Language of document : ECLI:EU:C:2012:776

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Ċittadinanza tal-unjoni — Artikolu 20 TFUE — Direttiva 2003/86/KE — Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja — Ċittadini tal-Unjoni ta’ età żgħira li jirrisjedu ma ommijiethom, ċittadini ta’ pajjiżi terzi, fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu dawn l-ulied għandhom in-nazzjonalità — Dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru tal-ommijiet li ġew fdati bil-kustodja esklużiva taċ-ċittadini tal-Unjoni — Rikompożizzjoni tal-familja wara ż-żwieġ mill-ġdid tal-ommijiet ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u wara t-twelid ta’ wlied, li wkoll huma ċittadini ta’ pajjiżi terżi, minn dawn iż-żwiġijiet — Applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadini tal-Unjoni — Ċaħda tad-dritt ta’ residenza lill-konjuġi l-ġodda minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti — Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja — Teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-ulied”

Fil-Kawżi magħquda C‑356/11 u C‑357/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, immressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Lulju 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Lulju 2011, fil-proċeduri

O.,

S.

vs

Maahanmuuttovirasto (C‑356/11),

u

Maahanmuuttovirasto,

vs

L. (C‑357/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Rosas, li qed jaġixxi bħala President tat-tieni Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur), A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal L., minn J. Streng, asianajaja,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u C. Vang, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u E. Paasivirta, bħala aġenti,

wara li semet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

2        Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, O. u S., it-tnejn li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u l-Maahanmuuttovirasto (Uffiċċju tal-Immigrazzjoni) (Kawża C‑356/11) u, min-naħa l-oħra, bejn il-Maahanmuuttovirasto u L., li wkoll hija ċittadina ta’ pajjiż terz (Kawża C‑357/11), dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tagħhom għal permessi ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2003/86/KE

3        Il-premessi 2, 4, 6 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) jipprovdu:

“(2)      Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u r-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950] u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [ikta ’il quddiem il-“Karta”].

[...]

(4)      Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita [Ewropea] ddikjarat fit-Trattat [KE].

[…]

(6)      Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(9)      Ir-riunifikazzjoni tal-familja għandha tapplika f’kull każ għall-membri tal-familja nukleari, jiġifieri l-konjugi u t-tfal minorenni.”

4        Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, l-għan tal-imsemmija direttiva “huwa li jkunu ddeterminati l-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju ta’ l-Istati Membri”.

5        Skont l-Artikolu 2 tal-istess direttiva:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kull persuna li mhux ċittadin ta’ l-Unjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

[…]

c)      ‘sponsor’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

d)      ‘riunifikazzjoni tal-familja’ tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident.”

6        L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika fejn l-isponsor għandu permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru għal perjodu ta’ validita ta’ sena jew iktar li għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, jekk il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ status ikun xi jkun.

[…]

3.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni”.

7        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

a)      il-konjugi ta’ l-isponsor;

b)      it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, […];

ċ)      it-tfal minorenni […] ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. […];

d)      it-tfal minorenni […] fejn il-konjugi għandu kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. […]”

8        Meta tkun eżaminata applikazzjoni għal dħul u residenza, l-Istati Membri għandhom joqogħdu attenti li, skont l-Artikolu 5(5) tal-istess direttiva, jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild minuri.

9        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 jipprovdi:

“Meta l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tkun issottomessa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi l-persuna li tkun issottomettiet l-applikazzjoni biex tipprovdi xiehda li l-isponsor għandu:

[…]

ċ)      riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’referenza għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu l-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u penjonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja.”

10      L-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

 Id-Direttiva 2004/38/KE

11      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), fl-Artikolu 1 tagħha tipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

a)      il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

b)      id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

[…]”

12      L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1)      ‛ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2)      ‛membru tal-familja’; tfisser:

a)      ir-raġel jew martu;

[…]

ċ)      id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba […];

d)      il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba […];

3)      ‛Stat Membru ospitanti’; tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

13      Intitolat “Benefiċjarji”, l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

 Id-dritt Finlandiż

14      L-Artikolu 37(1) tal-Liġi fuq il-Barranin (Ulkomaalaislaki) jipprovdi:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, huma kkunsidrati bħala membri tal-familja, il-konjuġi ta’ persuna residenti fil-Finlandja kif ukoll l-ulied mhux miżżewġa li għandhom inqas minn 18 il-sena, li tagħhom il-persuna residenti fil-Finlandja għandha l-kustodja. Jekk il-persuna residenti fil-Finlandja hija wild minuri, il-persuna li għandha l-kustodja tagħha hija kkunsidrata bħala membru tal-familja […]”.

15      L-Artikolu 39(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Sabiex jingħata permess ta’ residenza, il-barrani għandu jkollu riżorsi suffiċjenti, hlief jekk ikun previst mod ieħor minn din il-liġi. F’każijiet partikolari, jista’ jkun hemm eċċezzjoni għar-rekwiżit ta’ riżorsi suffiċjenti jekk ċirkustanzi eċċezzjonalment gravi jiġġustifikaw tali eċċezzjoni jew jekk dan ikun meħtieġ fl-aħjar interess tal-wild […]”.

16      L-Artikolu 47(3) ta’ din l-istess liġi jipprovdi:

“Il-membri tal-familja ta’ barrani li ngħata permess ta’ residenza kontinwu jew permanenti għandhom jingħataw permess ta’ residenza kontinwu.”

17      L-Artikolu 66(a) tal-liġi fuq il-barranin jipprovdi:

“meta permess ta’ residenza jintalab fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ rabta tal-familja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami ta’ jekk din l-applikazzjoni għandhiex tinċaħad, in-natura u s-solidità tar-rabtiet tal-familja tal-barrani u tat-tul tar-residenza tiegħu fil-pajjiż kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, kulturali jew soċjali mal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu [...]”.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C‑356/11

18      S. , ċittadina Ganjana residenti fil-Finlandja abbażi ta’ permess ta’ residenza permanenti, iżżewġet, fl-4 ta’ Lulju 2001, ċittadin Finlandiż li miegħu kellha wild li twieled fil-11 ta’ Lulju 2003. Dan tal-aħħar għandu n-nazzjonalità Finlandiża u dejjem irrisjeda fil-Finlandja. S. ingħatat il-kustodja esklużiva ta’ dan il-wild mit-2 ta’ Ġunju 2005. Il-konjuġi ddivorzjaw fid-19 ta’ Ottubru 2005. Missier it-tifel jirrisjedi fil-Finlandja.

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li S., matul ir-residenza tagħha fil-Finandja, studjat, ibbenefikat minn leave tal-maternità, tħarrġet u eżerċitat attività professjonali.

20      Fis-26 ta’ Ġunju 2008, S. iżżewġet lil O., li huwa ċittadin Ivorjan. Fit-3 ta’ Lulju 2008, dan tal-aħħar ippreżenta quddiem il-Maahanmuuttovirasto applikazzjoni għal permess ta’ residenza abbażi ta’ dan iż-żwieġ. Fil-21 ta’ Novembru 2009, minn din l-unjoni twieled fil-Finlandja wild ta’ nazzjonalità Ganjana, u li fuqu l-ġenituri kellhom kustodja komuni. O. jgħix ma’ S. u ż-żewġt ulied tagħha.

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li O., fl-1 ta’ Jannar 2010 ffirma, għal perijodu ta’ sena, kuntratt ta’ xogħol għal tmien sigħat ta’ xogħol kuljum u ħlas ta’ EUR 7.50 fis-siegħa. Madankollu, huwa ma ppreżentax dokumenti li jikkonfermaw li huwa effettivament ħadem fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt.

22      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2009, il-Maahanmuuttovirasto ċaħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ppreżentata quddiemha, minħabba li O. ma kellux riżorsi suffiċjenti. Barra minn dan, huwa qies li fil-każ inkwistjoni ma kien hemm ebda raġuni li tiġġustifika deroga mill-kundizzjoni dwar il-mezzi ta’ sussistenza, kif jippermetti l-Artikolu 39(1) tal-liġi fuq il-barranin fil-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonalment gravi jew meta l-aħjar interess tal-wild jeżiġi dan.

23      Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Awwissu 2009, il-Helsingin hallinto‑oikeus (it-Tribunal Amministrattiv ta’ Helsinki) ċaħad ir-rikors għal annullament ippreżentat minn O. kontra l-imsemmija deċiżjoni.

24      Għalhekk, O. u S. appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Korkein hallinto‑oikeus (Qorti Suprema Amministrattiva).

 Kawża C‑357/11

25      L. hija ċittadina Alġerina li ilha tirrisjedi legalment fil-Finlandja sa mill-2003. Hemmhekk hija kisbet permess ta’ residenza permanenti wara ż-żwieġ tagħha ma’ ċittadin Finlandiż. Minn din l-unjoni, fl-2004, twieled wild li għandu n-nazzjonalità doppja Finlandiża u Alġerina u li dejjem irrisjeda fil-Finlandja. Wara d-divorzju mogħti fl-10 ta’ Diċembru 2004, L. kisbet il-kustodja esklużiva ta’ wildhom. Il-missier ta’ dan il-wild jirrisjedi fil-Finlandja.

26      Fid-19 ta’ Ottubru 2006, L. iżżewġet lil M., ta’ nazzjonalità Alġerina, li kien wasal legalment fil-Finlandja fix-xahar ta’ Marzu 2006, fejn talab l-ażil politiku u fejn, skont l-allegazzjonijiet tiegħu, għex ma’ L. mix-xahar ta’ April 2006. Fix-xahar ta’ Ottubru 2006, dan intbagħat lura lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu.

27      Fid-29 ta’ Novembru 2006, L. ressqet applikazzjoni quddiem il-Maahanmuuttovirasto sabiex żewġha jingħata permess ta’ residenza fil-Finlandja fuq il-bażi tal-unjoni tagħhom.

28      Fl-14 ta’ Jannar 2007, mill-imsemmija unjoni twieled wild ta’ nazzjonalità Alġerina li jinsab taħt il-kustodja komuni taż-żewġ ġenituri tiegħu. Ma huwiex stabbilit jekk M. iltaqax mal-wild tiegħu.

29      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li L. qatt ma kellha attività professjonali matul ir-residenza tagħha fil-Finlandja. Id-dħul tagħha kien ġej mill-allowance għall-għajxien u minn servizzi oħra. Il-konjuġi tagħha qatt ma eżerċità attività professjonali fil-Finlandja, anki jekk iddikjara li kien konvint li seta’ jaħdem hemmhekk fid-dawl tal-għarfien lingwistiku tiegħu.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2008, il-Maahanmuuttovirasto ċaħad l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fir-rigward ta’ M. minħabba li l-mezzi ta’ sussistenza tiegħu ma kinux iggarantiti.

31      Il-Helsingin hallinto‑oikeus laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn L. kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ April 2009. Il-Maahanmuuttovirasto għalhekk appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

32      Fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari tagħha l-Korkein hallinto‑oikeus tesponi li, peress li l-applikazzjonijiet ta’ O. u M. għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza ġew miċħuda, huwa possibbli li l-konjuġi tagħhom u l-ulied fdati fil-kustodja ta’ dawn tal-aħħar, inklużi dawk li għandhom l-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni, ikunu mġiegħla jitilqu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu jistgħu jgħixu bħala familja. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, Ġabra p. I‑1177).

33      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto‑oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

 Kawża C‑356/11

“1)      L-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li permess ta’ residenza jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba li ma jkollux mezzi ta’ għajxien, f’sitwazzjoni tal-familja fejn il-konjuġi tiegħu għandha kustodja ta’ wild li huwa ċittadin tal-Unjoni u fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma huwiex wieħed mill-ġenituri ta’ dan il-wild u lanqas persuna li għandha d-dritt ta’ kustodja?

2)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-impatt tal-Artikolu 20 TFUE huwa evalwat b’mod differenti meta ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr permess ta’ residenza, il-konjuġi tiegħu u l-wild li jinsab taħt il-kustodja ta’ dan tal-aħħar u li għandu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jgħixu taħt l-istess saqaf?”

 Kawża C‑357/11

“1)      L-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li permess ta’ residenza jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba li huwa ma jkollux mezzi ta’ [għajxien], f’sitwazzjoni tal-familja fejn il-konjuġi tiegħu għandu l-kustodja ta’ wild li huwa ċittadin tal-Unjoni u fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma huwiex ġenitur ta’ dan il-wild, ma għandux id-dritt ta’ kustodja u lanqas ma għadu jgħix mal-konjuġi tiegħu jew ma’ dan il-wild?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-impatt tal-Artikolu 20 TFUE jiġi evalwat b’mod differenti meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr permess ta’ residenza u li ma huwiex residenti fil-Finlandja, għandu, mal-konjuġi tiegħu, wild li għandu ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz, residenti fil-Finlandja u mqiegħed taħt il-kustodja konġunta taż-żewġ ġenituri tiegħu?”

34      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑356/11 u C‑357/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. It-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dawn iż-żewġ kawżi jkunu suġġetti għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura tal-istess qorti, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ dak iż-żmien, ġiet miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

35      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, meta dan iċ-ċittadin ifittex li jirrisjedi mal-konjuġi tiegħu, li wkoll hija ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment f’dan l-Istat Membru u omm ta’ wild mill-ewwel żwieġ li huwa ċittadin tal-Unjoni, u mal-wild li rriżulta mill-unjoni tagħhom, li wkoll huwa ċittadin ta’ pajjiż terz.

36      Il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward tistaqsi jekk il-fatt li l-applikant għall-permess ta’ residenza jgħix taħt l-istess saqaf bħal konjuġi tiegħu, li ma huwiex il-missier bijoloġiku tal-wild li huwa ċittadin tal-Unjoni u li ma għandux dritt ta’ kustodja fuq dan il-wild, jistax jaffettwa l-interpretazzjoni li għandha tingħata għad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

37      Il-Gvernijiet tal-Finlandja, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw li l-Artikolu 20 TFUE ma jipprekludix lil dan l-Istat Membru milli jirrifjuta permess ta’ residenza lill-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

38      Essenzjalment, dawn il-Gvernijiet u din l-istituzzjoni jsostnu li l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, ikopru sitwazzjonijiet li huma tabilħaqq eċċezzjonali fejn l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali twassal għaċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. F’dan il-każ, madankollu, il-fatti li taw lok għall-kawżi prinċipali jvarjaw sostanzjalment minn dawk li taw lok għall-imsemmija sentenza. Fil-fatt, O. u M. ma humiex il-missirijiet bijoloġiċi tal-ulied ta’ età żgħira, li huma ċittadini tal-Unjoni u li fuqhom dawn il-persuni qed jipprovaw jibbażaw id-dritt tagħhom għal permess ta’ residenza. Dawn tal-aħħar ma għandhomx il-kustodja ta’ dawn l-ulied. Barra minn hekk, peress li l-ommijiet infushom ta’ dawn l-ulied għandhom dritt ta’ residenza permanenti fil-Finlandja, uliedhom, li huma ċittadini tal-Unjoni, ma jkunux obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni b’kuntrast tal-ulied inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq. Jekk l-ommijiet ta’ dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom jiddeċiedu li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sabiex iżommu l-unità tal-familja, dan ma jkunx konsegwenza inevitabbli tar-rifjut tad-dritt ta’ residenza fil-konfront tal-konjuġi tagħhom.

39      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Italja jenfasizzaw b’mod partikolari li O. u M. ma jiffurmawx parti mill-familja nukleari taċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, peress li dawn la huma l-missirijiet bijoloġiċi ta’ dawn l-ulied u lanqas ma huma l-persuni responsabbli għalihom.

40      Għandu preliminarjament jiġi ppreċiżat li, minkejja l-kwistjoni li jsir magħruf min huma, abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, l-applikanti fil-kawża prinċipali, mill-proċessi mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza ta’ O. u ta’ M. ippreżentati abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jirrigwardaw lil S. u lil L., li jirrisjedu legalment fil-Finlandja, bħala sponsors, jiġifieri bħala persuni li abbażi tagħhom intalbet ir-riunifikazzjoni tal-familja.

 Dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni

41      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, id-Direttiva 2004/38, għandu jitfakkar li mhux iċ-ċittadini kollha ta’ Stat terz membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru, iżda biss dawk li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 73, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, Ġabra p. I‑11315, punt 56).

42      Fil-każ inkwistjoni, peress li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, li t-tnejn huma wlied ta’ età żgħira, qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u permess li dejjem għexu fl-Istat Membru li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, għandu jiġi kkonstatat li huma ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’mod li din tal-aħħar la hija applikabbli għalihom u lanqas għall-membri tal-familja tagħhom (sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

43      F’dak li jirrigwarda, wara dan, l-Artikolu 20 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li, bħall-ulied ta’ nazzjonalità finlandiża inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi ekwiparata għal sitwazzjoni purament interna, jiġifieri sitwazzjoni li ma tippreżenta ebda element ta’ rabta ma waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni (ara sentenzi Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq; tal-5 ta’ Mejju 2011, McCarthy, C‑434/09, Ġabra p. I‑3375, punt 46, kif ukoll Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

44      Fil-Fatt, peress li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-ulied mill-ewwel żwieġ ta’ S. u L. igawdu mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) TFUE u għalhekk jistgħu jinvokaw, inkluż fil-konfront tal-Istat Membru li għandhom iċ-ċittadinanza tiegħu, drittijiet marbuta ma’ tali status (ara sentenza McCarthy, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll Dereci et, punt 63).

45      Abbażi ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw ir-residenza lil membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

46      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza ta’ persuna, ċittadina ta’ pajjiż terz, fl-Istat Membru fejn jirrisjedu uliedha ta’ età żgħira, ulied li huma ċittadini tal-imsemmi Stat Membru, li huma dipendenti fuq din il-persuna u li tagħhom hija għandha l-kustodja komuni flimkien mal-konjuġi tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li rifjut ta’ residenza jkollu l-konsegwenza li l-imsemmija wlied, li huma ċittadini tal-Unjoni, ikunu obbligati jitilqu mit-territorju tal-Unjoni sabiex jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom u li l-imsemmija ċittadini tal-Unjoni jkunu, fil-fatt, f’pożizzjoni li jkun impossibli għalihom li jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (ara sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

47      Il-kriterju dwar iċ-ċaħda tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni kien jirreferi, fil-kawża li tat lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ruiz Zambrano kif ukoll Dereci et, għal sitwazzjonijiet ikkaratterizzati mill-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun fil-fatt obbligat mhux biss li jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu, iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu.

48      Dan il-kriterju għandu natura partikolari ħafna peress li jkopri sitwazzjonijiet fejn dritt ta’ residenza ma jistax, eċċezzjonalment, jiġi miċħud lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, peress li jkun hemm ksur tal-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jgawdi dan iċ-ċittadin tal-aħħar.

49      Fil-kawża preżenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk ir-rifjut tal-applikazzjonijiet għal residenza ppreżentati abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jinvolvix, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, iċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

50      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ommijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom permessi ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li, fid-dritt, la huma u lanqas iċ-ċittadini tal-Unjoni dipendenti fuqhom ma huma obbligati, jitilqu mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u minn dak tal-Unjoni kollu kemm hu.

51      Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni ta’ jekk ikunx effettivament impossibbli li ċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, huma wkoll rilevanti l-kwistjoni tal-kustodja tal-ulied tal-isponsor u l-fatt li dawn l-ulied jiffurmaw parti minn familji rikomposti. Min-naħa l-oħra, peress li S. u L. għandhom il-kustodja esklużiva taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ età żgħira kkonċernati, l-effett tad-deċiżjoni tagħhom li jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu dawn l-ulied għandhom in-nazzjonalità, sabiex iżommu l-unità tal-familja, ikun li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu mċaħħda minn kull kuntatt mal-missier bijoloġiku tagħhom fil-każ fejn dan il-kuntatt ikun inżamm. Min-naħa l-oħra, l-effett ta’ deċiżjoni li ma jkunx hemm tluq mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru sabiex tinżamm l-eventwali relazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ età żgħira mal-missirijiet bijoloġiċi tagħhom ikun li tiġi affettwata ħażin ir-relazzjoni tal-ulied l-oħra, ċittadini ta’ pajjiż terz, mal-missirijiet bijoloġiċi tagħhom.

52      F’dan ir-rigward, madankollu, is-sempliċi fatt li jista’ jidher desiderabbli, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex tinżamm l-unità tal-familja fit-territorju tal-Unjoni, li membri ta’ familja, komposta minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċittadin tal-Unjoni ta’ età żgħira, ikunu jistgħu jirrisjedu ma dan l-aħħar ċittadin fit-territorju tal-Unjoni fl-Istat Membru li tiegħu dan l-istess ċittadin għandu n-nazzjonalità, ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ta’ residenza ma jingħatax (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

53      Fil-fatt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni, imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha teżamina ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sabiex tiddetermina jekk, fil-fatt, id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ permessi ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux imorru kontra l-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li għandhom iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati.

54      Il-fatt li l-persuna li fir-rigward tagħha saret applikazzjoni sabiex jiġi rrikonoxxut lilha d-dritt ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja tgħix jew le taħt l-istess saqaf bħall-isponsor u l-membri l-oħra tal-familja ma huwiex determinanti matul din l-evalwazzjoni, peress li ma jistax jiġi eskluż li ċerti membri tal-familja li jkunu s-suġġett ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja jaslu fl-Istat Membru kkonċernat indipendentement mill-kumplament tal-familja.

55      Għandu wkoll jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Italja, għalkemm il-prinċipji esposti fis-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, huma applikabbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-applikazzjoni tagħhom hija rriżervata għal sitwazzjonijiet fejn teżisti relazzjoni bijoloġika bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu saret applikazzjoni sabiex jiġi rikonoxxut lilu dritt ta’ residenza u ċ-ċittadin tal-Unjoni, li huwa wild ta’ età żgħira, relazzjoni li minnha jirriżulta l-eventwali dritt ta’ residenza tal-applikant.

56      Min-naħa l-oħra, kemm id-dritt ta’ residenza permanenti tal-ommijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni ta’ età żgħira kkonċernati kif ukoll il-fatt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom saret applikazzjoni sabiex jiġi rikonoxxut lilhom dritt ta’ residenza ma għandhomx il-kustodja legali, finanzjarja jew affettiva ta’ dawn iċ-ċittadini għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami tal-kwistjoni ta’ jekk ikunx impossibbli, b’konsegwenza tad-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza, li dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-istatus tagħhom. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ età żgħira u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jiġi rrifjutat d-dritt ta’ residenza li tista’ tpoġġi f’dubju l-effettività taċ-ċittadinanza tal-Unjoni peress li hija din id-dipendenza li twassal sabiex iċ-ċittadin tal-Unjoni jsib ruħu obbligat, de facto, jitlaq mhux biss mit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin iżda wkoll mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, bħala konsegwenza ta’ tali deċiżjoni ta’ rifjut (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Ruiz Zambrano, punti 43 u 45, kif ukoll Dereci et, punti 65 sa 67).

57      Bla ħsara għall-verifika li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, mill-informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha donnu jirriżulta li din id-dipendenza tista’ tkun assenti fil-kawżi prinċipali.

58      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, meta dan iċ-ċittadin ikun qed jipprova jirrisjedi mal-konjuġi tiegħu, li wkoll tkun ċittadina ta’ pajjiż terz residenti legalment f’dan l-Istat Membru u omm ta’ wild mill-ewwel żwieġ li huwa ċittadin tal-Unjoni, u mal-wild li kellhom mill-unjoni tagħhom, li wkoll huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, sakemm dan ir-rifjut ma jċaħħadx liċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

59      Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi mressqa quddiemha, il-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi mċaħħad minn dan l-essenzjal ma jirriżultax mid-deċiżjonijiet ta’ rifjut tal-permessi ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ma jippreġudikax il-kwistjoni dwar jekk, fuq bażijiet oħra, b’mod partikolari dak tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, dritt ta’ residenza jistax jiġi rrifjutat lil O. u M.. Din il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u skont tal-applikazzjoni rispettiva tagħhom (ara s-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment għalihom meta għamlet id-domanda tagħha u li jistgħu jintużaw sabiex tiġi deċiża l-kawża mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C‑392/05, Ġabra p. I‑3505, punt 64).

 Fuq id-Direttiva 2003/86

61      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment, fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, għad-Direttiva 2003/86 mingħajr madankollu ma għamlet domanda relatata magħha.

62      Bl-istess mod, il-Gvernijiet tal-Finlandja, parzjalment, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li d-dritt ta’ residenza O. u M. u s-sitwazzjoni tal-familji tagħhom ġew jew għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86.

63      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, l-għan tagħha huwa li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

64      Id-definizzjoni tal-membri tal-familja prevista fl-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva tinkludi l-konjuġi tal-isponsor, l-ulied komuni ta’ dan tal-aħħar u tal-konjuġi tiegħu, l-ulied minuri rispettivament tal-isponsor u tal-konjuġi tiegħu, meta dawn tal-aħħar għandhom id-dritt ta’ kustodja u huma responsabbli għall-ulied rispettivi tagħhom.

65      Minn dan isegwi li l-familja nukleari li għaliha tagħmel riferiment il-premessa 9 tad-Direttiva 2003/86 ġiet ikkonċepita f’sens wiesa’ mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

66      Madankollu, skont l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, din ma tapplikax għal membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

67      Fil-punt 48 tas-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sa fejn, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, kienu ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru u l-membri tal-familja tagħhom ċittadini ta’ Stati terzi li jixtiequ jidħlu u jirrisjedu f’dan l-Istat sabiex iżommu l-unità tal-familja mal-imsemmija ċittadini, id-Direttiva 2003/86 ma kinitx tapplika għal dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

68      Madankollu, b’kuntrast maċ-ċirkustanzi li kkaratterizzaw il-kawżi li taw lok għas-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, S. u L. huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru u li applikaw sabiex jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja. Dawn għandhom għalhekk jiġu rikonoxxuti bħala “sponsors” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/86. Barra minn hekk, l-ulied komuni ta’ dawn tal-aħħar u tal-konjuġi tagħhom huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi u għalhekk ma għandhomx l-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni mogħti mill-Artikolu 20 TFUE.

69      Fid-dawl tal-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86, li huwa li tiġi ffaċilitata r-riunifikazzjoni tal-familja (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun, C‑578/08, Ġabra p. I‑1839, punt 43), u tal-protezzjoni li din hija intiża li tagħti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lil minuri, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma tistax tiġi eskluża biss minħabba l-fatt li ġenitur tal-minuri, ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa wkoll il-ġenitur ta’ ċittadin tal-Unjoni minn żwieġ preċedenti.

70      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/83 jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet individwali korrispettivi definiti b’mod ċar. Dan jobbligahom, fil-każijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, li jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 60).

71      Din id-dispożizzjoni madankollu hija applikabbli bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti, b’mod partikolari fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/86. L-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jifforma parti minn dawn il-kundizzjonijiet u jippermetti lill-Istati Membri jitolbu prova li l-isponsor għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat. L-istess dispożizzjoni tippreċiża li l-Istati Membri jevalwaw dawn ir-riżorsi skont in-natura tagħhom u r-regolarità tagħhom u jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-livell tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet minimi nazzjonali kif ukoll tan-numru ta’ membri li li jiffurmaw il-familja (sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

72      Fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 4(1) għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li bħala prinċipju huma r-riżorsi tal-isponsor li huma s-suġġett tal-eżami individwali tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja meħtieġ mid-Direttiva 2003/86 u mhux ir-riżorsi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu saret applikazzjoni sabiex jiġi rikonoxxut lilu d-dritt ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja (ara s-sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 47).

73      Barra minn hekk, fir-rigward tal-imsemmija riżorsi, peress li l-frażi “jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali” li tidher fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 ma tippermettix li Stat Membru jirrifjuta r-riunifikazzjoni tal-familja lil sponsor li jipprova li għandu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti li jippermettulu jissodisfa l-bżonnijiet tiegħu u dawk tal-membri tal-familja tiegħu, iżda li, minħabba l-livell tad-dħul tiegħu, madankollu jista’ jitlob għajnuna speċjali fil-każ ta’ spejjeż partikolari u individwali speċifiċi neċessarji għall-għajxien tiegħu jew miżuri ta’ sostenn għad-dħul (ara s-sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

74      Wara dan, peress li l-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għalhekk, il-marġni ta’ manuvra mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan tad-Direttiva u l-effettività tagħha (sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

75      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86, din tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji stabbiliti fil-Karta.

76      L-Artikolu 7 tal-Karta, li jinkludi drittijiet li jaqblu ma dawk iggarantiti bl-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja. Din id-dispożizzjoni tal-Karta għandha barra minn hekk tinqara flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-imsemmija Karta, u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn tal-ulied, espress fl-Artikolu 24(3), li jkollhom, fuq bażi regolari relazzjoni personali maż-żewġ ġenituri (ara s-sentenzi, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58, u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, Ġabra p. I‑12193, punt 54).

77      L-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 ma jistax jiġi interpretat u applikat b’tali mod li din l-applikazzjoni tikser id-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Karta.

78      Fil-fatt, l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt derivat li jidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali tal-Unjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, punt 105, u Detiček, punt 34).

79      Ċertament, l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, filwaqt li jenfasizzaw l-importanza, għall-ulied, tal-ħajja tal-familja, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jċaħħdu lill-Istati Membri mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom meta jeżaminaw applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

80      Madankollu, matul tali eżami u meta jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/86 humiex sodisfatti, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24(2) u (3) tal-Karta, kif barra minn hekk jirriżulta mit-termini tal-premessa 2 u mill-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet ta’ riunifikazzjoni inkwistjoni fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-għan li li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja.

81      Huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom, meta jimplementaw id-Direttiva 2003/86 u meta jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja, iwettqu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha inkwistjoni, billi jieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-interess tal-ulied ikkonċernati.

82      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:

–        L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, meta dan iċ-ċittadin ikun qed jipprova jirrisjedi kemm mal-konjuġi tiegħu, li wkoll tkun ċittadina ta’ pajjiż terz residenti legalment f’dan l-Istat Membru u omm ta’ wild mill-ewwel żwieġ li huwa ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll mal-wild li kellhom mill-unjoni tagħhom, li wkoll huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, sakemm dan ir-rifjut ma jċaħħadx liċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

–        Applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma koperti mid-Direttiva 2003/86. L-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jitolbu l-prova li l-isponsor għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata fid-dawl tal-Artikoli 7, u 24(2) u (3) tal-Karta, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja, kif ukoll li jevitaw li jippreġudikaw kemm l-għan ta’ din id-direttiva kif ukoll l-effettività tagħha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ permessi ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ttiħdux fl-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.

 Fuq l-ispejjeż

83      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, meta dan iċ-ċittadin ikun qed jipprova jirrisjedi kemm mal-konjuġi tiegħu, li wkoll tkun ċittadina ta’ pajjiż terz residenti legalment f’dan l-Istat Membru u omm ta’ wild mill-ewwel żwieġ li huwa ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll mal-wild li kellhom mill-unjoni tagħhom, li wkoll huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, sakemm dan ir-rifjut ma jċaħħadx liċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja. L-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jitolbu l-prova li l-isponsor għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata fid-dawl tal-Artikoli 7, u 24(2) u (3) tal-Karta, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja, kif ukoll li jevitaw li jippreġudikaw kemm l-għan ta’ din id-direttiva kif ukoll l-effettività tagħha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ permessi ta’ residenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali ttiħdux fl-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.