Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvja) fit-12 ta’ Ġunju 2015 – SIA “Latvijas propāna gāze” vs Valsts ieņēmumu dienests

(Kawża C-286/15)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Augstākā tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SIA “Latvijas propāna gāze”

Konvenuta: Valsts ieņēmumu dienests

Domandi preliminari

Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni 2(b) u 3(b) li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 1 , tad-19 ta’ Settembru 2008, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009 2 , tat-30 ta’ Settembru 2009, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk il-komponenti kollha tat-taħlita ta’ gass jagħtu flimkien in-natura essenzjali lill-prodott (gass likwifikat miż-żejt) u jekk ma huwiex possibbli li tiġi iżolata s-sustanza tal-gass li tagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, għandu jiġi preżunt li s-sustanza li tagħti lill-prodott il-karattru essenzjali tiegħu skont ir-regola ġenerali għall-interpretazzjoni 3(b) hija dik li fiha hemm il-perċentwali l-iktar għoli fit-taħlita?

L-Artikolu 218(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju 3 , jimplika l-obbligu għall-persuna li tiddikjara l-merkanzija (gass likwifikat miż-żejt) sabiex tindika b’mod speċifiku l-perċentwali tas-sustanza li minnha hija prinċipalment magħmula t-taħlita?Fil-każ fejn il-persuna li tiddikjara l-merkanzija ma tkunx indikat b’mod speċifiku l-perċentwali tas-sustanza li minnha hija prinċipalment magħmula t-taħlita tal-gass, għandu jiġi applikat għal gass li fih 0.32 % metan, etan u etilen, 58.32 % propen u propilen, u mhux iktar minn 39.99 % butan u butilen, il-kodiċi 2711 19 00 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea, applikat mill-persuna li tiddikjara l-merkanzija f’din il-kawża, jew il-kodiċi 2711 12 97, applikat mill-Valsts ieņēmumu dienests?

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 291, p. 1).     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 287, p. 1).     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.