Language of document : ECLI:EU:C:2013:850

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Diċembru 2013 (*)

“Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni ġuridika tad-databases — Artikolu 7(1) u (5) — Dritt sui generis tal-persuna li tkun ħolqot database — Kunċett ta’ ‘użu mill-ġdid’ — Parti sostanzjali tal-kontenut tad-database — Metamutur ta’ tfittxija speċifiku”

Fil-Kawża C‑202/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2012, fil-proċedura

Innoweb BV

vs

Wegener ICT Media BV,

Wegener Mediaventions BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Innoweb BV, minn H. Elferink u A. S. M. van Leent, avukati,

–        għal Wegener ICT Media BV u Wegener Mediaventions BV, minn J. van Manen, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnada u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Innoweb BV (iktar ’il quddiem “Innoweb”) u Wegener ICT Media BV u Wegener Mediaventions BV (iktar ’il quddiem flimkien “Wegener”), dwar l-użu minn Innoweb, permezz tas-sit internet tagħha, ta’ “metamutur ta’ tfittxija speċifiku” li jippermetti li jitwettqu r-riċerki fuq is-siti tal-internet ta’ terzi, u b’mod partikolari fuq dak propost minn Wegener, li jinkludi fih kollezzjonijiet ta’ reklami ta’ bejgħ tal-karozzi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 39, 42 u 48 tad-Direttiva 96/9 huma redatti kif ġej:

“(39) […] din id-Direttiva għandha tara li titħares il-pożizzjoni ta’ dawk li jagħmlu databases kontra misapproprjazzjoni tar-riżultati ta’ l-investiment finanzjarju u professjonali magħmul għall-kisba u kollezzjoni tal-kontenut, billi tipproteġi database kollha jew parti sewwa [sostanzjali] minnha kontra ċerti atti ta’ min jużaha jew ta’ kompetitur;

[…]

(42)      […]d-dritt speċjali li ma jħallix li ssir estrazzjoni mhux awtorizzata u/jew użu mill-ġdid jirreferi għal atti ta’ min jagħmel użu li jmur ’il hinn mid-drittijiet leġittimi tiegħu u għalhekk jagħmel ħsara lill-investiment; billi d-dritt li ma jħallix li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tal-kontenut kollu jew parti sewwa [sostanzjali] minnu jirreferi mhux biss għall-manifattura ta’ prodott parassitiku kompetitur, iżda wkoll għal kull min jagħmel użu li permezz tiegħu issir ħsara kbira kwalitattiva jew kwantitattiva lill-investiment;

[…]

(48)      […] l-mira ta’ din id-Direttiva, li jingħata livell xieraq u uniformi ta’ protezzjoni ta’ databases bħala mezz li jassigura ħlas li min ikun għamel id-database […].”

4        Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tad-Direttiva huwa l-protezzjoni legali tad-databases ta’ kull xorta. Fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, database hija definita bħala “kollezzjoni ta’ xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b’mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b’mezzi elettroniċi jew b’mezzi oħra”.

5        Taħt il-Kapitolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ‘sui generis’”, l-Artikolu 7 tagħha, li jirrigwarda l-għan tal-protezzjoni, jipprovdi:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id- database.

2.      Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid.

[…]

5.      L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru.”

 Id-dritt Olandiż

6        Id-Direttiva 96/9 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Olandiż permezz tal-adozzjoni tal-liġi dwar id-databases (Databankenwet), tat-8 ta’ Lulju 1999 (Stb. 1999, n° 303).

7        L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-produttur ta’ database għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-atti li ġejjin:

a.      l-estrazzjoni jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali, valutat b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, tal-kontenut tad-database;

b.      l-estrazzjoni jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar, valutati b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, tal-kontenut tad-database sa fejn huma jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi tal-produttur tad-database.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Wegener tagħti aċċess, permezz tas-sit tal-internet tagħha www.autotrack.nl (iktar ’il quddiem “AutoTrack”), lil kollezzjoni online ta’ reklami ta’ bejgħ tal-karozzi. Din il-kollezzjoni tinkludi fiha lista ta’ 190 000 sa 200 000 karozza użata, aġġornata ta’ kuljum. Madwar 40 000 minn dawn ir-reklami jidhru biss fuq is-sit AutoTrack. Ir-reklami l-oħra jistgħu wkoll jinsabu fuq siti oħra ta’ reklamar. Bl-għajnuna tal-mutur ta’ tfittxija tas-sit AutoTrack, l-utent jista’ jwettaq tfittxija speċifika ta’ vettura fuq il-bażi ta’ kriterji differenti.

9        Innoweb toffri, permezz tas-sit tal-internet tagħha www.gaspedaal.nl (iktar ’il quddiem “GasPedaal”), metamutur ta’ tfittxija speċifiku għall-bejgħ ta’ karozzi. Metamutur ta’ tfittxija juża muturi ta’ tfittxija ta’ siti oħra tal-internet billi jittrasferixxi d-domandi tal-utenti tiegħu lejn dawn il-muturi l-oħra ta’ tfittxija, liema fatt jiddistingwih mill-muturi ta’ tfittxija ġenerali bħal Google. Il-kwalifika “speċifiku” għal metamutur tfisser li dan tal-aħħar huwa speċjalizzat sa fejn huwa intiż li jippermetti riċerki dwar suġġett determinat wieħed jew diversi. GasPedaal jikkostitwixxi tali metamutur ta’ tfittxija speċifiku għal riċerki intiżi għar-reklami ta’ bejgħ ta’ karozzi, sa fejn, permezz ta’ talba waħda mressqa fuq GasPedaal, l-utent jista’ jagħmel fl-istess ħin riċerki f’diversi kollezzjonijiet ta’ reklami ta’ bejgħ ta’ karozzi li jidhru fuq is-siti ta’ terzi, li fosthom jidher AutoTrack.

10      Il-metamutur ta’ tfittxija speċifiku GasPedaal jippermetti li wieħed jipproċedi għal riċerki fil-kollezzjoni ta’ AutoTrack, minn naħa, skont il-kriterji differenti, li fosthom tidher mhux biss il-marka, il-mudell, il-kilometraġġ, is-sena ta’ kostruzzjoni u l-prezz, iżda wkoll karatteristiċi oħra ta’ vettura, bħal b’mod partikolari l-kulur, il-forma tal-karozzerija, it-tip ta’ karburant użat, in-numru ta’ bibien u t-trażmissjoni, u, min-naħa l-oħra, “fi żmien reali”, jiġifieri fil-mument meta l-utent ta’ GasPedaal jibgħat it-talba tiegħu. GasPedaal iwettaq din it-talba “bi traduzzjoni”, jiġifieri billi jittraduċiha fil-format neċessarju għall-mutur ta’ tfittxija ta’ AutoTrack.

11      Ir-riżultati misjuba fuq AutoTrack, jiġifieri l-karozzi li jirrispondu għall-kriterji magħżula mill-utent, li jidhru wkoll fost ir-riżultati ta’ siti oħra huma magħquda f’element wieħed biss filwaqt li juru r-rabtiet lejn is-sorsi kollha li fihom din il-karozza nstabet. Paġna tal-internet hija sussegwentement stabbilita mal-lista tar-riżultati hekk miksuba u magħquda, li turi l-informazzjoni essenzjali dwar kull karozza, b’mod partikolari s-sena ta’ kostruzzjoni, il-prezz, il-kilometraġġ u r-ritratt f’daqs żgħir tagħha. Din il-paġna tal-internet tinżamm għal madwar 30 minuta fuq is-server ta’ GasPedaal u tintbagħat lill-utent jew tiġi ppreżentata lil dan tal-aħħar fuq is-sit tal-internet ta’ GasPedaal, f’dan is-sit.

12      In-numru totali ta’ reklami fuq is-siti tal-internet li fihom GasPedaal jipproċedi bi tfittxija jitla’ għal madwar 300 000.

13      GasPedaal iwettaq kuljum madwar 100 000 talba ta’ tfittxija f’AutoTrack. Għaldaqstant, madwar 80 % tad-diversi kombinazzjonijiet ta’ marki jew ta’ mudelli li jidhru fil-kollezzjoni ta’ AutoTrack huma ta’ kuljum is-suġġett ta’ tfittxija. Madankollu, GasPedaal juri biss, permezz ta’ tfittxija, parti żgħira ħafna tal-kontenut ta’ din il-kollezzjoni. Il-kontenut ta’ din id-data huwa, għal kull talba ta’ tfittxija, iddeterminat mill-utent fuq il-bażi ta’ kriterji li jdaħħal fil-GasPedaal.

14      Fid-dawl tal-fatt li Innoweb tippreġudika d-dritt sui generis tagħha fir-rigward tad-databases, Wegener ippreżentat kawża kontra Innoweb li permezz tagħha hija talbet li din tiġi ordnata tieqaf milli tikkawżalha din il-ħsara u, essenzjalment, rebħet il-kawża fl-ewwel istanza.

15      Innoweb appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage.

16      Id-deċiżjoni tar-rinviju hija bbażata fuq il-premessa li l-kollezzjoni ta’ reklami ta’ Wegener tikkostitwixxi database li kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji biex tiġi protetta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9.

17      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fil-kawża prinċipali, ma hemmx estrazzjoni tad-database kollha, jew parti sostanzjali minnha, ta’ Wegener. L-estrazzjoni ripetuta ta’ partijiet mhux sostanzjali tal-kontenut ta’ din id-database ma kellhiex iktar tali effett kumulattiv, b’mod li hija ma kinitx kuntrarja għall-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te ’s Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [96/9] għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm użu mill-ġdid (tqegħid għad-dispożizzjoni) tal-kontenut ta’ database kollu jew ta’ parti sostanzjali minnha, evalwata b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv, liema database hija offerta fuq sit internet (online) minn terz, jekk tali terz joffri l-possibbiltà lill-pubbliku li, permezz ta’ meta-mutur ta’ riċerka speċifiku, iwettaq riċerki fi ‘żmien reali’ fil-kontenut kollu ta’ database jew ta’ parti sostanzjali minnha, permezz ta’ domanda ta’ riċerka ta’ utent ‘bi traduzzjoni’ fil-mutur ta’ riċerka tas-sit web li fuqu hija offruta d-database?

2)      Fil-każ li r-risposta tkun fin-negattiv, is-sitwazzjoni tkun differenti jekk, wara li jingħata r-riżultat tar-riċerka, it-terz jibgħat jew juri lil kull utent parti minima tal-kontenut tad-database jew fil-format tas-sit internet tiegħu stess?

3)      Huwa rilevanti għar-risposti għall-ewwel u għat-tieni domandi li t-terz iwettaq dawn l-attivitajiet kontinwament u li, permezz tal-mutur ta’ riċerka tiegħu, kuljum iwettaq 100 000 domanda ta’ riċerka mingħand utenti ‘bi traduzzjoni’ u jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ diversi utenti r-riżultati miksuba permezz ta’ dawn ir-riċerki li jkunu saru kif deskritt iktar ’il fuq?

4)      L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva [96/9] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu mill-ġdid ripetittiv u sistematiku ta’ partijiet mhux sostanzjali tal-kontenut ta’ database li jimplika atti li jmorru kontra l-użu normali ta’ din id-database, jew li jippreġudika indebitament l-interessi leġittimi tal-manifattur tad-database, ma huwiex permissibbli, jew huwa biżżejjed li jkun hemm użu mill-ġdid ripetittiv jew sistematiku?

5)      Fil-każ ta’ rekwiżit ta’ użu mill-ġdid ripetittiv u sistematiku:

a)      Xi tfisser il-kelma sistematiku?

b)      Użu mill-ġdid huwa sistematiku meta tintuża sistema awtomatizzata?

c)      Huwa rilevanti l-fatt li meta-mutur ta’ riċerka jintuża kif deskritt iktar ’il fuq?

6)      L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva [96/9] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni inkluża f’tali artikolu ma tapplikax jekk, għal kull domanda ta’ riċerka, huma biss, ripetutament, partijiet mhux sostanzjali tal-kontenut ta’ database li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti individwali tal-meta-mutur ta’ riċerka ta’ terz mit-terz inkwistjoni?

7)      Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, dan japplika wkoll jekk l-effett kumulattiv tal-użu mill-ġdid ripetittiv ta’ dawn il-partijiet mhux sostanzjali huwa li parti sostanzjali tal-kontenut titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti individwali flimkien?

8)      L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva [96/9] għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li hemm inkwistjoni aġir li fir-rigward tiegħu ma ngħatat ebda awtorizzazzjoni u li, minħabba l-effett kumulattiv tal-użu mill-ġdid, il-kontenut kollu jew parti sostanzjali ta’ database protetta jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni huma sodisfatti, jew għandu jiġi invokat u pprovat ukoll li dawn l-atti jmorru kontra l-użu normali tad-database jew jippreġudikaw indebitament l-interessi leġittimi tal-produttur tad-database?

9)      Għandu jiġi preżunt li l-investiment tal-persuna li pproduċiet id-database huwa ppreġudikat serjament fil-każ tal-aġir imsemmi iktar ’il fuq?”

 Fuq id-domandi preliminari

19      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li d-domandi huma intiżi, essenzjalment, sabiex wieħed isir jaf jekk l-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwettaqx attività li taqa’ taħt l-Artikolu 7(1) jew (5) tad-Direttiva 96/9, b’mod li min jagħmel database li tissodisfa l-kriterji previsti fil-paragrafu (1) jista’ jipprekludi sa fejn din il-bażi tkun, mingħajr ebda korrispettiv, imdaħħla fis-servizz tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku.

20      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9, li l-interpretazzjoni tiegħu tirrigwarda l-ewwel sat-tielet domandi, jippermetti lil min jagħmel database biex ma jitħalliex li jsir użu mill-ġdid tal-kontenut kollu tagħha jew ta’ parti sostanzjali minnha.

21      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 7(5) tal-imsemmija direttiva, li l-interpretazzjoni tiegħu huwa s-suġġett tar-raba’ sad-disa’ domandi, ma huwiex awtorizzat l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematiku ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jippresupponi atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jikkawża ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database.

22      Madankollu, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 jirriżerva l-benefiċċju tal-protezzjoni għad-databases li jissodisfaw kriterju preċiż, jiġifieri li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tagħhom juru li kien sar investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv. Issa, kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ din is-sentenza, id-domandi huma magħmula billi wieħed jitlaq mill-premessa li l-kollezzjoni ta’ reklami ta’ bejgħ ta’ karozzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tissodisfa din il-kundizzjoni.

 Fuq l-ewwel sat-tielet domandi

23      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwettaq użu mill-ġdid tal-kontenut kollu, jew ta’ parti sostanzjali minnu, ta’ database koperta mis-servizz tiegħu.

24      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa importanti, fl-ewwel lok, li jitfakkru l-karatteristiċi essenzjali ta’ tali metamutur ta’ tfittxija speċifiku u tal-operat tiegħu, li jirriżultaw mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u li, barra minn hekk, jiddistingwu b’mod sinjifikattiv il-metamutur ta’ tfittxija speċifiku minn mutur ta’ tfittxija ġenerali bbażat fuq l-algoritmu, bħal Google jew Yahoo.

25      Minn naħa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandux mutur ta’ tfittxija proprju li jibbrawsja s-siti tal-internet l-oħra. Min-naħa l-oħra, biex iwettaq it-talbiet ta’ tfittxija, huwa juża muturi ta’ tfittxija li bihom huma mgħammra d-databases koperti permezz tas-servizz tiegħu, kif jippreċiża l-punt 9 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-metamutur ta’ tfittxija speċifiku jittraduċi “fi żmien reali” t-talbiet tal-utenti tiegħu f’dawn il-muturi ta’ tfittxija, b’mod li d-data kollha tal-imsemmija bażijiet jiġu esplorati.

26      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali joffri vantaġġi li jixbhu lil dawk tad-database stess fir-rigward tal-formola ta’ talba ta’ tfittxija u l-preżentazzjoni tar-riżultati, filwaqt li jippermetti li jiġu esplorati permezz ta’ talba waħda biss diversi databases kif ippreċiżat fil-punti 9 u 10 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, bħad-database, il-formola ta’ tfittxija tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku li fih l-utent iressaq it-talba tiegħu tinkludi kampi differenti li jippermettu lil dan l-utent li jimmira t-tfittxija tiegħu skont diversi kriterji li r-riżultati għandhom jissodisfaw. Barra minn hekk, ir-riżultati jintwerew, kemm permezz tad-database kif ukoll permezz tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku, skont ċerti kriterji b’ordni axxendenti jew dixxendenti, bl-għażla tal-utent finali.

27      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-attività tal-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandu jiġi kklassifikat fid-dawl tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9, għandu jitfakkar li l-ewwel domanda ssemmi l-offerta, minn dan l-operatur, permezz tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku, lill-pubbliku tal-possibbiltà li jwettaq riċerki fi “żmien reali” fil-kontenut kollu ta’ database jew ta’ parti sostanzjali minnha, permezz ta’ talba ta’ tfittxija ta’ utent “bi traduzzjoni” fil-mutur ta’ tfittxija tas-sit web li fuqu hija offruta d-database?

28      Din id-deskrizzjoni tal-attività rilevanti tal-imsemmi operatur tikkunsidra l-fatt li l-eżekuzzjoni, mill-metamutur ta’ tfittxija speċifiku, ta’ talba ta’ tfittxija partikolari, inkluża l-preżentazzjoni tar-riżultati misjuba lill-utent finali, issir b’mod awtomatiku, skont il-programmazzjoni tal-imsemmi metamutur, mingħajr, f’dan l-istadju, ma jkun seħħ intervent tal-operatur. F’dan l-istadju, huwa biss l-utent finali li ressaq it-talba ta’ tfittxija tiegħu li jaġixxi.

29      Min-naħa l-oħra, l-atti mwettqa fir-realtà mill-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsiru qabel l-attivitajiet imwettqa mill-utenti finali u l-eżekuzzjoni ta’ talba ta’ tfittxija partikolari. Fil-fatt, dawn jinvolvu t-tqegħid għad-dispożizzjoni fuq l-internet tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku li huwa maħsub li jittraduċi t-talbiet ta’ tfittxija tal-utenti finali mressqa fil-muturi ta’ tfittxija tad-databases koperti mis-servizz tal-metamutur inkwistjoni.

30      Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, fit-tielet lok, jekk din l-attività taqax taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9, liema fatt jippreżumi li l-imsemmija attività tikkostitwixxi “użu mill-ġdid” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(b) u li hija tikkonċerna l-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu tad-database kkonċernata.

31      Fir-rigward tal-kunċett tal-“użu mill-ġdid” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9, dan huwa definit hemmhekk bħala “kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni”. Madankollu, ir-riferiment għan-natura sinjifikattiva tal-parti użata mill-ġdid ma jikkonċernax id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett bħala tali (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board et, C‑203/02, Ġabra p. I‑10415, punt 50).

32      Billi l-kunċett tal-użu mill-ġdid huwa użat fil-paragrafi 1 u 5 tal-imsemmi Artikolu 7, dan għandu jiġi interpretat fil-kuntest ġenerali ta’ dan l-istess l-artikolu (ara f’dan is-sens, fir-rigward tal-kunċett tal-“estrazzjoni”, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Directmedia Publishing, C‑304/07, Ġabra p. I‑7565, punt 28).

33      L-użu, fl-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9, tal-espressjoni “kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku” jindika li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jagħti tifsira wiesgħa lill-kunċett ta’ użu mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Football Dataco et, C‑173/11, punt 20).

34      Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ użu mill-ġdid hija sostnuta mill-għan imfittex mil-leġiżlatur Komunitarju li jilħaq permezz tat-twaqqif ta’ dritt sui generis (ara f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ estrazzjoni, is-sentenza Directmedia Publishing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

35      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja meta bbażat ruħha fuq diversi premessi tad-Direttiva 96/9, b’mod partikolari fuq il-premessi 39, 42 u 48, dan l-għan huwa li jistimula l-ħolqien ta’ sistemi ta’ ħażna u ta’ pproċessar ta’ data sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq tal-informazzjoni f’kuntest ikkaratterizzat minn tkabbir esponenzjali fl-ammont ta’ data maħluqa u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha ta’ attività (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 31; tad-9 ta’ Novembru 2004, Fixtures Marketing, C‑46/02, Ġabra p. I‑10365, punt 33; kif ukoll tal-1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et, C‑604/10, punt 34).

36      Għal dan il-għan, il-protezzjoni mid-dritt sui generis organizzata mid-Direttiva 96/9 hija intiża sabiex il-persuna li ħadet l-inizjattiva u assumiet ir-riskju li tiddedika investiment sostanzjali, f’termini ta’ riżorsi umani, tekniċi u/jew finanzjarji, għall-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ database tiġi ggarantita dħul mill-investiment tagħha billi tiġi protetta kontra l-approprjazzjoni mhux awtorizzata tar-riżultati miksuba ta’ dan l-investiment (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq The British Horseracing Board et, punti 32 u 46; Fixtures Marketing, punt 35, kif ukoll Directmedia Publishing, punt 33).

37      Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-kunċett ta’ “użu mill-ġdid” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għal kull att li jikkonsisti, fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tal-persuna li tkun bniet id-database, tar-riżultati tal-investiment tagħha li b’hekk iwassal sabiex din tal-aħħar tkun imċaħħda mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul (ara s-sentenza The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). L-imsemmi kunċett jinkludi għalhekk kull att, mhux awtorizzat minn min joħloq id-database protetta, li jinvolvi t-trażmissjoni lill-pubbliku, tal-kontenut tagħha kollu jew parti minnu (ara s-sentenzi The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67; tal-5 ta’ Marzu 2009, Apis-Hristovich, C‑545/07, Ġabra p. I‑1627, punt 49; kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). In-natura u l-forma tal-proċess użat ma humiex rilevanti f’dan ir-rigward (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Football Dataco et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

38      It-tieni parti tad-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9, jiġifieri “permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni”, u b’mod partikolari l-varjanti “modi oħra ta’ trasmizzjoni”, jippermetti wkoll interpretazzjoni wiesgħa ta’ din id-definizzjoni fuq il-bażi tal-għan tal-Artikolu 7, indikat fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza.

39      Fir-rigward tal-attività tal-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li huwa rilevanti f’din il-kawża, jiġifieri t-tqegħid online fuq l-Internet ta’ tali metamutur maħsub li jittraduċi t-talbiet ta’ tfittxija tal-utenti finali mressqa fil-muturi ta’ tfittxija tad-databases koperti mis-servizz tal-imsemmi metamutur, għandu jiġi rrilevat li din l-attività ma tillimitax ruħha għas-sempliċi indikazzjoni lill-utent tad-databases li jipprovdu informazzjoni fuq ċertu suġġett.

40      Fil-fatt, hija għandha bħala għan li tipprovdi lill-utenti finali kollha mekkaniżmu li jippermetti li tiġi esplorata d-data kollha li tidher f’database protetta u, għaldaqstant, li tipprovdi aċċess għall-kontenut kollu ta’ din il-bażi b’mezz ieħor li ma huwiex dak previst mill-persuna li tkun għamlet l-imsemmija database, bl-użu ta’ muturi ta’ tfittxija tal-bażi u bl-għoti tal-istess vantaġġi ta’ tfittxija tad-database stess, kif jirriżulta mill-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza. L-utent finali li jagħmel tfittxija tad-data, ma għandux iktar bżonn li jmur fuq is-sit tal-internet tad-database kkonċernata, la fuq il-paġna ewlenija tagħha, lanqas fuq il-formola ta’ tfittxija tagħha, biex jikkonsulta din il-bażi, ġaladarba jista’ jikkonsulta l-kontenut ta’ din tal-aħħar “fi żmien reali” permezz tas-sit tal-internet tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku.

41      L-imsemmija attività tal-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriskja li tneħħi lill-persuna li tkun għamlet id-database d-dħul, b’mod partikolari dak ibbażat fuq ir-reklamar fuq is-sit tal-internet tiegħu, u li ċċaħħad għaldaqstant lill-persuna li tkun għamlet id-database mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul minnha fil-kostruzzjoni u fit-tħaddim tad-database.

42      Fil-fatt, peress li l-utent finali ma għandux iktar bżonn li jgħaddi mill-paġna ewlenija u l-formola ta’ tfittxija tad-database, huwa possibbli li l-persuna li tkun għamlet din id-database tirċievi inqas dħul li ġej mir-reklami li jidhru fuq din il-paġna ewlenija jew fuq l-imsemmija formola ta’ tfittxija, b’mod partikolari sa fejn jidher iktar profittabbli għall-operaturi li jixtiequ jqiegħdu reklami pubbliċitarji online li jagħmlu dan fuq is-sit tal-internet tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku milli fuq waħda mid-databases koperti minn dan il-metamutur.

43      Barra minn hekk, fir-rigward tad-databases li jikkomprendu reklami, il-bejjiegħa jistgħu jibdew iqiegħdu r-reklami tagħhom f’bażi waħda biss, fid-dawl tal-possibbiltà li jsiru r-riċerki fl-istess ħin f’diversi databases bl-għajnuna tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku u tal-indikazzjoni tad-duplikati minn dan il-metamutur, b’tali mod li d-databases isiru inqas voluminużi u, għaldaqstant, inqas attraenti.

44      L-eżistenza tal-imsemmi riskju li t-tqegħid online fuq l-internet ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jċaħħad lill-persuna kkonċernata li tkun għamlet id-database minn dħul ma hijiex eskluża minħabba l-fatt li, għal finijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni kollha dwar riżultat misjub f’database, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, għall-informazzjoni kollha fuq karozza li tidher fuq reklam, jibqa’, fil-prinċipju, neċessarju li wieħed isegwi l-hyperlink lejn il-paġna oriġinali li fuqha nstab ir-riżultat.

45      Fil-fatt, minn naħa, l-informazzjoni ppreżentata mill-metamutur ta’ tfittxija speċifiku tippermetti lill-utent li jagħmel, sa ċertu punt, għażla bejn ir-riżultati misjuba u li jikkonstata li ma huwiex neċessarju għalih li jikseb iktar informazzjoni fuq riżultat partikolari. Min-naħa l-oħra, huwa possibbli li l-utent finali jaċċedi għal informazzjoni iktar iddettaljata fuq data misjuba mingħajr ma jkun segwit il-link lejn id-database kkonċernata, meta din id-data tidher f’diversi databases koperti mill-metamutur ta’ tfittxija speċifiku, ġaladarba dan tal-aħħar jirrivela tali duplikati billi jiġborhom flimkien.

46      Ċertament, il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 ma tkoprix l-atti ta’ konsultazzjoni ta’ database (ara s-sentenzi The British Horseracing Board et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, kif ukoll Directmedia Publishing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). Għaldaqstant, meta min jagħmel database jirrendi l-kontenut tagħha aċċessibbli għal terzi, anki jekk bi ħlas, id-dritt sui generis tiegħu ma jippermettilux jimpedixxi lil tali terzi milli jikkonsultaw din id-database għall-finijiet ta’ informazzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq The British Horseracing Board et, punt 55, kif ukoll Directmedia Publishing, punt 53).

47      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-attività tal-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix att ta’ konsultazzjoni tad-database kkonċernata. Fil-fatt, dan l-operatur ma huwa bl-ebda mod interessat fid-data li tidher fid-database, iżda huwa jipprovdi lill-utent finali aċċess partikolari għal din il-bażi u għad-data tagħha li jvarja mill-mezz previst mill-persuna li tkun għamlet l-imsemmija database, filwaqt li jippreżenta l-istess vantaġġi ta’ tfittxija. Min-naħa l-oħra, huwa l-utent finali li jressaq talba ta’ tfittxija fil-metamutur ta’ tfittxija speċifiku li jikkonsulta, permezz ta’ dan il-metamutur, id-database.

48      Barra minn hekk, l-attività rilevanti tal-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-tqegħid online fuq l-internet ta’ dan il-metamutur, tixbah il-manifattura ta’ prodott kompetitur parassitiku previst mill-premessa 42 tad-Direttiva 96/9, mingħajr, madankollu, ma tikkopja l-punti li jidhru fid-database kkonċernata. Fil-fatt, fid-dawl tal-possibbiltajiet ta’ tfittxija offruti, tali metamutur ta’ tfittxija speċifiku huwa simili għal database, mingħajr madankollu ma jkollu huwa stess data.

49      Huwa biżżejjed, għall-utent finali, li jmur fuq is-sit tal-internet tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku sabiex jaċċedi fl-istess ħin għall-kontenut tad-databases kollha koperti mis-servizz ta’ dan il-metamutur, tfittxija li ssir mill-imsemmi metamutur li jipprovdi l-istess lista ta’ riżultati bħal dik li kienet tista’ tinkiseb mit-tfittxijiet imwettqa separatament f’kull waħda minn dawn id-databases, li, madankollu, hija preżenti fuq is-sit tal-internet tal-metamutur ta’ tfittxija speċifiku. L-utent finali ma għandux iktar bżonn li jmur fuq is-sit tal-internet tad-database, ħlief jekk isib fost ir-riżultati murija reklam li tiegħu jixtieq ikun jaf id-dettalji. Madankollu, f’dan il-każ, huwa jiġi direttament iggwidat lejn l-istess reklam u, minħabba l-ġbir flimkien tad-duplikati, huwa bl-istess mod kompletament possibbli li jikkonsultah f’bażi oħra.

50      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tqegħid online fuq l-internet ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-operatur tiegħu li huwa maħsub sabiex l-utenti finali jintroduċu fih talbiet ta’ tfittxija sabiex dawn jiġu trasposti fil-mutur ta’ tfittxija ta’ database protetta jikkostitwixxi l-fatt li operatur “jagħmel disponibbli” l-kontenut ta’ din id-database fis-sens tal-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9.

51      Dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni huwa indirizzat lill-“pubbliku” ġaladarba tali metamutur ta’ tfittxija speċifiku jista’ jiġi użat minn kwalunkwe persuna u jirrigwarda numru indeterminat ta’ persuni, indipendentement mill-fatt li wieħed jkun jaf kemm-il persuna tuża fil-fatt l-imsemmi metamutur.

52      Konsegwentement, l-operatur ta’ metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwettaq użu mill-ġdid tal-kontenut ta’ database fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

53      Dan l-użu mill-ġdid jirrigwarda parti sostanzjali tal-kontenut tad-database kkonċernata, jew saħansitra kollu kemm hu, ġaladarba metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermetti li jiġi esplorat il-kontenut kollu ta’ din id-database, bħal talba ta’ tfittxija mressqa direttament fil-mutur ta’ tfittxija tal-imsemmija bażi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-numru ta’ riżultati effettivament misjuba u murija bit-talba ta’ tfittxija mressqa fil-metamutur ta’ tfittxija speċifiku huwa mingħajr importanza. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni Ewropea, il-fatt li, skont il-kriterji tat-tfittxija ddefiniti mill-utent finali, parti biss mid-database hija effettivament ikkonsultata u murija ma jbiddel xejn mill-fatt li d-database kollha hija disponibbli għal dan l-utent finali, kif indikat fil-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza.

54      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur li jqiegħed online fuq l-internet metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwettaq użu mill-ġdid tal-kontenut kollu, jew ta’ parti sostanzjali minnu, ta’ database protetta mill-Artikolu 7 sakemm dan il-metamutur ta’ tfittxija speċifiku:

–        jipprovdi lill-utent finali formola ta’ tfittxija li toffri, essenzjalment, l-istess karatteristiċi bħall-formola tad-database;

–        jittraduċi “fi żmien reali” t-talbiet tal-utenti finali fil-mutur ta’ tfittxija li bih hija mgħammra d-database, b’mod li d-data kollha ta’ din il-bażi tiġi esplorata; u

–        jippreżenta lill-utent finali r-riżultati misjuba fil-parti esterna tas-sit tal-internet tiegħu, bil-ġbir tad-duplikati f’element wieħed biss, iżda f’ordni bbażat fuq kriterji li huma paragunabbli għal dawk użati mill-mutur ta’ tfittxija tad-database kkonċernata biex jiġu ppreżentati r-riżultati.

 Fuq ir-raba’ sad-disa’ domanda

55      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ sad-disa’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases għandu jiġi interpretat fis-sens li operatur li jqiegħed online fuq l-internet metamutur ta’ tfittxija speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwettaq użu mill-ġdid tal-kontenut kollu, jew ta’ parti sostanzjali minnu, ta’ database protetta mill-Artikolu 7 sakemm dan il-metamutur ta’ tfittxija speċifiku:

–        jipprovdi lill-utent formola ta’ tfittxija li toffri, essenzjalment, l-istess karatteristiċi bħall-formola tad-database;

–        jittraduċi “fi żmien reali” t-talbiet tal-utenti finali fil-mutur ta’ tfittxija li bih hija mgħammra d-database, b’mod li d-data kollha ta’ din il-bażi tiġi esplorata; u

–        jippreżenta lill-utent finali r-riżultati misjuba fil-parti esterna tas-sit tal-internet tiegħu, bil-ġbir tad-duplikati f’element wieħed biss, iżda f’ordni bbażat fuq kriterji li huma paragunabbli għal dawk użati mill-mutur ta’ tfittxija tad-database kkonċernata biex jiġu ppreżentati r-riżultati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.