Language of document : ECLI:EU:C:2015:260

Kawża C‑38/14

Subdelegación del Gobierno en Gipuzkoa – Extranjería

vs

Samir Zaizoune

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad utónoma del País Vasco)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Standards u proċeduri komuni fil-qasam tar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Artikolu 6(1) u Artikolu 8(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’każ ta’ residenza irregolari, l-impożizzjoni, skont iċ-ċirkustanzi, jew ta’ multa jew ta’ tneħħija”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ April 2015

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Identifikazzjoni tal-punti ta’ liġi tal-Unjoni rilevanti — Formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’każ ta’ residenza irregolari, l-impożizzjoni, skont iċ-ċirkustanzi, jew ta’ multa jew ta’ tneħħija — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikoli 6(1) u 8(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25-28)

2.        Id-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(2) u (3) għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprevedi, f’każ ta’ residenza irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ dan l-Istat, li timponi, jew multa jew it-tneħħija, iż-żewġ miżuri jeskludu b’mod reċiproku lil xulxin.

F’dan ir-rigward, l-għan tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni. Din id-direttiva tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-istandards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment.

Barra minn hekk, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, b’mod prinċipali, obbligu għall-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom. Barra minn hekk, meta deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed fir-rigward ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat minn dan tal-aħħar, li jew fit-terminu mogħti għat-tluq volontarju jew meta ma jingħata ebda terminu għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 jimponi fuq l-Istati Membri, bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċeduri ta’ ritorn, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-persuna kkonċernata titneħħa, jiġifieri, skont l-Artikolu 3(5) tal-imsemmija direttiva, it-trasferiment tiegħu barra l-imsemmi Stat Membru.

Minn dan isegwi li tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tissodisfax ir-rekwiżiti ċari imposti mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115. Il-possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw, skont l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2008/115, mill-istandards u l-proċeduri li din id-direttiva tistabbilixxi, ma tikkontestax din il-konklużjoni.

(ara l-punti 30, 31, 33, 35, 36, 41 u d-dispożittiv)