Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Ítélőtábla (l-Ungerija) fl-1 ta’ Frar 2017 – Teréz Ilyés u Emil Kiss vs OTP Bank Nyrt. u OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt.

(Kawża C-51/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Ítélőtábla

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Teréz Ilyés, Emil Kiss

Konvenuti: OTP Bank Nyrt., OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt.

Domandi preliminari

Klawżola kuntrattwali li tqiegħed fuq il-konsumatur ir-riskju tar-rata tal-kambju u li, minħabba t-tneħħija ta’ klawżola kuntrattwali inġusta li kienet tistabbilixxi differenza bejn il-prezz offrut mix-xerrej u l-prezz mitlub mill-bejjiegħ u l-obbligu li jiġi sostnut ir-riskju korrispondenti tar-rata tal-kambju, saret parti mill-kuntratt b’effetti ex tunc bħala konsegwenza tal-intervent tal-leġiżlatur li sar fid-dawl tat-tilwimiet dwar l-invalidità li kienu jaffettwaw numru kbir ta’ kuntratti hija kkunsidrata bħala klawżola li ma hijiex innegozjata individwalment fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13/KEE 1 u, għal din ir-raġuni, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?

Fil-każ li l-klawżola kuntrattwali li tqiegħed ir-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, ir-regola ta’ esklużjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi wkoll għal klawżola kuntrattwali li tikkorrispondi ma’ dispożizzjonijet legali imperattivi fis-sens tal-punt 26 tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża RWE Vertrieb AG (C-92/11) li ġew adottati jew daħlu fis-seħħ sussegwentement għall-konklużjoni tal-kuntratt? Għandha tiġi inkluża wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ esklużjoni klawżola kuntrattwali li saret parti mill-kuntratt b’effetti ex tunc sussegwentement għall-konklużjoni tiegħu bħala kosegwenza ta’ dispożizzjoni legali imperattiva li tirrimedja l-invalidità kkawżata min-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tirrendi impossibbli l-eżekuzzjoni tal-kuntratt?

Fil-każ li, skont ir-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, tista’ tiġi eżaminata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tqiegħed fuq il-konsumatur ir-riskju tar-rata tal-kambju, ir-rekwiżit ta’ lingwaġġ sempliċi u ċar li għalih jirreferi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ir-rekwiżit ikun issodisfatt ukoll meta jitwettaq, skont il-modalitajiet deskritti fil-fatti, l-obbligu ta’ informazzjoni stabbilit legalment u fformulat b’mod neċessarjament ġenerali, jew huwa neċessarju wkoll li tiġi kkomunikata l-informazzjoni dwar ir-riskju għall-konsumatur magħrufa mill-entità finanzjarja jew li għaliha din l-entità seta’ kellha aċċess fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

Il-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-kalwżoli kuntrattwali dwar il-possibbilità ta’ emenda unilaterali u dwar id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-prezz tal-bejgħ – li, snin wara, irriżultaw li huma inġusti – ġew inklużi fil-kuntratt flimkien mal-klawżola dwar l-assunzjoni tar-riskju tar-rata tal-kambju, b’mod li, bħala effett kumulattiv ta’ dawn il-klawżoli, il-konsumatur ma setax fir-realtà jipprevedi, b’mod assolut, kif sussegwentement kienu ser jevolvu l-obbligi ta’ ħlas u lanqas il-mekkaniżmu ta’ varjazzjoni ta’ dawn l-obbligi huwa rilevanti mil-lat tar-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza u tad-dispożizzjonijiet tal-punt 1(i) tal-Anness tad-Direttiva, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva? Jew il-klawżoli kuntrattwali sussegwentement iddikjarati inġusti ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tan-natura inġusta tal-klawżola li tistabbilixxi r-riskju tar-rata tal-kambju?

Jekk il-qorti nazzjonali tiddikjara n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li tqiegħed ir-riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumatur, hija għandha l-obbligu, fid-determinazzjoni tal-konsegwenzi legali skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, tieħu wkoll ex officio inkunsiderazzjoni, b’osservanza tad-dritt għal smigħ tal-partijiet fil-proċedura kontradittorja, in-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali oħra li ġewx invokati mir-rikorrenti fir-rikors tagħhom? Il-prinċipju li l-qorti għandha taġixxi ex officio skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika wkoll meta ir-rikorrent huwa konsumatur jew, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pożizzjoni li d-dritt ta’ awtonomija tal-partijiet jokkupa fil-proċedura kollha u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-aspetti partikolari tal-proċedura, il-prinċipju li l-partijiet għandhom id-dritt jiddelimitaw is-suġġett tal-kawża jeskludi, f’dan il-każ, l-eżami ex officio?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).