Liġi Qafas, il-multa tista’ tiġi sostiwita bit-tneħħija mit-territorju Spanjol, fi tmiem il-proċedura amministrattiva korrispondenti u permezz ta’ deċiżjoni motivata li tevalwa l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur.

[...]

3.      Is-sanzjonijiet ta’ tkeċċija u ta’ multa ma jistgħu fl-ebda każ jiġu imposti flimkien.

[...]”

17      L-Artikolu 24 tad-Digriet Irjali 557/2011, tal-20 ta’ April 2011, li jirrigwarda l-approvazzjoni tar-regoli tal-Liġi 4/2000 dwar il-libertajiet tal-barranin fi Spanja u l-integrazzjoni soċjali tagħhom, wara r-riforma tagħha permezz tal-Liġi Qafas 2/2009, jipprevedi:

“1.      Fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ residenza fi Spanja, b’mod partikolari minħabba li ċ-ċirkustanzi ta’ dħul jew ta’ residenza ma humiex sodisfatti jew ma baqgħux jiġu sodisfatti, jew f’każ ta’ ċaħda amministrattiva tat-talbiet għall-estensjoni ta’ residenza, l-awtoizzazzjonijiet ta’ reidenza jew kwalunkwe dokumenti ieħor neċessarju għall-preżenza sostenibbli tal-barrani fit-territorju Spanjol, [...] id-deċiżjoni amministrattiva mogħtija għal dan il-għan għandha tavża lill-persuna kkonċernata bl-obbligu tagħha li titlaq mill-pajjiż, mingħajr ħsara għall-possibbiltà li dan l-avviż jista’ jseħħ ukoll permezz ta’ nota fil-passaport jew f’dokument simili, jew f’dokument separat jekk il-persuna tkun fi Spanja b’dokument tal-identità li ma jippermettix li fuqu jitniżżel dan l-avviż [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      S. Zaizoune, li huwa ċittadin Marokkin, ġie interpellat fil-15 ta’ Lulju 2011 fit-territorju Spanjol mill-forzi tal-ordni.

19      Peress li ma kinitx f’qagħda li tippreżenta d-dokumenti ta’ identità tagħha f’dak il-mument, il-persuna kkonċernata ġiet arrestata u nbdiet kontra tagħha, proċedura ta’ tneħħija mit-territorju Spanjol.

20      Fid-19 ta’ Ottubru 2011, din il-proċedura rriżultat fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni tas-Subdelegacion del Gobierno en Gipuzkoa (Rappreżentant tal-Gvern fir-Reġjun ta’ Gipuzkoa) li ddeċidiet it-tneħħija tiegħu mit-territorju Spanjol, flimkien ma’ projbizzjoni fuq id-dħul għal ħames snin.

21      Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq ir-residenza irregolari ta’ S. Zaizoune fi Spanja, skont l-Artikolu 53(1)(a) tal-Liġi dwar il-Barranin, li magħha għandhom jiżdiedu l-preċedenti ġudizzjarji tiegħu f’dan l-Istat.

22      Il-persuna kkonċernata ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n°2 de Donostia li annullat l-imsemmija deċiżjoni, billi ssostitwiet t-tneħħija b’multa.

23      Is-Subdelegacion del Gobierno en Gipuzkoa interponiet appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar osservat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huma interpretati mill-qorti suprema nazzjonali fis-sens li s-sanzjoni prinċipali għar-residenza irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija l-multa, fin-nuqqas tal-eżistenza ta’ fatturi aggravanti addizzjonali li jiġġustifikaw is-sostituzzjoni tal-multa bit-tneħħija mit-territorju nazzjonali.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad autónoma del País Vasco ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fid-dawl tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u tal-effettività tad-direttivi, l-Artikoli 4 [paragrafi (2) u (3)] u 6(1) tad-Direttiva [2008/115] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma kuntrarji għal leġiżlazzjoni, bħad-dritt nazzjonali kkontestat fil-kawża prinċipali u l-ġurisprudenza li tinterpretaha, li tippermetti li sitwazzjoni irregolari ta’ barrani tiġi ssanzjonata esklużivament permezz ta’ sanzjoni ekonomika li, barra minn hekk, hija inkompatibbli mas-sanzjoni ta’ tkeċċija?”

 Fuq id-domanda preliminari

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz ta’ l-Artikolu 267 KE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-imħallef nazzjonali risposta utli li tgħinu jiddeċiedi l-kawża quddiemu. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara s-sentenza eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Konsegwentement, anki jekk, fuq il-livell formali, id-domandi magħmula jagħmlu riferiment għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3), u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, tali ċirkustanza ma tostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jiġu użati fid-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, EU:C:2014:2144, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie kkonfermat mill-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet imressqa matul is-seduta, il-kunċett ta’ “tneħħija”, inkluż fid-deċiżjoni tar-rinviju, ikopri, fl-istess ħin, deċiżjoni ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni tagħha. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115, li tirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, hija rilevanti wkoll fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domanda għandha tiġi rriformulata bħala li tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u (3) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, f’każ ta’ residenza irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ dan l-Istat, li timponi, skont iċ-ċirkustanzi, jew multa jew it-tneħħija, iż-żewġ miżuri jeskludu b’mod reċiproku lil xulxin.

29      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-residenza irregolari taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Spanjol tista’, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata mill-qorti suprema nazzjonali, tiġi ssanzjonata esklużivament permezz ta’ multa, li hija inkompatibbli mat-tneħħija mit-territorju nazzjonali, peress li din l-aħħar miżura hija biss meħuda inkunsiderazzjoni meta jeżistu fatturi aggravanti addizzjonali.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni. Din id-direttiva tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-“[i]standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirresjedu irregolarment.

31      Kif jirriżulta mill-punt 35 tas-sentenza El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268), l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva tipprevedi l-ewwel nett, b’mod prinċipali, obbligu għall-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom.

32      Fil-fatt, ladarba tiġi kkonstatata l-irregolarità tar-residenza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, skont dan l-artikolu u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi (2) u (5) tal-istess artikolu, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn (is-sentenza Achughbabian, C-329/11, EU:C:2011:807, punt 31). F’dan ir-rigward, l-ebda element mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jħalli li jiġi presuppost li S. Zaizoune qiegħed f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dawn il-paragrafi.

33      Barra dan, għandu jiġi rrilevat li, meta deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed fir-rigward ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat minn dan tal-aħħar, li jew fit-terminu mogħti għat-tluq volontarju jew meta ma jingħata ebda terminu għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 jimponi fuq l-Istati Membri, bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċeduri ta’ ritorn, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-persuna kkonċernata titneħħa, jiġifieri, skont l-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva, it-trasferiment tiegħu barra l-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Achughbabian, C-329/11, EU:C:2011:807, punt 35).

34      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta kemm mid-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri li r-rekwiżiti ta’ effikaċja mfakkra b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115, l-obbligu impost, mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, fuq l-Istati Membri sabiex, fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu, għat-tneħħija tal-imsemmi ċittadin għandu jiġi sodisfatt mill-iktar fis possibbli (ara s-sentenza Sagor, C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ċari imposti mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115.

36      Il-possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw, skont l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, mill-istandards u l-proċeduri li din id-direttiva tistabbilixxi, ma tikkontestax din il-konklużjoni.

37      Għalhekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-acquis Komunitarju fil-qasam tal-immigrazzjoni u l-ażil, u li jistgħu jkunu iktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, imsemmija fil-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, u l-ebda dispożizzjoni ta’ att li jaqa’ taħt l-acquis Komunitarju, ma tippermetti li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jipprevedi, f’każ ta’ residenza irregolari taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru, li jimponu, skont iċ-ċirkustanzi, jew multa jew it-tneħħija, iż-żewġ miżuri jeskludu b’mod reċiproku lil xulxin.

38      Fir-rigward tal-paragrafu (3) tal-istess artikolu, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà ta’ deroga inkluża fih hija suġġetta għall-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli għall-persuni suġġetti għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, adottati jew miżmuma mill-Istati Membri, huma kompatibbli ma’ din id-direttiva. Madankollu, inkunsiderazzjoni tal-għan mixtieq mill-imsemmija direttiva, kif tfakkar fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, kif ukoll l-obbligi li għandhom l-Istati Membri li jirriżultaw b’mod ċar mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva, din il-kompatibbiltà ma hijiex iggarantita meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi mekkaniżmu bħal dak imsemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw leġiżlazzjoni li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet segwiti minn direttiva u, għalhekk, li tista’ ċċaħadha mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Achughbabian, C-329/11, EU:C:2011:807, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ twaqqaf l-applikazzjoni tal-istandards u tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 u, jekk ikun il-każ, iddewwem ir-ritorn, u b’hekk jippreġudika l-effett utli ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Achughbabian, C-329/11, EU:C:2011:807, punt 39).

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda għandha tkun li d-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u (3) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, f’każ ta’ residenza irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ dak l-Istat, timponi, skont iċ-ċirkustanzi, jew multa jew it-tneħħija, iż-żewġ miżuri jeskludu b’mod reċiproku lil xulxin.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u (3) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, f’każ ta’ residenza irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ dak l-Istat, timponi, skont iċ-ċirkustanzi, jew multa jew it-tneħħija, iż-żewġ miżuri jeskludu b’mod reċiproku lil xulxin.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.