Language of document : ECLI:EU:C:2011:541

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Settembru 2011 (*)

“Prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament – Regolament (KE) Nru 1829/2003 – Artikoli 2 sa 4 u 12 – Direttiva 2001/18/KE – Artikolu 2 – Direttiva 2000/13/KE – Artikolu 6 – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Artikolu 2 – Prodotti tal-apikultura – Preżenza ta’ polline ta’ pjanti modifikati ġenetikament – Konsegwenzi – Tqegħid fis-suq – Kunċett ta’ ‘organiżmu’ u ta’ ‘ikel li fih ingredjenti prodotti minn organiżmi modifikati ġenetikament’”

Fil-Kawża C‑442/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Karl Heinz Bablok,

Stefan Egeter,

Josef Stegmeier,

Karlhans Müller,

Barbara Klimesch

vs

Freistaat Bayern,

fil-preżenza ta’:

Monsanto Technology LLC,

Monsanto Agrar Deutschland GmbH,

Monsanto Europe SA/NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal K. H. Bablok, S. Egeter, J. Stegmeier u K. Müller kif ukoll B. Klimesch, minn A. Willand u G. Buchholz, Avukati,

–        għal Monsanto Technology LLC, Monsanto Agrar Deutschland GmbH u Monsanto Europe SA/NV, minn M. Kaufmann, J. Dietrich u P. Brodbeck, Avukati,

–        għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias u K. Marinou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin u B. Schima, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal- Artikoli 2(5) u (10), 3(1), 4(2) u 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. H. Bablok, S. Egeter, J. Stegmeier u K. Müller kif ukoll B. Klimesch, persuni li jrabbu n-naħal u Freistaat Bayern, fil-preżenza ta’ Monsanto Technology LLC, Monsanto Agrar Deutschland GmbH u Monsanto Europe SA/NV (iktar ’il quddiem, “Monsanto Technology”, “Monsanto Agrar Deutschland” u “Monsanto Europe” rispettivament jew flimkien “Monsanto”), partijiet intervenjenti, dwar il-preżenza ta’ polline tal-qamħirrun modifikat ġenetikament fi prodotti tal-apikultura.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/18/KE

3        Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 06, p. 77), kif emendata bir-Regolament Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 455, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/18”) apparti r‑rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (iktar ’il quddiem l-“OMĠ”), tirregola wkoll, it-tqegħid fis-suq tal-OMĠ bħala prodotti jew elementi ta’ prodotti, fejn l-użu intenzjonat tal-prodotti jinvolvi r-rilaxx intenzjonat ta’ organiżmi fl-ambjent.

4        Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tipprovdi li:

“Organiżmi ħajjin, kemm jekk jintefgħu fl-ambjent fi kwantitajiet żgħar jew kbar għal skopijiet sperimentali jew bħala prodotti kummerċjali, jistgħu jirriproduċu fl-ambjent u jaqsmu fruntieri nazzjonali u b’hekk jaffetwaw Stati Membri oħra. L‑effetti ta’ dan ir-rilaxx fl-ambjent jistgħu jkunu rriversibli.”

5        Il-premessa 5 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem teħtieġ li attenzjoni xierqa tingħata lil kontrolli ta’ riskji minn rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ OMĠ.

6        Il-premessa 8 tal-istess direttiva tippreċiża li l-prinċipju ta’ prekawzjoni ttieħed inkunsiderazzjoni fl-abbozz tagħha u li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi implementata.

7        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi li OMĠ ma jistgħux jiġu rrilaxxati intenzjonalment fl-ambjent jew jitqiegħdu fis-suq ħlief skont id-dispożizzjonijiet previsti rispettivament fil-parti B jew Ċ ta’ din id-direttiva, jiġifieri, prinċipalment, wara notifika ta’ applikazzjoni f’dan is-sens, evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent flimkien ma’ awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti.

8        L-Artikolu 4(3) jipprovdi li l-evalwazzjoni għandha ssir fuq l-effetti potenzjali ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, li jistgħu jseħħu direttament jew indirettament minn trasferiment ta’ ġeni minn OMĠ għall-organiżmi oħra.

 Ir-Regolament Nru 1829/2003

9        Ir-Regolament Nru 1829/2003 jorganizza l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-ikel u tal-għalf modifikati ġenetikament kif ukoll it-tikkettjar tagħhom.

10      Il-premessa 1 ta’ dan ir-regolament tipprovdi li l-moviment liberu ta’ ikel u ta’ għalf, siguri u bla periklu, huwa aspett essenzjali tas-suq intern u jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini, kif ukoll għall-interessi soċjali u ekonomiċi tagħhom.

11      Il-premessa 2 tal-istess regolament tenfasizza li huwa importanti li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem fl-eżekuzzjoni tal-politika Komunitarja.

12      Il-premessa 3 tipprovdi, konsegwentement, li l-prodotti tal-ikel modifikati ġenetikament għandhom ikunu suġġett għal evalwazzjoni ta’ sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq.

13      Il-premessa 16 tipprovdi li:

“Dan ir-Regolament għandu jkopri ikel u għalf prodott ‘minn’ OMĠ iżda mhux ikel u għalf ‘ma’ [permezz ta’] OMĠ. Il-kriterju determinanti hu jekk il-materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament hux preżenti fl-ikel jew fl-għalf jew le. Għajnuniet ta’ l-ipproċessar li jintużaw biss waqt il-proċess tal-produzzjoni ta’ l-ikel jew l-għalf ma humiex koperti bit-tifsira ta’ ikel jew għalf u, għalhekk, ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L‑anqas ma huma inklużi fl-iskop ta’ dan ir-Regolament ikel u għalf li huma manifatturati bl-assistenza ta’ għajnuniet ta’ l-ipproċessar modifikati ġenetikament. Għalhekk, il-prodotti miksuba minn annimali mi[t]mugħa għalf modifikat ġenetikament jew li jkunu ġew ikkurati bi prodotti mediċinali modifikati ġenetikament ma jkunux suggetti la għall-ħtiġiet ta’ awtorizzazzjoni u l-anqas għall-ħtiġiet ta’ ttikkjettar imsemmija f’dan ir-Regolament.”

14      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1829/2003 iħabbar l-għan li “jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana [tal-bniedem]”.

15      L-Artikolu 2 tal-istess regolament jistabbilixxi lista ta’ definizzjonijiet ta’ kunċetti rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jekk ikun il-każ permezz ta’ riferiment għad-definizzjonijiet ta’ dawn il-kunċetti mogħtija mid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 05, p. 75), id-Direttiva 2001/18 jew ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l‑Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 06, p. 463).

16      Din il-lista tinkludi, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet li ġejjin:

–        “ikel”: kull sustanza jew prodott, sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub li jkun, jew raġonevolment mistenni li jittiekel mill-bniedem (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002);

–        “organiżmu”: kwalunkwe entità bijoloġika li kapaċi tirreplika [tirriproduċi] ruħha jew li tittrasferixxi materjal ġenetiku [Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18];

–        “[OMĠ]”: organiżmu, ħlief għall-bniedem, li l-materjal ġenetiku tiegħu ġie modifikat b’mod li ma jsirx naturalment permezz ta’ multiplikazzjoni u/jew rikombinazzjoni naturali [Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/18];

–        “rilaxx intenzjonat”: kwalunkwe introduzzjoni intenzjonata fl-ambjent ta’ OMĠ jew kombinazzjoni ta’ OMĠ li għalihom ma jintużawx miżuri ta’ ħażna biex jillimitaw il-kuntatt tagħhom ma’, u tipprovdi livell għoli ta’ sigurtà għall-popolazzjoni inġenerali u l-ambjent [Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2001/18];

–        “stima [evalwazzjoni] ta’ riskju ambjentali”: l-evalwazzjoni ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kemm dirett kif ukoll indirett, immedjat jew mhux immedjat, li jista’ jimponi r-rilaxx intenzjonat jew it-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ [Artikolu 2(8) tad-Direttiva 2001/18];

–        “ikel modifikat ġenetikament”: ikel li jkun fih, jikkonsisti fi jew huwa prodott minn OMĠ [Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 1829/2003];

–        “prodott minn OMĠ”: idderivat, għal kollox jew f’parti, minn OMĠ, iżda li ma jkunx fih jew ma jikkonsistix f’OMĠ [Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1829/2003];

–        “ingredjent”: kwalunkwe sustanza, inklużi addittivi, użata fil-manifattura jew fil-preparazzjoni tal-ikel u li tibqa’ preżenti meta jitlesta l-prodott, anki f’forma alterata [Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2000/13].

17      L-Artikolu 3 tal-istess Regolament Nru 1829/2003 intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” u inkluż fis-Sezzjoni 1, intitolata “Awtorizzazzjoni u superviżjoni” tal-kapitolu II, intitolat “Ikel modifikat ġenetikament” fl-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

“Din is-Sezzjoni għandha tgħodd għal:

(a)      OMĠ għall-użu fl-ikel;

(b)      ikel li fih jew jikkonsisti fi OMĠ;

(ċ)      ikel prodott minn jew li fih ingredjenti prodotti minn OMĠ.”

18      L-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ intiż sabiex jittiekel mill-bniedem, ta’ ikel li jkun fih OMĠ jew li jkun jikkonsisti f’dawk l-organiżmi, jew ukoll li jkun prodott minn ingredjenti prodotti minn OMĠ jew li jkun fihom tali ingredjenti, sakemm il-prodott inkwistjoni ma jkunx kopert minn awtorizzazzjoni mogħtija skont dan ir-regolament.

19      L-Artikolu 4(3) jissuġġetta l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-wiri, partikolarment, li l-OMĠ jew l-ikel ma għandhomx effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, fuq is-saħħa tal-annimali jew fuq l-ambjent.

20      L-Artikolu 13 jistipula rekwiżiti ta’ ttikkettjar li, skont l-Artikolu 12(1) japplikaw għall-ikel li:

–        fihom OMĠ jew jikkonsistu f’tali OMĠ;

–        huma prodotti minn OMĠ jew fihom ingredjenti prodotti minn tali OMĠ.

21      Madankollu, skont l-Artikolu 12(2), dawn ir-rekwiżiti ma japplikawx għal ikel li fih materjal li jinkludi OMĠ, li jikkonsisti f’tali organiżmi jew li huwa prodott minn tali organiżmi f’proporzjon mhux ogħla minn 0.9 % ta’ kull ingredjent, sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli.

22      L-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprovdi, bħala miżura tranżitorja ta’ tliet snin, li l-preżenza fl-ikel ta’ materjal li fih OMĠ, li jikkonsisti f’tali organiżmi jew li huwa prodott minn tali OMĠ f’proporzjon mhux ogħla minn 0.5 % ma għandhiex titqies bħala ksur tal-Artikolu 4(2) sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli.

 Id-Direttiva 2001/110/KE

23      L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, li tirrigwarda l-għasel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 179), jipprovdi li :

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I. Dawn il‑prodotti għandhom jikkonformaw ma’ r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.”

24      Il-punt 1 tal-Anness I għal din id-direttiva jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“L-għasel huwa s-sustanza naturali ħelwa magħmula min-naħal Apis mellifera min-nektar tal-pjanti jew minn tnixxijiet ta’ partijiet ħajja ta’ pjanti jew eskrezzjonijiet ta’ insetti li jerdgħu mill-pjanti fuq il-partijiet ħajja tal-pjanti, li n‑naħal jiġbru, jittrasformaw billi jikkombinaw ma’ sustanzi speċifiċi tagħhom stess, jiddepositaw, jiddeidraw [jiddiżidrataw], jaħżnu u jħallu fix-xehdi ta’ l‑għasel sabiex isiru u jimmaturaw.”

25      Fl-ewwel sat-tielet paragrafi tal-Anness II għall-istess direttiva jiġi ppreċiżat li:

“L-għasel jikkonsisti essenzjalment f’zokkrijiet differenti, speċjalment frittosju u glukosju kif ukoll sustanzi oħra bħal aċidi organiċi, enżimi u partikoli solidi derivati mill-ġbir ta’ l-għasel. […]

Meta mqiegħed fis-suq bħala għasel jew użat fi kwalunkwe prodott intenzjonat għal konsum mill-bniedem, għasel ma’ għandux jiżdied miegħu ebda ingredjent ta’ ikel, inklużi addittivi ta’ l-ikel, u l-anqas addizzjonijiet oħra ma għandhom isiru ħlief l-għasel. L-għasel għandu, kemm jista’ jkun, ikun ħieles minn materji organiċi jew inorganiċi barranin għall-kompożizzjoni tiegħu. […]

Mingħajr preġudizzju għall-Anness I, punt 2(b)(viii) [li jiddefinixxi l-għasel iffiltrat], l-ebda polline jew kostitwent partikolari għall-għasel ma jista’ jitneħħa ħlief fejn dan hu inevitabbli fit-tneħħija ta’ materjal inorganiku jew organiku [barrani].”

 Id-dritt nazzjonali

26      L-Artikolu 36a tal-Liġi dwar l-inġinerija ġenetika (Gentechnikgesetz, iktar ’il quddiem il-“GenTG”), introdott bil-Liġi tal-21 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. 2005 I, p. 186), huwa fformulat kif ġej:

“It-trasferiment tal-karatteristiċi ta’ organiżmu li huma bbażati fuq manipulazzjonijiet ġenetiċi, jew kwalunkwe introduzzjoni oħra ta’ organiżmi modifikati ġenetikament jikkostitwixxi bidla sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 906 tal-Kodiċi Ċivili [Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-‘BGB’] meta, minħabba dan it-trasferiment jew dik l-introduzzjoni l-oħra, xi prodotti, b’mod partikolari, kontra l-intenzjoni tal-persuna li hija awtorizzata li tikseb profitt minnhom,

1.      ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq, jew

2.      jistgħu jitqiegħdu fis-suq, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew ta’ dispożizzjonijiet oħrajn, biss jekk ikollhom tikkettjar li jsemmi l‑modifikazzjoni ġenetika […]”

27      L-Artikolu 906(2) tal-BGB, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit-2 ta’ Jannar 2002 (BGBl. 2002 I, p. 42), jipprovdi li:

“L-istess japplika meta l-bidla sostanzjali tkun ġejja minn użu tal-proprjetà l-oħra li jkun konformi mad-drawwiet lokali, u li ma tistax tiġi mfixkla minn miżuri li jistgħu raġonevolment jiġu mitluba, fuq il-livell ekonomiku, minn dan it-tip ta’ utenti. Il-proprjetarju li, abbażi ta’ din ir-regola, huwa obbligat jittollera ħsara, jista’ jeżiġi mingħand il-proprjetarju tal-proprjetà l-oħra kumpens pekunjarju xieraq meta l-imsemmija ħsara tbiddel l-użu konformi mad-drawwiet lokali tal-proprjetà tiegħu jew il-profitt li dan iġib lil hinn minn dak li jista’ jiġi raġonevolment mitlub mingħandu.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      Fl-1998, Monsanto kisbet, b’implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/294/KE, tat-22 ta’ April 1998, rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament (Zea mays L. line MON 810), skont id‑Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 77), awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-qamħirrun modifikat ġenetikament MON 810 (iktar ’il quddiem il-“qamħirun MON 810”)

29      Il-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 ġiet ipprojbita fil-Ġermanja permezz ta’ deċiżjoni, tas-17 ta’ April 2009, tal-Bundesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (l-Uffiċċju Federali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u għas-Sigurtà tal-Ikel) li ordna s-sospensjoni provviżorja tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

30      Monsanto Technology hija d-detentriċi ta’ aċċettazzjonijiet ta’ varjetajiet taħt il‑leġiżlazzjoni dwar iż-żerriegħa. Monsanto Agrar Deutschland hija responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa miksuba mir-razza tal-qamħirrun MON 810 fil-Ġermanja.

31      Il-qamħirrun MON 810 fih ġene tal-batterju tal-ħamrija bacillus thuringiensis (Bt), li jarmi tossini Bt fil-pjanta tal-qamħirrun. Dawn it-tossini jippermettu li jiġi miġġieled ix-xagħat tat-taqqab il-qmuħ (corn borer), li huwa farfett parassita tal-qamħirrun li l-larvi tiegħu, fil-każ ta’ infestazzjoni, idgħajfu l-pjanta tal-qamħirrun fl-iżvilupp tagħha. It-tossini Bt jeqirdu ċ-ċelluli tal-intestini tal-larvi, u dan iwassal għal mewthom.

32      Il-Freistaat Bayern huwa l-proprjetarju ta’ diversi artijiet fejn matul l-aħħar snin il-qamħirrun MON 810 ġie kkultivat għal finijiet ta’ riċerka. Huwa ma jeskludix li jerġa’ jibda din il-kultivazzjoni wara li tiskadi l-projbizzjoni ordnata għat-territorju federali Ġermaniż kollu.

33      K. H. Bablok hija persuna dilettanta li trabbi n-naħal. Qrib l-artijiet tal-Freistaat Bayern, huwa jipproduċi għasel intiż għall-bejgħ u għall-konsum personali. Sal-2005, huwa kien jipproduċi anki l-polline li kien jinbiegħ bħala ikel, fil-forma ta’ supplimenti tal-ikel. Huwa għandu l-ħsieb li jerġa’ jibda jipproduċi l-polline meta jiġi eskluż ir-riskju li jiġi introdott polline modifikat ġenetikament.

34      S. Egeter, J. Stegmeier, K. Müller u B. Klimesch ingħaqdu mal-proċedura nazzjonali fl-istadju tal-appell. Huma wkoll huma persuni dilettanti li jrabbu n‑naħal, uħud minnhom unikament għal finijiet ta’ konsum personali. Il-ġarar tan-naħal tagħhom jinsabu bejn kilometru u tliet kilometri ’l bogħod mill-artijiet tal-Freistaat Bayern.

35      Polline, miġbur min-naħal u maħżun f’ċerti partijiet tal-ġarar tan-naħal sabiex jikluh, jista’ jkun inkorporat mal-għasel aċċidentalment, min-naħal stess waqt li jkunu għaddejjin bil-produzzjoni tal-għasel tagħhom u, teknikament, minħabba l‑persuni li jrabbu n-naħal waqt iċ-ċentrifugazzjoni tax-xehdiet meta jinġabar l‑għasel, li jwassal għall-estrazzjoni, minbarra tal-kontenut tat-toqob tax-xehdiet tal-għasel li jkun fihom l-għasel, anki tal-kontenut tat-toqob ġirien maħsuba għall-polline.

36      Fl-2005, fil-polline tal-qamħirrun miġbur minn K. H. Bablock f’ġarar tan-naħal li kienu jinsabu 500 metru ’l bogħod mill-artijiet tal-Freistaat Bayern ġiet ikkonstatata l-preżenza, minn naħa, tad-DNA ta’ qamħirrun MON 810, fi proporzjon ta’ 4.1 % meta pparagunat mad-DNA totali tal-qamħirrun, u min-naħa l-oħra, ta’ proteini transġeniċi (it-tossina Bt).

37      Barra minn hekk, f’uħud mill-kampjuni tal-għasel ta’ K. H. Bablok ġiet osservata wkoll il-preżenza ta’ kwantitajiet ferm żgħar ta’ DNA tal-qamħirrun MON 810, li kienu ġejjin mill-introduzzjoni tal-polline ta’ dan il-qamħirrun.

38      Fid-data meta ngħatat id-deċiżjoni tar-rinviju, il-preżenza tad-DNA tal-qamħirrun MON 810 ma kinitx ġiet osservata fil-prodotti tal-apikultura ta’ S. Egeter, J. Stegmeier u K. Müller kif ukoll ta’ B. Klimesch.

39      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar talba sabiex jiġi kkonstatat li, minħabba l-preżenza tal-polline tal-qamħirrun MON 810 fil-prodotti tal-apikultura inkwistjoni, ma humiex adatti għall-kummerċjalizzazzjoni u li għaldaqastant, huma s-suġġett ta’ “bidla sostanzjali” fis-sens tal-Artikolu 36a tal-GenTG u tal-Artikolu 906(2) tal-BGB.

40      Din it-talba ntlaqgħat fl-ewwel istanza mill-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg, skont is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2008. Din il-qorti qieset li l‑introduzzjoni tal-polline tal-qamħirrun MON 810 kienet tagħmel mill-għasel u mis-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ polline, ikel suġġett għal awtorizzazzjoni, b’tali mod li, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, dawn il-prodotti ma setgħux jitqiegħdu fis-suq jekk ma kellhomx tali awtorizzazzjoni.

41      Skont il-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg, l-għasel u s-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ polline prodotti minn K. H. Bablok huma mibdula sostanzjalment minħabba l-preżenza ta’ polline tal-qamħirrun MON 810.

42      Billi kkontestaw din l-analiżi, Monsanto Technology, Monsanto Agrar Deutschland u l-Freistaat Bayern ippreżentaw appell mis-sentenza quddiem il‑Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.

43      Quddiem din il-qorti tal-aħħar, huma jsostnu li r-Regolament Nru 1829/2003 ma japplikax għall-polline tar-razza tal-qamħirrun MON 810, preżenti fl-għasel jew użat bħala suppliment tal-ikel. Fil-fatt, il-konsegwenzi ta’ introduzzjoni naturali f’ikel ġew eżaminati u, konsegwentement, awtorizzati meta ngħatat id‑deċiżjoni 98/294.

44      Barra minn hekk, il-polline preżenti fl-għasel jew użat bħala suppliment tal-ikel ma huwiex “OMĠ” fis-sens tar-Regolament Nru 1829/2003 peress li, fil-mument tal-inkorporazzjoni fl-għasel jew tal-użu fl-ikel, b’mod partikolari fil-forma ta’ suppliment tal-ikel, huwa ma jibqagħlu l-ebda kapaċità konkreta u individwali għar-riproduzzjoni u li s-sempliċi preżenza ta’ DNA u/jew ta’ proteini transġeniċi ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

45      Jekk ir-Regolament Nru 1829/2003 kien japplika, kien ikun hemm lok li tingħata interpretazzjoni restrittiva tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni inklużi fih. Fil-każ ta’ introduzzjoni aċċidentali tal-polline tal-qamħirrun MON 810 preżenti b’mod għalkollox legali fin-natura, awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-għasel tkun neċessarja biss jekk jinqabeż il-limitu ta’ 0.9 %, kif inhu previst fil-qasam tal-ittikkettjar fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1829/2003.

46      Il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof tirrileva li l-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810, li kienet issir fl-imgħoddi u li tista’ terġa’ tibda iktar ’il quddiem, hija ammissibbli mil-lat legali, sakemm tiġi mġedda l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, u li konsegwentement, ir-rikorrenti għandhom jittollerawha skont l‑Artikolu 906(2) tal-BGB.

47      Inkunsiderazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, hija tispjega li l-kwistjoni tal-bidla sostanzjali tal-prodotti, li hija determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, tiddependi minn jekk, fil-każ ta’ introduzzjoni ta’ polline tal-qamħirrun MON 810, dawn il-prodotti jistgħux, bħala ikel modifikat ġenetikament, jitqiegħdu iktar fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, jew jekk, f’kull każ, jistgħux jitqiegħdu fis-suq biss jekk ikollhom ittikkettjar li jsemmi l-modifikazzjoni ġenetika, skont l-Artikolu 36a tal-GenTG.

48      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-preżenza tal-polline tal-qamħirrun MON 810 tista’ tipproduċi tali konsegwenzi biss jekk il-prodotti tal-apikultura li jkun fihom dan il-polline jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003.

49      Hija tikkonstata li din il-kwistjoni tiddependi, qabelxejn, minn jekk polline tal-qamħirrun bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex “organiżmu” fis-sens tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1829/2003 u huwiex “OMĠ” fis-sens tal-Artikolu 2(5), fejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirreferu għad-definizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kunċetti mogħtija mid-Direttiva 2001/18.

50      Fil-fehma tagħha, il-polline tal-qamħirrun huwa “organiżmu”, peress li, għalkemm huwa stess ma jistax jimmultiplika ruħu, huwa jista’, bħala ċellula sesswali maskili, jittrasferixxi f’kundizzjonijiet naturali l-materjal ġenetiku liċ-ċelluli sesswali femminili.

51      Madankollu, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof tosserva li, minħabba li jinxef, il-polline tal-qamħirrun jitlef ferm malajr il-kapaċità tiegħu għall-fertilizzazzjoni ta’ fjura tal-qamħirrun femminili, b’tali mod li ma jkunx iktar organiżmu ħaj li jista’ jiffunzjona matul il-perijodu kollu tal-maturazzjoni tal-għasel, sa mill-mument meta dan tal-aħħar, li jinkorpora l-polline, ikun maħżun fix-xehdiet tal-għasel u ssiġillat fihom. Hija żżid ukoll li l-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-polline inkluż fil-prodotti abbażi ta’ polline, fil-mument fejn dawn tal-aħħar ikunu maħsuba sabiex jittieklu, b’mod partikolari fil-forma ta’ supplimenti tal-ikel.

52      Għaldaqstant, hija tistaqsi prinċipalment liema huma l-konsegwenzi tat-telf, mill-polline kkontestat, tal-kapaċità tiegħu li jirriproduċi.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett [ta’ ‘OMĠ’] kif iddefinit fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament [Nru 1829/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll materjal minn pjanti modifikati ġenetikament (f’dan il-każ, polline mir-razza tal-qamħirrum [modifikat ġenetikament] MON 810) li għalkemm jinkorpora DNA modifikat ġenetikament u proteini modifikati ġenetikament (f’dan il‑każ, it-toxin Bt) fil-mument li jagħmel parti mill-ikel (f’dan il-każ għasel) jew ikun intiż għall-użu bħala ikel/suppliment tal-ikel ma jkollux (jew ma jkollux iktar) il-kapaċità speċifika jew individwali li jirriproduċi?

2)      Jekk tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda:

(a)      Huwa biżżejjed, fi kwalunkwe każ, li, sabiex ikel jitqies bħala “prodott minn OMĠ” fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament [Nru 1829/2003], għandu jinkludi materjal li joriġina minn pjanti modifikati ġenetikament li qabel kellu l-kapaċità speċifika jew individwali li jirriproduċi?

(b)      Jekk tingħata risposta pożittiva għal din id-domanda:

Il-kunċett “prodott minn OMĠ”, fis-sens tal-Artikolu 2(10) u tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament [Nru 1829/2003], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-OMĠ, ma jeżiġix proċess ta’ produzzjoni intenzjonali u partikolari u jkopri wkoll il‑kontaminazzjoni involontarja u aċċidentali ta’ OMĠ (preċedenti) fi prodott tal-ikel (fil-każ inkwistjoni, għasel jew polline bħala suppliment tal-ikel)?

3)      Fil-każ li tingħata risposta pożittiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) [Nru 1829/2003] għandhom jiġu interpretati fis-sens li kull kontaminazzjoni ta’ ikel mill-annimali, bħall-għasel, dovut għal materjal modifikat ġenetikament li huwa legalment preżenti fl-ambjent, għandha l-effett li tissuġġetta tali ikel għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni u sorveljanza prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, jew huwa possibbli li jiġu applikati mutatis mutandis il-limiti applikabbli f’każijiet oħra (f’dan il-każ, pereżempju, fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament)?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

54      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ OMĠ fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li sustanza, bħall-polline dderivat minn varjetà ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament, ma taqax jew ma taqax iktar taħt dan il-kunċett minħabba li tkun tilfet kull kapaċità speċifika jew individwali li tirripproduċi, minkejja li xorta jkun fiha materjal modifikat ġenetikament.

55      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont interpretazzjoni possibbli tal-kunċett ta’ OMĠ, l-imsemmi kunċett ikopri biss entità li tista’ tiffunzjona, jiġifieri entità bijoloġika ħajja. Għaldaqstant, ma huwiex biżżejjed li l-polline tal-qamħirrun mejjet ikun fih DNA transġeniku jew proteini transġeniċi. Id-definizzjonijiet tal-organiżmu u tal-OMĠ mogħtija mid-Direttiva 2001/18 jimplikaw neċessarjament li l-informazzjoni ġenetika inkluża tkun tista’ tiġi ttrasferita b’mod konkret lil destinatarju adegwat għall-finijiet ta’ rikombinazzjoni. Il-premessa 4 tad-Direttiva 2001/18 tikkorrobora din l-analiżi. Din id-direttiva tal-aħħar għaldaqstant tidher li tadotta b’mod determinanti żewġ kriterji li jimxu id f’id, jiġifieri dawk ta’ vijabbiltà u ta’ fertilità, u mhux is-sempliċi trasport tad-DNA li ma għadx għandu rwol fil-qasam tar-riproduzzjoni.

56      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk interpretazzjoni f’dan is-sens tmurx kontra l-għan ta’ protezzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003. Jekk mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu esklużi prodotti tal-ikel li fihom DNA jew proteini modifikati ġenetikament fi kwantitajiet bla limitu, dan jista’ jirriżulta inkompatibbili ma’ dan il-għan. Għaldaqstant, l-element rilevanti għas-sigurtà tal-ikel jista’ jkun qiegħed inqas fil-kapaċità għar-riproduzzjoni tal-OMĠ milli fil-preżenza ta’ materjal modifikat ġenetikament.

57      L-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1829/2003 jiddefinixxi l-OMĠ permezz ta’ riferiment għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett mogħtija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/18, jiġifieri bħala “organiżmu [...] li l-materjal ġenetiku tiegħu ġie mmodifikat b’mod li ma jsirx naturalment permezz ta’ multiplikazzjoni u/jew rikombinazzjoni naturali”.

58      Ma huwiex ikkontestat li l-materjal ġenetiku tal-polline inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie modifikat taħt il-kundizzjonijiet koperti mid-definizzjoni tal-OMĠ.

59      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tikklassifika dan il-polline bħala OĠM biss jekk din is-sustanza tibqa’ tikkostitwixxi “organiżmu” fis-sens tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 1829/2003, li, permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/18, jiddefinixxi l-“organiżmu” bħala “kwalunkwe entità bijoloġika li kapaċi” jew tirreplika [tirriproduċi] ruħha”, jew “li titrasferixxi materjal ġenetiku”.

60      Peress li d-dibattitu jikkonċentra fuq it-tieni parti ta’ din id-definizzjoni, ibbażata fuq kapaċità ta’ riproduzzjoni jew ta’ trasferiment tal-materjal ġenetiku, u li huwa paċifiku li l-polline inkwistjoni fil-kawża prinċipali tilef kull kapaċità speċifika u individwali li jirripproduċi, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex kapaċi, barra minn hekk, li “[j]itrasferixxi materjal ġenetiku”, billi tieħu inkunsiderazzjoni, kif mistħoqq, id-data xjentifika disponibbli u billi tqis kull forma ta’ trasferiment ta’ materjal ġenetiku pprovata xjentifikament.

61      Jekk, wara din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-polline inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex jew ma għadux kapaċi jittrasferixxi l-materjal ġenetiku, b’tali mod li ma jistax jew ma jistax iktar jitqies bħala organiżmu u, għaldaqstant, bħala OMĠ fis-sens tar-Regolament Nru 1829/2003, dan mhux neċessarjament ikollu l-konsegwenza li dan il-polline ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, jekk f’dan il-każ, il-polline ma jaqax taħt l-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1829/2003, huwa jista’ madankollu jaqa taħt l-Artikolu 3(1)(ċ) tiegħu, u din hija possibblità li l-qorti tar-rinviju nnifisha tipprevedi fit-tieni domanda preliminari tagħha.

62      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-kunċett ta’ OMĠ fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li sustanza, bħall-polline dderivat minn varjetà ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament, li tilfet il-kapaċità tagħha li tirripproduċi u li ma għandha l-ebda kapaċità li titrasferixxi materjal ġenetiku kontenut fiha, ma taqax iktar taħt dan il-kunċett.

 Fuq it-tieni domanda

63      Fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, li tixtieq li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003, tirreferi għall-Artikolu 2(10) tiegħu li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodott minn OMĠ”.

64      Għal dak li jikkonċerna l-ikel, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 huwa ddefinit mill-Artikolu 3(1) tiegħu, li jkopri:

“a)      OMĠ għall-użu fl-ikel;

b)      ikel li fih jew jikkonsisti fi OMĠ;

ċ)      ikel prodott minn jew li fih ingredjenti prodotti minn OMĠ.”

65      Il-portata tal-Artikolu 3(1)(a) u (b) tiddependi essenzjalment fuq il-kunċett ta’ “OMĠ”.

66      Jekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-polline inkwistjoni ma huwiex iktar kapaċi jittrasferixxi materjal ġenetiku b’tali mod li ma jistax jitqies bħala OMĠ, din il-kawża ma tistax taqa’ taħt ir-Regolament Nru 1829/2003 ħlief jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) tiegħu huma sodisfatti.

67      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jikkonċernaw prodotti “li fih[om]” il-polline kkontestat, il-portata tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003 tiddependi fuq il-kunċett ta’ “ikel” iddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu, permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002, kif ukoll fuq il-kunċett ta’ “ingredjenti” ddefinit fl-Artikolu 2(13) tar-Regolament Nru 1829/2003 permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2000/13, u dak ta’ “prodotti minn OMĠ” ddefinit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1829/2003.

68      Għaldaqstant, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk:

–        l-Artikolu 2(1), (10) u (13), kif ukoll l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 u l-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta sustanza bħall-polline li jkun fiha DNA u proteini modifikati ġenetikament ma tistax titqies bħala OMĠ, prodotti bħall-għasel u supplimenti tal-ikel li fihom tali sustanza jikkostitwixxu, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, “ikel [...] li fih [ingredjenti prodotti minn OMĠ]”;

–        tista’ ssir l-istess klassifikazzjoni indipendentement mill-punt jekk il-kontaminazzjoni tas-sustanza inkwistjoni kinitx intenzjonali jew aċċidentali.

69      Prodotti bħall-għasel u s-supplimenti tal-ikel abbażi ta’ polline inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi sabiex jittieklu mill-bniedem. Għaldaqstant huma “ikel” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1829/2003 u l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002.

70      Il-polline inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa dderivat mill-qamħirrun MON 810, jiġifieri minn OMĠ.

71      Dan il-polline għandu jitqies bħala “prodott minn OMĠ” fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 1829/2003 meta ma jistax jiġi kklassifikat iktar bħala OMĠ, sa fejn, f’dan il-każ, huwa ma jikkonsistix iktar f’OMĠ u lanqas ma fih OMĠ.

72      Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, għandu prinċipalment jiġi eżaminat jekk l-imsemmi polline jistax jiġi kklassifikat bħala “ingredjent”.

73      Skont l-Artikolu 2(13) tar-Regolament Nru 1829/2003 u l-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13 ingredjent huwa “kwalunkwe sustanza […] użati fil-manifattura jew preparazzjoni tal-prodott ta’ l-ikel u jibqgħu ppreżenti meta jitlesta l-prodott, anke f’forma alternata”.

74      Għandha ssir klassifikazzjoni bħala “ingredjent” għal dak li jikkonċerna l-polline inkluż f’supplementi tal-prodotti tal-ikel abbażi ta’ polline meta jkun introdott fihom matul il-manifattura jew il-preparazzjoni tagħhom.

75      Fir-rigward tal-polline inkluż fl-għasel, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ewwel paragrafu tal-Anness II tad-Direttiva 2001/110, l-għasel ma jikkonsistix biss f’diversi zokkor differenti iżda wkoll f’sustanzi oħra bħal, b’mod partikolari, “partikoli solidi derivati mill-ġbir ta’ l-għasel”.

76      Issa, il-polline huma partikoli solidi derivati effettivament mill-ġbir tal-għasel, parzjalment minħabba n-naħal u, prinċipalment bl-effett taċ-ċentrifugazzjoni magħmula mill-aprikultur. Barra minn hekk, skont it-tielet paragrafu tal-Anness II tad-Direttiva 2001/110, “l-ebda polline […] ma jista’ jitneħħa ħlief fejn dan hu inevitabbli fit-tneħħija ta’ materjal inorganiku jew organiku”.

77      Għaldaqstant, il-polline ma huwiex materjal barrani, impurità tal-għasel, iżda komponent normali tiegħu li, permezz tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-prinċipju, ma jistax jitneħħa anki jekk il-perjodiċità tal-inkorporazzjoni tiegħu u l-kwantitajiet li fihom jinstab fl-għasel jiddependu minn ċerti imprevisti li jistgħu jinqalgħu matul il-produzzjoni.

78      F’dan il-kuntest, fis-sens tal-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13, il-polline, li jidħol fid-definizzjoni stess tal-għasel mogħtija mid-Direttiva 2001/110, għandu jitqies bħala sustanza “użat[a] fil-manifattura jew preparazzjoni tal-prodott ta’ l-ikel u jibqgħu ppreżenti meta jitlesta l-prodott”.

79      Għaldaqstant, għandu jiġi kklassifikat ukoll bħala “ingredjent” fis-sens tal-Artikolu 2(13) tar-Regolament Nru 1829/2003 u l-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13.

80      Il-Kummissjoni Ewropea topponi tali konklużjoni li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “ingredjent” u dak ta’ “kostitwent naturali”. Fil-fehma tagħha, il-polline huwa kostitwent naturali tal-għasel u mhux ingredjent, b’tali mod li l-għasel li fih il-polline ma jaqax taħt l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003. Barra minn hekk, dan ir-riżultat huwa konsistenti mal-kliem tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, li minnha għandu jiġi dedott li l-ikel li jiġi mill-annimali ma jistax jitqies bħala prodotti minn OMĠ ħlief jekk l-annimal innifsu huwa modifikat ġenetikament.

81      Madankollu, id-distinzjoni magħmula ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet partikolari tal-inkorporazzjoni tal-polline fl-għasel kif ukoll taż-żamma volontarja ta’ dan il-polline fil-kompożizzjoni tal-prodott finali.

82      L-interpretazzjoni proposta kieku tikkomprometti l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, inkwantu ikel bħalma huwa l-għasel jevita kwalunkwe kontroll ta’ sigurtà, minkejja li huwa jkun jinkludi kwantitajiet kbar ta’ materjal modifikat ġenetikament.

83      Hija tinjora l-kriterju determinanti tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003, imsemmi fil-premessa 16 jiġifieri dak ibbażat fuq “jekk il-materjal derivat mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament hux preżenti fl-ikel […] jew le”.

84      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-analiżi żviluppata mill-Kummissjoni ma hijiex ikkonfermata mill-imsemmija premessa 16, li tispjega l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament ta’ ikel prodott mhux “minn” OMĠ, iżda “ma [permezz ta’]” għajnuniet tal-ipproċessar modifikati ġenetikament.

85      Fil-fatt l-eżempji, imsemmija f’din il-premessa, ta’ prodotti tal-ikel magħmul minn annimali mitmugħin għalf modifikat ġenetikament għandhom biss l-għan li juru l-kategoriji ta’ prodotti tal-ikel prodotti “ma [permezz ta’]” OMĠ li fih ma tistax tiġi kkonstatata l-preżenza ta’ materjal prodott mill-materjal bażiku modifikat ġenetikament.

86      Konsegwentement, prodott tal-ikel bħall-għasel inkwistjoni fil-kawża prinċipali li effettivament fih tali materjal ma jistax iservi bħala bażi ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003.

87      Fl-aħħar nett, ma jistax jitqies, kif tissuġġerixxi Monsanto sabiex jiġi eskluż ukoll l-għasel mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li l-preżenza tal-pollen ma hijiex ir-riżultat ta’ proċess ta’ produzzjoni intenzjonali.

88      Bil-kontra ta’ dan, din il-preżenza hija l-konsegwenza stess ta’ proċess ta’ produzzjoni volontarju u mixtieq mill-apikultur li jkun irid jipproduċi l-ikel ikklassifikat bħala għasel mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija tirriżulta essenzjalment mill-azzjoni tal-apikultur innifsu minħabba l-operazzjoni materjali ta’ ċentrifugazzjoni li huwa jwettaq għall-finijiet ta’ ġbir tal-għasel.

89      Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni intenzjonata ta’ sustanza bħall-polline inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-prodotti tal-ikel, ma tistax tintuża bħal kundizzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni prevista mir-Regolament Nru 1829/2003, peress li r-riskju għas-saħħa tal-bniedem li dan ir-regolament għandu l-intenzjoni jipprevjeni huwa indipendenti min-natura intenzjonali jew aċċidentali tal-introduzzjoni tas-sustanża kkonċernata.

90      Barra minn hekk, interpretazzjoni fis-sens propost minn Monsanto trendi mingħajr għan l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, li jidderoga mill-obbligu tal-ittikkettjar stipulat fl-Artikolu 13 tal-istess regolament meta l-preżenza tal-materjal ikkonċernat ma teċċedix 0.9 % ta’ kull ingredjent, “sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli”.

91      Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura aċċidentali jew teknikament inevitabbli tal-imsemmija preżenza, fih innifsu, ineħħi lill-ikel mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003 u għaldaqstant minn kwalunkwe obbligu tal-ittikkettjar.

92      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li:

–        l-Artikolu 2(1), (10) u (13), kif ukoll l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 178/2002 u l-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta sustanza bħall-polline li jkun fiha DNA u proteini modifikati ġenetikament ma tistax titqies bħala OMĠ, prodotti bħall-għasel u supplimenti tal-prodotti tal-ikel li fihom tali sustanza jikkostitwixxu, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, “ikel [...] li fih [ingredjenti prodotti minn OMĠ]”;

–        tista’ ssir l-istess klassifikazzjoni indipendentement mill-punt jekk il-kontaminazzjoni tas-sustanza inkwistjoni kinitx intenzjonali jew aċċidentali.

 Fuq it-tielet domanda

93      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3(1) u 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta jinvolvu obbligu ta’ awtorizzazzjoni u sorveljanza ta’ ikel, jista’ jiġi applikat mutatis mutandis limitu ta’ tolleranza għal dan l-obbligu bħal dak previst fil-qasam tal-ittikkettjar fl-Artikolu 12(2) tal-istess regolament.

94       Monsanto u l-Gvern Pollakk iqisu li, fil-każ li OMĠ ikun ġie awtorizzat skont id-Direttiva 2001/18 jew, bħal fil-kawża prinċipali skont id-Direttiva tal-Kunisll 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 15), irrevokat u sostitwit bid-Direttiva 2001/18, l-awtorizzazzjoni mogħtija tkun tkopri l-introduzzjoni aċċidentali ta’ traċċi żgħar ta’ materjal modifikat ġenetikament fi prodotti oħrajn li hija s-sempliċi konsegwenza tal-implementazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni, fejn tali konsegwenza, fil-fehma tagħhom tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-OMĠ.

95      Analiżi f’dan is-sens ma tistax tiġi milqugħa.

96      Id-Direttivi 90/220 u 2001/18 ġew adottati suċċessivament sabiex jirregolaw ir‑rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ fl-ambjent u t-tqegħid fis-suq ta’ OMĠ bħala prodotti, fejn l-għan tagħhom kien li jiġu evitati l-effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw minn dawn l-OMĠ fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

97      Ir-Regolament Nru 1829/2003 japplika għal qasam speċifiku tal-ikel u tal-għalf. Fir-rigward tal-ikel, l-ewwel għan tiegħu, li huwa msemmi fl-Artikolu 4(1), huwa wkoll li jiġu evitati effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

98      Madankollu, l-approċċ tad-Direttivi 90/220 u 2001/18 huwa mfassal mill-perspettiva predominanti tal-kunċett ta’ “rilaxx intenzjonat”, li huwa ddefinit fl‑Artikolu 2(3) ta’ kull waħda minn dawn id-direttivi bħala introduzzjoni intenzjonata fl-ambjent ta’ OMĠ li għalihom ma jintużawx miżuri ta’ ħażna biex jillimitaw “il-kuntatt” tagħhom mal-“popolazzjoni inġenerali u l-ambjent”.

99      Għaldaqstant, dan l-approċċ jidher iktar ġenerali, inkluż għal dak li jikkonċerna t‑tqegħid fis-suq ta’ OMĠ bħala prodott. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan, il‑premessi 12, 13 u 14 tad-Direttiva 90/220 kif ukoll il-premessi 25, 28 u 32 tad-Direttiva 2001/18 jorbtu l-ħtieġa li tiġi stabbilita proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni mal-każ fejn it-tqegħid fis-suq jinvolvi rilaxx intenzjonat fl-ambjent.

100    Għalkemm ir-Regolament Nru 1829/2003, jinkludi wkoll, b’mod partikolari fl-Artikoli 5(5) u 6(4) tiegħu, aspetti ta’ evalwazzjoni tar-riskji għall-ambjent tal-ikel, għal dak li jikkonċernahom, huwa bbażat b’mod predominanti, fuq approċċ ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem marbuta mal-fatt speċifiku li dan l-ikel huwa, minnu nnifsu, intiż sabiex jittiekel mill-bniedem. Għaldaqstant, skont il‑premessa 3 tiegħu, sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem, il-prodotti tal-ikel li fihom OMĠ, li jinkludu tali organiżmi jew prodotti li ġejjin minnhom, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tas-“sigurtà” tagħhom.

101    Għaldaqastant, ir-Regolament Nru 1829/2003 jistabbilixxi livell ta’ kontroll addizzjonali.

102    Dan ir-regolament ma jibqagħlux għan jekk jitqies li evalwazzjoni magħmula u awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Direttivi 90/220 jew 2001/18 ikopru r-riskji potenzjali sussegwenti kollha għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

103    Meta r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1829/2003 huma sodisfatti, l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza jeżisti indipendentement mill-porzjon ta’ materjal modifikat ġenetikament inkluż fil-prodott inkwistjoni.

104    Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna dan l-obbligu, limitu ta’ tolleranza ta’ 0.5 % kien previst biss fl-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1829/2003. Issa, dan il-limitu ma baqax applikabbli tliet snin wara d-data li fiha beda japplika dan ir-regolament, skont l-Artikolu 47(5).

105    Għal dak li jirrigwarda l-limitu ta’ tolleranza ta’ 0.9 % għal kull ingredjent, stipulat fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1829/2003, huwa jikkonċerna l‑obbligu tal-ittikkettjar u mhux l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza.

106    L-applikazzjoni tiegħu mutatis mutandis għal dan l-obbligu tal-aħħar, iċċaħħad id‑dispożizzjoni li tipprevedih minn kull effettività, peress li din teskludi l-prodotti tal-ikel inkwistjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1829/2003.

107    Fi kwalunkwe każ, hija tikkontradixxi l-għan ta’ “livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana [tal-bniedem]” stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament.

108    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 3(1) u 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jinvolvu obbligu ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza ta’ prodotti tal-ikel, ma jistax jiġi applikat mutatis mutandis limitu ta’ tolleranza għal dan l-obbligu bħal dak previst fil-qasam tal-ittikkettjar fl-Artikolu 12(2) tal-istess regolament.

 Fuq l-ispejjeż

109    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ organiżmu modifikat ġenetikament fis-sens tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, għandu jiġi interpretat fis-sens li sustanza, bħall-polline dderivat minn varjetà ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament, li tilfet il-kapaċità tagħha li tirripproduċi u li ma għandha l-ebda kapaċità li titrasferixxi materjal ġenetiku kontenut fiha, ma taqax iktar taħt dan il-kunċett.

2)      L-Artikolu 2(1), (10) u (13), kif ukoll l-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l‑Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, u l-Artikolu 6(4)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta sustanza bħall-polline li jkun fiha DNA u proteini modifikati ġenetikament ma tistax titqies bħala organiżmu modifikat ġenetikament, prodotti bħall-għasel u supplimenti tal-ikel li fihom tali sustanza jikkostitwixxu, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1829/2003, “ikel [...] li fih [ingredjenti prodotti minn OMĠ]”. Tista’ ssir l-istess klassifikazzjoni indipendentement mill-punt dwar jekk il-kontaminazzjoni tas-sustanza inkwistjoni kinitx intenzjonali jew aċċidentali.

3)      L-Artikoli 3(1) u 4(2) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jinvolvu obbligu ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza ta’ prodott tal-ikel, ma jistax jiġi applikat mutatis mutandis limitu ta’ tolleranza għal dan l-obbligu bħal dak previst fil-qasam tal-ittikkettjar fl-Artikolu 12(2) tal-istess regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.