Language of document : ECLI:EU:C:2017:250

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2017 (1)

Kawża C112/16

Persidera SpA

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni u

Ministero dello Sviluppo Economico delle Infrastrutture e dei Trasporti

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja)]

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/77/KE – Tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali – Determinazzjoni tal-ammont ta’ frekwenzi diġitali li għandhom jiġu attribwiti lil kull detentur ta’ frekwenzi analogi – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ frekwenzi analogi li preċedentement intużaw illegalment – Rata ta’ konverżjoni – Fattur ta’ konverżjoni – Ugwaljanza fit-trattament, nondiskriminazzjoni u proporzjonalità”






I.      Introduzzjoni

1.        Fiż-żminijiet tal-lum, qatt ma tista’ tiġi enfasizzata biżżejjed l-importanza fundamentali li għandhom id-diversità u l-integrità tal-midja f’soċjetà demokratika u libera. In-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari, illum il-ġurnata jintużaw kważi minn kulħadd fil-ħajja ta’ kuljum u huma indispensabbli mhux biss għal demokrazija moderna, iżda wkoll għall-edukazzjoni tal-popolazzjoni u għall-ħajja kulturali fl-Ewropa. Fl-istess waqt, qiegħed isir iktar evidenti kemm huma fraġli u kumplessi l-mekkaniżmi li fuqhom huma bbażati tali netwerks u servizzi.

2.        Fl-Italja, fid-deċennji li għaddew, kemm-il darba kien hemm dibattiti jaħarqu dwar il-pluraliżmu fit-televiżjoni. Konsegwentement, ma huwiex sorprendenti li anki t-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali wasslet għal tilwim dwar l-attribuzzjoni ġusta tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali ġodda.

3.        Din il-kawża tirrigwarda speċifikament l-attribuzzjoni tal-frekwenzi diġitali li l-Istat irriżerva espressament għat-tkomplija tal-programmi tat-televiżjoni analogi eżistenti. Persidera (preċedentement Telecom Italia Media Broadcasting – TIMB) (2), li hija waħda mill-operaturi tan-netwerk Taljani, tqis li ġiet żvantaġġata waqt il-konverżjoni tal-frekwenzi analogi lejn frekwenzi diġitali meta mqabbla mal-kompetituri tagħha – jiġifieri meta mqabbla mal-operaturi dominanti fis-suq, Rai u Mediaset.

4.        F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiċċara liema rekwiżiti jistabbilixxi d-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-attribuzzjoni ġusta tal-frekwenzi. F’dan ir-rigward, ser ikollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-metodu inkwistjoni tal-attribuzzjoni tal-frekwenzi, ir-Repubblika Taljana kellha tieħu inkunsiderazzjoni, mhux b’inqas, it-tħassib li wriet il-Kummissjoni Ewropea fi proċedura pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (3) f’sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja (4).

5.        Ir-regoli determinanti għall-evalwazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni huma l-“qafas leġiżlattiv ġdid komuni”, applikabbli b’effett mill-2002, li jikkonsisti f’diversi direttivi adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

6.        Din il-proċedura fil-Kawża C‑112/16 hija marbuta mill-qrib mat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża C‑560/15, li fir-rigward tagħha ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi llum. Minkejja li l-kwistjonijiet legali mqajma f’dik il-kawża jirreferu essenzjalment għall-istess regoli u prinċipji tal-Unjoni, dawn ma jikkonċernawx il-konverżjoni inkwistjoni tal-frekwenzi analogi qodma lejn oħrajn diġitali ġodda, u anki jqajmu punti legali oħra sostanzjalment differenti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

7.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni għal din il-kawża huwa stabbilit permezz ta’ tliet direttivi tas-sena 2002 dwar netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li kollha jappartjenu għall-qafas regolatorju komuni ġdid għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi kif ukoll faċilitajiet u servizzi assoċjati: id-Direttiva Kwadru (Direttiva 2002/21/KE) (5), id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni (Direttiva 2002/20/KE) (6) u d-Direttiva tal-Kompetizzjoni (Direttiva 2002/77/KE) (7). L-ewwel żewġ direttivi japplikaw kif emendati bid-Direttiva 2009/140/KE (8).

A.      Id-Direttiva Kwadru (Direttiva 2002/21)

8.        Jeħtieġ l-ewwel nett issir referenza għall-premessi 6 u 19 tad-Direttiva 2002/21, li jipprovdu s-segwenti:

“(6)      Il-politika awdjoviżwali u r-regolament tal-kontenut huma mwettqa lejn il-ksib ta’ miri ta’ interess ġenerali, bħal-libertà ta’ l-espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja, l-imparzjalità, id-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali, l-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-minuri. […]

[…]

(19)      Il-frekwenzi tar-radju huma kontribizzjoni essenzjali għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bbażati fuq ir-radju u, sal-limitu li jirrelataw ma’ dawk is-servizzi, għandhom għalhekk ikunu allokati u assenjati mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji skond settt ta’ miri armonizzati u prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tagħhom kif ukoll fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, waqt li jingħata kont ta’ l-interessi demokratiċi, soċjali, lingwistiċi u kulturali relatati ma l-użu tal-frekwenza. […]”

9.        Taħt it-titolu “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2002/21 sussegwentement jipprovdi, inter alia, is-segwenti:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

[…]

2.      L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

[…]

(b)      jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjoni tal-kontenut

[…]

(d)      jinkoraġġixxu l-użu effiċjenti u jassiguraw l-amministrazzjoni effettiva tal-frekwenzi tar-radju u r-riżorsi tan-numerazzjoni.”

10.      Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21 jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar “[i]l-ġestjoni ta’ frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika”:

“1.      B’kont debitu meħud tal-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fit-territorju tagħhom skont l-Artikolu 8 u 8a. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni tal-[…] [ispettru] użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu ta’ tali frekwenzi tar-radju minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti, inklużi r-Regolamenti tal-ITU tar-Radju, u jkunu jistgħu jqisu l-prospettivi tal-politika pubblika.

[…]

4.      […]

Miżuri li jeħtieġu li jiġi provdut servizz ta’ komunikazzjoni elettronika f’medda speċifika disponibbli għal servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jkun ġustifikat sabiex jiġi żgurat is-sodisfazzjon ta’ għan ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja, bħal u mhux limitat għal:

(a)      sikurezza tal-ħajja,

(b)      il-promozzjoni ta’ koeżjoni soċjali, reġjonali jew territorjali,

(c)      l-evitar ta’ użu ineffiċjenti ta’ frekwenzi tar-radju, jew

(d)      il-promozzjoni ta’ diversità kulturali u lingwistika u pluraliżmu tal-media, per eżempju bil-forniment ta’ servizzi ta’ xandir bir-radju u t-televiżjoni.

[…]

7.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi Speċifiċi u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli sabiex jevitaw l-ħżin tal-ispettru [frekwenzi tar-radju], b’mod partikolari billi jistabbilixxu skadenzi stretti għall-esplojtazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-użu mid-detentur tad-drittijiet u billi japplikaw penaltajiet, inkluż penali finanzjarji jew l-irtirar ta’ drittijiet ta’ użu f’każ ta’ non konformità mal-iskadenzi. Dawn ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti u applikati b’mod proporzjonat, non diskriminatorju u trasparenti.”

B.      Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni (Direttiva 2002/20)

11.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/20 jinkludi l-leġiżlazzjoni li ġejja dwar l-“[a]wtorizzazzjoni ġenerali ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta’ forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu impriża milli tforni networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief fejn dan ikun meħtieġ għar-raġunijiet stipulati f’Artikolu 46(1) tat-Trattat.”

12.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/20 jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar “[i]d-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju u tan-numri”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu ta’ frekwenzi tar-radju taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali. Fejn hu neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet individwali ta’ użu sabiex:

[…]

–        jiġu issodisfati għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.      Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali ta’ użi ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża għall-provvista ta’ netwerks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skont id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru).

Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skont il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas [Kwadru]). Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja.

[…]

5.      L-Istati Membri ma għandhom jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet ta’ użu li jingħataw, għajr fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju skont l-Artikolu 7.

6.      L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv skont l-Artikoli 8(2) u 9(2) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas [Kwadru]. Huma għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta mill-ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. […]”

13.      Barra minn hekk, rigward il-“[p]roċedura biex jiġi limitat in-numru ta’ drittijiet ta’ użu li għandhom jingħataw għall-frekwenzi tar-radju”, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/20 jipprevedi s-segwenti:

“1.      Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra jillimitax in-numru tad-drittijiet għall-użu li jridu jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, jew jekk iġeddidx il-validità ta’ drittijiet eżistenti jekk mhux skont it-termini speċifikati f’dawk id-drittijiet, għandu inter alia:

(a)      jieħu kont debitu tal-ħtieġa li jimmasimizza l-benefiċċji għall-utenti u li jiffaċilita l-iżvilupp tal-kompetizzjoni;

[…]

3.      Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas [Kwadru]) u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu ta’ dik id-Direttiva.

[…]”

C.      Id-Direttiva tal-Kompetizzjoni (Direttiva 2002/77)

14.      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/77 intitolat “Drittijiet esklussivi u speċjali għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” jinkludi, inter alia, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li kull impriża hija intitolata biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew li tistabbilixxi, testendi jew tipprovdi n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija lil impriża biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex tistabbilixxi u/jew tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet mehmuża magħha, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, proporzjonali u trasparenti.

[…]”

15.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/77 jinkludi d-dispożizzjoni segwenti dwar id-“[d]rittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi”:

“Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju lil min jipprovdi s-servizzi tal-kontenut tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni bil-ħsieb li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali konformi mal-liġi tal-Komunità:

[…]

2.      L-assenjament tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.”

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

16.      It-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali fl-Italja kienet teħtieġ l-implementazzjoni ta’ proċedura għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tax-xandir diġitali ġodda, li huma iktar effiċjenti minn frekwenzi tax-xandir analogi (9). Għal din ir-raġuni, fis-7 ta’ April 2009, l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (10) (iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) adottat id-Deċiżjoni 181/09/CONS (11), li permezz tagħha stabbilixxiet kriterji għad-diġitalizzazzjoni integrali tan-netwerks terrestri u, fl-istess waqt, stabbilixxiet mekkaniżmu għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi attribwiti għal dan l-għan. Din id-deċiżjoni ttieħdet fil-kuntest ta’ proċedura pendenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (12), fejn il-Kummissjoni Ewropea wissiet lill-Italja li, fl-attribuzzjoni tal-frekwenzi diġitali tagħha, hija ma tistax tiffavorixxi lill-fornituri tal-istazzjonijiet televiżivi analogi li huma diġà attivi fis-suq.

17.      Sussegwentement, din id-deċiżjoni pprevediet l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi diġitali fil-forma ta’ 21 “multiplex” għat-trażmissjoni terrestri nazzjonali (13). Multiplex jippermetti l-iggruppar ta’ sinjali awdjo, vidjo u data varji fi fluss ta’ data komuni, li permezz tiegħu jitjieb l-użu tal-frekwenzi u tal-linji disponibbli.

18.      Sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta ta’ dawn il-multiplexes diġitali, li jieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-operaturi preċedenti ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi iżda wkoll dawk li diġà investew fil-ħolqien ta’ netwerks diġitali kif ukoll, barra minn hekk, l-operaturi ġodda li jixtiequ jidħlu fis-suq, il-21 unità ġew diviżi fi tliet gruppi li kellhom jitqassmu skont kriterji ta’ attribuzzjoni differenti. Barra minn hekk, ġie stabbilit il-limitu massimu fejn ebda operatur tan-netwerk waħdu ma seta’ jkun fil-pussess ta’ iktar minn ħames multiplexes b’kollox; tali ċifra massima ta’ ħames multiplexes kienet ġibdet l-attenzjoni għaliha wkoll il-Kummissjoni fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

19.      Speċifikament, l-allokazzjoni tal-21 multiplex inkwistjoni kellha ssir bil-mod segwenti:

–        Fl-ewwel grupp inżammu tmien multiplexes għall-konverżjoni tan-netwerks tat-televiżjoni analoga eżistenti f’netwerks tat-televiżjoni diġitali. Dan kellu jseħħ abbażi ta’ attribuzzjoni ġusta fejn tittieħed inkunsiderazzjoni l-kontinwità tal-offerta tat-televiżjoni. Għaldaqstant, kull fornitur preċedenti tat-televiżjoni analoga kellu jiġi attribwit mill-inqas multiplex wieħed. Fornituri b’diversi stazzjonijiet analogi kellhom ilkoll jingħataw multiplex inqas miċ-ċifra korrispondenti ta’ stazzjonijiet analogi tagħhom. B’dan il-mod, Rai u Mediaset, li sa dak il-punt kienu jiġġestixxu tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi kull wieħed, ingħataw żewġ multiplexes kull wieħed, filwaqt li TIMB, li sa dak il-punt kellha żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi fil-portafoll tagħha, min-naħa tagħha kisbet multiplex wieħed; Rete A u żewġ operaturi tan-netwerk oħra wkoll ingħataw multiplex wieħed.

–        Fit-tieni grupp kellhom jitqassmu tmien multiplexes lil dawk l-operaturi tan-netwerk li kienu investew fil-ħolqien ta’ netwerks diġitali. B’dan il-mod, Rai, Mediaset u TIMB ingħataw żewġ multiplexes addizzjonali kull wieħed, filwaqt li Rete A u operatur tan-netwerk ieħor kisbu multiplex kull wieħed.

–        Fit-tielet grupp, il-ħames multiplexes li kien għad fadal, magħrufa wkoll bħala “dividend diġitali” (14), kellhom fl-aħħar nett jitqassmu bħala frekwenzi ġodda addizzjonali fuq il-bażi tal-kriterji li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u nondiskriminatorji.

20.      Kien fuq din il-bażi li l-ministeru Taljan għall-iżvilupp ekonomiku (15) attribwixxa l-multiplexes diġitali.

21.      F’dan il-każ, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jikkonċerna biss numru minn dawn il-multiplexes, jiġifieri dawk tal-ewwel grupp. Peress li qieset li kienet żvantaġġata minħabba l-metodu ta’ konverżjoni ta’ frekwenzi analogi f’frekwenzi diġitali (16) meta mqabbla mal-kompetituri kbar tagħha, TIMB ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (17) (iktar ’il quddiem it-“TAR”), bl-għan li tikseb multiplex addizzjonali mill-ewwel grupp inkwistjoni kif ukoll kumpens.

22.      Quddiem it-TAR, TIMB sostniet, inter alia, li waqt il-konverżjoni tal-frekwenzi analogi preċedenti fi frekwenzi diġitali ġodda, ir-rata ta’ konverżjoni applikata fil-konfront tiegħi kienet inqas favorevoli minn dik applikata lil Rai u Mediaset: fil-fatt, filwaqt li TIMB ingħatat multiplex wieħed għal żewġ frekwenzi analogi, li jikkorrispondi għal rata’ ta’ konverżjoni ta’ 50 %, Rai u Mediaset ingħataw żewġ multiplexes kull wieħed għal tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi rispettivament, u dan jikkorrispondi għal rata ta’ konverżjoni iktar favorevoli ta’ 66.67 %. Barra minn hekk, TIMB ilmentat li, fil-każ ta’ Rai u Mediaset, il-konverżjoni fi frekwenzi diġitali kienet saret bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi li sa dak il-punt kienu ġew ġestiti mill-imsemmija żewġ operaturi tan-netwerk bi ksur tal-limiti ġuridiċi fil-qasam tal-konċentrazzjoni, u għaldaqstant illegalment.

23.      Wara li r-rikors tagħha ġie miċħud fl-ewwel istanza (18), TIMB ressqet proċeduri quddiem il-Consiglio di Stato (19), il-qorti tar-rinviju. Matul il-proċedura ta’ appell quddiem il-Consiglio di Stato, TIMB amalgamat ma’ Rete A, li min-naħa tagħha diġà kienet detentur ta’ żewġ multiplexes. L-impriża ġdida, bl-isem ta’ Persidera, li rriżultat minn din l-amalgamazzjoni, issa għandha total ta’ ħames multiplexes, li fl-Italja – kif diġà semmejt – huwa n-numru ġuridiku massimu awtorizzat għal kull operatur tan-netwerk.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

24.      B’deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2015, li waslet fl-24 ta’ Frar 2016, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi għal deċiżjoni preliminari segwenti:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru), l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), u l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77/KE (Direttiva Kompetizzjoni), kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ netwerks diġitali attribwiti lill-operaturi waqt il-konverżjoni ta’ netwerks analogi, teżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni kemm in-netwerks analogi ġestiti għal kollox legalment kif ukoll in-netwerks analogi, ġestiti fil-passat bi ksur tal-limiti fil-qasam ta’ konċentrazzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li diġà tkun ġiet ikkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni, jew, fi kwalunkwe każ, mingħajr awtorizzazzjoni?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru), l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), u l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77/KE (Direttiva Kompetizzjoni), kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ netwerks diġitali attribwiti lill-operaturi waqt il-konverżjoni ta’ netwerks analogi, tieħu inkunsiderazzjoni n-netwerks analogi kollha ġestiti sa dakinhar, anki dawk ġestiti bi ksur tal-limiti fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li diġà ġiet ikkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Kummissjoni jew, fi kwalunkwe każ, mingħajr awtorizzazzjoni, u li fil-fatt twassal sabiex jiġi applikat tnaqqis fin-numru ta’ netwerks diġitali attribwiti lil operatur ta’ diversi netwerks, meta mqabbla ma’ dawk ġestiti fis-sistema [netwerk] analoga, proporzjonalment ikbar, minn dik imposta fuq il-kompetituri?”

25.      Persidera, Rai u Reti televisive italiane (RTI) (20), il-Gvernijiet tal-Italja u tas-Slovenja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Bl-eċċezzjoni tas-Slovenja, l-istess partijiet ikkonċernati ġew irrappreżentati wkoll fis-seduta tat-2 ta’ Frar 2017 li nżammet immedjatament wara dik tal-Kawża C‑560/15.

V.      Analiżi

A.      Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

26.      Kif speċifikat fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (21), minbarra d-domanda preliminari, it-talba għal deċiżjoni preliminari trid tinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha turi r-rabta bejn ir-regoli tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati u l-kawża prinċipali, filwaqt li għandha tindika r-raġunijiet li għalihom għandha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont il-ġurisprudenza, l-informazzjoni dwar il-kuntest fattwali u ġuridiku tingħata importanza speċjali fi proċeduri relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni (22).

1.      Assenza ta’ rilevanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju

27.      Kif jenfasizzaw korrettament RTI u l-Gvern Taljan, f’dan il-każ it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar kif id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE għandhom ikunu rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

28.      Fir-rigward b’mod speċifiku tal-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi nnotat li l-aspetti tal-kawża prinċipali huma kollha llimitati għal Stat Membru wieħed u li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju – kuntrarjament għall-kawża Centro Europa 7 – ma tixtieqx tirrikorri għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni taċ-ċittadini inkluża fil-kostituzzjoni Taljana (23). Għalhekk, ma huwiex ċar sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali permezz tal-interpretazzjoni mixtieqa minnha tal-Artikolu 56 TFUE.

29.      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Artikoli 101, 102 u 106 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li dawn jirreferu għall-imġiba tal-impriżi, filwaqt li din il-kawża tirrigwarda l-imġiba tal-awtoritajiet pubbliċi fl-attribuzzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni. Huwa minnu li l-Artikolu 102(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 106(1) TFUE, jipprekludi lill-Istati Membri milli joħolqu sitwazzjoni fejn ikun iktar sempliċi għal ċerti impriżi – fil-każ ineżami: Rai u Mediaset – li jabbużaw mill-pożizzjoni kollettiva dominanti fis-suq li allegatament teżisti (24). Madankollu, ikun irraġonevoli li, sempliċement minħabba l-approċċ possibbilment żbaljat tal-awtoritajiet nazzjonali waqt l-attribuzzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali, l-imġiba antikompetittiva ta’ Rai u Mediaset tiġi preżunta bħala realistika jew saħansitra inevitabbli.

30.      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tixtieq sempliċement tiddiskuti l-prinċipju tal-kompetizzjoni inġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindirizza dan suffiċjentement fil-konstatazzjonijiet tagħha dwar it-tliet Direttivi 2002/20, 2002/21 u 2002/77; ma hemmx bżonn ta’ interpretazzjoni separata tal-Artikoli 101, 102 u 106 TFUE.

31.      Konsegwentement, id-domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn huma intiżi għal interpretazzjoni tal-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE.

2.      Ir-rilevanza tad-domandi preliminari mill-perspettiva ta’ Persidera

32.      Il-Gvern Taljan iqis ukoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex rilevanti peress li, sadanittant, Persidera xorta waħda kisbet l-ammont massimu li jista’ jintlaħaq ta’ ħames multiplexes bi frekwenzi tax-xandir għat-televiżjoni diġitali.

33.      Huwa minnu li talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala inammissibbli jekk jiġi kkonstatat li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali (25). Madankollu, fil-kawża ineżami, ma hemm madankollu ebda evidenza li ma għadx hemm suġġett tal-kawża, u lanqas, a fortiori, li dan huwa manifestament il-każ. Għall-kuntrarju, mill-fajl jirriżulta li quddiem il-qrati amministrattivi nazzjonali, Persidera mhux biss titlob li tingħata multiplex diġitali ieħor iżda, barra minn hekk, kumpens għad-danni. Minħabba l-fatt li ma jistax jiġi eskluż li l-impriża għandha d-dritt li tingħata kumpens minħabba mġiba illegali tal-passat mill-awtoritajiet Taljani, f’dan ir-rigward tibqa’ tapplika l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi preliminari (26).

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mill-Gvern Taljan li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

3.      Informazzjoni suffiċjenti dwar l-allegata illegalità ta’ żewġ stazzjonijiet televiżivi

35.      Fl-aħħar nett, jonqos jiġi diskuss jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari għandhiex possibbilment tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li ma fihiex biżżejjed spjegazzjonijiet dwar l-illegalità, allegata minn Persidera, tal-ġestjoni ta’ żewġ stazzjonijiet televiżivi tal-kompetituri tagħha. Din l-illegalità hija l-premessa li fuqha hija bbażata t-talba sħiħa għal deċiżjoni preliminari: kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni domanda preliminari huma espressament relatati magħha.

36.      Għandu jiġi ammess li d-deċiżjoni tar-rinviju tal-Consiglio di Stato ma hijiex eżempju mudell fir-rigward taċ-ċarezza u tal-preċiżjoni. Kien ikun ħafna aħjar li kieku fid-deċiżjoni tar-rinviju ġiet ipprovduta informazzjoni iktar konkreta u iktar strutturata dwar in-natura tal-illegalità allegata u dwar l-effett tagħha. Madankollu, id-digriet tar-rinviju jsemmi biss dettalji fattwali u ġuridiċi li huma minimi ħafna.

37.      Fl-istess waqt, nemmen li t-talba għal deċiżjoni preliminari – minkejja n-nuqqasijiet tagħha inkontestabbli – tesprimi b’ċarezza suffiċjenti liema tip ta’ illegalità hemm riferiment għaliha. Kif diġà jista’ jiġi dderivat mill-kliem użat fiż-żewġ domandi preliminari, hawnhekk qiegħed jiġi allegat “ksur tal-limiti fil-qasam ta’ konċentrazzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali” kif ukoll li l-istazzjonijiet tat-televiżjoni inkwistjoni qed jiġu “ġestiti […] mingħajr awtorizzazzjoni”.

38.      Kif, barra minn hekk, jirriżulta mill-fajl, iż-żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni li allegatament ġew ġestiti illegalment huma, minn naħa, l-istazzjon “Rai 3” tal-kumpannija tat-televiżjoni statali Rai u, min-naħa l-oħra, l-istazzjon “Rete 4” tal-grupp ta’ impriżi privat Mediaset. Persidera essenzjalment targumenta li waqt it-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn iż-żewġ stazzjonijiet wassal għal vantaġġ inġust għal Rai u Mediaset fil-konfront tal-kompetituri minuri tagħhom. Għaldaqstant, Rai u Mediaset irċevew iktar frekwenzi diġitali fil-forma ta’ multiplexes milli fil-verità minn dawk li kienu intitolati għalihom.

39.      Għalhekk, dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni quddiemha sabiex tagħti risposta rilevanti għad-domandi preliminari. Dan huwa evidenti wkoll mill-osservazzjonijiet li d-diversi partijiet involuti fil-proċedura ressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (27).

40.      Konsegwentement, fir-rigward tal-allegata illegalità ta’ żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies ammissibbli.

41.      Barra minn hekk, din il-pożizzjoni lanqas ma tinbidel bil-fatt li diversi partijiet involuti fil-proċedura – jiġifieri Rai, RTI u l-Gvern Taljan – ikomplu jisħqu li fil-verità ma teżisti l-ebda illegalità fir-rigward ta’ “Rai 3” u “Rete 4”. Dan peress li, skont ġurisprudenza stabbilita (28), il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta biss bl-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika sinjifikattiva, li ma tivverifikax il-korrettezza tagħha (29), anki jekk din l-ispjegazzjoni hija kkonfutata minn uħud mill-artijiet involuti fil-proċedura – fil-każ ineżami: Rai, RTI u l-Italja.

4.      Riżultat intermedjarju

42.      Għalhekk, kollox ma’ kollox, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli biss fejn tirrigwarda l-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE. Min-naħa l-oħra, mill-bqija għandha titqies li hija ammissibbli.

B.      Evalwazzjoni sostantiva tad-domandi preliminari

43.      Kemm il-fatti tal-kawża prinċipali kif ukoll id-dritt applikabbli huma kkaratterizzati bil-kumplessità sostanzjali tagħhom. Sfortunatament, la l-argumentazzjoni tal-qorti tar-rinviju u lanqas dik tal-partijiet involuti fil-proċedura ma servew ta’ illuminazzjoni. Jekk xejn, kellhom l-effett li jikkomplikaw il-każ fejn ma kienx hemm bżonn u li jtellfu mill-konċentrazzjoni fuq l-aspetti essenzjali.

44.      Kif diġà semmejt, din il-proċedura għandha tiġi eżaminata fid-dawl tat-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali fl-Italja u, f’termini ġuridiċi, titfa’ dawl fuq parti minn din it-tranżizzjoni: hija tikkonċerna esklużivament il-kalkolu tan-numru ta’ frekwenzi tax-xandir diġitali li kellhom jiġu attribwiti lill-operaturi tan-netwerk diġà attivi minn qabel fis-suq tat-televiżjoni analogu. Waqt il-kalkolu tal-frekwenzi diġitali li kellhom jitqassmu, sa liema portata seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ programmi tat-televiżjoni analogi li kienu jixxandru sa dak il-waqt mill-impriżi rispettivi? Stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi li allegatament ġew ġestiti illegalment, jistgħu jiġu inkorporati fil-kalkolu (l-ewwel domanda preliminari), u, f’termini aritmetiċi, dan il-kalkolu seta’ jwassal għal rati ta’ konverżjoni differenti għal kull operatur tan-netwerk (it-tieni domanda preliminari)?

45.      Fil-fehma tiegħi, iż-żewġ domandi mressqa mill-Consiglio di Stato tant huma relatati mill-qrib, li jagħmel sens li jiġu diskussi flimkien.

1.      Ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni rilevanti

46.      Sabiex tingħata risposta għal dawn iż-żewġ domandi hija rilevanti, l-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni sekondarja diversa tal-qafas regolatorju komuni ġdid, jiġifieri l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20 kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77. Dawn id-dispożizzjonijiet kollha kemm huma jesprimu li, fl-attribuzzjoni tal-frekwenzi, l-Istati Membri għandhom igawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, li madankollu jrid jiġi applikat filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità, filwaqt li għandhom josservaw bl-istess mod l-amministrazzjoni u l-użu effiċjenti tal-frekwenzi kif ukoll għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, kif xieraq, il-prinċipju tal-kompetizzjoni u l-pluraliżmu tal-midja.

47.      Id-dispożizzjonijiet u l-prinċipji tad-dritt imsemmija għandhom jiġi osservati mhux biss fl-ewwel attribuzzjoni tal-frekwenzi, iżda wkoll waqt kull attribuzzjoni oħra tal-frekwenzi – jiġifieri, pereżempju, bħal fil-każ tat-tranżizzjoni ineżami minn frekwenzi analogi għal frekwenzi diġitali (30). Dan peress li l-qafas regolatorju komuni ġdid għandu jiġi applikat għall-proċessi kollha li jwasslu għal attribuzzjoni tal-frekwenzi (31); inkella ikun hemm riskju li ma jintlaħaqx l-għan stabbilit fid-dritt tal-Unjoni li tinħoloq sitwazzjoni permanenti fejn jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-qafas regolatorju komuni ġdid. Min-naħa l-oħra, fil-verità kienet speċjalment it-tranżizzjoni għat-teknoloġija ġdida tat-televiżjoni diġitali li wasslet għall-ewwel attribuzzjoni tal-frekwenzi tax-xandir ta’ dan it-tip ġdid.

48.      F’dan il-każ, il-metodu użat l-Italja għall-konverżjoni minn frekwenzi televiżivi analogi għal frekwenzi diġitali kien ċar u komprensibbli. Konsegwentement, il-problema ma hijiex daqstant, pereżempju, nuqqas ta’ trasparenza fil-proċess ta’ konverżjoni. Persidera iktar tqis li ġiet żvantaġġata meta mqabbla mal-kompetituri ikbar minnha – fi kliem ieħor Rai u Mediaset – minħabba l-metodu ta’ konverżjoni magħżul mill-awtoritajiet nazzjonali fl-Italja. Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, it-tilwima tikkonċerna l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni (32) li, naturalment, meta applikat huma importanti wkoll il-prinċipji l-oħra li fuqhom huwa bbażat il-qafas regolatorju komuni ġdid, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità.

49.      L-istess bħall-prinċipji tad-dritt ġenerali kollha tad-dritt tal-Unjoni, kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (33). L-Istati Membri ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tad-direttivi rilevanti li ma tkunx kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (34). Barra minn hekk, il-qafas regolatorju komuni ġdid ifakkar mill-ġdid, fid-dritt sussidjarju, dan l-obbligu tal-leġiżlazzjoni primarja, u jikkonkretizzah fl-Artikolu 8(1), fit-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) u fil-premessa 19 tad-Direttiva 2002/21, kif ukoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/20, u fl-aħħar nett fl-Artikolu 2(4) u fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/77 (35).

2.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

50.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament skont id-dritt tal-UE, li fil-frattemp ġie stabbilit ukoll fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprovdi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (36).

a)      L-inugwaljanza

51.      In-natura komparabbli ta’ sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, fid-dawl tas-suġġett u tal-iskop tal-miżura rispettiva. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (37).

52.      Għalhekk, f’din il-kawża għandha tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta’ Rai, Mediaset u Persidera fid-dawl tal-attribuzzjoni ta’ dawn it-tmien multiplexes li kellhom jitqassmu fl-ewwel grupp ta’ frekwenzi tat-televiżjoni diġitali (38). Kif diġà semmejt iktar ’il fuq, dawn il-frekwenzi servew sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-offerta tat-televiżjoni u kellhom jingħataw esklużivament lil operaturi tan-netwerk li diġà kienu joffru stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi.

53.      Fir-rigward, b’mod speċjali, tal-attribuzzjoni ta’ dawn it-tmien multiplexes u l-għanijiet segwiti, Rai, Mediaset u Persidera, sa fejn jista’ jingħad, kienu jinsabu f’sitwazzjoni assolutament komparabbli: fil-fatt, it-tliet impriżi kienu diġà operaw stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi fl-Italja sa dak il-punt. Għalhekk, skont il-pjan għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tal-Italja, kull waħda minn dawn l-impriżi setgħet titlob frekwenzi diġitali mill-ewwel grupp ta’ tmien multiplexes, li kellhom jippermettu t-tkomplija tal-programmi tat-televiżjoni rispettivi tagħha.

54.      Ċertament li, f’termini formali, ma kienx hemm inugwaljanza bejn Rai, Mediaset u Persidera f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, l-operaturi preċedenti tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni analogi fl-Italja kollha ġew suġġetti għall-istess metodu ta’ konverżjoni. Abbażi ta’ dan, l-operaturi tan-netwerk kollha li diġà kienu joffru televiżjoni analoga, ingħataw mill-inqas multiplex diġitali wieħed u dawk li, sa dak il-punt, kienu fil-pussess ta’ diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi kienu assenjati, kull wieħed, multiplex diġitali inqas miċ-ċifra korrispondenti għal dik tal-istazzjonijiet analogi tagħhom.

55.      Madankollu, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jkoprix biss inugwaljanzi formali (diretti, immedjati), iżda wkoll inugwaljanzi materjali (indiretti, konsegwenzjali), fejn l-applikazzjoni ta’ kriterju apparentament newtrali fil-verità huwa partikolarment ta’ żvantaġġ għal waħda mill-partijiet ikkonċernati partikolari jew għal grupp partikolari ta’ partijiet ikkonċernati (39).

56.      F’dan il-każ, il-metodu tal-konverżjoni inkwistjoni kien partikolarment ta’ żvantaġġ għal Persidera (preċedentement TIMB) li, kuntrarjament għaż-żewġ operaturi tan-netwerk kbar Rai u Mediaset, sa dak il-punt ma kellhiex tlieta, iżda żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi biss. Fil-fatt, filwaqt li għal Rai u Mediaset irriżultat rata ta’ konverżjoni ta’ 66.67 % kull wieħed (għal tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi rispettivament ingħataw żewġ multiplexes kull wieħed), ir-rata ta’ konverżjoni fil-każ ta’ Persidera – preċedentement TIMB – kienet tammonta għal 50 % (għaż-żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi tiegħu, TIMB ingħata multiplex diġitali wieħed biss).

57.      Għalhekk, filwaqt li l-metodu applikat mill-Italja għall-konverżjoni tal-frekwenzi tax-xandir eżistenti għal oħrajn diġitali ġodda ma huwiex inugwali fir-rigward tal-metodu ta’ konverżjoni, ir-riżultat ta’ konverżjoni miksub jixhed li, fil-konfront tal-kompetituri kbar tagħha Rai u Mediaset, Persidera evidentement ma ġietx ittrattata b’mod ugwali.

b)      Ġustifikazzjoni

58.      Il-qafas regolatorju komuni ġdid espressament jippermetti li, fil-kuntest tal-attribuzzjoni u tal-użu tal-frekwenzi, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jadottaw miżuri li bihom jiġu segwiti għanijiet fl-interess ġenerali (ara partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll l-aħħar inċiż tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/20) (40).

59.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment tressqu żewġ raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni għall-inugwaljanza deskritta: minn naħa, l-Istat Taljan ried jiggarantixxi l-kontinwità tal-offerta tat-televiżjoni (41). Min-naħa l-oħra, ġie ddikjarat li kien impossibbli li tinkiseb rata ta’ konverżjoni eżattament identika għal kull operatur tan-netwerk, peress li l-ebda impriża ma setgħet tingħata frazzjonijiet ta’ multiplexes fid-dawl tal-indiviżibbiltà tal-frekwenzi. Iż-żewġ għanijiet ser nindirizzahom separatament iktar ’il quddiem, u ser nissuġġetta l-miżuri stabbiliti sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet għal stħarriġ ta’ proporzjonalità.

60.      Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-atti adottati ma jistgħux jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, salv għall-fatt li, meta l-għażla tkun bejn diversi miżuri xierqa, għandu jsir rikors għal dik li tkun l-inqas oneruża u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (42).

61.      Il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Franċiżi tuża kliem li huwa ħafna iktar eleganti iżda li jesprimi essenzjalment li miżura għandha tkun “xierqa, neċessarja u proporzjonata għall-għan imfittex” (43). Il-kliem użat fil-ġurisprudenza Ġermaniża wkoll huwa ta’ natura konċiża, u jirrikjedi li ksur ta’ dritt fundamentali għandu “jkollu għan leġittimu u jkun mezz xieraq, neċessarju u raġonevoli sabiex jintlaħaq dan il-għan” (44).

62.      Peress li din il-kawża tikkonċerna l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u għalhekk wieħed mill-valuri fundamentali għall-koeżistenza f’soċjetà demokratika (ara wkoll l-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), waqt il-verifika tal-proporzjonalità għandhom jiġu applikati kriterji stretti (45). Għaldaqstant, inugwaljanza hija aċċettabbli biss meta din tkun indispensabbli għall-ksib koerenti u sistematiku tal-għanijiet li jinsabu fl-interess ġenerali.

i)      Il-garanzija tal-kontinwità tal-offerta tat-televiżjoni

63.      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-garanzija tal-kontinwità tal-offerta televiżiva, din hija interess leġittimu li l-awtoritajiet nazzjonali setgħu jibbażaw ruħhom fuqu waqt it-tfassil tal-pjan għall-attribuzzjoni ta’ frekwenzi.

64.      Il-kontinwità inkwistjoni sservi speċjalment għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li tingħata prominenza inter alia fil-premessa 6 tad-Direttiva 2002/21 u, barra minn hekk, hija riflessa fir-rekwiżit “li [jiġu mmassimizzati] l-benefiċċji għall-utenti” (l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2002/20). Din twassal sabiex jiġi ssimplifikat l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tal-konsumaturi fil-forma tal-libertà tal-informazzjoni (it-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), iżda wkoll is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet kulturali tagħhom jekk, minkejja t-tranżizzjoni mit-televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali, xorta waħda jibqa’ jkollhom aċċess għall-istazzjonijiet tat-televiżjoni normali tagħhom.

65.      Il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirriżervaw grupp ta’ multiplexes diġitali lill-operaturi tan-netwerk li kienu diġà kienu joffru stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi u jagħtuhom prospett li jiksbu numru suffiċjenti ta’ frekwenzi diġitali sabiex iżommu l-offerta analoga tagħhom f’forma diġitali jiffavorixxi bla dubju din il-kontinwità tal-offerta televiżiva.

66.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex biss jekk din tkun sewwasew intiża sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (46).

67.      Fil-każ li jirriżulta fil-kawża prinċipali, abbażi tal-konstatazzjonijiet – li skont il-każ, għadhom iridu jsiru – tal-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-attribuzzjoni tat-tliet multiplexes lil Rai u Mediaset tikkostitwixxi provvista eċċessiva, għaliex ikunu ngħataw iktar frekwenzi diġitali milli kienu jkunu indispensabbli għat-tkomplija tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni analogi eżistenti (47), filwaqt li Persidera tkun ingħatat inqas frekwenzi diġitali milli neċessarji jew, fi kwalunkwe każ, ma tkunx gawdiet mill-istess ġenerożità, dan ikun ifisser li l-metodu ta’ konverżjoni applikat mill-awtoritajiet Taljani huwa nieqes mill-koerenza u konsegwentement ma jkunx jiflaħ għal stħarriġ ta’ proporzjonalità.

68.      Barra minn hekk, provvista eċċessiva għal Rai u Mediaset, li jinsabu fuq quddiem nett tas-suq, tkun tikkontradixxi l-prinċipju tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-promozzjoni tal-kompetizzjoni (ara partikolarment l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2002/20 kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/21) (48) u l-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-qasam tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ara partikolarment l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20 u l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 2002/21) jappartjenu għall-interessi bażiċi tal-qafas regolatorju komuni ġdid flimkien mal-isforzi għall-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-midja (ara, f’dan ir-rigward, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1), kif ukoll l-ittra (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) u l-premessa 6 tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll l-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Il-prinċipji tal-kompetizzjoni u l-pluraliżmu tal-midja huma riflessi b’mod konkret ħafna fil-libertà ggarantita bid-dritt tal-Unjoni li jiġu pprovduti netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/20 u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2002/77). B’rabta ma’ dan, l-awtoritajiet nazzjonali huma espressament obbligati jiggarantixxu li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta minħabba akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju (it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20) u jistgħu jieħdu miżuri kontra l-ħżin tal-frekwenzi tar-radju (Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2002/21).

69.      Madankollu, jekk iż-żewġ impriżi – Rai u Mediaset – li bla dubju huma l-ikbar operaturi tas-suq tat-televiżjoni Taljan, jiġu attribwiti iktar multiplexes diġitali milli kienu jkunu indispensabbli għat-tkomplija tal-programm tat-televiżjoni analogu preċedenti tagħhom, tali provvista eċċessiva tista’ twassal għal akkumulazzjoni ta’ frekwenzi f’idejn iż-żewġ operaturi li jiddominaw is-suq filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom, li diġà hija kunsiderevoli, fil-konfront tal-kompetituri minuri tagħhom (49), bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet ta’ għażla għall-konsumaturi jkollhom tendenza li jiġu ristretti u finalment tispiċċa twassal għal dgħufija fil-pluraliżmu tal-midja.

70.      Il-prinċipju tal-kompetizzjoni jiġi ppreġudikat b’mod partikolarment gravi jekk il-premessa tal-Consiglio di Stato, li tinsab espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju, tirriżulta li hija minnha, liema premessa tipprovdi li waqt il-konverżjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni analogi għal frekwenzi diġitali ttieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, għall-vantaġġ ta’ Rai u Mediaset, żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni ġestiti illegalment – “Rai 3” u “Rete 4” (50). Dan għaliex, jekk dan huwa minnu, Rai u Mediaset, bħala ż-żewġ operaturi li jiddominaw is-suq Taljan, ikunu bbenefikaw minn rata ta’ konverżjoni partikolarment favorevoli ta’ 66.67 % (żewġ multiplexes diġitali rispettivament għal tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi kull wieħed) bħala konsegwenza ta’ imġiba illegali. Madankollu, tali vantaġġ, li fl-aħħar mill-aħħar ikun ibbażat biss fuq l-issoktar ta’ sitwazzjoni illegali, ikollu jitqies bħala antikompetittiv.

71.      Kemm il-provvista bi frekwenzi diġitali eċċessiva fil-konfront ta’ Rai u Mediaset kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni possibbli, waqt il-konverżjoni ta’ frekwenzi analogi għal frekwenzi diġitali, ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni ġestiti illegalment, jirriżultaw f’kontradizzjoni totali mal-għan, stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li tiġi promossa l-kompetizzjoni fil-qasam tan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li jissaħħaħ il-pluraliżmu tal-midja.

72.      F’tali ċirkustanzi, il-garanzija tal-kontinwità tal-programm tat-televiżjoni ma tistax tikkostitwixxi raġuni ta’ ġustifikazzjoni għall-inugwaljanza bejn Rai u Mediaset, minn naħa, u Persidera, min-naħa l-oħra.

ii)    Il-preżervazzjoni tal-indiviżibbiltà tal-frekwenzi

73.      Sussegwentement, fir-rigward tal-indiviżibbiltà tal-frekwenzi, għandu jiġi kkonstatat li din tikkostitwixxi rbit materjali li, min-natura tagħha, setgħet u kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bl-istess mod fil-konverżjoni mis-sistema l-antika tal-frekwenzi tax-xandir analogi għas-sistema l-ġdida bil-frekwenzi diġitali. Fl-aħħar mill-aħħar, l-evitar tal-frazzjonijiet waqt l-attribuzzjoni tal-frekwenzi huwa wieħed mill-aspetti tal-amministrazzjoni u tal-użu effiċjenti tal-frekwenzi televiżivi, li l-Istati Membri għandhom isegwu u jiżguraw, kif stabbilit fl-Artikolu 8(2)(d) u l-Artikolu 9(1) u l-ittra (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21 kif ukoll kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2), fl-Artikolu 5(5) u fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20.

74.      Ma huwiex ikkontestat li l-attribuzzjoni tat-tielet multiplex diġitali lil Rai u lil Mediaset rispettivament kien xieraq sabiex it-tmien multiplexes disponibbli tal-ewwel grupp jiġu ddistribwiti fost l-operaturi tan-netwerk kollha intitolati, filwaqt li tiġi ppreżervata l-indiviżibbiltà u mingħajr ma jinħolqu frazzjonijiet.

75.      Madankollu, l-attribuzzjoni inkwistjoni tat-tielet multiplex diġitali lil Rai u Mediaset rispettivament ma kinitx l-unika possibbiltà li tiġi ppreżervata l-indiviżibbiltà tal-frekwenzi. Għall-kuntrarju, din il-kwistjoni setgħet tiġi indirizzata wkoll bi prattiki oħra li kien ikollhom inqas effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

76.      Partikolarment, l-awtoritajiet Taljani setgħu allokaw multiplexes żejda mill-ewwel grupp (51) skont kriterji oġġettivi lil operatur/i tan-netwerk li setgħu jużaw dawn il-frekwenzi bl-aħjar mod sabiex tissaħħaħ il-kompetizzjoni kif ukoll sabiex ikomplu jxandru l-programmi tat-televiżjoni analogi preċedenti tagħhom. Bl-ebda mod ma huwa kkonstatat li dawn kienu jkunu iż-żewġ operaturi dominanti tas-suq Rai u Mediaset.

77.      Alternattivament, l-awtoritajiet Taljani, fejn applikabbli – u bla ħsara għal konstatazzjonijiet oħra tal-qorti tar-rinviju, setgħu jattribwixxu l-multiplexes żejda mill-ewwel grupp lil diversi operaturi tan-netwerk sabiex jużawhom b’mod konġunt, bil-kundizzjoni li kull wieħed minn dawn l-operaturi tan-netwerk ikun jista’ jibbaża ruħu fuq il-frekwenzi diġitali inklużi, għax-xandir tal-programmi tat-televiżjoni tiegħu fi ġranet tal-ġimgħa partikolari stabbiliti minn qabel jew inkella f’ħinijiet tal-ġurnata partikolari stabbiliti minn qabel.

78.      Fid-dawl tal-argumentazzjoni konsistenti min-naħa tal-partijiet, li tipprovdi li kull wieħed mill-multiplexes diġitali jippermetti x-xandir ta’ iktar minn programm tat-televiżjoni wieħed, il-qorti tar-rinviju, barra minn hekk, ser ikollha teżamina jekk hemmx il-possibbiltà li l-istess multiplex jintuża għal diversi programmi tat-televiżjoni ta’ fornituri tas-servizz differenti.

79.      Fi kwalunkwe każ, jista’ jiġi konkluż li l-preżervazzjoni tal-indiviżibbiltà tal-frekwenzi ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika inugwaljanza, bħal dik inkwistjoni, bejn Rai u Mediaset, minn naħa, u Persidera, min-naħa l-oħra.

VI.    Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato:

L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2002/21, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20 kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 2002/77 jipprekludu metodu nazzjonali għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali fejn iż-żewġ operaturi dominanti fis-suq jiksbu iktar frekwenzi diġitali fir-rigward tan-numru ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi tagħhom preċedenti, mill-kompetituri żgħar tagħhom, sakemm tali approċċ ma jkunx iġġustifikat sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi fl-interess ġenerali.

Tali għanijiet leġittimi jinkludu l-garanzija tal-kontinwità tal-programm tat-televiżjoni u l-preżervazzjoni tal-indiviżibbiltà tal-frekwenzi tat-televiżjoni. Madankollu, kwalunkwe inugwaljanza fost l-operaturi tan-netwerk, ibbażata fuq dawn l-għanijiet, trid tkun strettament limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu b’mod koerenti u sistematiku, b’kunsiderazzjoni għall-kompetizzjoni u għall-pluraliżmu tal-midja li fuqhom huma bbażati dawn it-tliet direttivi.

Ikun hemm detriment gravi tal-prinċipju tal-kompetizzjoni jekk il-metodu nazzjonali għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni analogi li sa dak il-punt ikunu ġew ġestiti illegalment, ikollu l-effett li jattribwixxi iktar frekwenzi diġitali liż-żewġ operaturi dominanti fis-suq milli lill-kompetituri żgħar tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2       Qabel it-tranżizzjoni finali lejn it-televiżjoni diġitali, Persidera – jew TIMB bħala l-predeċessur legali tagħha –kienet topera żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni analogi fl-Italja (“La 7” u “MTV”) u tnejn diġitali (“TIMB1” u “MBONE”).


3       Proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 2005/5086 (ara, f’dan ir-rigward, l-istqarriji għall-istampa tal-Kummissjoni IP/06/1019 tad-19 ta’ Lulju 2006 u IP/07/1114 tat-18 ta’ Lulju 2007); din il-proċedura, li fiha l-Kummissjoni ppreżentat opinjoni mmotivata fis-sens tal-Artikolu 258(1) TFUE (preċedentement l-Artikolu 226(1) KE) f’Lulju 2007,għadha ma ġietx konkluża sal-ġurnata tal-lum.


4       Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59).


5       Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).


6       Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337).


7       Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva tal-Kompetizzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178).


8       Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2009, L 337, p. 37, b’rettifika fi ĠU 2013, L 241, p. 8).


9       Wieħed mill-vantaġġi kbar tat-televiżjoni diġitali huwa li, kuntrarjament għat-televiżjoni analoga, jistgħu jiġu trażmessi diversi programmi bl-istess medda ta’ frekwenza.


10       Awtorità regolatorja Taljana tal-komunikazzjoni.


11       Din id-deċiżjoni saret liġi permezz tad-Digriet-Leġiżlattiv (Decreto-legge) Nru 59/2008, moqri flimkien mal-Liġi Nru 101/2008.


12       Ara, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.


13       Xi wħud mill-partijiet li pparteċipaw fil-proċedura jsemmu total ta’ 22 multiplex. Madankollu, għall-għanijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, id-diverġenza ma hijiex rilevanti.


14       Fuq il-kunċett tad-dividend diġitali ara l-premessa 26 tad-Direttiva 2009/140; ara, barra minn hekk, il-punt 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Novembru 2007, “Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali”, KUMM(2007) 700 finali.


15       Ministero dello sviluppo economico (MiSE).


16       Ara l-ewwel inċiż tal-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


17       Qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio.


18       Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Nru 1398/2014 tat-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio.


19       Kunsill tal-istat.


20       RTI tappartjeni għall-grupp ta’ impriżi Mediaset.


21 –      Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-bżonn li jiġi osservat l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura eż. fid-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Security Service et (C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 18). Anki preċedentement, ir-rekwiżiti stabbiliti minn ġurisprudenza stabbilita bħala li huma applikabbli għall-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari kienu fformulati bl-istess mod; ara, inter alia, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 42), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punti 56 u 57).


22 –      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2002, Viacom (C‑190/02, EU:C:2002:569, punti 21 u 22), kif ukoll is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et (C‑320/90 sa C‑322/90, EU:C:1993:26, punt 7), tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punt 58), tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa (C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 20), u tat-13 ta’ Frar 2014, Airport Shuttle Express et (C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punt 38).


23       Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punti 64 sa 71, partikolarment il-punt 69).


24       Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 37), tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punt 60), u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 50); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:293, punt 60).


25       Sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Garcia Blanco (C‑225/02, EU:C:2005:34), u tal-24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2010, Reinke (C‑336/08, EU:C:2010:604).


26 –      Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C‑355/97, EU:C:1999:391, punt 22), tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25), tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 57).


27 –      Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et (C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 27).


28       Ara, inter alia, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger (C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 41), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 13).


29       Ġurisprudenza stabbilita, ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2016, Polkomtel (C‑231/15, EU:C:2016:769, punt 16), u tal-31 ta’ Jannar 2017, Lounani (C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 56).


30       B’mod simili ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Belgacom et (C‑375/11, EU:C:2013:185, punti 37 sa 39), fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/20 għall-estensjoni ta’ drittijiet ta’ użu diġà attribwiti għal frekwenzi tar-radju.


31       Dan huwa implikat, pereżempju, fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2002/20, fejn jissemma l-għoti ta’ “aktar” drittijiet ta’ użu għal frekwenzi tar-radju.


32       Rigward din it-terminoloġija ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, EU:C:2006:545, punt 57); għall-finijiet ta’ semplifikazzjoni, minn hawn ’il quddiem ser nirreferi sistematikament għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.


33       Ara, fundamentalment, dwar l-osservanza tal-prinċipji tad-dritt ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich (C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 45, it-tieni sentenza), u tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C‑376/02, EU:C:2005:251, punt 32); speċifikament fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas (C‑13/05, EU:C:2006:456, punt 56, l-ewwel u t-tieni sentenza), kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk (C‑96/03 u C‑97/03, EU:C:2005:145, punt 46), u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86).


34       Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 87), tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28, it-tieni sentenza), tal-21 ta’ Diċembru 2011, NS (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 77), u tad-19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 40).


35       L-Artikolu 2(4) u l-punt 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/77 jitkellmu dwar kriterji “proporzjonali”, iżda dan ma huwa xejn għajr riferiment għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.


36       Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23), tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 54 u 55), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punt 74).


37       Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et (C‑127/07, EU:C:2008:728, punti 25 u 26), tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100, punt 29), tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 167), u tas-6 ta’ Novembru 2014, Feakins (C‑335/13, EU:C:2014:2343, punt 51).


38       Ara, iktar ’il fuq, punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39       Hekk, pereżempju, mill-perspettiva tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 49). Fuq iż-żewġ kunċetti ta’ diskriminazzjoni formali (uffiċjali) u dik materjali ara wkoll, addizjonalment, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lagrange fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni (13/63, EU:C:1963:9) u tal-Avukat Ġenerali VerLoren van Themaat fil-kawżi magħquda Seco u Desquenne & Giral (62/81 u 63/81, EU:C:1981:305).


40       Ara, barra minn hekk, il-premessa 36 tad-Direttiva 2009/140.


41       Rai tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-obbligu speċjali tagħha li tipprovdi servizzi ta’ interess ġenerali. Madankollu, dan l-aspett ma huwiex indirizzat individwalment mill-qorti tar-rinviju u għalhekk m’iniex ser niddiskutih fid-dettall iktar ’il quddiem. Hawnhekk, ser nillimita ruħi għall-indikazzjoni li l-argumentazzjoni tiegħi dwar il-garanzija tal-kontinwità tal-offerta tat-televiżjoni, speċjalment dik dwar il-proporzjonalità, hija trasponibbli wkoll għall-attribuzzjoni tal-frekwenzi bil-għan li jiġu żgurati servizzi ta’ interess ġenerali.


42       Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21), tat-3 ta’ Lulju 2003, Lennox (C‑220/01, EU:C:2003:390, punt 76), u tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk (C‑96/03 u C‑97/03, EU:C:2005:145, punt 47); fl-istess sens is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 67 u 91).


43       Fl-oriġinal bil-Franċiż: “adaptée, nécessaire et proportionnée à la finalité qu’elle poursuit”; ara, pereżempju, Conseil constitutionnel, Deċiżjonijiet Nru 2015-527 QPC, tat-22 ta’ Diċembru 2015 (FR:CC:2015:2015.527.QPC, punti 4 u 12) u Nru 2016-536 QPC, tad-19 ta’ Frar 2016 (FR:CC:2016:2016.536.QPC, punti 3 u 10); b’mod simili, Conseil d’État, sentenza Nru 317827, tas-26 ta’ Ottubru 2011 (FR:CEASS:2011:317827.20111026).


44       Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-qorti kostituzzjonali federali Ġermaniża, pereżempju BVerfGE 120, 274, 318 et seq (DE:BVerfG:2008:rs20080227.1bvr037007, punt 218). F’dan il-kuntest, “xierqa” hija sinonima għal “proporzjonali fis-sens strett tal-kelma”.


45       Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 47), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-estent tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur jista’ jiġi ristrett minħabba sensiela ta’ fatturi inkluż, b’mod partikolari, is-settur ikkonċernat, in-natura tad-dritt inkwistjoni ggarantit permezz tal-Karta, it-tip u l-gravità tal-intervent kif ukoll l-iskop tiegħu.


46       Sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55), tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, EU:C:2009:709, punt 42), u tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 34). Din il-ġurisprudenza relatata mal-libertajiet fundamentali għandha tapplika wkoll għall-qafas regolatorju komuni ġdid irregolat bil-leġiżlazzjoni sekondarja, peress li dan iservi partikolarment sabiex jiżgura l-libertajiet fundamentali.


47       Kemm matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll matul il-fażi orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, diversi partijiet ġibdu l-attenzjoni li, permezz tal-frekwenzi diġitali, jistgħu jixxandru diversi programmi tat-televiżjoni fl-istess mument. Kien imsemmi l-użu ta’ multiplex diġitali għal erba’, jew saħansitra sitt programmi ta’ dan it-tip, skont il-kwalità tat-trażmissjoni. Għaldaqstant, tqum il-mistoqsija dwar jekk l-attribuzzjoni ta’ multiplex diġitali wieħed waħdu kinitx tkun diġà biżżejjed sabiex Rai u Mediaset ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu l-offerta tat-televiżjoni eżistenti li, skont l-informazzjoni tal-partijiet, kienet tkopri tliet stazzjonijiet analogi rispettivament. Fil-fażi orali tal-proċedura, Rai u Mediaset ma qablux ma’ tali approċċ. Fl-aħħar mill-aħħar, ser ikun il-kompitu tal-qorti tar-rinviju sabiex tasal għall-konstatazzjonijiet fattwali kollha relatati ma’ din il-problema u għall-konklużjonijiet neċessarji. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-frekwenzi diġitali tal-ewwel grupp ineżami għandhom l-għan li jservu sempliċement għat-tkomplija u mhux, pereżempju, għall-espansjoni jew għall-ottimizzazzjoni fundamentali tal-offerta tat-televiżjoni preċedenti (apparti l-ottimizzazzjoni li tista’ tirriżulta diġà mill-konverżjoni lejn trażmissjoni diġitali).


48       Ara wkoll is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑376/13, EU:C:2015:266, punt 69).


49       Ara, f’dan ir-rigward, anki s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C‑380/05, EU:C:2008:59, punti 98 u 99), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiġbed l-attenzjoni li miżuri li jwasslu sabiex isaħħu l-istrutturi tas-suq nazzjonali u jipproteġu l-pożizzjoni tal-operaturi nazzjonali li diġà huma attivi f’dan is-suq, huma inkompatibbli mad-direttivi tal-qafas regolatorju komuni ġdid.


50       Ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jekk l-istazzjonijiet tat-televiżjoni “Rai 3” u “Rete 4” ġewx operati jew humiex verament operati illegalment. Madankollu, għall-finijiet ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipproċedi fuq il-premessa tal-Consiglio di Stato u għandha tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuqha.


51       Ara, f’dan ir-rigward, għal darba oħra, il-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.