Language of document : ECLI:EU:C:2011:802

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-1 ta’ Diċembru 2011 (1)

Kawżi C‑578/10, C‑579/10 u C‑580/10

Staatssecretaris van Financiën

vs

L.A.C. van Putten,

P. Mook

G. Frank

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Tassazzjoni tal-vetturi mhux irreġistrati ġewwa l-pajjiż, imma mqegħdin għad-dispożizzjoni ta’ residenti — Artikolu 63 TFUE — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 21 TFUE — Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza”





I –    Introduzzjoni

1.        Flimkien maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-libertajiet fundamentali jidhru li joffru xibka ta’ protezzjoni kompleta għall-attivitajiet transkonfinali taċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu dawn il-kawżi jindikaw il-possibbiltà ta’ lakuna: is-self transkonfinali b’titolu gratuwitu ta’ oġġett, f’dan il-każ karozza privata.

2.        Jekk wieħed jista’ jqiegħed din is-sitwazzjoni taħt waħda mil-libertajiet fundamentali, inkluż il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni jillimita l-imposti fiskali eventwali għall-użu tal-vettura fl-Istat ospitanti (2). Madankollu, il-Pajjiżi l-Baxxi jitilqu mill-idea li ma tapplika l-ebda libertà fundamentali. Huma jimponu taxxa fuq l-użu fit-territorju nazzjonali ta’ vettura mikrija barra mill-pajjiż bħala l-ewwel reġistrazzjoni u jeħtieġu madwar nofs il-valur tal-vettura bħala taxxa tar-reġistrazzjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni huwa ddeterminat mill-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, skont l-Artikolu 21 TFUE, u mill-moviment liberu tal-kapital, skont l-Artikolu 63 TFUE.

4.        Fil-kuntest tal-eżami tal-moviment liberu tal-kapital, għandha ssir referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (3). Din fiha, fl-Anness I, nomenklatura tal-movimenti ta’ kapital li, taħt it-titolu XI, tinkludi movimenti ta’ kapital ta’ natura personali. Hemm imsemmija, fost l-oħrajn, it-tranżazzjonijiet li ġejjin:

“A. Self

B.      Rigali u ddotar

[…]

D.      Wirt u legati

[…]”

5.        Madankollu, it-tielet inċiż tal-introduzzjoni ta’ din in-nomenklatura jindika li ma hijiex eżawrjenti:

“Din in-Nomenklatura mhix lista eżawrijenti għan-nozzjoni ta’ movimenti ta’ kapital — minħabba f’hekk insibu titolu XIII — F. ‘Movimenti ta' kapital oħra — Mixellanji’. Għalhekk m’għandhiex tkun interpretata li tirrestrinġi l-iskop tal-prinċipju ta’ liberaliżazzjoni sħiħa ta’ movimenti ta’ kapital kif hemm riferenza għalih fl-Artikolu 1 tad-Direttiva.”

B –    Id-dritt Olandiż

6.        Il-Hoge Raad tippreżenta s-sitwazzjoni fid-dritt Olandiż, fuq il-bażi tal-Wet op de belasting van personenauto’s en motorrijwielen 1992 (Liġi tal-1992 dwar it-taxxa fuq il-karozzi privati u l-muturi; iktar ’il quddiem “il-Liġi tal-1992”) kif ġej:

7.        Taħt l-isem ta’ “belasting van personnenauto’s en motorrijwielen” (taxxa fuq il-karozzi privati u l-muturi), tinġabar taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-karozzi privati u l-muturi [Artikolu 1(1) tal-Liġi tal-1992]. It-taxxa fuq il-karozzi tinġabar mar-reġistrazzjoni tal-karozzi privati u tal-muturi fir-reġistru Olandiż tar-reġistrazzjoni, kif ukoll fl-okkażjoni tal-ewwel użu fi triq pubblika fil-Pajjiżi l-Baxxi b’karozza privata jew mutur mhux irreġistrati jew mhux irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi, li fil-fatt ikunu għad-dispożizzjoni ta’ persuna fiżika ddomiċiljata fil-Pajjiżi l-Baxxi jew minn korp li huwa stabbilit hemmhekk.

8.        Ir-rata tat-taxxa għal karozza privata hija — mingħajr ma jitqiesu ż-żidiet jew it-tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 9(1) tal-Liġi tal-1992 — ta’ 45.2 % tal-prezz tal-katalogu nett, jiġifieri l-prezz tal-katalogu mnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (taxxa fuq il-valur miżjud) inkluża f’dan il-prezz. Bi prezz tal-katalogu fil-Pajjiżi l-Baxxi wieħed jifhem il-prezz indikat mill-fabbrikant jew l-importatur lill-bejjiegħ bħala l-prezz xieraq li, fil-fehma tiegħu, għandu jintalab mix-xerrej finali. Għal dak li jirrigwarda l-karozzi privati ġodda (jiġifieri karozzi privati li ma humiex użati), il-prezz tal-katalogu huwa dak tal-ewwel jum meta jingħata n-numru ta’ reġistrazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-karozzi użati, il-prezz tal-katalogu applikabbli huwa dak tal-mument meta karozza privata tintuża għall-ewwel darba fil-Pajjiżi l-Baxxi jew barra dan il-pajjiż. Huwa dan l-aħħar prezz tal-katalogu li japplika wkoll meta t-taxxa tal-karozza tkun dovuta mal-ewwel użu ta’ triq pubblika b’karozza li ma hijiex irreġistrata fil-Pajjiżi l-Baxxi.

9.        Għal dak li jirrigwarda l-ġbir tat-taxxa fuq il-karozzi privati użati, jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ użu li jkun għadda diġà (Artikolu 10 tal-Liġi tal-1992). Skont il-mument meta tkun intużat għall-ewwel darba l-vettura, l-ammont tat-taxxa jitnaqqas b’perċentwali ddeterminat.

III – Il-fatti u d-deċiżjonijiet tar-rinviju

10.      L. Van Putten u P. Mook huma ċittadini Olandiżi u G. Frank hija Ġermaniża. Kollha kienu jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi meta uffiċjali tal-amministrazzjoni fiskali kkonstataw li kienu qed isuqu fi triq pubblika karozza privata li ma kellhiex pjanċa ta’ reġistrazzjoni Olandiża, imma Belġjana jew Ġermaniża.

11.      Il-vettura li fiha nstabet L. Van Putten kienet il-proprjetà ta’ missierha li joqgħod il-Belġju. Meta ġiet ikkontrollata fit-28 ta’ Marzu 2005, hija kienet qed tuża l-vettura temporanjament fil-Pajjiżi l-Baxxi għal finijiet privati. Hija ntalbet tħallas taxxa li tammonta għal EUR 5 955.

12.      P. Mook kien qed juża vettura li kienet proprjetà ta’ membru tal-familja tiegħu li joqgħod il-Ġermanja. Fil-jum tal-kontroll, fid-19 ta’ Awwissu 1999, kien mar iġib il-vettura fil-Ġermanja u użaha temporanjament fil-Pajjiżi l-Baxxi għal finijiet privati. It-taxxa tiegħu ammontat għal Gulden 4 097, jiġifieri EUR 1 859.

13.      Il-vettura li kienet qed tuża G. Frank kienet il-proprjetà ta’ ħabib residenti fil-Ġermanja u kienet instaqet minn dan tal-aħħar lejn il-Pajjiżi l-Baxxi fl-okkażjoni ta’ żjara għandha. Fil-kontroll tat-18 ta’ Jannar 2005, G. Frank kienet qed tuża l-vettura temporanjament fil-Pajjiżi l-Baxxi għal finijiet privati. Ġiet imposta fuqha taxxa ta’ EUR 6 709.

14.      Biex jiġi ddeterminat jekk din it-tassazzjoni hijiex applikata b’mod leġittimu, il-Hoge Raad tagħmel id-domanda jekk is-sitwazzjonijiet ta’ fatt tat-tliet kawżi jirrigwardawx id-dritt tal-Unjoni:

Il-Kawża C‑578/10:

“Fid-dawl tal-Artikolu 18 KE (li sar l-Artikolu 21 TFUE), hija sitwazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju dik fejn Stat Membru jissuġġetta l-ewwel użu ta’ vettura fuq in-netwerk tat-toroq tat-territorju tiegħu għal taxxa, f’każ fejn din il-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor, din il-vettura tissellef lil [mingħand] persuna residenti f’dan l-Istat Membru l-ieħor, u resident tal-ewwel Stat Membru jiċċirkola fuq it-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru bil-vettura inkwistjoni?”

Kawża C‑579/10:

“Fid-dawl tal-Artikolu 18 KE (li sar l-Artikolu 21 TFUE), id-dritt Komunitarju jirregola s-sitwazzjoni li fiha Stat Membru jissuġġetta għal taxxa l-ewwel użu ta’ vettura fit-toroq tat-territorju tiegħu, f’każ fejn din il-vettura hija rreġistrata fi Stat Membru ieħor, din il-vettura ġiet mislufa lil [mingħand] resident ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u resident tal-ewwel Stat membru jsuq il-vettura inkwistjoni għal skopijiet privati bejn dan l-ewwel Stat Membru u l-Istat Membru l-ieħor?”

Kawża C‑580/10:

“Fid-dawl tal-Artikolu 18 KE (li sar l-Artikolu 21 TFUE), is-sitwazzjoni fejn Stat Membru jissuġġetta għal taxxa l-ewwel użu ta’ vettura fin-netwerk tat-toroq tat-territorju tiegħu, fil-każ fejn din il-vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor tkun ġiet mislufa mingħand resident ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor u resident tal-ewwel Stat Membru li għandu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru l-ieħor isuq il-vettura inkwistjoni għal finijiet privati fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru, hija sitwazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju?”

15.      Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Frar 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad it-tliet kawżi. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fil-proċedura filwaqt li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma saritx seduta.

IV – Il-kunsiderazzjonijiet tad-dritt

16.      It-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur ma hijiex armonizzata u hija kunsiderevolment differenti minn Stat Membru għal ieħor. L-Istati Membri huma għalhekk liberi li jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom f’dan il-qasam, bil-kundizzjoni li jeżerċitawha b’osservanza tad-dritt Komunitarju (4).

17.      F’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet tar-rinviju jikkonċernaw biss il-kompatibbiltà tat-tassazzjoni mal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, billi l-erba’ libertajiet fundamentali l-oħrajn għandhom prijorità meta mqabbla ma’ din id-dispożizzjoni (5), jiena ser neżamina l-ewwel nett il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital.

A –    Fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi

18.      Is-self għall-użu transkonfinali ta’ vettura jista’ jkun servizz fis-sens tal-Artikolu 57 TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, is-servizzi huma definiti bħala tali meta normalment jingħataw bi ħlas.

19.      Jekk wieħed ma jarax ħlief b’mod astratt it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ vettura biex tintuża, dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala provvista ta’ servizz. Fil-fatt dan jiġri normalment bi ħlas, pereżempju bħal vettura mikrija (6) jew permezz ta’ leasing (7).

20.      Iżda, jekk wieħed jara l-forma ġuridika konkreta tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, dan ma huwiex servizz mogħti b’titolu oneruż. F’dan il-każ, il-vetturi tqiegħdu effettivament għad-dispożizzjoni permezz ta’ self mingħajr ħlas.

21.      Fil-kuntest tal-kwalifikazzjoni ta’ attivitajiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ dubju, tqis iċ-ċirkustanzi konkreti tas-servizz ipprovdut. Meta dan is-servizz ma jkollux natura ekonomika, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tapplikax din il-libertà. Għalhekk, hija ma tapplikahiex għall-attendenza fl-iskejjel tal-Istat li huma ffinanzjati mill-fondi pubbliċi, imma tapplikaha għall-attendenza fi skejjel li huma essenzjalment iffinanzjati b’mezzi privati (8).

22.      Bl-istess mod, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll iċ-ċirkustanzi konkreti meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-vetturi. Għaldaqstant, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tapplikax għas-self mingħajr ħlas f’dan il-każ (9).

B –    Fuq il-moviment liberu tal-kapital

23.      Mad-daqqa t’għajn, l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, tidher remota wkoll. Madankollu, jeżistu tranżazzjonijiet li, min-natura tagħhom, jappartjenu għal self mingħajr ħlas u li jaqgħu taħt din il-libertà: it-trażmissjoni b’wirt u d-donazzjoni ta’ beni.

24.      Fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li fin-nuqqas, fit-Trattat, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital”, in-nomenklatura tal-Anness I tad-Direttiva 88/361 għandha valur indikattiv u, skont it-tielet inċiż tal-introduzzjoni ta’ dan l-anness, in-nomenklatura ta’ dan l-anness ma tillimitax il-kunċett ta’ movimenti tal-kapital (10).

25.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-suċċessjonijiet u d-donazzjonijiet, imsemmija fit-Taqsima XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361 bit-titolu “Movimenti ta’ kapital personali”, jikkostitwixxu moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-elementi kostituttivi tagħhom jinsabu ġewwa Stat Membru wieħed biss (11).

26.      L-element transkonfinali meħtieġ huwa evidenti f’dan il-każ: il-vetturi ġew mislufin minn persuni li jgħixu fi Stat Membru ieħor lil persuni li jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi u li jużaw il-vetturi hemmhekk.

27.      Madankollu, dak li huwa determinanti huwa jekk is-self għall-użu jistax jiġi kkunsidrat bħala moviment tal-kapital.

28.      Għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis fiskali ta’ somma li tirrifletti l-valur ta’ donazzjonijiet magħmula lil terzi persuni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma huwiex rilevanti li jkun magħruf, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqax taħt dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment tal-kapital, jekk id-donazzjonijiet ikkonċernati ġewx effettwati fi flus jew in natura (12).

29.      It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ vettura għall-finijiet tal-użu b’xejn, fundamentalment, ma huwiex differenti minn donazzjoni in natura. Ċertament, il-ħaġa trid tingħata lura, imma wieħed jista’ jużaha temporanjament b’titolu gratuwitu. Dan il-vantaġġ f’termini ta’ użu jinkiseb mill-benefiċjarju — l-istess bħal fil-każ ta’ donazzjoni — b’mod definittiv. Dan jista’ jirrappreżenta valur ekonomiku mhux negliġibbli, li jista’ jiġi ddeterminat b’mod preċiż b’paragun mal-ispejjeż ta’ vettura tal-kiri simili.

30.      Huwa minnu li s-sentenza dwar id-donazzjonijiet in natura (13) ma kinitx tikkonċerna miżuri li jħallas għalihom il-benefiċjarju tad-donazzjoni, imma l-kunsiderazzjoni fiskali tagħhom għand id-donatur. Madankollu, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, ma huwiex daqstant importanti li wieħed ikun jaf jekk hemmx restrizzjonijiet fuq min jislef jew fuq il-benefiċjarju. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-affarijiet li jirrigwardaw is-suċċessjoni jikkonċernaw it-tassazzjoni tal-werriet (14).

31.      Għaldaqstant, is-self għall-użu transkonfinali b’titolu gratuwitu ta’ vettura huwa moviment tal-kapital skont l-Artikolu 63 TFUE.

32.      Madankollu, id-definizzjonijiet tipiċi ta’ restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital fil-każ ta’ tranżazzjonijiet b’titolu gratuwitu ma humiex rilevanti għall-każ inkwistjoni. It-tassazzjoni tal-użu ta’ vetturi minn residenti lanqas ma tista’ tiddiswadi dawk li ma humiex residenti li jagħmlu investimenti fl-Istat Membru jew li jżommu tali investimenti (15), u din lanqas ma tnaqqas il-valur tas-suċċessjoni (16).

33.      Madankollu, it-tassazzjoni tista’ tiddiswadi lill-benefiċjarju tal-vettura mislufa milli jaċċetta u juża l-vantaġġ. Fil-fatt it-taxxa tista’ tkun diversi drabi ogħla mill-valur tal-użu. Dan l-ostakolu għall-aċċettazzjoni ta’ servizz transkonfinali b’titolu gratuwitu jillimita l-moviment liberu tal-kapital (17).

34.      Barra minn hekk, min-naħa tal-benefiċjarju tas-self, dan huwa tal-inqas trattament mhux favorevoli ta’ self transkonfinali mqabbel mas-self ġewwa l-fruntieri. Billi, fil-każ ta’ self ġewwa l-fruntieri, it-taxxa ta’ reġistrazzjoni kienet tħallset diġà għall-vettura, il-benefiċjarju ma għandux għalfejn jibża’ li jiġi suġġett għat-taxxa (18). Il-Hoge Raad ma hijiex qed tagħmel id-domanda sa fejn dan it-trattament sfavorevoli huwa ġġustifikat; barra minn hekk, japplikaw hawnhekk ukoll l-osservazzjonijiet ta’ ġustifikazzjoni li saru iktar ’il fuq (19).

35.      Għaldaqstant, id-domandi preliminari għandhom jingħataw risposta fis-sens li taxxa li jirċievi Stat Membru meta persuna residenti fit-territorju tagħha tuża fin-netwerk ta’ toroq u għal finijiet privati vettura li kienet ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor u li ġiet mislufa mingħand resident ta’ dan l-Istat Membru ieħor tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE.

C –    Fuq il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni

36.      Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix l-opinjoni tiegħi fuq l-applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, ser neżamina, sussidjarjament, il-kwistjoni jekk tapplikax il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni.

37.      L-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Għaldaqstant, it-tliet persuni huma ċittadini tal-Unjoni. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għandu jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (20).

38.      Skont l-Artikolu 21(1) TFUE kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tqajjem f’dan il-każ żewġ problemi, li huma konnessi. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda jekk din hijiex sitwazzjoni purament interna. It-tieni nett, tqum il-kwistjoni jekk it-tassazzjoni tal-użu ta’ vetturi mislufin u rreġistrati barra mill-pajjiż tirrestrinġix id-dritt tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri.

1.      Fuq l-esklużjoni ta’ sitwazzjoni purament interna

39.      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma għandhiex bħala għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tat-Trattat għal sitwazzjonijiet interni li ma għandhom l-ebda rabta mad-dritt Komunitarju (21).

40.      Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, nikkunsidra, madankollu, li din il-kawża ma tirrigwardax fatti purament nazzjonali. It-tassazzjoni Olandiża tirrigwarda unikament vetturi barranin, billi tolqot il-fatt li l-vetturi użati ma humiex irreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant, hija tapplika fil-prattika għas-self għall-użu transkonfinali b’titolu gratuwitu ta’ vetturi lil persuni residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Iżda, fil-każ ta’ self għall-użu b’titolu gratuwitu ġewwa l-pajjiż, ma tapplikax billi, f’dan il-każ, il-vetturi jkunu rreġistrati fil-Pajjiżi l-Baxxi (22).

2.      Fuq ir-restrizzjoni tal-Artikolu 21(1) TFUE

41.      Madankollu tqum il-kwistjoni jekk il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni hijiex ristretta.

42.      Il-Hoge Raad (23), filwaqt li tibbaża ruħha fuq it-test tal-Artikolu 21(1) TFUE, tiddefendi l-opinjoni li t-tassazzjoni tippreġudika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni: id-dritt tal-libertà ta’ moviment fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa ristrett mit-tassazzjoni tal-użu tal-vetturi. Il-persuni kkonċernati jistgħu jużaw il-vetturi għal finijiet ta’ spostament biss jekk huma jħallsu t-taxxa.

43.      Favur din it-teżi hemm sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprevediet restrizzjoni meta reġjun Belġjan adotta leġiżlazzjoni li għamlet inqas attraenti għaċ-ċittadini tar-reġjuni Belġjani oħrajn il-fatt li joqgħodu f’post iddeterminat fil-Belġju (24). Il-portata tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni ġiet limitata biss bl-esklużjoni ta’ fatti purament interni, jiġifieri Belġjani li qatt ma eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom (25).

44.      Iżda f’din il-kawża ma nikkunsidrax li huwa raġonevoli li nidħlu iktar fil-fond f’din il-ġurisprudenza — u dan mhux mingħajr problemi (26) — billi hemm biżżejjed punti ta’ rabta mal-libertà ta’ moviment transkonfinali.

45.      Il-libertà li jinqasmu l-fruntieri tal-Istati Membri hija protetta b’mod inkontestabbli mil-libertà fundamentali prevista fl-Artikolu 21 TFUE. Il-faċilitajiet offruti mit-Trattat fir-rigward tal-moviment liberu ma jistgħux jipproduċu l-effetti sħaħ tagħhom jekk ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jiġi dissważ milli jagħmel użu minnhom minħabba l-ostakoli magħmula għar-residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini tiegħu li tippenalizza l-fatt li jużahom (27). Għaldaqstant, l-Artikolu 21 TFUE jipprekludi miżuri li jistgħu jipprojbixxu ċittadin tal-Unjoni milli jmur fi Stati Membri oħrajn, jew li jkollhom effetti dissważivi jew li jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (28).

46.      Dawn il-kawżi fihom restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment transkonfinali billi tiġi applikata taxxa għall-użu intern ta’ vetturi mislufin barra mill-pajjiż li tammonta għal nofs il-valur tal-vettura. Din it-tassazzjoni tal-użu okkażjonali ta’ vettura mislufa minn barra mill-pajjiż hija ekwivalenti għal projbizzjoni ta’ dan l-użu. Billi hija ffissata għal madwar nofs il-valur tal-vettura, it-taxxa tikkorrispondi fil-fatt għal diversi drabi l-valur ekonomiku tal-użu.

47.      Għalhekk ma tantx huwa rilevanti jekk, f’każ konkret, iċ-ċittadini tal-Unjoni nnifishom, fir-rigward tas-self għall-użu tal-vettura, qasmux il-fruntieri bejn l-Istati Membri u jekk dan il-passaġġ mill-fruntieri sarx inqas attraenti bit-tassazzjoni. Għall-kuntrarju, huwa biżżejjed li t-taxxa inkwistjoni tirrestrinġi r-relazzjonijiet transkonfinali taċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati.

48.      Is-self għall-użu bla ħlas ta’ vetturi — imma anki ta’ oġġetti oħrajn — huwa l-espressjoni tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet, kemm jekk huma ta’ natura ta’ qraba jew ta’ ħbiberija (29).

49.      Meta dawn ir-relazzjonijiet jaqbżu l-fruntieri tal-Istati Membri, huma ġeneralment ibbażati fuq il-fatt li l-persuni jkunu qabel qasmu dawn il-fruntieri. Kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, il-libertà fundamentali prevista fl-Artikolu 21 TFUE għandha tipproteġi preċiżament l-attivitajiet transkonfinali mhux ekonomiċi taċ-ċittadini tal-Unjoni u għalhekk b’mod partikolari r-relazzjonijiet transkonfinali soċjali.

50.      Stat Membru li jirċievi taxxa fl-okkażjoni ta’ self għall-użu transkonfinali b’titolu gratuwitu ta’ vetturi b’hekk jippreġudika t-twettiq tal-libertà ta’ moviment. Għaldaqstant, din it-tassazzjoni hija restrizzjoni tal-libertà fundamentali stabbilita fl-Artikolu 21 TFUE.

51.      Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, hija jkollha għalhekk tirrispondi għad-domandi preliminari fis-sens li taxxa li jirċievi Stat Membru meta persuna residenti fit-territorju tiegħu tuża n-netwerk tat-toroq tiegħu u għal finijiet privati vettura li kienet ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor u li ġiet mislufa mingħand resident ta’ dan l-Istat Membru ieħor tirrestrinġi l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 21(1) TFUE.

D –    Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

52.      Huwa minnu li l-Finlandja ppruvat tiġġustifika restrizzjoni eventwali, għalkemm il-Hoge Raad bl-ebda mod ma għamlet talba f’dan is-sens. Lanqas l-Advocaat-Generaal van Hilten ma għamlet l-ebda domanda f’dan is-sens imma esprimiet ftit id-dubji tagħha dwar il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni (30).

53.      Għaldaqstant, nixtieq inżid biss l-osservazzjonijiet li ġejjin:

54.      Skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru jista’ jissuġġetta għal taxxa ta’ reġistrazzjoni vettura mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ persuna residenti minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor meta din il-vettura hija intiża li tiġi użata essenzjalment fit-territorju tal-ewwel Stat Membru b’mod permanenti jew, fil-fatt, tiġi użata b’dan il-mod (31). Jekk wieħed ma jistax jistabbilixxi użu permanenti jew destinazzjoni korrispondenti, tassazzjoni teħtieġ l-ewwel nett, ġustifikazzjoni “oħra” (32) u, it-tieni nett, trid tkun bilfors proporzjonata ma’ kemm idum l-użu fl-Istat Membru kkonċernat (33).

55.      Billi l-leġiżlazzjoni Olandiża probabbli trid tiġġieled kontra l-evażjoni fiskali, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni jew ta’ frodi fiskali ma tistax tkun ibbażata fuq iċ-ċirkustanza li persuna li timpjega li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor tqiegħed vettura ta’ kumpannija għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiem li jirrisjedi fl-Istat Membru kkonċernat għal finijiet professjonali, jew anki għal finijiet professjonali u privati. Tali preżunzjoni ma tistax tiġġustifika miżura fiskali li tattakka l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (34).

56.      Għaldaqstant, dan jimmilita bil-qawwa favur l-ipoteżi li anki s-self għall-użu b’titolu gratuwitu ta’ vettura minn Stat Membru ieħor ma jistax jitqies bħala motiv biex wieħed jassumi l-eżistenza ta’ evażjoni fiskali.

57.      Iżda, ma jidhirx li huwa eskluż, minħabba r-riskju ta’ evażjoni fiskali, li ssir sorveljanza xierqa ta’ self għall-użu b’titolu gratuwitu ta’ vetturi ġejjin minn Stati Membri oħrajn u li jiġi ssanzjonat b’mod effikaċi l-evitar tal-miżuri ta’ sorveljanza. Madankollu, billi d-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jagħmlux riferiment għal-leġiżlazzjonijiet korrispondenti, ma huwiex meħtieġ li jiġu eżaminati iktar il-kundizzjonijiet ta’ tali sistema.

V –    Konklużjoni

58.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden:

“Taxxa li jirċievi Stat Membru meta persuna residenti fit-territorju tiegħu tuża fin-netwerk ta’ toroq u għal finijiet privati vettura li kienet ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor u li ġiet mislufa mingħand resident ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE.”


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Digriet tas-27 ta’ Ġunju 2006, van de Coevering (C‑242/05, Ġabra p. I‑5843, punti 23 sa 29), kif ukoll il-ġurisprudenza li hija ċċitata hemmhekk.


3 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10.


4 –      Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C‑451/99, Ġabra p. I-3193, punt 40).


5 –      Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans (C-137/09, Ġabra p. I-13019, punt 53), għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi, u tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder (C-450/09, Ġabra p. I-2497, punt 28 et seq), għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-kapital.


6 –      Ara d-digriet van de Coevering (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2).


7 –      Ara s-sentenza Cura Anlagen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


8 –      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C‑76/05, Ġabra p. I‑6849, punti 38 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C‑159/90, Ġabra p. I‑4685, punt 26), għal dak li jirrigwarda l-informazzjoni mhux motivata mill-aspett ekonomiku dwar kliniċi li jipprattikaw l-abort.


9 –      F’dan is-sens ara wkoll l-Avukat Ġenerali van Hilten, Bijlage bij de conclusies van 4 septembre 2009 in de zaken met rolnummers 08/04259, 08/04991, 09/01256 en 09/01693 (anness mad-digriet tar-rinviju, Nru 3.1.5).


10 –      Sentenza Schröder (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 25, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


11 –      Sentenza Schröder (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


12 –      Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche (C-318/07, Ġabra p. I-359, punti 25 et seq).


13 –      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


14 –      Ara s-sentenzi Schröder (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5) u tal-15 ta’ Settembru 2011, Halley et (C-132/10, Ġabra p. I–8353).


15 –      Sentenza Schröder (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


16 –      Sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach (C-25/10, Ġabra p. I-497, punt 22).


17 –      Fl-istess sens, ara s-sentenza Persche (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 38 et seq).


18 –      Ara l-informazzjoni dwar id-dritt Olandiż, fil-punt 7.


19 –      Ara l-punti 54 et seq iktar ’il quddiem.


20 –      Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 22).


21 –      Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet (C-64/96 u C-65/96, Ġabra p. I-3171, punt 23) u Garcia Avello (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 26).


22 –      Ara l-informazzjoni dwar id-dritt Olandiż fil-punt 7.


23 –      F’sens kuntrarju, ara l-Avukat Ġenerali van Hilten, Bijlage bij de conclusies van 4 septembre 2009 in de zaken met rolnummers 08/04259, 08/04991, 09/01256 en 09/01693 (Anness mad-digriet tar-rinviju Nru 5.2.2.3.), li jipproponi li tiġi magħmula domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 21(1) TFUE jirrigwardax ukoll il-libertà tal-moviment fit-territorju ta’ Stat Membru.


24 –      Sentenza tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon (C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 41).


25 –      Sentenza Gouvernement de la Communauté française u gouvernement wallon (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 37 et seq).


26 –      Ara l-konklużjonijiet ippreżentati fit-30 ta’ Settembru 2010 mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ruiz Zambrano (C-34/09, sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, Ġabra p. I-1177, fil-punt 146 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 118, kif ukoll b’mod ġenerali, fil-punti 135 et seq).


27 –      Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Pusa (C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 19), u tas-26 ta’ Ottubru 2006 Tas-Hagen u Tas (C-192/05, Ġabra p. I-10451, punt 30).


28 –      Sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-152/05, Ġabra p. I-39, punti 24, 26 u 30).


29 –      Fil-konklużjonijiet li ppreżentat fil-kawża Ruiz Zambrano (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 128), l-Avukat Ġenerali Sharpston enfasizzat ukoll ġustament l-element uman taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.


30 –      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 3.5.


31 –      Digriet van de Coevering (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).


32 –      Sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑464/02, Ġabra p. I‑7929, punt 79) u tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑232/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 48; pubblikazzjoni fil-qosor fil-Ġabra p. I‑27), kif ukoll id-digriet van de Coevering (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 26).


33 –      Sentenza Cura Anlagen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 69) u d-digriet van de Coevering (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 27).


34 –      Sentenzi Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 81), u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Nadin u Nadin-Lux (C‑151/04 u C‑152/04, Ġabra p. I‑11203, punt 46).